Kummissjoni Ewropea > NGE > Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura > Greċja

L-aħħar aġġornament: 31-10-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Greċja

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Diversi tipi ta’ termini applikabbli skond id-diversi regoli proċedurali fi kwistjonijiet ċivili 1.
2. Lista tad-diversi jiem previsti bħala jiem mhux tax-xogħol skond ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971 2.
3. X’inhuma r-regoli ġenerali applikabbli dwar il-limiti taż-żmien għad-diversi proċeduri ċivili? 3.
4. Meta att irid jitwettaq jew formalità trid titwettaq f’perjodu partikolari, x’inhuwa ż-żmien tat-tluq – jiġifieri, il-waqt inizjali minn meta jibda għaddej il-perjodu (“terminus a quo”) – ta’ dan l-att jew ta’ din il-formalità? 4.
4.a) Il-punt ta’ tluq li minnu jibda għaddej il-perjodu jista’ jiġi affetwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (in-notifika personali minn marixxall jew permezz tas-servizz postali)? 4.a)
5. Minn meta jibda għaddej dan il-perjodu: 5.
5.a) Meta perjodu bħal dan jiġi espress f’jiem, tgħodd id-data effettiva ta’ l-att, ta’ l-avveniment, tad-deċiżjoni jew tad-data tan-notifika u/jew ta’ l-intimazzjoni li tibdih? 5.a)
5.b) Meta terminu jiġi espress f’jiem, in-numru indikat ta’ jiem jinkludi jiem kalendarji jew biss jiem tax-xogħol? 5.b)
5.c) Meta perjodu bħal dan jiġi espress f’xhur jew fi snin? 5.c)
5.d) Meta jiskadu termini bħal dawn? 5.d)
6. Jekk il-perjodu jiskadi s-Sibt, il-Ħadd jew dakinhar ta’ btala pubblika jew f’jum mhux tax-xogħol, jiġi estiż sa l-ewwel jum tax-xogħol segwenti? Din l-estensjoni tkun applikabbli anki meta l-perjodu in kwistjoni jkollu bħala punt ta’ tluq avveniment futur? 6.
7. Meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li għandha s-sede tagħha fit-territorju kontinentali ta’ l-Istat Membru (għal dawk li jinkludu entitajiet indipendenti mill-metropoli jew għandhom entitajiet ġeografikament separati1), it-termini jiġi miżjuda għall-persuni li jgħixu/joqogħdu f’waħda minn dawn l-entitajiet jew għal dawk li jgħixu/joqogħdu barra mill-pajjiż? Jekk it-tweġiba hija iva, għal kemm żmien? 7.
8. Bil-kontra, meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li għandha s-sede tagħha f’waħda minn dawn l-entitajiet ġeografikament distinti mill-kontinent, it-termini jiġi miżjuda għal persuni li ma jgħixux/joqogħdux f’dawn l-entitajiet jew għal persuni li jgħixu/joqogħdu barra mill-pajjiż? 8.
9. Hemm termini għal appelli speċifiċi għal ċerti kwistjonijiet ċivili? 9.
10. F’emerġenza jew għal kwalunkwe kawża oħra, il-qrati jistgħu jqassru l-limiti taż-żmien biex persuna tidher quddiem il-qorti jew jiffissaw data speċjali għal dan? Bil-kontra, tali limiti jistgħu jiġu estiżi? 10.
11. Meta att maħsub għal parti residenti f’post fejn għandha tibbenefika minn estensjoni ta’ limitu taż-żmien jiġi notifikat f’post fejn dawk li joqogħdu hemmhekk ma jibbenefikawx minn tali estensjoni, din il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ tali terminu? 11.
12. X’inhuma s-sanzjonijiet f’każ li l-perjodi ma jiġux osservati? 12.
13. Jekk it-terminu jiskadi, x’rimedji huma disponibbli għall-partijiet f’kontumaċja? 13.

 

1. Diversi tipi ta’ termini applikabbli skond id-diversi regoli proċedurali fi kwistjonijiet ċivili

It-termini huma d-dati finali li jridu jiġu rispettati meta jitwettaq att jew meta jiġi riċevut sabiex il-każ ikun jista' jinstema' jew l-att jitwettaq. L-għan tal-promulgazzjoni tat-termini huwa li tiġi aċċelerata l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u jiġi salvagwardjat id-dritt għal smigħ. It-termini proċedurali huma termini li għandhom konsegwenzi proċedurali meta jkun hemm adeżjoni magħhom jew meta ma jiġux rispettati. Hemm żewġ tipi prinċipali ta' termini: 1) termini għal AZZJONI huma termini li jridu jiġu rispettati meta jitwettaq att proċedurali, bħat-terminu statutarju biex isir appell (ara l-Artikolu 318(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili) u 2) termini PREPARATORJI huma termini fejn l-att proċedurali jitwettaq wara li dawn ikunu għaddew. Dawn it-termini, bħat-terminu sabiex jissejjaħ il-konvenut (l-Artikolu 228 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili), ġeneralment ikunu għall-benefiċċju tal-konvenut għaliex jagħtuh iż-żmien biex jipprepara. Din id-distinzjoni hija importanti peress li t-termini għal azzjoni jistgħu jiġu estiżi bi ftehim bejn il-partijiet, filwaqt li t-termini preparatorji ma jistgħux jiġu estiżi. It-termini għal azzjoni li jaħbtu dakinhar ta' btala pubblika jiskadu l-jum tax-xogħol segwenti, filwaqt li t-termini preparatorji jiskadu fid-data ta' skadenza tagħhom, irrispettivament minn jekk tkunx jum tax-xogħol jew btala pubblika. Dawn li ġejjin huma wħud mit-termini proċedurali l-aktar importanti fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili:

  1. It-terminu biex jissejħu l-partijiet ladarba jkunu nbdew il-proċeduri: sittin (60) jum qabel is-smigħ, sakemm il-parti ma tgħix barra mill-pajjiż jew mhux magħruf fejn tgħix, f'liema każ it-terminu jkun ta' disgħin (90) jum qabel is-smigħ (ara l-Artikolu 228 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).
  2. It-terminu għal applikazzjoni sabiex tiġi revokata sentenza fil-kontumaċja: ħmistax-il jum (15) qabel ma tkun notifikata s-sentenza lill-partijiet iġġudikati in absentia li jgħixu fil-Greċja. Jekk il-parti ġġudikata in absentia tgħix barra mill-pajjiż jew mhux magħruf fejn tgħix, it-terminu jkun ta' sittin (60) jum qabel ma tiġi notifikata s-sentenza (ara l-Artikolu 503 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).
  3. It-terminu għal appell: tletin (30) jum minn meta tiġi notifikata s-sentenza finali jekk l-appellant jgħix fil-Greċja. Jekk l-appellant jgħix barra mill-pajjiż jew mhux magħruf fejn jgħix, it-terminu jkun ta' sittin (60) jum minn meta tiġi notifikata s-sentenza finali. Jekk is-sentenza finali ma tiġix notifikata, it-terminu għal appell tkun ta' tliet (3) snin mill-pubblikazzjoni tas-sentenza (ara l-Artikolu 518 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).
  4. It-terminu għal smigħ mill-ġdid: sittin (60) jum jekk l-applikant jgħix fil-Greċja. Jekk l-applikant jgħix barra mill-pajjiż jew mhux magħruf fejn jgħix, it-terminu jkunu ta' mija u għoxrin (120) jum (ara l-Artikolu 545 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).
  5. It-terminu għal appell fil-kassazzjoni: tletin (30) jum minn meta tkun notifikata s-sentenza jekk l-appellant jgħix fil-Greċja. Jekk l-appellant jgħix barra mill-pajjiż jew mhux magħruf fejn jgħix, it-terminu jkun ta' disgħin (90) jum minn meta tkun notifikata s-sentenza. Jekk is-sentenza finali ma tkunx notifikata, it-terminu għal appell fil-kassazzjoni tkun ta' tliet (3) snin mill-pubblikazzjoni tas-sentenza (ara l-Artikolu 564 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

It-termini proċedurali ġew stabbliti fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivli u fi proċeduri oħra bħal dawk relatati mad-differenzi bejn il-miżżewġin (divorzju, annullament, eċċ.), avviżi ta' falliment, applikazzjonijiet biex jiġu revokati l-avviżi ta' falliment fil-kontumaċja (ara l-Artikolu 632 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili), tilwim dwar salarji, tilwim rigward ix-xogħol, inġunzjonijiet, infurzar u applikazzjonijiet sabiex jiġi revokat l-infurzar fil-kontumaċja.

FuqFuq

2. Lista tad-diversi jiem previsti bħala jiem mhux tax-xogħol skond ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971

Il-jiem mhux tax-xogħol fil-Ġreċja ġew elenkati fil-liġi 1157/1981, għalkemm il-lista mhix eżawrjenti. Ġeneralment, il-kriterju għal jum mhux tax-xogħol huwa li ma tiġi affetwata l-ebda tranżazzjoni u, għalhekk, il-jiem mhux tax-xogħol għal professjonijiet jew għal servizzi speċifiċi huma immaterjali. Jistgħu jkunu btajjel nazzjonali, reliġjużi jew btajjel oħra, inklużi btajjel lokali jew temporanji. Għas-servizzi governattivi l-btajjel pubbliċi huma jiem mhux tax-xogħol. Dawn li ġejjin jikkwalifikaw bħala btajjel pubbliċi: il-25 ta’ Marzu (btala pubblika), it-28 ta’ Ottubru (btala nazzjonali), l-1 ta’ Jannar, l-Epifanija (is-6 ta’ Jannar), il-Ġimgħa l-Kbira, Sibt il-Għid, l-1 ta’ Mejju, il-15 ta’ Awissu, Jum il-Milied u l-Għada tal-Milied, it-Tnejn tal-Pentekoste, it-Tnejn ta’ l-Irmied, l-Għada ta’ l-Għid u kull Ħadd.

3. X’inhuma r-regoli ġenerali applikabbli dwar il-limiti taż-żmien għad-diversi proċeduri ċivili?

L-Artikoli 144 sa 151 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jirreferu għat-termini proċedurali. Jiddependi mis-sors tat-terminu, issir distinzjoni bejn termini statutarji (termini ffissati bil-liġi, bħat-termini sabiex jinbdew proċeduri legali), termini ġudizzjarji (termini ffissati mill-qorti li qed tisma’ l-każ, bħat-terminu għall-partijiet biex jirrappurtaw personalment, ara l-Artikolu 245 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), termini ta’ differiment (termini li jikkawżaw li s-smigħ jiġi aġġornat bħala sanzjoni minħabba nuqqas ta’ konformità) u termini mandatorji (termini li jirriżultaw fit-telfien tad-dritt bħala sanzjoni minħabba n-nuqqas ta’ konformità). Il-punt ta’ tluq u d-dati ta’ skadenza tat-termini qed jiġu diskussi aktar ’l isfel. Terminu jiġi sospiż jekk parti waħda tmut qabel ma jiskadi. Jekk it-terminu sospiż beda bin-notifika ta’ dokument, it-terminu il-ġdid se jibda meta l-istess dokument jiġi notifikat lis-suċċessuri statutarji tal-parti li mietet. Jekk beda minn xi avveniment ieħor, it-terminu il-ġdid se jibda malli tiġi notifikata dikjarazzjoni li tgħid dan lill-persuni li ssemmew aktar ’il fuq. Jekk każ jiġi aġġornat qabel ma jiskadi t-terminu, it-terminu se jiġi sospiż u t-terminu il-ġdid se jibda meta l-każ jerġa’ jibda. Il-perjodu mil-1 sal-31 ta’ Awwissu ma jitqiesx għall-finijiet tat-termini għal azzjoni li jissemmew fl-Artikolu 147(7) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (li jinkludu termini sabiex jinbdew proċeduri u termini għal applikazzjonijiet sabiex tiġi revokata sentenza fil-kontumaċja).

FuqFuq

Il-liġi tippermetti li t-termini jiġu estiżi kemm bi ftehim bejn il-partijiet kif ukoll bil-kunsens ta’ l-imħallef. Kemm it-termini statutarji kif ukoll dawk ġudizzjarji jistgħu jiġu estiżi, sakemm dan ma jaffetwax id-drittijiet ta’ partijiet terzi. L-imħallfin mhumiex marbuta mill-kontenut ta’ applikazzjoni li jestendu l-ftehim u jistgħu jammetuh parzjalment jew jiċħduh, jiddependi mill-valutazzjoni li jagħtu liċ-ċirkostanzi individwali. Fi kliem ieħor, il-partijiet iridu jiċċitaw u jressqu raġunijiet li jiġġustifikaw l-estensjoni. Fl-aħħarnett, it-termini jistgħu jitqassru bi ftehim bejn il-partijiet u permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. It-termini statutarji kollha jistgħu jitqassru, ħlief it-termini sabiex jinbdew il-proċeduri.

4. Meta att irid jitwettaq jew formalità trid titwettaq f’perjodu partikolari, x’inhuwa ż-żmien tat-tluq – jiġifieri, il-waqt inizjali minn meta jibda għaddej il-perjodu (“terminus a quo”) – ta’ dan l-att jew ta’ din il-formalità?

Il-perjodu jibda l-għada ta’ meta jkun seħħ il-punt tat-tluq (a momento ad momentum). It-termini ġeneralment jiskadu fis-19:00 fid-data ta’ skadenza tagħhom. It-termini għal azzjoni li jaħbtu dakinhar ta’ btala pubblika jiskadu l-jum segwenti. It-termini jiġu estiżi wkoll jekk jaħbtu s-Sibt. Jekk it-tieni jum wara t-terminu jkun ukoll btala pubblika, it-terminu jiġi estiż sal-jum li jmiss li ma jkunx btala pubblika. Il-fini li l-perjodu jinbeda l-għada huwa li jkun evitat li jintilef jum meta l-punt ta’ tluq (ġeneralment notifika) iseħħ eżattament qabel is-19:00. Huwa immaterjali jekk l-għada (jiġifieri, l-jum meta jibda l-perjodu) jkunx jum mhux tax-xogħol jew le, u lanqas mhu importanti jekk matul il-perjodu jaħbtu jiem mhux tax-xogħol, ħlief jekk il-liġi espliċitament tistipula mod ieħor (ara l-Artikolu 632 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili dwar applikazzjonijiet biex jiġu revokati l-avviżi ta’ falliment fil-kontumaċja).

FuqFuq

4.a) Il-punt ta’ tluq li minnu jibda għaddej il-perjodu jista’ jiġi affetwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (in-notifika personali minn marixxall jew permezz tas-servizz postali)?

Mhemm l-ebda dispożizzjoni fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili biex jiġu estiżi jew imqassra t-termini jekk id-dokumenti jiġu trażmessi jew mibgħuta bil-posta jew b’forma oħra ta’ servizz ta’ trasport.

5. Minn meta jibda għaddej dan il-perjodu:

5.a) Meta perjodu bħal dan jiġi espress f’jiem, tgħodd id-data effettiva ta’ l-att, ta’ l-avveniment, tad-deċiżjoni jew tad-data tan-notifika u/jew ta’ l-intimazzjoni li tibdih?
[Il-punt ta' tluq għal kwalunkwe terminu jiddependi bi kwalunkwe mod fuq ir-riċeviment minn jew l-għarfien ta' l-azzjoni mir-riċevent? Jekk iva, kif?]

Il-jum meta jseħħ il-punt ta' tluq jista' jingħadd biss jekk ikun espliċitament permess mil-liġi jew mid-deċiżjoni ġudizzjarja jew mil-kuntratt. Dan ma japplikax għad-dispożizzjoni li l-perjodu jibda man-notifika. B'hekk it-termini importanti biex ikun iddepożitat appell, appell f'kassazzjoni jew applikazzjoni sabiex tiġi revokata sentenza fil-kontumaċja jibdew il-jum wara n-notifika jew il-pubblikazzjoni tas-sentenza. Jekk, madankollu, jiġi stipulat li l-perjodu jibda minn jum speċifiku, jgħodd dak il-jum. Fejn il-punt ta' tluq tal-perjodu jkun notifika, l-għarfien tal-kontenut tad-dokument li għandu jiġi notifikat li nkiseb b'xi mezzi oħra jkun immaterjali sabiex tkun ikkalkulat it-terminu (ara aktar 'il fuq - ir-risposta 4).

FuqFuq

5.b) Meta terminu jiġi espress f’jiem, in-numru indikat ta’ jiem jinkludi jiem kalendarji jew biss jiem tax-xogħol?

Fil-parti l-kbira tal-każi, kif ġie ddikjarata aktar 'il fuq, il-fatt li l-perjodu jinkludi jiem mhux tax-xogħol huwa immaterjali. Il-jiem tax-xogħol jgħoddu biss meta dan ikun provdut espliċitament (bħal għat-terminu għall-applikazzjonijiet sabiex jiġi revokat avviż ta' falliment fil-kontumaċja, li ġeneralment jiskadi t-Tnejn, 18 ta' April (sic)).

5.c) Meta perjodu bħal dan jiġi espress f’xhur jew fi snin?

Għal darb’oħra, jekk il-perjodu jiġi espress f’xhur jew fi snin, il-fatt li jinkludi jiem mhux tax-xogħol mhux rilevanti.

5.d) Meta jiskadu termini bħal dawn?
[Hemm xi punt ta' tluq għat-termini li japplika b'mod eċċezzjonali jew partikolari f'ċerti proċeduri ċivili?]

Peress li r-regola hija li t-termini ffissati bil-liġi jew mill-qorti jibdew il-jum wara l-punt ta' tluq, id-data finali ta' skadenza tagħhom tiġi stabbilita b'relazzjoni għall-jum wara l-punt ta' tluq.

Jekk il-perjodu jiġi espress fi snin, jiskadi fi tmiem l-istess jum fis-sena finali. Pereżempju, jekk sentenza tal-qorti tkun ippubblikata fit-8 ta' Mejju 2000, il-perjodu ta' tliet snin biex ikun ippreżentat appell jiskadi fid-9 ta' Mejju 2003 (fejn ikun immaterjali għall-fini tal-kalkolu jekk sena minnhom tkun sena biżestili).

Jekk il-perjodu jiġi espress f'xhur, jiskadi fi tmiem l-istess jum bħall-jum ta' tluq fl-aħħar xahar. Jek ma jkun hemm l-ebda jum bħal dan, jiskadi fl-aħħar jum tax-xahar (fejn in-numru ta' jiem f'kull xahar ikun immaterjali).

FuqFuq

Perjodu ta' nofs sena huwa twil sitt (6) xhur u perjodu ta' ħmistax huwa twil ħmistax-il jum (15).

Jekk il-perjodu jiġi espress f'sigħat, il-btajjel pubbliċi li jaħbtu f'dawk is-sigħat ma jingħaddewx. L-aħħar siegħa tinstab b'referenza għal meta beda l-perjodu, li huwa l-ewwel siegħa wara l-punt ta' tluq. Pereżempju, jekk affidavit ikun ġie skedat għall-10:00, is-sejħiet ikunu saru f'waqthom jekk jiġu notifikati fl-9:40.

6. Jekk il-perjodu jiskadi s-Sibt, il-Ħadd jew dakinhar ta’ btala pubblika jew f’jum mhux tax-xogħol, jiġi estiż sa l-ewwel jum tax-xogħol segwenti? Din l-estensjoni tkun applikabbli anki meta l-perjodu in kwistjoni jkollu bħala punt ta’ tluq avveniment futur?

Jekk il-perjodu jiskadi dakinhar ta’ btala pubblika jew is-Sibt, jiġi estiż sal-jum li jmiss li ma jkunx btala pubblika, anki fejn il-perjodu jkollu bħala punt ta’ tluq avveniment futur.

7. Meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li għandha s-sede tagħha fit-territorju kontinentali ta’ l-Istat Membru (għal dawk li jinkludu entitajiet indipendenti mill-metropoli jew għandhom entitajiet ġeografikament separati1), it-termini jiġi miżjuda għall-persuni li jgħixu/joqogħdu f’waħda minn dawn l-entitajiet jew għal dawk li jgħixu/joqogħdu barra mill-pajjiż? Jekk it-tweġiba hija iva, għal kemm żmien?

Mhemm l-ebda dispożizzjoni fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili li t-termini jiġu miżjuda għal residenti f’partijiet ġeografiċi mbiegħda jew separati tal-Greċja. Jekk, madankollu, il-parti tgħix barra mill-Greċja jew mhux magħruf fejn tgħix, il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi għal terminu itwal, skond il-proċedura.

FuqFuq

8. Bil-kontra, meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li għandha s-sede tagħha f’waħda minn dawn l-entitajiet ġeografikament distinti mill-kontinent, it-termini jiġi miżjuda għal persuni li ma jgħixux/joqogħdux f’dawn l-entitajiet jew għal persuni li jgħixu/joqogħdu barra mill-pajjiż?

Għal darb’oħra, mhemm l-ebda dispożizzjoni statutarja biex jiġu miżjuda t-termini minħabba d-distanza, irrispettivament minn jekk is-sede tal-qorti tkunx ’il bogħod jew le mill-post ta’ residenza tal-parti. Ġeneralment, it-terminu jkun l-istess għall-partijiet kollha. Madankollu, hemm dispożizzjoni speċjali għall-partijiet li jkunu residenti barra mill-Greċja.

9. Hemm termini għal appelli speċifiċi għal ċerti kwistjonijiet ċivili?

It-termini għall-appelli jiġu regolati mill-Artikolu 518(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Jekk l-appellant jgħix fil-Greċja, ikun ta’ tletin (30) jum u jekk jgħix barra mill-pajjiż jew mhux magħruf fejn jgħix, ikun ta’ sittin (60) jum. It-terminu ta’ sittin (60) jum ma japplikax għal persuni li qegħdin barra mill-pajjiż temporanjament (fuq btala jew nieqsa għal ftit jiem minħabba skop speċifiku), imma jkun ta’ ċertu tul jiddependi miċ-ċirkostanzi professjonali jew familjari.

10. F’emerġenza jew għal kwalunkwe kawża oħra, il-qrati jistgħu jqassru l-limiti taż-żmien biex persuna tidher quddiem il-qorti jew jiffissaw data speċjali għal dan? Bil-kontra, tali limiti jistgħu jiġu estiżi?

Is-sistema legali Griega taċċetta li t-talba għal protezzjoni legali tinkludi kemm protezzjoni legali definittiva kif ukoll protezzjoni legali temporanja, irrispettivament min-natura tat-tilwima. Il-proċedura ta’ inġunzjonijiet (ara l-Artikoli 682-738 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) tirregola l-każi fejn, sabiex titqies l-urġenza tal-każ jew sabiex jiġi evitat periklu imminenti, il-qorti tista’ tordna miżuri sabiex tiżgura jew iżżomm dritt jew tirregola sitwazzjoni u mbagħad timmodifikahom jew tirrevokahom. Peress li każi bħal dawn ikunu urġenti, l-imħallef ikun responsabbli sabiex jistipula l-ħin u l-post fejn se tinstema’ l-applikazzjoni għall-inġunzjoni u jrid jaġixxi malajr, imma billi jqis, kif inhu xieraq, id-dritt għal smigħ tal-partijiet. L-imħallef għalhekk jista’ jagħżel, fid-diskrezzjoni tiegħu, il-metodu kif isejjaħ lill-partijiet u t-terminu biex isejħilhom, anki fejn ikun hemm residenti barra mill-pajjiż jew fejn ma jkunx magħruf fejn joqogħdu, u s-seduta tista’ tiġi ffissata għal Ħadd jew għal btala pubblika. Ħlief għall-inġunzjonijiet, it-termini li ssemmew aktar ’il fuq japplikaw fi proċeduri ċivili oħra u mhu provdut imkien li jiġu estiżi.

FuqFuq

11. Meta att maħsub għal parti residenti f’post fejn għandha tibbenefika minn estensjoni ta’ limitu taż-żmien jiġi notifikat f’post fejn dawk li joqogħdu hemmhekk ma jibbenefikawx minn tali estensjoni, din il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ tali terminu?

Dan ma jeżistix fis-sistema legali Griega.

12. X’inhuma s-sanzjonijiet f’każ li l-perjodi ma jiġux osservati?

Mhemm l-ebda konsengwenza proċedurali meta ma jiġux osservati l-perjodi għal azzjoni tal-qorti. Jekk terminu li jrid jiġi rispettat meta l-partijiet jieħdu azzjoni tgħaddi mingħajr ma jkunu ħadu l-ebda azzjoni, huma jitilfu d-dritt tagħhom. Fejn għandhom x’jaqsmu t-termini preparatorji, ir-riżultat huwa differenti, pereżempju, il-każ jista’ jiġi miċħud (ara l-Artikolu 271(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

13. Jekk it-terminu jiskadi, x’rimedji huma disponibbli għall-partijiet f’kontumaċja?

L-għoti lura ta’ l-istatus quo ante huma rimedju legali provdut mill-Kostituzzjoni li tippermetti li parti li ma rrispettatx terminu minħabba raġunijiet ta’ force majeure jew ta’ diżonestà min-naħa tal-parti l-oħra tapplika biex jingħatalha lura l-istatus quo ante qabel ma kien skada t-terminu.

Madankollu, applikazzjoni biex jingħata lura l-istatus quo ante ma tistax tiġi preżentata jekk tkun ibbażata fuq a) nuqqas min-naħa ta’ l-avukat jew ta’ l-aġent legali ta’ l-applikant, b) ċirkostanzi li dwarhom l-imħallef iddeċieda waqt eżami ta’ applikazzjoni għal estensjoni tat-terminu jew aġġornament sabiex tingħata l-estensjoni jew jingħata l-aġġornament rilevanti. L-applikazzjoni trid tiddikjara għaliex it-terminu ma ġiex rispettat, l-evidenza li se tippermetti li tkun stabbilita l-verità u l-azzjoni li ma tqisitx jew tiddikjara li diġà saret. L-applikazzjoni sabiex jingħata lura l-istatus quo ante trid tinstema’ fi tletin (30) jum mill-jum meta l-impediment li jikkostitwixxi force majeure waqaf japplika jew minn meta saret magħrufa d-diżonestà tal-parti l-oħra u ma tistax tiġi preżentata applikazzjoni ġdida jekk it-terminu t’aktar ’il fuq ma tiġix rispettata (ara l-Artikoli 152-158 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Aktar tagħrif

1 Pereżempju: L-Ażores jew Madeira għall-Portugall, id-Dipartimenti u t-territtorji lilhinn mix-xtut ta' Franza, il-Ġżejjer Kanari għal Spanja, eċċ...

« Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Informazzjoni Ġenerali | Greċja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 31-10-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit