Kummissjoni Ewropea > NGE > Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura > Olanda

L-aħħar aġġornament: 06-03-2008
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Olanda

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Liema termini ta' żmien jgħoddu? 1.
2. Lista tal-bosta jiem elenkati bħala jiem mhux ta’ xogħol taħt ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971 2.
3. X’inhuma r-regoli applikabbli ġenerali dwar it-termini ta' żmien għall-bosta proċeduri ċivili? 3.
4. Minn meta jibda jiddekorri l-perjodu għal proċess formali? 4.
4.a) Il-punt ta’ bidu li fih jiddekorri t-terminu jista’ jiġi affettwat jew immodifikat mill-metodu tat-trażmissjoni jew in-notifika tad-dokumenti (notifika personali minn marixxall jew servizz postali)? 4.a)
5. Minn meta jibda jiddekorri dan il-perjodu? 5.
5.a) Meta dan it-terminu huwa espress f’jiem, il-perjodu jibda jiddekorri mid-data ta’ l-att, in-notifika jew l-okkorrenza? 5.a)
5.b) Meta terminu huwa espress f’jiem, in-numru ta’ jiem indikati jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol biss? 5.b)
5.c) Meta dan il-perjodu huwa espress f’xhur jew fi snin? 5.c)
5.d) Meta jiskadu dawn it-termini? 5.d)
6. Jekk il-perjodu jiskadi nhar ta’ Sibt, Ħadd jew festa pubblika rikonoxxuta, huwa estiż sa l-ewwel jum ta’ xogħol li jmiss? Din l-estensjoni tgħodd ukoll meta l-perjodu in kwistjoni għandu bħala punt ta’ bidu okkorrenza fil-ġejjieni? 6.
7. Meta t-talba titressaq f’ġuriżdizzjoni Olandiża, it-termini jiżdiedu għall-persuni li jgħixu fl-Antilles Olandiżi, l-Aruba jew barra mill-Olanda? 7.
8. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tas-7 domanda, meta t-talba titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Antilles Olandiżi u l-Aruba, it-termini jiġu estiżi għall-persuni li ma jirrisjedux hemm jew għal persuni li jgħixu/jirrisjedu f’pajjiż ieħor? 8.
9. Hemm termini ta' żmien għal appelli li huma speċifiċi għal xi kwistjonijiet ċivili? 9.
10. F’emerġenza jew għal kwalunkwe raġuni oħra, jistgħu l-qrati jqassru t-termini għad-dehra jew jistabbilixxu data partikolari għad-dehra? Min-naħa l-oħra, dawn il-perjodi jistgħu jiġu mtawla? 10.
11. Meta att intiż għal parti residenti f’post fejn hi tibbenefika minn estensjoni ta’ terminu huwa nnotifikat f’post fejn dawk li jirrisjedu hemm ma jibbenefikawx minn tali estensjoni, din il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ dan it-terminu? 11.
12. X’inhuma s-sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħarsien tat-termini? 12.
13. Jekk jiskadi t-terminu, x’rimedji hemm disponibbli għall-partijiet li jonqsu? 13.

 

1. Liema termini ta' żmien jgħoddu?

Ġeneralment, il-liġi tal-proċedura ċivili tirrikonoxxi lil dawn il-kategoriji ta' termini:

  1. Termini minimi biex titħarrek il-parti kontradittriċi u biex jitħarrku terzi u x-xhieda. It-terminu normali huwa ta' għall-inqas ġimgħa. Biex jiġu mħarrka l-partijiet interessati fi proċeduri b'rikors, bħala prinċipju jgħodd ukoll terminu ta' għall-inqas ġimgħa, kemm-il darba l-qorti ma tiddeċidix mod ieħor.
  2. Termini massimi biex jiġu mfittxija rimedji legali. Biex issir oġġezzjoni legali it-terminu normali applikat huwa ta' 4 ġimgħat. It-terminu ġenerali ta' 3 xhur jgħodd għall-appelli dwar punt ta' fatt u appelli dwar punt ta' liġi. Jgħodd ukoll terminu ta' 3 xhur għal tħassir ta' deċiżjoni.
  3. Termini għat-twettiq ta' atti proċedurali mill-partijiet u għad-deċiżjonijiet tal-qorti. Dawn ivarjaw b'mod ġenerali bejn ġimagħtejn u 6 ġimgħat. Tista' tingħata estensjoni mill-qorti taħt ċerti kondizzjonijiet sabiex jitwettqu l-atti proċedurali.
  4. Perjodi ta' limitazzjoni biex jitressqu azzjonijiet legali u għall-eżerċizzju tas-setgħa ta' l-eżekuzzjoni. It-terminu ġenerali ta' limitazzjoni huwa ta' 20 sena. F'ħafna każijiet, madankollu, jgħodd terminu iqsar ta' 5 snin. Il-ħlasijiet tal-penali perjodiċi għandhom preskrizzjoni qasira ta' 6 xhur wara d-data meta ġew inkorsi. Perjodu ta' limitazzjoni li huwa għaddej jista' jiġi sospiż jew interrott, u wara dan jista' jibda jiddekorri perjodu ġdid. Għalhekk, per eżempju, il-perjodu tal-preskrizzjoni tas-setgħa ta' l-eżekuzzjoni jista' jiġi sospiż bin-notifika tas-sentenza jew permezz ta' kwalunkwe att ta' eżekuzzjoni.

2. Lista tal-bosta jiem elenkati bħala jiem mhux ta’ xogħol taħt ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971

Minbarra s-Sibtijiet u l-Ħdud, l-Algemene Termijnenwet (l-Att Ġenerali dwar it-Termini) jispeċifika l-jiem li ġejjin bħala festi pubbliċi rikonoxxuti:

L-Ewwel tas-Sena

1 ta' Jannar

Il-Ġimgħa l-Kbira

Il-Ġimgħa qabel l-Għid

It-Tnejn ta' l-Għid

It-Tnejn wara Ħadd il-Għid

L-Axxensjoni

Il-Ħamis 40 jum wara l-Għid

It-Tnejn ta' wara Pentekoste

It-Tnejn ta' wara Pentekoste

Il-Milied u l-għada tal-Milied

25 u 26 ta' Diċembru

Jum ir-Reġina (ċelebrazzjoni ta' għeluq snin ir-Reġina)

30 ta'April

Jum il-Ħelsien

5 ta' Mejju

3. X’inhuma r-regoli applikabbli ġenerali dwar it-termini ta' żmien għall-bosta proċeduri ċivili?

It-termini msemmija f'1a. huma stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ta' l-Olanda, Ara l-Artikoli 114-119 u 276 (it-taħrika tal-partijiet u ta' terzi) u l-Artikoli 170 u 284 (it-taħrika tax-xhieda).

It-termini msemmija f'1b. jinsabu hemm ukoll. Ara l-Artikolu 143 (oġġezzjoni), l-Artikoli 339 u 358 (appell dwar punt ta' fatt), l-Artikoli 402 u 426 (appell dwar punt ta' liġi) u l-Artikoli 383 u 391 (tħassir).

It-termini msemmija f'1c. huma parzjalment stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, iżda huma żviluppati aktar fir-regoli dwar l-elenkar tal-qrati. Għalhekk, per eżempju, ir-regolamenti nazzjonali dwar il-kawża ċivili jispeċifikaw termini ta' 6 ġimgħat għat-twettiq ta' atti proċedurali mill-partijiet u l-għotja ta' sentenza, filwaqt li l-qrati tad-distrett bħala prinċipju jaħdmu bit-termini ta' 4 ġimgħat skond ir-regoli nazzjonali dwar il-listi tal-kawżi ċivili tas-settur tal-qorti tad-distrett.

Il-perjodi ta' limitazzjoni (1d.) huma stabbiliti fil-Kodiċi Ċivili (Artikolu 3:306-325 BW).

FuqFuq

Barra minn dan, il-perjodi ta' limitazzjoni statutarji huma soġġetti għar-regoli ta' l-Att dwar l-Estensjoni Ġenerali tat-Termini.

4. Minn meta jibda jiddekorri l-perjodu għal proċess formali?

Taħrika

Mhux applikabbli.

Rimedji legali

It-terminu biex titressaq oġġezzjoni (possibbli biss kontra sentenza mogħtija fil-kontumaċja) għandu tliet punti ta' bidu differenti:

  1. in-notifika lill-persuna li dwarha ngħatat is-sentenza, personalment
  2. b'mezz differenti ta' notifika: it-twettiq mill-persuna li dwarha ngħatat is-sentenza ta' att ta' rikonoxximent relatat mas-sentenza jew il-bidu ta' l-eżekuzzjoni
  3. f'każijiet oħrajn: it-tlestija ta' l-eżekuzzjoni tas-sentenza.

It-terminu biex isir appell dwar punt ta' fatt jew liġi kontra s-sentenzi jibda jiddekorri mid-data meta dawn jingħataw.

It-terminu biex isir appell dwar punt ta' fatt jew liġi kontra l-ordnijiet huwa kkalkolat għall-attur u għall-partijiet interessati li jidhru fil-proċedura mid-data li tingħata l-ordni, iżda għal partijiet interessati mid-data tan-notifika jew minn meta l-ordni ġiet mgħarrfa lilhom b'mezzi oħrajn.

It-terminu għar-rexxissjoni tas-sentenzi u l-ordnijiet jibda qabel ma seħħet ir-raġuni għat-tħassir u l-attur jew l-applikant sar konxju dwarha, iżda f'kull każ mhux qabel ma s-sentenza tkun saret finali, jiġifieri m'għadx tista' titreġġa' lura b'oġġezzjoni, appell dwar punt ta' fatt jew appell dwar punt ta' liġi.

L-ewwel jum tat-terminu huwa dejjem l-ewwel jum wara l-ġrajja operattiva.

FuqFuq

Atti proċedurali

It-termini fissi għat-twettiq ta' l-atti proċedurali b'mod ġenerali jiddekorru mil-lista tal-kawżi ta' qabel f'ġimgħat sħaħ. Per eżempju, wara s-smigħ ta' kawża fil-lista tal-kawżi nhar ta' Erbgħa, l-kawża terġa' tidher fuq il-lista nhar l-Erbgħa 4 ġimgħat wara.

Jekk il-każ mhuwiex inkluż fil-lista, per eżempju minħabba l-ġbir tal-provi, imbagħad il-qorti tispeċifika d-data li fiha l-każ jerġa' jitqiegħed fuq il-lista.

Il-perjodi ta' limitazzjoni

Il-bidu tal-perjodi ta' limitazzjoni għall-azzjonijiet legali jiddependi fuq it-tip ta' azzjoni. Għalhekk, per eżempju, azzjoni għat-twettiq ta' obbligu taħt kuntratt għall-merkanzija jew servizzi hija preskritta 5 snin mill-bidu tal-jum wara dak li fih l-azzjoni saret dovuta. Biex jittieħed eżempju ieħor, azzjoni bbażata fuq il-ħtija hija preskritta 5 snin mill-bidu tal-jum wara dak li fih jista' jintalab il-waqfien immedjat ta' l-imġieba dannuża.

Is-setgħa ta' l-infurzar hija bħala prinċipju preskritta 20 sena mill-bidu tal-jum wara dak meta ġiet pronunzjata s-sentenza.

L-ewwel jum tal-perjodu ta' limitazzjoni huwa ġeneralment l-ewwel jum wara l-okkorrenza operattiva.

4.a) Il-punt ta’ bidu li fih jiddekorri t-terminu jista’ jiġi affettwat jew immodifikat mill-metodu tat-trażmissjoni jew in-notifika tad-dokumenti (notifika personali minn marixxall jew servizz postali)?

Le. Iżda f'xi każijiet, il-mod kif parti ssir konxja dwar il-pronunzjament jaffettwa d-data tal-bidu biex jintalab rimedju legali. Ara 4. hawn fuq.

5. Minn meta jibda jiddekorri dan il-perjodu?

5.a) Meta dan it-terminu huwa espress f’jiem, il-perjodu jibda jiddekorri mid-data ta’ l-att, in-notifika jew l-okkorrenza?

Le. It-terminu jibda l-għada.

FuqFuq

5.b) Meta terminu huwa espress f’jiem, in-numru ta’ jiem indikati jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol biss?

Per eżempju, jekk persuna tirċievi dokument it-Tnejn 4 ta' April bir-rekwiżit ta' risposta fi żmien 14-il jum, dan ifisser li l-persuna għandha tirrispondi qabel:

It-Tnejn 18 ta' April (jiem tal-kalendarju) jew

qabel il-Ġimgħa 22 ta' April (jiem tax-xogħol)?

Il-Liġi Olandiża - kemm-il darba ma jiġix speċifikat mod ieħor - taħdem bil-jiem tal-kalendarju. L-Att dwar l-Estensjoni Ġenerali tat-Termini, madankollu, jipprovdi li terminu li jiskadi nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika rikonoxxuta huwa estiż sabiex jinkludi l-ewwel data sussegwenti li mhijiex nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika rikonoxxuta ġeneralment. Fl-eżempju, ir-risposta għandha tingħata qabel it-Tnejn 18 ta' April iżda t-terminu għalhekk jiġi estiż sabiex jinkludi t-Tnejn 18 ta' April.

Barra minn dan, terminu ta' għall-inqas 3 ijiem stabbilit bil-liġi jiġi estiż skond il-ħtieġa sabiex jinkludi għall-inqas jumejn li mhumiex nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika rikonoxxuta ġeneralment.

5.c) Meta dan il-perjodu huwa espress f’xhur jew fi snin?

Ix-xhur tal-kalendarju u s-snin tal-kalendarju jgħoddu hawn ukoll. Appell kontra sentenza mogħtija fis-26 ta' Frar għandu jiġi ppreżentat sa mhux aktar tard mis-26 ta' Mejju, sakemm dan mhuwiex nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika rikonoxxuta ġeneralment, f'liema każ it-terminu huwa estiż (ara 5b.). Appell minn sentenza mogħtija fil-31 ta' Marzu għandu jinbeda sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju, sakemm dan mhuwiex nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika rikonoxxuta ġeneralment, f'liema każ it-terminu huwa estiż.

FuqFuq

5.d) Meta jiskadu dawn it-termini?

Taħrikiet

Mhux applikabbli.

Rimedji legali

Fil-proċeduri bit-taħrika, ir-rimedji legali jinbdew bin-notifika tat-taħrika. Il-marixxall ma jistax - ħlief bil-permess tal-qorti fejn tinstema' t-taħrika - jinnotifika t-taħrika wara t-20:00. Għalhekk, fil-fatt, l-aħħar jum tal-perjodu jintemm fit-20:00.

NB: F'dawn il-proċeduri għandu jitqies il-fatt li, meta jiġi kkalkolat it-terminu, mhijiex biss id-data tat-taħrika iżda wkoll id-data li sa fiha tintalab il-konformità (l-ewwel data tal-lista tal-kawża) li mhijiex inkluża. Il-perjodu minimu għat-taħrika għalhekk għandu jiġi stabbilit bejn dawn iż-żewġ dati.

Fil-proċeduri b'rikors, il-proċeduri jinbdew bis-sottomissjoni ta' rikors lid-deputat tal-qorti. Dan jista' jsir jew bil-posta jew bil-konsenja fiżika matul il-ħinijiet tal-ftuħ u bil-faks sa l-24:00 fl-aħħar jum.

NB: Għall-appelli fil-każijiet tal-familja, jgħodd il-bidu tal-perjodu applikabbli huwa kemmxejn differenti minn dak għall-appelli fi proċeduri oħrajn b'rikors (ara 4. Rimedji legali). F'dawn il-każijiet, l-appelli jistgħu jinbdew mir-rikorrent u dawk li lilhom tiġi pprovduta jew mibgħuta kopja ta' l-ordni, fi żmien 3 xhur mid-data tal-pronunzjament u minn partijiet oħrajn interessati fi żmien 3 xhur min-notifiika jew minn meta ġew mgħarrfa bl-ordni b'mezzi oħrajn.

Atti proċedurali

Jekk kawża hija fuq il-lista tal-kawżi, jgħodd dan li ġej għas-sottomissjoni tad-dokumenti proċedurali. Fit-taqsima ċivili tal-qorti, id-dokumenti proċedurali huma sottomessi fil-qorti. Jekk ma hemm ebda seduta minħabba li l-kawża qed tiġi deċiża bi proċedura bil-miktub, id-dokumenti huma sottomessi lid-deputat tal-qorti fid-data tal-lista tal-kawżi jew qabel.

FuqFuq

Fis-settur tal-qorti tad-distrett dejjem hemm smigħ għaliex l-atti proċedurali jistgħu wkoll jitwettqu bil-fomm. Id-dokumenti proċedurali huma sottomessi fis-seduta jew qabel id-data tal-lista tal-kawżi lid-deputat tal-qorti.

Is-sottomissjoni lid-deputat ta' qorti tista' tkun bil-posta jew b'konsenja fiżika matul is-sigħat tal-ftuħ u bil-faks sal-24:00.

Il-Perjodi ta' limitazzjoni

Ara 4. Il-Perjodi ta' limitazzjoni. F'xi azzjonijiet legali, huwa importanti l-ħin li fih isir magħruf fatt partikolari. Per eżempju, azzjoni li tirriżulta minn ħlas mhux dovut hija preskritta ħames snin mill-bidu tal-jum wara dak li fih il-kreditur isir jaf kemm dwar l-eżistenza tal-pretensjoni kif ukoll dwar l-identità tar-reċipjent u fi kwalunkwe każ 20 sena wara li l-azzjoni saret dovuta.

6. Jekk il-perjodu jiskadi nhar ta’ Sibt, Ħadd jew festa pubblika rikonoxxuta, huwa estiż sa l-ewwel jum ta’ xogħol li jmiss? Din l-estensjoni tgħodd ukoll meta l-perjodu in kwistjoni għandu bħala punt ta’ bidu okkorrenza fil-ġejjieni?

Terminu li jintemm nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika rikonoxxuta ġeneralment huwa estiż sabiex jinkludi l-jum ta' wara li mhuwiex nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika rikonoxxuta ġeneralment. Iżda, skond l-Att dwar l-Estensjoni Ġenerali tat-Termini, dan ma jgħoddx għal termini speċifikati billi wieħed jgħodd lura minn data jew okkorrenza. Fi kliem ieħor, ir-regola tgħodd għal termini massimi u mhux għal termini minimi.

NB: Għal termini espressi bħala aktar minn 3 xhur jew sena jew aktar, l-estensjoni provduta fl-Att dwar l-Estensjoni Ġenerali tat-Termini ma tgħoddx.

FuqFuq

7. Meta t-talba titressaq f’ġuriżdizzjoni Olandiża, it-termini jiżdiedu għall-persuni li jgħixu fl-Antilles Olandiżi, l-Aruba jew barra mill-Olanda?

Termini ta' żmien differenti għal taħrikiet jgħoddu kif ġej.

Jekk il-konvenut fil-proċeduri b'taħrika għandu indirizz magħruf jew residenza attwali barra mill-Olanda fi Stat fejn jgħodd ir-Regolament tal-Kunsill ta' l-UE dwar in-notifiki tad-29 ta' Mejju 2000 (ĠU Nru L 160, 30.6.2000, p. 37) jew fi Stat fl-Ewropa li huwa parti għall-Konvenzjoni ta' l-1965 ta' The Hague dwar in-Notifiki (Serje tat-Trattati ta' l-Olanda 1966, 91), it-terminu għad-dehra huwa għall-inqas 4 ġimgħat.

Jekk il-konvenut m'għandu ebda indirizz magħruf jew residenza attwali magħrufa fl-Olanda jew f'wieħed mill-Istati msemmija hawn fuq, allura t-terminu għad-dehra huwa għall-inqas 3 xhur. Dan jgħodd ukoll għall-abitanti ta' l-Antilles Olandiżi u l-Aruba, li mhumiex membri ta' l-UE.

Għar-rimedju legali ta' l-oġġezzjoni, jgħodd terminu ta' 8 ġimgħat minflok it-terminu normali ta' 4 ġimgħat, jekk il-persuna aġġudikata fil-kontumaċja ma għandha ebda indirizz magħruf jew residenza attwali magħrufa fl-Olanda fid-data tal-bidu tat-terminu (ara 4. Rimedji legali) iżda jkun hemm għarfien ta' l-indirizz jew ir-residenza attwali tiegħu barra mill-Olanda.

Fil-proċeduri ta' l-applikazzjoni it-taħrikiet jinħarġu mid-deputat tal-qorti. Jinħarġu mill-aktar fis possibbli u għall-inqas ġimgħa qabel is-seduta, kemm-il darba l-qorti ma tiddeċidix mod ieħor. Fil-każijiet fejn l-applikant jew il-partijiet interessati jgħixu barra mill-pajjiż, il-qorti tkun tista') tqis dan meta tiddetermina t-terminu.

FuqFuq

8. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tas-7 domanda, meta t-talba titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Antilles Olandiżi u l-Aruba, it-termini jiġu estiżi għall-persuni li ma jirrisjedux hemm jew għal persuni li jgħixu/jirrisjedu f’pajjiż ieħor?

Skond il-Kodiċi ta' Proċedura għall-Antilles Olandiżi u l-Aruba rivedut, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Awissu 2005 (Gazzetta Uffiċjali Olandiża A 2005 Nru 59), l-attur iressaq l-azzjoni tiegħu billi jagħmel talba lill-qorti ta' l-ewwel istanza. Jekk l-attur ma jistax jikteb, jista' jippreżenta t-talba tiegħu oralment lill-qorti, li tiktibha jew tara li ssir bil-miktub. Id-deputat tal-qorti mbagħad jirreġistra l-każ fir-reġistru ġenerali. Il-qorti mill-ewwel tistabbilixxi data u ħin għas-seduta. Il-każ huwa pendenti minn din id-data ta' reġistrazzjoni. Il-qorti tistabbilixxi minnufih data u ħin għas-smigħ. Imbagħad l-konvenut huwa mħarrek permezz ta' taħrika tal-marixxall b'ordni tal-qorti. Ma hemm ebda terminu minimu stabbilit għat-taħrikiet. F'xi każijiet il-qorti tista' tqis il-fatt li l-konvenuti jgħixu barra.

Fil-proċeduri b'rikors, il-proċedura segwita hija aktar qrib dik ta' l-Olanda. It-taħrikiet jinħarġu mid-deputat tal-qorti. Jinħarġu mill-aktar fis possibbli u ta' l-inqas ġimagħtejn qabel is-seduta, kemm-il darba l-qorti ma tiddeċidix mod ieħor. Hawn ukoll, hija l-qorti li tiddeċiedi jekk tqisx il-fatt li r-rikorrenti u l-partijiet interessati jistgħu jkunu jgħixu barra mill-pajjiż.

9. Hemm termini ta' żmien għal appelli li huma speċifiċi għal xi kwistjonijiet ċivili?

Fil-proċeduri interlokutorji (il-proċedura mħaffa), jgħoddu termini iqsar mit-3 xhur tas-soltu għal appelli dwar punt ta’ fatt u appelli dwar punt ta’ liġi, jiġifieri 4 u 8 ġimgħat rispettivament.

FuqFuq

10. F’emerġenza jew għal kwalunkwe raġuni oħra, jistgħu l-qrati jqassru t-termini għad-dehra jew jistabbilixxu data partikolari għad-dehra? Min-naħa l-oħra, dawn il-perjodi jistgħu jiġu mtawla?

Taħrikiet

It-termini għad-dehra jistgħu jitqassru mill-qorti fuq talba ta' l-attur, bil-kondizzjonijiet mehmuża kif xieraq. Fil-proċeduri interlokutorji, it-taħrikiet jinħarġu biss wara l-imħallef tas-smigħ sommarju jkun iddeċieda dwar id-data u l-ħin tas-smigħ; dan jista' wkoll ikun nhar ta' Ħadd. Jekk ikun meħtieġ, taħrika tista' wkoll tinħareġ f'terminu qasir ħafna. Il-qorti tista' wkoll tispeċifika terminu iqsar għad-dehra fil-proċeduri b'rikors.

It-termini għad-dehra ma jistgħux jiġu estiżi mill-qorti. Iżda fil-proċeduri bir-rikors, il-qorti tista' tispeċifika terminu itwal għad-dehra (ara 7. u 8.).

Atti proċedurali

It-termini għat-twettiq ta' atti proċedurali mill-partijiet jistgħu jiġu estiżi mill-qorti jekk dan huwa mitlub konġuntament mill-partijiet. Fil-każ ta' talba unilaterali, estensjoni tingħata biss għal raġuni tajba jew jekk dan jintalab konġuntament mill-partijiet. Fil-każ ta' talba unilaterali, estensjoni tingħata biss għal raġuni tajba jew fil-każ ta' force majeure. Raġunijiet tajba huma, per eżempju, il-kumplessità fattwali jew legali tal-każ, deċiżonijiet mistennija minn proċeduri oħrajn rilevanti, u l-mard jew l-assenza tal-parti stess jew tar-rappreżentant legali tiegħu.

11. Meta att intiż għal parti residenti f’post fejn hi tibbenefika minn estensjoni ta’ terminu huwa nnotifikat f’post fejn dawk li jirrisjedu hemm ma jibbenefikawx minn tali estensjoni, din il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ dan it-terminu?

Jekk il-persuna mħarrka biex tidher bħala konvenut m’għandha ebda indirizz magħruf jew residenza attwali magħrufa fl-Olanda, it-termini estiżi għad-dehra għall-barranin (ara 7.) ma jgħoddux jekk it-taħrika tinħareġ fl-Olanda lill-konvenut personalment jew f'indirizz magħżul għall-każ in kwistjoni mill-konvenut. It-terminu mbagħad ikun ta’ l-inqas ġimgħa.

FuqFuq

12. X’inhuma s-sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħarsien tat-termini?

Taħrikiet

Jekk persuna tiġi mħarrka tidher bħala konvenut b'avviż ta' żmien qasir ħafna, it-taħrika hija invalida jekk il-konvenut ma jidhirx. Iżda, jekk il-konvenut jidher u jekk jirreferi għal dan id-difett, il-qorti tista' tordna rimedju għal dan bi spiża ta' l-attur. Jekk il-konvenut jidher u ma jirreferix għal dan id-differr, allura d-difett ikun rimedjat.

Jekk il-konvenut ma jidhirx fl-ewwel data tal-lista tal-kawżi, it-taħrika hija vverifikata għall-invalidità. Jekk it-taħrika hija tajba, is-sentenza mogħtija fil-kontumaċja tingħata kontra l-konvenut u l-azzjoni ġeneralment tiġi kkonfermata awtomatikament.

Ir-rimedji legali

Jekk jiskadi t-terminu biex jintalab rimedju legali, is-sanzjoni hija l-inammissibilità. Id-deċiżjoni ġudizzjarja sottostanti ssir res judicata.

L-atti proċedurali

Jekk il-proċeduri ma jinbdewx fit-terminu speċifikat għalihom, estensjoni tista' tingħata f'xi ċirkostanzi (ara 10.). Jekk ma tista' tingħata ebda estensjoni, id-dritt li jinbdew il-proċeduri jintilef.

Il-perjodi ta' limitazzjoni

Jekk il-parti interessata tkun ħalliet it-terminu għall-bidu tal-proċeduri legali jiskadi, id-dritt ta' l-azzjoni jkompli jeżisti bħala pretensjoni legali personali. Iżda ma tkunx tista' tiġi mfittxija fil-qorti. Ikun hemm biss “obbligazzjoni naturali” relatata.

13. Jekk jiskadi t-terminu, x’rimedji hemm disponibbli għall-partijiet li jonqsu?

Taħrikiet

FuqFuq

Konvenut li jonqos li jidher fl-ewwel data tal-lista tal-kawża jiġi bħala regola ġudikat fil-kontumaċja tiegħu. Sakemm is-sentenza ssir finali, il-konvenut xorta jista' jiġġustifika l-kontumaċja tiegħu billi jidher bħala parti fil-proċeduri. Wara li s-sentenza tkun saret finali, il-persuna ġudikata fil-kontumaċja tista' tressaq oġġezzjoni.

Fi proċeduri b'rikors ma teżistix il-kontumaċja, il-purgazzjoni tal-mora jew l-oġġezzjoni. Il-parti li naqset li tidher tista tappella.

Ir-rimedji legali

It-termini biex jiġu mfittxija r-rimedji legali huma applikati awtomatikament. Hawn il-qrati huma stretti ħafna fir-rigward taċ-ċertezza legali. Iżda l-Qorti Suprema introduċiet xi flessibbiltà fir-rigward ta' l-appelli fil-proċeduri b'rikors. L-avviż ta' l-appell għandu jkun fih l-aggravji ta' l-appell, iżda fil-każijiet fejn id-deċiżjoni tkun ingħatat iżda għadha ma ġietx notifikata u għalhekk l-appellant għad m'għandux ir-raġunament disponibbli, huwa permissibbli li jitressqu l-aggravji ta' l-appell aktar tard, f'avviż supplimentari ta' l-appell. Iżda, l-appell innifsu għandu jitressaq fit-terminu. Kien biss każ uniku ta' żball doppju tal-qorti meta t-terminu ġie estiż b'14-il jum wara n-notifika tad-deċiżjoni. F'dak il-każ il-persuna li ressqet l-appell ma kinitx taf u ma setgħetx tkun taf meta ngħatat id-deċiżjoni, minħabba żball mill-qorti (id-deputat), u d-deċiżjoni ġiet notifikata wara li kien skada t-terminu ta' l-appell minħabba żball ta' ħaddieħor.

Fil-proċeduri bit-taħrika, it-taħrika ta' l-appell m'għandux għalfejn ikollha l-aggravji ta' l-appell; dawn huma ppreżentati biss aktar tard fis-seduta.

L-atti proċedurali

Tista' tintalab estensjoni (ara 10.) f'xi ċirkostanzi għat-twettiq ta' atti proċedurali. Jekk ma tingħata ebda estensjoni, allura d-dritt li jitressqu l-proċeduri jintilef.

Il-perjodi ta' limitazzjoni

Ma hemm ebda rimedju fil-każ li t-termini ta' limitazzjoni jitħallew jiskadu, minbarra s-sospensjoni tal-perjodu (ara 1.d.).

« Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Informazzjoni Ġenerali | Olanda - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 06-03-2008

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit