Kummissjoni Ewropea > NGE > Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura > Italja

L-aħħar aġġornament: 10-10-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Italja

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. It-tipi differenti ta’ termini ta' żmien applikabbli taħt ir-regoli proċedurali differenti fi kwistjonijiet ċivili (per eżempju, termini ta’ żmien proċedurali, perjodi ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza, perjodi fissi minn qabel, eċċ.) 1.
2. Lista tal-jiem differenti indikati bħala jiem mhux ta’ xogħol skond ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971. 2.
3. X’inhuma r-regoli ġenerali applikabbli dwar it-termini taż-żmien fid-diversi proċeduri ċivili? Ikkwota r-riferenzi tal-leġiżlazzjoni applikabbli. 3.
4. Meta att jew formalità għandu jsir/għandha ssir fi żmien definit, x’inhu l-ħin tal-bidu – jiġifieri l-ewwel mument li minnu jiddekorri t-terminu ("terminus a quo") – ta’ dan l-att jew ta’ din il-formalità (eż., id-data ta’ l-att, tal-ġrajja, tad-deċiżjoni jew tad-[data tan-notifika u/jew l-intimazzjoni minn meta jibda)? 4.
4.a) Il-punt fejn jibda jiddekorri l-perjodu jista’ jiġi effettwat jew immodifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew notifika ta’ dokumenti (notifika minn marixxall jew servizz postali)? 4.a)
5. Minn meta jibda jiddekorri dan it-terminu: 5.
5.a) Meta dan il-perjodu huwa espress f’jiem, tgħodd id-data attwali ta’ l-att, tal-ġrajja, tad-deċiżjoni jew tad-[data ta’ notifika u/jew intimazzjoni li jibdieh]? 5.a)
5.b) Meta terminu huwa espress f’jiem, in-numru ta’ jiem indikati jinkludi jiem tal-kalendarju jew jiem ta’ xogħol biss? 5.b)
5.c) Meta perjodu bħal dan huwa espress f’jiem jew fi snin? 5.c)
5.d) Meta jiskadu dawn it-termini? 5.d)
6. Jekk il-perjodu jiskadi nhar ta’ Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux ta’ xogħol, dan jiġi estiż sa l-ewwel jum ta’ xogħol ta’ wara? Din l-estensjoni tgħodd ukoll meta l-perjodu in kwistjoni għandu bħala punt ta’ bidu okkorrenza fil-ġejjieni? 6.
7. Fejn it-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li tinsab fit-territorju prinċipali ta’ l-Istat Membru, it-termini jiżdiedu għal persuni li jgħixu/jirrisjedu f’waħda minn dawn l-entitajiet jew għal dawk li jgħixu/jirrisjedu barra mill-pajjiż? 7.
8. Konversament, meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li tinsab f’waħda minn dawn l-entitajiet distinti ġeografikament mit-territorju prinċipali, it-termini jiżdiedu għall-persuni li ma jgħixux/jirrisjedux f’dawn l-entitajiet jew għal persuni li jgħixu/jirrisjedu barra mill-pajjiż? 8.
9. Hemm termini ta' żmien li jgħoddu għall-appelli li huma speċifiċi għal xi kwistjonijiet ċivili? 9.
10. Jistgħu l-qrati, f’emerġenza jew għal kwalunkwe raġuni oħra, iqassru t-termini għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra? Bil-kuntrarju, jistgħu dawn il-perjodi jiġu estiżi? 10.
11. Meta att li huwa intenzjonat għal parti li hija residenti f’post fejn tibbenefika minn estensjoni ta’ terminu jiġi nnotifikat f’post fejn ir-residenti ma jibbenefikawx minn din l-estensjoni, din il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ dan it-terminu? 11.
12. X’inhuma s-sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-perjodi? 12.
13. Jekk jiskadi t-terminu, liema rimedji huma disponibbli għall-partijiet li naqsu? 13.

 

1. It-tipi differenti ta’ termini ta' żmien applikabbli taħt ir-regoli proċedurali differenti fi kwistjonijiet ċivili (per eżempju, termini ta’ żmien proċedurali, perjodi ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza, perjodi fissi minn qabel, eċċ.)

Terminu ta' żmien proċedurali huwa perjodu ta’ żmien li waqtu jew warajh għandu jew jista’ jittieħed ċertu pass proċedurali.

It-termini ta' żmien proċedurali huma stabbiliti bil-liġi (termini legali (termini legali)); jistgħu wkoll jiġu stabbiliti mill-qorti (li tista’ tipprovdi li jkunu termini ta’ dekadenza li jwassal sabiex id-drittijiet jiġu estinti jekk ma jiġux imħarsa) iżda biss fejn dan huwa provdut espressament mil-liġi (termini ġudizzjarji (termini giudiziari)).

It-termini ta' żmien proċedurali jistgħu jitqiegħdu f’waħda min tliet kategoriji tradizzjonali: termini dilatorji (eż., il-perjodu minimu qabel dehra f’qorti), it-termini perentorji (eż., għall-appelli jew għal sejħa ta’ parti fil-kawża),u termini ordinatorji (eż., biex tingħata sentenza).

It-termini dilatorji (termini dilatori) jikkonsistu f’perjodu ta’ żmien bejn att li huwa komplet fih innifsu (eż., ċitazzjoni) u ċertu effett legali (eż., il-possibbiltà ta’ dehra); huma jissospendu temporanjament l-effett ta’ att li huwa komplet fl-elementi essenzjali tiegħu.

It-termini perentorji (termini perentori) huma biss dawk li huma espressament dikjarati hekk mil-liġi jew mill-qorti fejn dan huwa provdut mil-liġi. In-natura perentorja ta’ terminu tista’ wkoll tiġi inferita mill-funzjoni li hija maħsuba biex titwettaq mit-terminu (il-Qorti Kostituzzjonali f’Corte Cost. ord. 107/2003).

FuqFuq

Il-kategorija tat-termini ordinatorji (termini ordinatori) hija kategorija residwali li tiġbor it-termini kollha li mhumiex termini dilatorji jew termini perentorji.

Id-distinzjoni hija importanti, mhux biss għaliex il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ħarsien huma differenti, iżda wkoll minħabba li t-termini perentorji ma jistgħux jiġu mqassra jew estiżi, ukoll bi ftehim tal-partijiet, filwaqt li t-termini ordinatorji jistgħu jiġu mqassra jew estiżi qabel ma jiskadu, wara applikazzjoni jew fuq inizjattiva tal-qorti, kif provdut mill-Artikoli 153 u 154 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. It-termini dilatorji wkoll jistgħu jiġu varjati (eżenzjoni, tqassir) fil-każijiet provduti mil-liġi; mhemmx qbil fil-letteratura legali fuq il-kwistjoni jekk l-Artikolu 154 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jgħoddx ġeneralment għat-termini dilatorji.

Dawn it-termini ta' żmien proċedurali għandhom jiġu distinti mill-perjodi ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza, li huma kwistjoni ta’ liġi sostantiva rregolata mill-Kodiċi Ċivili stess (l-Artikoli 2934-2963 u 2964-2969 rispettivament).

B’mod partikolari, il-preskrizzjoni (prescrizione) testingwi dritt fejn dan ma jkunx ġie eżerċitat mill-parti intitolata matul terminu statutorju.

Id-dekadenza (decadenza) testingwi d-dritt (normalment poter jew fakoltà) meta jiskadi t-terminu perentorju stabbilit mil-liġi jew mill-partijiet għat-twettiq ta’ xi atti; iċ-ċirkostanzi oġġettivi jew suġġettivi li wasslu għall-mogħdija ta’ żmien mingħajr azzjoni huma irrilevanti.

Il-preskrizzjoni mhijiex awtomatika, iżda għandha tkun sollevata minn parti, f’azzjoni miġjuba minn dik il-parti jew f’eċċezzjoni għal azzjoni miġjuba minn ħaddieħor. Talba jew eċċezzjoni minn parti hija meħtieġa għad-dekadenza wkoll, ħlief li fejn id-dritt huwa barra mid-diskrezzjoni tal-partijiet (drittijiet li ma jistgħux jiġu assenjati bħal drittijiet dwar l-istatus, drittijiet ta’ personalità, drittijiet tal-liġi tal-familja, eċċ.), il-qorti għandha ex officio tiddeċiedi li l-azzjoni hija inammissibbli.

FuqFuq

Is-sospensjoni. Skond il-Liġi 1969/742, it-termini li jiddekorru matul il-ferjat tas-sajf (l-1 ta’ Awissu sal-15 ta’ Settembru kull sena), jew li għandhom jibdew jiddekorru matul dan il-perjodu, huma sospiżi bil-liġi mill-1 ta’ Awissu sal-15 ta’ Settembru ta’ kull sena, u jibdew jiddekorru mill-ġdid jew jibdew jiddekorru mill-aħħar tal-perjodu ta’ sospensjoni. Il-liġi tipprovdi għal eċċezzjonijiet: is-sospensjoni ma tgħoddx għall-każijiet u l-proċeduri indikati fl-Artikolu 82 tar-Regoli Ġudizzjarji (ordinamento giudiziario; per eżempju bħal azzjonijiet għall-manteniment, azzjonijiet fir-rigward ta’ impjieg, ta’ benefiċċji statutorji u sigurtà soċjali, azzjonijiet kontra l-infurzar jew proċeduri interim).

Huma esklużi mill-ambitu tal-Liġi 1969/742 it-termini ta' żmien għall-eżerċizzju ta’ drittijiet sostantivi (eż., termini għar-rapportar ta’ difetti fil-prodotti mibjugħa).

Sorsi: L-Artikoli 152-155 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili; il-Liġi 1969/742.

2. Lista tal-jiem differenti indikati bħala jiem mhux ta’ xogħol skond ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Dawn li ġejjin jitqiesu bħala mhux jiem ta’ xogħol: il-Ħdud, l-1 ta’ Jannar, is-6 ta’ Jannar, il-25 ta’ April, it-Tnejn wara l-Għid, l-1 ta’ Mejju, it-2 ta’ Ġunju, il-15 ta’ Awwissu, l-1 ta’ Novembru, it-18 ta’ Diċembru, u l-25 u s-26 ta’ Diċembru.

Sorsi: il-Liġi 1949/260, emendata bil-Liġijiet 1954/90 u 1977/54, bl-Ordni Presidenzjali (DPR) 1985/793 u bil-Liġi 2000/336.

FuqFuq

3. X’inhuma r-regoli ġenerali applikabbli dwar it-termini taż-żmien fid-diversi proċeduri ċivili? Ikkwota r-riferenzi tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

Meta jiġu kkalkolati t-termini ta' żmien espressi f'jiem jew sigħat, l-ewwel jum jew siegħa jiġu esklużi, filwaqt li jitqies id-dies ad quem.

Biex jiġu kkalkolati t-termini ta' żmien espressi f'xhur jew fi snin, jintuża l-kalendarju komuni; għalhekk it-terminu jiskadi fl-aħħar mument tal-jum tax-xahar li jikkorrispondi għall-ewwel wieħed, jew fil-każ ta' termini fi snin l-aħħar mument tal-jum u s-sena ta' wara li jikkorrispondu għal dawk ta' l-ewwel, peress li mhuwiex importanti li x-xhur jista' jkollhom 31 jew 28 jum jew jekk il-kalkolu jinkludix Frar ta' sena biżestili.

Jekk it-terminu jiskadi f'festa pubblika, huwa estiż għall-ewwel jum wara li mhijiex festa pubblika (l-Artikolu 155 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili). Dan l-aħħar, il-qrati ddeċidew, kontra l-ġurisprudenza aktar antika, li tgħodd l-istess regola għat-termini ta' żmien proċedurali li jiddekorru retrogressivament; per eżempju, fil-każ ta' bejgħ bl-irkant iffissat għal nhar ta' Tnejn, jekk it-terminu ta' żmien għas-sottomissjoni ta' l-offerti huwa “il-jum ta' qabel il-bejgħ”, dan ikun jiskadi nhar is-Sibt ta' qabel (Il-Qorti tal-Kassazzjoni f'Cass.2003, no.19041).

Kultant il-liġi tindika terminu f'jiem liberi (giorni liberi, per eżempju t-termini biex wieħed jidher f'seduta skond l-Artikolu 163bis tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). F'dawn il-każijiet kemm id-dies a quo kif ukoll id-dies ad quem għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu.

FuqFuq

Il-passi proċedurali huma wkoll provduti f'liġijiet li jirregolaw kwistjonijiet speċifiċi, iżda r-regoli fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili għandhom applikazzjoni ġenerali f'kull każ.

Sorsi: l-Artikolu 155 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

4. Meta att jew formalità għandu jsir/għandha ssir fi żmien definit, x’inhu l-ħin tal-bidu – jiġifieri l-ewwel mument li minnu jiddekorri t-terminu ("terminus a quo") – ta’ dan l-att jew ta’ din il-formalità (eż., id-data ta’ l-att, tal-ġrajja, tad-deċiżjoni jew tad-[data tan-notifika u/jew l-intimazzjoni minn meta jibda)?

It-termini ta' żmien, ħlief fejn huma espressi bħala sigħat, jibdew jiddekorru mill-jum minn meta jitwettaq l-att li jagħti lok għalihom (eż., l-għoti ta' sentenza jew notifika ta' att jew ta' miżura).

Huwa irrilevanti f'liema mument tal-jum jiġi effettwat dan l-att, għaliex id-dies a quo qatt ma jitqies meta jiġi kkalkulat it-terminu.

Dan huwa prinċipju ġenerali ("dies a quo non computatur in termino”) li, fin-nuqqas ta' dispożizzjoni kuntrarja, jgħodd għal kwistjonijiet kemm proċedurali kif ukoll sostanzjali.

Ħafna drabi terminu ta' żmien jibda jgħodd mid-data tan-notifika ta' l-att jew mid-data tal-pubblikazzjoni ta' sentenza, iżda t-termini ta' żmien jistgħu wkoll jiddekorru minn okkorrenzi oħrajn.

Per eżempju:

  1. it-terminu (qasir) għall-appell jew għall-applikazzjoni għal reviżjoni taħt l-Artikolu 395(4) u (5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jibda jiddekorri min-notifika tas-sentenza;
  2. it-terminu għad-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni jew it-terminu għall-kontestazzjoni ta' ordnijiet li jagħmel imħallef in camera jibda jiddekorri mill-komunika tas-sentenza jew miżura oħra;
  3. it-terminu ġenerali għal-limitazzjoni ta' l-appelli taħt l-Artikolu 327 tal-Kodiċi jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza;
  4. it-terminu għar-reviżjoni taħt l-Artikolu 395(1)(2)(3) tal-kodiċi jibda jiddekorri mill-jum meta tiġi skoperta l-frodi jew il-falsità jew meta jinkiseb id-dokument.
4.a) Il-punt fejn jibda jiddekorri l-perjodu jista’ jiġi effettwat jew immodifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew notifika ta’ dokumenti (notifika minn marixxall jew servizz postali)?

Tqum il-kwistjoni b'riferenza għat-termini li jibdew jiddekorru mid-data tan-notifika jew in-notifika tal-proċeduri (bħal, per eżempju, it-termini għall-appell kontra sentenza).

FuqFuq

Għall-iskopijiet ta' appell fit-terminu qasir stabbilit fl-Artikolu 325 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (30 jum għall-ewwel appell, 60 jum għal appell dwar punt ta' liġi quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni) dak li jgħodd huwa l-mument meta l-persuna indirizzata tirċievi kopja tas-sentenza, sabiex il-mument meta jibda jiddekorri t-terminu tassew jista' jvarja skond il-metodu tan-notifika, għaliex il-metodu tal-posta jista' jimplika żminijiet ta' notifika itwal minn dawk ta' konsenja mill-marixxall tal-qorti.

Iżda l-kwistjoni hija waħda ta' konvenjenza prattika biss, fis-sens li l-ħtieġa ta' azzjoni mgħaġġla tista' tiddetta l-użu ta' marixxall tal-qorti, ladarba f'kull każ it-terminu għall-appell jibda jiddekorri mill-ħin tat-tmiem tal-proċedura tan-notifika, u għalhekk minn meta l-persuna indirizzata tirċievi d-dokument.

Il-Qorti tal-Kassazzjoni qieset kwistjoni ta' natura differenti li, wara sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali dwar in-notifika bil-posta (is-sentenzi Nru 477 ta' l-2002 u Nru 28 ta' l-2004), affermat il-prinċipju li notifika ta' dokument tal-qorti titqies kompleta sa fejn jirrigwarda lill-parti li qed tinnotifika d-dokument fil-mument li d-dokument jingħata lill-marixxall tal-qorti, ikun x'ikun il-metodu tat-trażmissjoni wara (bil-posta jew b'konsenja mill-marixxall), filwaqt li fir-rigward tal-persuna indirizzata, il-proċedura tan-notifika hija kompleta fid-data meta tirċievi d-dokument (sentenzi tal-Qorti tal-Kassazzjoni Nri 4289 u 13970 ta' l-2004).

Il-mument li l-persuna li tixtieq li d-dokument jiġi notifikat tista' tingħad li lestiet in-notifika huwa hawn isseparat mill-mument meta n-notifika hija kompleta fir-rigward tal-persuna indirizzata, prinċipju li diġà huwa aċċettat mir-Regolament tal-Kummissjoni 1348/2000. Il-prinċipju huwa kkonċernat biss bin-notifika tad-dokument f'waqtha, għaliex it-terminu legali għandu jitqies li ġie osservat mill-persuna li qed tinnotifika jekk id-dokument li għandu jiġi nnotifikat jingħata lill-marixxall tal-qorti qabel ma jiskadi t-terminu; ma jaffettwax il-bidu jew id-dies a quo tat-terminu - il-punt li għalih issir riferenza fil-kwestjonarju - li huwa l-mument tan-notifika jew tal-komunika ta' dokument, il-pubblikazzjoni ta' sentenza, jew waħda minn bosta okkorrenzi spjegati f'aktar dettall hawn fuq (ara l-punt 4).

FuqFuq

Per eżempju, appell minn sentenza fl-ewwel istanza mhuwiex preskritt bit-terminu ta' 30 jum min-notifika tas-sentenza jekk ir-rikors ta' l-appell jingħata lill-marixxall tal-qorti f'dak iż-żmien, ukoll jekk attwalment jiġi konsenjat lill-persuna indirizzata wara li jiskadi t-terminu. Sa fejn hija kkonċernata l-persuna indirizzata il-proċedura tan-notifika titqies li hija sħiħa biss meta tirċievi id-dokument.

5. Minn meta jibda jiddekorri dan it-terminu:

5.a) Meta dan il-perjodu huwa espress f’jiem, tgħodd id-data attwali ta’ l-att, tal-ġrajja, tad-deċiżjoni jew tad-[data ta’ notifika u/jew intimazzjoni li jibdieh]?

Jekk it-terminu huwa espress f’jiem, il-jum tal-bidu jew id-dies a quo mhuwiex inkluż fil-kalkolu.

5.b) Meta terminu huwa espress f’jiem, in-numru ta’ jiem indikati jinkludi jiem tal-kalendarju jew jiem ta’ xogħol biss?

Jekk it-terminu huwa espress f’jiem, l-għadd ta’ jiem jirreferi għal jiem tal-kalendarju, inklużi festi pubbliċi (id-dies a quo jista’ wkoll ikun festa pubblika).

5.c) Meta perjodu bħal dan huwa espress f’jiem jew fi snin?

It-termini espressi fi snin jew xhur huma kkalkolati skond il-kalendarju komuni. Ma jirreferux għall-għadd ta’ jiem li jgħaddu: it-terminu jiskadi fil-jum li għandu l-istess numru bħad-dies a quo. Terminu ta’ sena għall-appell minn sentenza mogħtija fit-30 ta’ Ġunju f’tilwima ta’ xogħol, li għaliha ma tgħoddx is-sospensjoni għall-ferjat tas-sajf, jiskadi fit-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara; iżda fil-każ fejn tgħodd is-sospensjoni għall-ferjat tas-sajf provdut fil-Liġi 1969/742, terminu ta’ sena kkalkolat kif deskritt għandu jiġi estiż bis-46 jum ta’ sospensjoni (l-1 ta’ Awissu – il-15 ta’ Settembru).

FuqFuq

5.d) Meta jiskadu dawn it-termini?

It-termini proċedurali jiskadu fl-aħħar mument tal-jum, xahar jew sena indikati.

6. Jekk il-perjodu jiskadi nhar ta’ Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux ta’ xogħol, dan jiġi estiż sa l-ewwel jum ta’ xogħol ta’ wara? Din l-estensjoni tgħodd ukoll meta l-perjodu in kwistjoni għandu bħala punt ta’ bidu okkorrenza fil-ġejjieni?

  • Is-Sibt jitqies bħala jum ta' xogħol u mhux festa pubblika. Għal-lista ta' festi pubbliċi, ara r-risposta għall-mistoqsija 2.
  • Fejn terminu jiskadi f'festa pubblika, jiġi estiż sa l-ewwel jum ta' wara li mhuwiex festa pubblika; dan jgħodd ukoll fejn it-terminu għandu jgħodd minn okkorrenza fil-ġejjieni.

7. Fejn it-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li tinsab fit-territorju prinċipali ta’ l-Istat Membru, it-termini jiżdiedu għal persuni li jgħixu/jirrisjedu f’waħda minn dawn l-entitajiet jew għal dawk li jgħixu/jirrisjedu barra mill-pajjiż?

Il-mistoqsija mhijiex rilevanti għall-Italja.

8. Konversament, meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li tinsab f’waħda minn dawn l-entitajiet distinti ġeografikament mit-territorju prinċipali, it-termini jiżdiedu għall-persuni li ma jgħixux/jirrisjedux f’dawn l-entitajiet jew għal persuni li jgħixu/jirrisjedu barra mill-pajjiż?

Il-mistoqsija mhijiex rilevanti għall-Italja.

9. Hemm termini ta' żmien li jgħoddu għall-appelli li huma speċifiċi għal xi kwistjonijiet ċivili?

Jekk ir-risposta hija limitata għall-istrument ta’ l-appell innifsu, hemm termini speċifiċi provduti fil-każijiet dwar il-falliment.

FuqFuq

Għal sentenzi mogħtija fi proċeduri li jiċħdu dikjarazzjoni ta’ falliment, it-terminu għall-appell huwa qasir, ta’ 15-il jum min-notifika tas-sentenza (l-Artikolu 19 tad-Digriet Reali (regio decreto) Nru 267 ta’ l-1942).

Il-proċeduri tal-falliment dan l-aħħar ġew irriformati b’mod radikali mid-Digriet Leġiżlattiv (decreto legislativo) Nru 5 tad-9 ta’ Jannar 2006 (ippubblikat fil-Gazzetta Ufficiale Nru 12 tas-16 ta’ Jannar 2006), lli għandu jidħol fis-seħħ fis-16 ta’ Lulju 2006. Skond l-Artikolu 18 tad-Digriet, it-terminu biex jitressaq appell minn sentenza li tiddikjara falliment ikun it-30 jum normali, li sa fejn huwa kkonċernat id-debitur jibda’ jiddekorri mill-jum tan-notifika tas-sentenza.

Hemm provduti termini speċifiċi wkoll fi proċeduri speċjali ta’ l-adozzjoni, biex jiġu kkontestati s-sentenzi dwar l-adottabilità tal-minorenni (il-Liġi 1983/184); appelli ordinarji u l-appelli dwar punti ta’ liġi lill-Qorti tal-Kassazzjoni għandhom it-tnejn jiġu ppreżentati fi żmien 30 jum, li jibda jiddekorri min-notifika tas-sentenza effettwata mill-uffiċċju tad-deputat tal-qorti.

10. Jistgħu l-qrati, f’emerġenza jew għal kwalunkwe raġuni oħra, iqassru t-termini għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra? Bil-kuntrarju, jistgħu dawn il-perjodi jiġu estiżi?

L-attur huwa liberu li jagħżel il-jum tad-dehra, iżda bejn id-data tan-notifika u d-data ta’ l-ewwel dehra għandu jkun hemm terminu minimu ta’ jiem sħaħ, li jammonta għal 60 jum jekk il-post tan-notifika huwa fl-Italja u 120 jum jekk huwa barra. Iżda, jekk hemm raġunijiet speċjali ta’ urġenza, il-president tal-qorti jista’ jqassar dawn it-termini sa nofshom, fuq talba ta’ l-attur, permezz ta’ digriet motivat miktub fil-qiegħ ta’ l-oriġinali tat-taħrika u traskritt fuq il-kopji.

FuqFuq

Jekk id-data stabbilita mill-attur teċċedi l-minimu legali, il-konvenut jista’ jidher qabel ma jiskadi t-terminu minimu biex jitlob lill-president tal-qorti jressaq l-ewwel seduta ’l quddiem, għalkemm mhux għal data qabel l-aħħar tat-terminu minimu; il-president jista’ jagħmel ordni f’dak is-sens, li għandha tiġi kkomunikata lill-attur għall-inqas ħamest ijiem liberi qabel id-data l-ġdida għad-dehra. Jgħoddu l-istess regoli għall-appelli.

Fi żmien ħamest ijiem mis-sottomissjoni tal-fajl dwar il-każ l-imħallef appuntat li qed jeżamina l-każ, fuq inizjattiva tiegħu/tagħha stess, jista’ jipposponi/tista’ tipposponi d-data ta’ l-ewwel seduta sa massimu ta’ 45 jum, permezz ta’ ordni kkomunikat lill-partijiet fil-kawża (l-Artikolu 168bis(5) tal-Kodiċi dwar il-Proċedura Ċivili). Dik id-data l-ġdida hija mbagħad id-data ta’ riferenza biex jiġu kkalkolati t-termini għad-dehra u għal kwalunkwe kontrotalba min-naħa tal-konvenut (sentenza f’Cass. 2003, n. 26526).

11. Meta att li huwa intenzjonat għal parti li hija residenti f’post fejn tibbenefika minn estensjoni ta’ terminu jiġi nnotifikat f’post fejn ir-residenti ma jibbenefikawx minn din l-estensjoni, din il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ dan it-terminu?

Din il-mistoqsija ma tidhirx rilevanti għall-Italja. Każ li jidher xi ftit differenti huwa dak ta’ l-estensjoni tat-termini proċedurali minħabba n-nuqqas ta’ operat jew operat irregolari ta' xi uffiċċji tal-qrati (skond il-Liġi Nru 437 ta’ l-1948): konvenut imħarrek biex jidher quddiem wieħed minn dawn l-uffiċċji jikkwalifika għal din l-estensjoni irrispettivament mill-post tan-notifika tad-dokument.

FuqFuq

12. X’inhuma s-sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-perjodi?

Nuqqas li jiġi osservat terminu perentorju jtemm is-setgħa li jitwettaq l-att rilevanti, jew b’mod aktar ġenerali jestingwi dritt jew fakoltà. L-estinzjoni hija awtomatika, u tiġi ddikjarata mill-qorti minn jeddha; bħala regola l-konsegwenzi huma irriversibbli, minħabba li l-ħelsien mill-effetti ta’ l-iskadenza taż-żmien (rimessione in termini) mhuwiex disponibbli b’mod ġenerali iżda biss fl-istanzi provduti mil-liġi.

Nuqqas li jiġi osservat terminu ordinatorju, skond il-ġurisprudenza l-aktar riċenti tal-Qorti tal-Kassazzjoni (Cass. 2003 n. 6895), għandu l-istess effett negatorju bħall-iskadenza ta’ terminu perentorju, u jipprevjeni l-għotja ta’ terminu ġdid għat-twettiq ta’ l-istess att. L-opinjoni predominanti fost l-awturi legali hija li l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ħarsien ta’ terminu ordinatorju huma ddeterminati f’kull każ għalih mil-liġi, ġeneralment bi preġudizzju għall-parti li naqset li tħares it-terminu, kultant billi jipprevjeni t-twettiq validu ta’ xi att.

In-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu dilatorju jrendi null u mingħajr effett l-att tal-bidu (eż., fejn taħrika tistabbilixxi d-data għad-dehra aktar kmieni mill-minimu legali, kemm-il darba l-konvenut ma jidhirx mingħajr ma jagħmel oġġezzjoni) jew l-att sussegwenti (eż., skond l-Artikolu 477 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, fejn titolu eżekuttiv (titolo esecutivo) huwa inforzabbli kontra persuna mejta, inġunzjoni għall-konformità (precetto) ma tistax tiġi nnotifikata lill-eredi qabel ma jkunu għaddew l-10 ijiem min-notifika tat-titolu eżekuttiv stess, u n-nuqqas ta’ ħarsien tat-terminu huwa bażi għall-kontestazzjoni ta’ l-infurzar).

FuqFuq

13. Jekk jiskadi t-terminu, liema rimedji huma disponibbli għall-partijiet li naqsu?

Dawn ir-rimedji li ġejjin huma disponibbli għall-partijiet li naqsu:

  • Il-partijiet li naqsu jistgħu jitolbu lill-imħallef li qed jeżamina l-kawża li jiġu permessi jwettqu att li mod ieħor ma jkunux jistgħu jwettqu jekk jistgħu juru li n-nullità tat-taħrika jew tan-notifika tat-taħrika ppreveniethom milli jkunu mgħarrfa dwar il-proċeduri jew li ma setgħux jidhru għal raġunijiet mhux fil-kontroll tagħhom (l-Artikolu 294 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Jekk l-imħallef isib li l-fatti kif spjegati huma prima facie veri, huwa jew hija jista' jaċċetta/tista' taċċetta li ntwera l-impediment u jagħti/tagħti ħelsien mill-effetti ta' l-iskadenza taż-żmien.
  • Il-partijiet li naqsu u li kontrihom ingħatat sentenza, jistgħu jappellaw mis-sentenza ukoll wara t-terminu stabbilit fl-Artikolu 327 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (sena + 46 jum għall-ferjat tas-sajf) jekk jistgħu juru li ma kellhom ebda għarfien dwar il-proċeduri minħabba n-nullità tat-taħrika jew tan-notifika tat-taħrika.

Il-partijiet li dehru li juru li tilfu l-possibbiltà li jieħdu passi għad-difiża tagħhom għal raġunijiet mhux fil-kontroll tagħhom jistgħu jitolbu lill-imħallef biex jeħlishom mill-effetti ta' l-iskadenza tat-terminu taħt l-Artikolu 184bis tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Dan jista' jsir biss fl-istadju ta' l-eżaminazzjoni preliminarja tal-proċeduri fl-ewwel istanza. Fil-proċeduri ta' l-appell, il-ħelsien mill-effetti ta' l-iskadenza ta' terminu jista' jingħata biss sabiex parti tiġi permessa tippreżenta provi ġodda u dan biss jekk jintwera li l-parti ma setgħetx tipprovdihom fil-proċeduri ta' l-ewwel istanza għal raġunijiet mhux fil-kontroll tal-parti (l-Artikolu 345 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

« Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Informazzjoni Ġenerali | Italja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 10-10-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit