Kummissjoni Ewropea > NGE > Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura > Ġermanja

L-aħħar aġġornament: 05-11-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Ġermanja

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Agħti definizzjoni tad-diversi termini applikabbli fl-Istat Membru tiegħek fi kwistjonijiet ċivili; pereżempju, termini proċedurali, perjodi ta’ preskrizzjoni jew ta’ limitazzjoni, perjodi prefissati, eċċ. 1.
2. Agħti l-lista tad-diversi jiem previsti bħala jiem mhux tax-xogħol mil-leġiżlazzjoni tiegħek skond ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 ta’ Ġunju 1971. 2.
3. X’inhuma r-regoli ġenerali applikabbli dwar it-termini għall-kawżi ċivili fl-Istat tiegħek? Iċċita r-referenzi tal-leġiżlazzjoni applikabbli fi kwistjonijiet ċivili. 3.
4. Meta att irid jitwettaq jew formalità trid titwettaq qabel ma jiskadi perjodu, x’inhuwa ż-żmien tal-bidu – jiġifieri, il-waqt inizjali minn meta jibda għaddej il-perjodu (dies a quo) – ta’ dan l-att jew ta’ din il-formalità? 4.
4.a) Il-punt tal-bidu li minnu jibda għaddej il-perjodu jista’ jiġi affetwat jew immodifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (in-notifika personali minn marixxall jew permezz tas-servizz postali)? 4.a)
5.
5.a) Il-punt tal-bidu għal kwalunkwe terminu jiddependi bi kwalunkwe mod fuq ir-riċeviment minn jew l-għarfien ta’ l-azzjoni mir-riċevent? Jekk iva, kif? 5.a)
5.b) Meta terminu jiġi espress f’jiem, in-numru indikat ta’ jiem jinkludi jiem kalendarji jew biss jiem tax-xogħol? 5.b)
5.c) Meta perjodu bħal dan jiġi espress f’xhur jew fi snin? 5.c)
5.d) Hemm xi punti tal-bidu għat-termini li japplikaw b’mod eċċezzjonali jew partikolari f’ċerti proċeduri ċivili? 5.d)
6. Jekk il-perjodu jiskadi s-Sibt, il-Ħadd jew dak inhar ta’ btala pubblika jew f’jum mhux tax-xogħol, jiġi estiż sa l-ewwel jum tax-xogħol segwenti? Din l-estensjoni tkun applikabbli anki meta l-perjodu in kwistjoni jkollu bħala punt tal-bidu avveniment futur? 6.
7. Meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li għandha s-sede tagħha fit-territorju metropolitan ta’ l-Istat Membru (għal dawk li jinkludu entitajiet indipendenti mill-metropoli jew għandhom entitajiet ġeografikament separati), t-termini jiġi miżjuda għall-persuni li jgħixu/joqogħdu f’waħda minn dawn l-entitajiet jew għal dawk li jgħixu/joqogħdu barra mill-pajjiż? Jekk it-tweġiba hija iva, għal kemm żmien? 7.
8. Bil-kontra, meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li għandha s-sede tagħha f’waħda minn dawn l-entitajiet ġeografikament distinti mill-kontinent, t-termini jiġu miżjuda għal persuni li ma jgħixux/joqogħdux f’dawn l-entitajiet jew għal persuni li jgħixu/joqogħdu barra mill-pajjiż? 8.
9. Hemm termini għal appelli speċifiċi għal ċerti kwistjonijiet ċivili? 9.
10. F’emerġenza jew għal kwalunkwe kawża oħra, il-qrati jistgħu jqassru t-termini biex persuna tidher quddiem il-qorti jew jiffissaw data speċjali għal dan? Bil-kontra, tali termini jistgħu jiġu estiżi? 10.
11. Meta att maħsub għal parti residenti f’post fejn għandha tibbenefika minn estensjoni tat-terminu jiġi notifikat f’post fejn dawk li joqogħdu hemmhekk ma jibbenefikawx minn tali estensjoni, din il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ tali terminu? 11.
12. X’inhuma s-sanzjonijiet f’każ li l-perjodi ma jiġux osservati? 12.
13. Jekk it-terminu jiskadi, x’rimedji huma disponibbli għall-partijiet li naqsu? 13.

 

1. Agħti definizzjoni tad-diversi termini applikabbli fl-Istat Membru tiegħek fi kwistjonijiet ċivili; pereżempju, termini proċedurali, perjodi ta’ preskrizzjoni jew ta’ limitazzjoni, perjodi prefissati, eċċ.

a) It-termini proċedurali

Fil-Ġermanja, l-Artikoli 214-229 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (ZPO) jistabbilixxu r-regoli ġenerali dwar it-termini għall-kawżi, filwaqt li d-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw partikolarment it-termini huma inklużi fl-Artikoli rilevanti taż-ZPO.

Bħala regola, issir distinzjoni bejn termini “reali” (eigentliche Fristen), jiġifieri perjodi li matulhom dawk involuti fil-proċeduri jistgħu jew - sabiex ikun evitat li jintilfu d-drittijiet - iridu jwettqu atti jew formalitajiet proċedurali, u termini “irreali” (uneigentliche Fristen), li matulhom il-liġi teħtieġ li l-Qorti twettaq ċerti atti uffiċjali.

It-termini reali jew ikunu stabbiliti bil-liġi jew jiġu ffissati skond id-diskrezzjoni tal-qorti. It-termini stabbiliti bil-liġi jinkludu l-“perjodi ta' dekadenza” (Notfristen) provduti mill-Artikolu 224(2) ZPO, li jiġu dejjem deskritti bħala tali fiż-ZPO u ma jistgħux jitqassru jew jiġu estiżi.

Il-partijiet jistgħu jiftiehmu li jqassru t-termini iffissati mill-qorti u t-termini stabbiliti bil-liġi, imma mhux il-perjodi ta' dekadenza jew it-termini irreali. Madankollu, ma jistgħux jestendu l-limiti. Fil-prinċipju, il-qorti tista' testendi jew tqassar terminu li tkun iffissat hi, imma tista' tbiddel termini stabbiliti bil-liġi biss fejn ikun hemm dispożizzjoni legali biex isir dan u biss fejn parti tista' tipprovdi raġunijiet impellenti għal tali azzjoni.

FuqFuq

It-termini li ġejjin huma importanti għall-partijiet involuti f'kawżi ċivili:

a) Fi proċeduri ta' ħlas

Skond l-Artikolu 692(3) ZPO, fil-proċeduri ta' ħlas tista' ssir oġġezzjoni kontra l-ordni ta' ħlas u, skond l-Artikoli 700 u 339 ZPO, appell kontra titolu eżekuttiv irid isir fi żmien ġimgħatejn.

b) Fi proċeduri investigattivi
  1. L-Artikolu 132 ZPO jistabbilixxi r-regola ġenerali li, sabiex ikun żgurat li jkunu jistgħu jsiru l-preparazzjonijiet għal smigħ fi proċeduri kontradittorji, it-talbiet preparatorji jridu jitressqu quddiem il-qorti fi żmien xieraq sabiex ikunu jistgħu jintbagħtu lil-parti l-oħra mill-inqas ġimgħa qabel is-smigħ.
  2. Skond l-Artikoli 275(1) and 277 ZPO, fejn l-imħallef jiffissa data għal smigħ preliminari, irid jagħti lill-konvenut mill-inqas ġimgħatejn biex jirrispondi. Skond l-Artikolu 276(1) ZPO, fejn l-imħallef jagħti bidu għal proċeduri preliminari bil-miktub, il-konvenut ikollu ġimgħatejn ta' dekadenza li matulhom irid jindika jekk hux biħsiebu jiddefendi l-azzjoni; skond l-Artikolu 276(2) ZPO, il-qorti trid tagħtih mill-inqas ġimgħatejn oħra sabiex iressaq l-eċċezzjonijiet.
  3. Skond l-Artikolu 331 ZPO, jekk il-konvenut jonqos milli jindika l-intenzjoni tiegħu li jiddefendi l-azzjoni fiż-żmien mogħti, ir-rikorrent jista' japplika biex tingħata sentenza favur tiegħu fil-kontumaċja. Il-qorti tagħti wkoll sentenza fil-kontumaċja jekk ir-rikorrent jew il-konvenut jonqos milli jattendi għal appuntament jew jonqos milli jippreżenta l-eċċezzjonijiet. Skond l-Artikoli 338 u 339 ZPO, fejn sentenza ngħatat fil-kontumaċja, il-parti li ngħatat kontra tagħha għandha ġimgħatejn min-notifka tas-sentenza sabiex toġġezzjona. Fejn l-oġġezzjoni tkun ammissibbli (u, aktar importanti minn hekk, titressaq fiż-żmien mogħti), jitqies li l-proċeduri rritornaw għall-istadju qabel il-kontumaċja.
  4. Skond l-Artikolu 517 ZPO, l-appelli jridu jiġu ppreżentati fi żmien xahar, filwaqt li l-Artikolu 520 ZPO jħalli xaharejn għas-sottomissjoni ta' raġunijiet b'sostenn għal appell. Iż-żewġ termini jibdew bin-notifika tas-sentenza sħiħa jew, mhux akar tard minn ħames xhur wara li tkun ingħatat. Il-qorti tiffissa terminu ta' mill-inqas ġimgħatejn sabiex tingħata risposta għall-appell.
  5. Skond l-Artikolu 544(1) u (2) ZPO, fejn il-qorti ta' l-appell tiċħad appell fuq punt ta' dritt, applikazzjoni ġdida biex isir appell tista' tkun ippreżentata fi żmien xahar min-notifika tas-sentenza sħiħa.
  6. Skond l-Artikolu 548 ZPO, ix-xahar mogħti għal appell fuq punt ta' dritt huwa wkoll perjodu ta' dekadenza, filwaqt li l-Artikolu 551 ZPO jagħti xahrejn sabiex ikunu provduti raġunijiet b'appoġġ għall-appell. Iż-żewġ termini jibdew bin-notifika tas-sentenza sħiħa jew, mhux aktar tard minn ħames xhur wara li tkun ingħatat.
  7. Skond l-Artikolu 569 ZPO, ilment immedjat kontra sentenza jrid jiġi ppreżentat fi żmien ġimgħatejn min-notifika u mhux aktar tard minn 5 xhur u ġimgħatejn wara li tkun ingħatat. Skond l-Artikolu 575(1), l-appelli fuq punti ta' dritt, li jistgħu jkunu bbażati biss fuq ksur ta' drittijiet, iridu jiġu ppreżentati fi żmien xahar min-notifika tas-sentenza, filwaqt li l-Artikolu 575(2) ZPO jeħtieġ li r-raġunijiet ikunu ppreżentati fi żmien xahar ieħor.
  8. Fejn parti tonqos milli tikkonforma ma' kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti proċedurali elenkati fl-Artikolu 233 ZPO (eż. perjodu ta' dekadenza jew terminu biex jitressqu r-raġunijiet b'sostenn għal appell) mingħajr ma kellha ħtija, il-parti tista' tapplika għal restitutio in integrum. Skond l-Artikolu 234(1) u (2) ZPO, l-applikazzjoni trid issir fi żmien ġimgħatejn mit-tneħħija ta' l-ostaklu.

2. Agħti l-lista tad-diversi jiem previsti bħala jiem mhux tax-xogħol mil-leġiżlazzjoni tiegħek skond ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 ta’ Ġunju 1971.

  • L-Ewwel tas-Sena: l-1 ta' Jannar
  • L-Epifanija: is-6 ta' Jannar (biss f'Baden-Württemberg, fil-Bavarja u fis-Sassonja-Anhalt)
  • Il-Ġimgħa l-Kbira: id-data tvarja, imma tkun f'xi jum fi tmiem Marzu jew fil-bidu ta' April
  • Ħadd il-Għid: id-data tvarja, imma tkun f'xi jum fi tmiem Marzu jew fil-bidu ta' April
  • L-Għada ta' l-Għid: id-data tvarja, imma tkun f'xi jum fi tmiem Marzu jew fil-bidu ta' April
  • L-1 ta' Mejju/Jum il-Ħaddiem
  • Jum l-Axxensjoni: f'Mejju, id-data tvarja
  • Pentekoste: f'Mejju, id-data tvarja
  • It-Tnejn ta' Pentekoste: f'Mejju, id-data tvarja
  • Corpus Christi, id-data tvarja bejn tmiem Mejju u nofs Ġunju (biss f'Baden-Württemberg, fil-Bavarja, f'Ħessen, fin-North-Rhine Westphalia, fir-Rhineland-Palatinate, f'Saarland, fis-Sassonja u f'Thuringia)
  • L-Assunta, il-15 ta' Awissu (biss fil-Bavarja u f'Saarland)
  • Jum l-Għaqda tal-Ġermanja,it-3 ta' Ottubru
  • Jum ir-Riforma, il-31 ta' Ottubru (biss fi Brandenburg, f'Mecklenburg-il-Pomeranja tal-Punent, fis-Sassonja, fis-Sassonja-Anhalt u f'Thuringia)
  • Jum il-Qaddisin Kollha, l-1 ta' Novembru (biss f'Baden-Württemberg, fil-Bavarja, f'North-Rhine Westphalia, f'Rhineland-Palatinate u f'Saarland)
  • Jum l-Indiema, id-data tvarja, f'xi jum bejn l-aħħar u tmiem Novembru (biss fis-Sassonja)
  • Jum il-Milied, il-25 ta' Diċembru
  • L-Għada tal-Milied, is-26 ta' Diċembru.

3. X’inhuma r-regoli ġenerali applikabbli dwar it-termini għall-kawżi ċivili fl-Istat tiegħek? Iċċita r-referenzi tal-leġiżlazzjoni applikabbli fi kwistjonijiet ċivili.

L-Artikolu 222 ZPO jgħid li t-termini għall-proċeduri kollha fil-qorti jridu jiġu kkalkulati skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 187-193 tal-Kodiċi Ċivili.

FuqFuq

Id-dettalji ta' kif it-termini jiġu ffissati jistgħu jinstabu fir-risposti għad-domandi 5 u 6.

4. Meta att irid jitwettaq jew formalità trid titwettaq qabel ma jiskadi perjodu, x’inhuwa ż-żmien tal-bidu – jiġifieri, il-waqt inizjali minn meta jibda għaddej il-perjodu (dies a quo) – ta’ dan l-att jew ta’ din il-formalità?

Jekk id-domanda tirreferi għal meta att isir effettiv waqt li jkun għaddej terminu u jkun konformi ma' terminu, ir-risposta hija kif ġej:

It-termini għall-proċeduri jiġu osservati jekk l-atti jew il-formalitajiet jitwettqu sa tmiem l-aħħar jum mogħti, jiġifieri bħala regola, id-dokument jiġi mgħoddi lill-qorti fiż-żmien allokat. Il-fattur kruċjali ikun meta d-dokument jiġi riċevut mill-qorti, mhux meta jintbagħat. Iż-żmien mogħti, madankollu, jista' jintuża fl-intjier tiegħu, jiġifieri sat-tmiem ta' l-aħħar jum, anki jekk mhux probabbli li xi ħadd effettivament se jara d-dokument f'dak il-ħin.

Jekk id-domanda hija maħsuba biex tistabbilixxi kif wieħed jikkalkula l-bidu tat-terminu, ir-risposta hija kif ġej:

Skond l-Artikolu 187 tal-Kodiċi Ċivili, fejn avveniment jew ħin speċifiku matul jum jiddetermina l-bidu ta' terminu, il-jum in kwistjoni ma jkunx inkluż fi kwalunkwe kalkolu tat-terminu.

4.a) Il-punt tal-bidu li minnu jibda għaddej il-perjodu jista’ jiġi affetwat jew immodifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (in-notifika personali minn marixxall jew permezz tas-servizz postali)?

Le. Fejn terminu jibda mill-waqt tan-notifika (ara r-risposta għad-domanda 5d)), il-metodu ta' notifka ma jkunx rilevanti. Id-dokumenti jiġu notifikati fil-waqt li jingħataw lir-riċevent (l-Artikolu 177 ZPO) jew b'wieħed mill-mezzi ta' notifika sostituta elenkati fl-Artikoli 178, 180 u 181 ZPO (eż. mogħti lil membru adult tal-familja jew imqiegħed fil-kaxxa ta' l-ittri).

FuqFuq

5.

5.a) Il-punt tal-bidu għal kwalunkwe terminu jiddependi bi kwalunkwe mod fuq ir-riċeviment minn jew l-għarfien ta’ l-azzjoni mir-riċevent? Jekk iva, kif?

Fejn terminu jibda mill-waqt tan-notifika (ara r-risposta għad-domanda 5d)), irid jiġi stabbilit li d-dokumenti kienu effettivament innotifikati. Fil-każ ta' notifika sostituta, il-kwistjoni ta' jekk ir-riċevent effettivament irċeviex id-dokument, fil-prinċipju, mhix deċiżiva. Il-fattur deċiżiv huwa li l-indirizz għan-notifika (għadu) d-dar jew l-uffiċċju tad-destinatarju tan-notifika.

Jekk ir-riċevent m'għandu l-ebda għarfien tal-proċeduri u għalhekk ma jistax jappella kontra d-deċiżjoni, f'ċerti ċirkostanzi jista' japplika għal restitutio in integrum (ara r-risposta għad-domanda 13). Ara r-risposta għad-domanda 5 d) b'relazzjoni għaż-żmien tal-bidu effettiv.

5.b) Meta terminu jiġi espress f’jiem, in-numru indikat ta’ jiem jinkludi jiem kalendarji jew biss jiem tax-xogħol?

Pereżempju, jekk persuna trid taġixxi jew tkun notifikata b'dokument nhar it-Tnejn 4 ta' April 2005 u tintalab tirrispondi fi żmien 14-il jum min-notifika, dan ifisser li għandha tirrispondi qabel:

  1. It-Tnejn, 18 ta' April (jiem kalendarji) jew
  2. Il-Ġimgħa 22 ta' April (jiem tax-xogħol)?

In-numru indikat ta' jiem huwa relatat biss mal-jiem kalendarji, mhux mal-jiem tax-xogħol. Fl-eżempju t'hawn fuq, it-terminu jintemm fit-18 ta' April, mhux fit-22 ta' April. Fejn it-terminu jintemm il-Ħadd, is-Sibt jew dak inhar ta' btala pubblika ġeneralment rikonoxxuta, il-limitu għandu jestendi sal-jum tax-xogħol segwenti (jekk, pereżempju, it-18 ta' April ikun is-Sibt, it-terminu jiskadi it-Tnejn, 20 ta' April).

FuqFuq

5.c) Meta perjodu bħal dan jiġi espress f’xhur jew fi snin?

Fejn terminu ma jiġix ikkalkulat mid-data ta’ avveniment jew ta’ mument prinċipali imma jiġi espress f’xhur jew fi snin, jintemm fi tmiem il-jum ta’ l-aħħar ġimgħa jew xahar li tikkorrispondi fl-isem jew fin-numru għall-jum li fih seħħ l-avveniment jew beda ż-żmien. Fejn il-bidu ta’ jum ikun il-punt fiż-żmien li jkun deċiżiv għall-bidu tal-limitu taż-żmien, il-limitu jintemm fi tmiem il-jum fl-aħħar ġimgħa jew xahar li tissemma jew ikun id-data fil-jum tal-bidu tat-terminu.

Fejn l-aħħar jum ta’ terminu espress f’xhur ma jkollux jum ekwivalenti fix-xahar li fih jiskadi ż-żmien, il-limitu jintemm fl-aħħar jum tax-xahar (eż. it-terminu jibda fit-30 ta’ Jannar u jintemm fit-28 ta’ Frar).

5.d) Hemm xi punti tal-bidu għat-termini li japplikaw b’mod eċċezzjonali jew partikolari f’ċerti proċeduri ċivili?

Bħala regola, terminu jibda min-notifika ta' dokument li jeħtieġ risposta jew deċiżjoni li kontra tagħha jista' jsir appell (ara, pereżempju, l-Artikoli 276(1)(1), 329(2)(2) jew 339(1) ZPO). L-Artikoli 517, 548 u 569(1)(2) ZPO jgħidu wkoll li ż-żmien mogħti għal appelli, appelli minħabba punti ta' dritt jew ilmenti jibdew man-notifika tad-deċiżjoni; fejn id-dokument ma jkunx innotifikat jew ma jkunx effettivament innotifikat u s-sitwazzjoni ma tkunx solvuta fit-tifsira ta' l-Artikolu 189 ZPO, it-terminu jibda ħames xhur wara li tkun ingħatat id-deċiżjoni. Il-perjodu ta' ħames xhur għalhekk jissostitwixxi n-notifika. B'mod simili, fil-każ ta' applikazzjonijiet imġedda l-Artikolu 544(1)(2) ZPO jipprovdi biex isir appell, imma f'dan il-każ l-effett tas-sostituzzjoni tan-notifika ma jidħolx fis-seħħ qabel sitt xhur wara.

FuqFuq

Hemm punti tal-bidu differenti għat-termini, b'mod partikolari, għar-rimedji legali li, f'każi eċċezzjonali, jistgħu jannullaw il-valur legali tas-sentenza:

  • It-terminu għall-applikazzjonijiet għal restitutio in integrum jibda dak inhar meta jitneħħa l-ostaklu (l-Artikolu 234(2) ZPO);
  • Skond l-Artikolu 321a ZPO, it-terminu għall-applikazzjonijiet li jikkonċernaw nuqqas ta' għotja ta' smigħ jibda miż-żmien meta jsir magħruf li kien hemm ksur tad-dritt għal smigħ (l-Artikolu 321a(2)(1) ZPO);
  • It-terminu għall-applikazzjonijiet għal annullament u għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri (l-Artikoli 578 et seq. ZPO) jibda dak inhar li l-parti ssir taf bir-raġunijiet għall-impunjazzjoni tas-sentenza, imma mhux qabel ma s-sentenza tkun daħlet fis-seħħ (l-Artikolu 586(2)(1) ZPO).

It-terminu għall-applikazzjoni biex tkun annullata sentenza fi proċedura ta' pre-avviż lill-pubbliku (l-Artikoli 946 et seq. ZPO) jibda dak inhar li l-applikant isir jaf bid-deċiżjoni ta' esklużjoni (l-Artikolu 958(1)(2) ZPO).

6. Jekk il-perjodu jiskadi s-Sibt, il-Ħadd jew dak inhar ta’ btala pubblika jew f’jum mhux tax-xogħol, jiġi estiż sa l-ewwel jum tax-xogħol segwenti? Din l-estensjoni tkun applikabbli anki meta l-perjodu in kwistjoni jkollu bħala punt tal-bidu avveniment futur?

Fejn il-perjodu jiskadi s-Sibt, il-Ħadd jew dak inhar ta’ btala pubblika, dan il-jum ma jgħoddx u l-perjodu jiskadi fil-jum tax-xogħol segwenti.

7. Meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li għandha s-sede tagħha fit-territorju metropolitan ta’ l-Istat Membru (għal dawk li jinkludu entitajiet indipendenti mill-metropoli jew għandhom entitajiet ġeografikament separati), t-termini jiġi miżjuda għall-persuni li jgħixu/joqogħdu f’waħda minn dawn l-entitajiet jew għal dawk li jgħixu/joqogħdu barra mill-pajjiż? Jekk it-tweġiba hija iva, għal kemm żmien?

Peress li l-Ġermanja m’għandha l-ebda entità bħal din, mhemmx għalfejn ikun hemm regoli speċjali. Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Ġermaniż għalhekk ma jestendix it-termini għall-persuni li jgħixu ’l bogħod mill-post tal-ġuriżdizzjoni. Madankollu, skond l-Artikolu 141(1) ZPO, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma teħtieġx li parti tattendi personalment, fejn id-“distanza kbira” mill-post ta’ residenza għall-qorti tagħmilha irraġonevoli li tagħmel dan. Meta jitqiesu l-possibbiltajiet ġeneralment tajba tat-trasport illum, distanza ta’ diversi mijiet ta’ kilometri ma titqiesx li hija “kbira”; madanakollu, kull każ irid jiġi vvalutat fuq il-merti tiegħu, u, pereżempju, il-kwistjoni ta’ saħħet il-parti tista’ tkun sinifikanti.

FuqFuq

8. Bil-kontra, meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li għandha s-sede tagħha f’waħda minn dawn l-entitajiet ġeografikament distinti mill-kontinent, t-termini jiġu miżjuda għal persuni li ma jgħixux/joqogħdux f’dawn l-entitajiet jew għal persuni li jgħixu/joqogħdu barra mill-pajjiż?

Ara r-risposta għad-domanda 7.

9. Hemm termini għal appelli speċifiċi għal ċerti kwistjonijiet ċivili?

Il-liġi ċivili u l-liġi tal-proċedura ċivili Ġermaniżi jiffissaw it-termini li ġejjin, pereżempju:

  1. Skond l-Artikoli 957(2) u 958 ZPO, azzjoni sabiex ikun tkun annullata sentenza trid titressaq fi żmien xahar.
  2. Skond l-Artikolu 1059(3) ZPO, ħlief jekk il-partijiet jkunu ftiehmu mod ieħor, id-deċiżjonijiet ta' arbitraġġ jistgħu jiġu kkontestati permezz ta' applikazzjoni għal annullament ippreżentata quddiem il-qorti fi żmien tliet xhur mir-riċeviment tad-deċiżjoni.
  3. L-Artikolu 586(1) u (2) ZPO jħalli perjodu ta' deroga ta' xahar mill-jum meta l-parti ssir taf bir-raġuni għall-annullament ta' sentenza għal azzjonijiet għal annullament jew għall-ftuħ mill-ġdid ta' proċeduri li ngħalqu b'sentenza finali infurzabbli.
  4. Il-qorti tista' tiffissa wkoll terminu sabiex titressaq azzjoni f'każi skond l-Artikoli 494a(1) (proċedura indipendenti għall-ġbir ta' l-evidenza) u 926(1) ZPO (arrest).
  5. Fejn kerrej ma jkunx qabel ma' żjieda fil-kera fi tmiem ix-xahrejn wara r-riċeviment tat-talba, l-Artikolu 558b(2) tal-Kodiċi Ċivili jagħti d-dritt lil sid il-kera li jiftaħ applikazzjoni għall-kunsens fi żmien tliet xhur oħra.
  6. Fejn impjegat qed ifittex li t-tkeċċija tiegħu tkun invalidata, skond l-Artikolu 4(1) ta' l-Att dwar il-Protezzjoni kontra t-Tkeċċija mill-Impjieg, irid iressaq azzjoni quddiem it-Tribunal Industrijali fi żmien tliet ġimgħat. Jekk jonqos milli jissodisfa dan it-terminu, wieħed jassumi li t-tkeċċija kienet valida.

10. F’emerġenza jew għal kwalunkwe kawża oħra, il-qrati jistgħu jqassru t-termini biex persuna tidher quddiem il-qorti jew jiffissaw data speċjali għal dan? Bil-kontra, tali termini jistgħu jiġu estiżi?

Bażikament trid tkun il-qorti li tiffissa l-ħin u d-dati biex persuna tidher quddiem il-qorti, għalkemm id-diskrezzjoni tagħha hija limitata mid-dmir li għandha sabiex tħaffef il-proċeduri u sabiex tiffissa appuntament għas-Sibt, għall-Ħadd jew għall-btajjel pubbliċi biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

FuqFuq

Meta tinħareġ taħrika biex persuna tidher quddiem il-qorti f'każi fejn ir-rappreżentazzjoni tkun obbligatorja, irid jingħata pre-avviż ta' mill-inqas ġimgħa. Il-perjodu ta' pre-avviż f'każi oħra huwa ta' tlett ijiem; dawn il-perjodi jistgħu jitqassru biss jekk il-partijiet jaqblu wara applikazzjoni min-naħa ta' parti.

Skond l-Artikolu 141(1) ZPO, il-qorti teħtieġ li ż-żewġ partijiet jattendu għall-proċeduri orali, fejn dan ikun meħtieġ biex ikunu stabbiliti l-fatti tal-każ. Madankollu, fejn ikunu involuti distanzi kbar, il-qorti tista' tiddispensa mir-rekwiżit li persuna tattendi jekk ma jkunx raġonevoli li wieħed jistenna li l-parti tivvjaġġa distanza kbira (ara d-domanda 8) jew jekk ikun hemm kwalunkwe raġuni sinifikanti oħra. “Kwalunkwe raġuni sinifikanti oħra” fit-tifsira ta' l-Artikolu 141(1) ZPO tfisser kwalunkwe raġuni importanti għall-parti, li tinkludi, pereżempju, il-mard, il-btajjel ippjanati, wisq xogħol jew problemi psikoloġiċi probabbli minħabba laqgħa mal-parti l-oħra.

Barra minn hekk, l-Artikolu 227(1) ZPO jeħtieġ li l-qorti tikkanċella jew tipposponi appuntament biex persuna tidher quddiem il-qorti waqt smigħ orali jekk il-parti tippreżenta applikazzjoni li tiċċita “raġunijiet sinifikanti”. Safejn għandha x'taqsam din id-dispożizzjoni, il-fatt li l-parti naqset milli tidher quddiem il-qorti mingħajr raġuni tajba jew naqset milli tagħmel preparazzjonijiet mingħajr ma tipprovdi l-ebda raġuni ma jitqiesux raġunijiet sinfikanti. Raġunijiet sinifikanti jinkludu n-nuqqas ta' osservanza tal-perjodi ta' pre-avviż meta jinħarġu ċ-ċitazzjonijiet, bidla meħtieġa ta' l-avukat, il-marda ta' xhud, tar-rappreżentant legali jew tal-parti, jew fejn il-parti tkun imwaqqfa milli tattendi minħabba l-mewt ta' qarib. Il-qorti tista' teħtieġ li r-raġunijiet sinfikanti biex ikun hemm applikazzjoni għal posponiment ikunu ġġustifikati, u dawn ir-raġunijiet iridu jkunu suġġetti għal eżami dejjem aktar kritiku aktar ma l-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni tkun qrib tad-data ffissata. Anki jekk il-btajjel tal-qorti ġew aboliti, l-Artikolu 227(3) ZPO xorta jippermetti flessibbiltà akbar fejn parti tapplika għal posponiment għall-perjodu bejn l-1 ta' Lulju u l-31 ta' Awissu.

FuqFuq

11. Meta att maħsub għal parti residenti f’post fejn għandha tibbenefika minn estensjoni tat-terminu jiġi notifikat f’post fejn dawk li joqogħdu hemmhekk ma jibbenefikawx minn tali estensjoni, din il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ tali terminu?

Filwaqt li mhemm l-ebda regola sabiex ikunu estiżi t-termini għall-partijiet li jgħixu ’l bogħod, is-sistema legali Ġermaniża m’għandha l-ebda problema tirrikonoxxi li tali dispożizzjonijiet jistgħu jeżistu bnadi oħra.

12. X’inhuma s-sanzjonijiet f’każ li l-perjodi ma jiġux osservati?

In-nuqqas ta' osservanza ta' terminu jista' jkollu firxa ta' konsegwenzi legali, pereżempju:

  1. Skond l-Artikolu 296(1) ZPO, sottomissjonijiet ġodda li jsiru wara li jkun skada perjodu ta' żmien ikunu ammissibbli biss jekk il-qorti tkun konvinta li billi tammettihom mhix se ddewwem ir-riżoluzzjoni tal-kawża jew jekk il-parti tipprovdi ġustifikazzjoni adegwata talli damet ma ppreżentathom. Bl-istess mod, is-sottomissjonijiet miċħuda skond dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jitressqu quddiem korp ta' appell (l-Artikolu 531(1) ZPO).
  2. Skond l-Artikolu 276 ZPO, fejn waqt il-proċeduri preliminari bil-miktub il-konvenut jonqos milli jindika li huwa ppreparat li jiddefendi l-azzjoni fi żmien ġimgħatejn min-notifika tat-talba promotorja ta' kawża, wara applikazzjoni mir-rikorrent tinħareġ sentenza fil-kontumaċja kontra tiegħu (l-Artikoli 276(1)(1), 276(2), 331(3) ZPO).
  3. Fejn id-debitur iħalli li t-terminu biex jagħmel appell kontra ordni ta' ħlas jiskadi waqt proċeduri ta' ordni għal ħlas (l-Artikoli 692(1)(3) u 694 ZPO), tinħareġ ordni ta' infurzar wara applikazzjoni mill-kreditur (l-Artikolu 699(1)(1) ZPO).
  4. Fejn il-perjodu biex isir appell ma jkunx osservat, id-deċiżjoni ssir torbot legalment (l-Artikolu 705 ZPO). Dan japplika wkoll għan-nuqqas ta' osservanza tal-perjodu biex tkun ippreżentata oġġezzjoni kontra sentenza fil-kontumaċja jew ordni ta' infurzar. (L-oġġezzjoni mhix appell fis-sens tekniku, peress li tkun eżaminata mill-istess korp, u mhux f'istanza ogħla).
    In-nuqqas ta' osservanza tat-terminu biex ikun iġġustifikat appell, appell fuq punt ta' dritt jew appell sussegwenti jwassal biex l-appell ikun miċħud bħala inammissibbli (ara l-Artikoli 522(1), 552(1), 577(1) ZPO).
  5. L-istess japplika għall-applikazzjonijiet imġedda sabiex isir appell (l-Artikolu 544(2) ZPO).

13. Jekk it-terminu jiskadi, x’rimedji huma disponibbli għall-partijiet li naqsu?

Fejn it-termini jiskadu, il-parti għandha r-rimedji possibbli li ġejjin b'relazzjoni għall-konsegwenzi stabbiliti fir-risposta għad-domanda 12:

FuqFuq

  1. Fil-każi koperti mill-Artikolu 296(1) ZPO, il-parti għandha l-possibbiltà li tiskuża ruħha għad-dewmien (ara aktar 'il fuq). F'dan il-każ, il-qorti tista' teħtieġ li l-parti tispjega għaliex m'għandiex ħtija talli naqset milli tosserva t-terminu. Jekk l-ispjegazzjoni tkun aċċettabbli, il-qorti trid tqis s-sottomissjoni li saret tard.
  2. Il-parti li kontra tagħha tinħareġ sentenza fil-kontumaċja tista' tappella mid-deċiżjoni (l-Artikolu 338 ZPO). Jekk l-appell ikun ammissibbli, jiġifieri jitressaq fil-forma korretta u fiż-żmien mogħti (l-Artikoli 339 and 340 ZPO), u jkun iġġustifikat, jitqies li l-proċeduri jirritornaw għall-istadju qabel ma skada t-terminu (l-Artikolu 342 ZPO).
  3. Huwa wkoll possibbli li jsir appell kontra ordni ta' infurzar li nħareġ b'konnessjoni ma' proċeduri ta' ordni għal ħlas, peress li l-Artikolu 700 ZPO jqiegħed lill-ordnijiet ta' l-infurzar f'keffa waħda mas-sentenzi fil-kontumaċja.
  4. It-termini għall-appell legali u għall-oġġezzjonijiet huma dawk li jissejħu perjodi ta' dekadenza. Jekk parti titwaqqaf milli tosserva perjodu ta' dekadenza, tista' tapplika għal restitutio in integrum (l-Artikoli 233 et seq. ZPO). Dan irid isir fil-forma meħtieġa u fiż-żmien mogħti (l-Artikoli 234 u 236(1) ZPO). Il-fatti li wasslu biex it-terminu ma jkunx osservat iridu jiġu spjegati u jridu jkunu aċċettabbli (l-Artikolu 236(2) ZPO). Il-proċeduri li ma twettqux, eż. il-preżentazzjoni ta' appell, iridu jitwettqu fil-perjodu ta' applikazzjoni.
  5. Huwa wkoll possibbli li ssir applikazzjoni għal restitutio in integrum fejn iż-żmien mogħti biex ikun iġġustifikat appell, appell minħabba punt ta' dritt, jew appell ulterjuri jkun skada.

« Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Informazzjoni Ġenerali | Ġermanja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 05-11-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit