Kummissjoni Ewropea > NGE > Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura > Franza

L-aħħar aġġornament: 07-04-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Franza

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Tipi differenti ta’ limiti ta’ żmien applikabbli fil-kuntest tar-regoli varji tal-proċedura fi kwistjonijiet ċivili 1.
2. Lista tal-ġranet ikkunsidrati bħala ġranet mhux tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971 2.
3. X’inhuma r-regoli ġenerali applikabbli fuq il-limiti ta’ żmien għall-kalkolu tal-limiti ta’ żmien fil-liġi ċivili u l-liġi kummerċjali? 3.
4. Meta att jew formalità jrid isir fil-perjodu stipulat, x’inhu l-bidu– jiġifieri l-mument inizjali li minnu jibda l-perjodu (“terminus a quo”) – ta’ dan l-att jew din il-formalità? 4.
a) Il-punt tal-bidu li minnu jidba l-perjodu jista’ jiġi effettwat jew modifikat permezz tal-metodu tat-trasmissjoni jew il-kunsinna tal-atti (servizz personali permezz ta’ huissier jew servizz postali)? a)
5. Minn meta jibda għaddej il-perjodu: 5.
a) Meta perjodu bħal dan jiġi espress fi ġranet, tgħodd id-data attwali tal-att, tal-avveniment, tad-deċiżjoni jew id-data tan-notifika u/jew intimazzjoni li tibdih? a)
b) Meta limitu ta’ żmien jiġi espress fi ġranet, in-numru ta’ ġranet indikat jinkludi l-ġranet kalendarji jew il-ġranet tax-xogħol biss? b)
c) Perjodu bħal dan irid jiġi espress f’xhur jew fi snin? c)
d) Meta jiskadu dawn id-dati tal-għeluq? d)
6. Jekk il-perjodu jiskadi s-Sibt, il-Ħadd jew f’festa pubblika jew ġurnata mhux tax-xogħol, dan jiġi estiż sal-ewwel ġurnata tax-xogħol li jmiss? 6.
7. Meta t-talba tittieħed quddiem ġurisdizzjoni li għandha s-sede tagħha fil-kontinent tal-Istat Membru (għal dawk li jikkonsistu minn entitajiet minbarra l-metropoli jew li għandhom entitajiet separati ġeografikament), iż-żmien tal-għeluq jiżdied għal persuni li jgħixu/għandhom residenza f’wieħed minn dawn l-entitajiet jew li jgħixu/għandhom residenza barra mill-pajjiż? Jekk iva, b’kemm? 7.
8. Bil-maqlub, meta talba tittieħed għand ġurisdizzjoni li għandha s-sedi tagħha f’waħda mill-entitajiet ġeografikament distinti mill-kontinent, iż-żmien tal-għeluq jiżdied għal persuni li ma jgħixux/m’għandhomx residenza f’dawn l-entitajiet jew għal persuni li jgħixu/għandhom residenza barra mill-pajjiż? 8.
9. Hemm xi limiti ta’ żmien għall-appelli speċifiċi għal ċertu kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali? 9.
10. Il-qrati jistgħu, f’każ ta’ emerġenza jew għal kwalunkwe raġuni, jqassru l-limitu ta’ żmien ta’ dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra? Bil-maqlub, perjodi bħal dawn jistgħu jiġu estiżi? 10.
11. Meta att maħsub għal parti residenti f’post fejn hu/hi jistgħu jibbenefikaw minn estensjoni tal-limitu ta’ żmien jiġi notifikat f’post fejn dawn li jirrisjedu hemmhekk ma jibbenefikawx minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju tat-tali limitu ta’ żmien? 11.
12. X’inhuma s-sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-perjodi? 12.
13. Jekk tiskadi d-data tal-għeluq, x’rimedji huma disponibbli għall-partijiet kontumaċi? 13.

 

1. Tipi differenti ta’ limiti ta’ żmien applikabbli fil-kuntest tar-regoli varji tal-proċedura fi kwistjonijiet ċivili

Minbarra l-limiti ta’ żmien proċedurali, il-liġi Franċiża tipprovdi wkoll perjodi ta’ limitazzjoni u preskrizzjoni.

Il-perjodu tal-preskrizzjoni (“délai de prescription”) huwa l-perjodu li fit-tmiem tiegħu persuna tista’ jew tikseb dritt attwali (magħruf f’dak il-każ bħala il-“perjodu ta’ preskrizzjoni akkwiżittiv/pożittiv”) jew is-sid ta’ dritt, wara li naqas milli jagħmel użu minnu, jista’ jitlef id-dritt (“preskrizzjoni estintiva/negattiva”).  Il-perjodu tal-preskrizzjoni jista’ jiġi sospiż jew interott.

Il-perjodu ta’ limitazzjoni (“délai de forclusion”) jillimita d-dewmien tad-dritt għall-azzjoni. Dan jikkorrispondi mal-kunċett tal-liġi komuni tal-“limitazzjoni ta’ azzjoni”. Il-perjodi tal-limitazzjoni ma jistgħux jiġu sospiżi. Normalment ma jistgħux jiġu interrotti. Madankollu, skont l-Artikolu 2244 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż jistgħu jiġu interrotti permezz ta’ ċerti atti, bħal notifika tal-proċess , inġunzjoni għall-ħlas jew sekwestru.

Il-limiti ta’ żmien proċedurali huma dawk li japplikaw għall-atti tal-qorti, ladarba l-qorti tiġi involuta. Dawn huma stabbiliti permezz tal-liġi jew imposti mill-qorti. Differenti mill-perjodi ta’ limitazzjoni, dawn ma jtemmux l-azzjoni. Dawn il-limiti ta’ żmien la jistgħu jiġu interrotti u lanqas sospiżi.

2. Lista tal-ġranet ikkunsidrati bħala ġranet mhux tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971

Skont it-testi fis-seħħ, dawk li ġejjin mhumiex ġranet tax-xogħol:

FuqFuq

  • il-Ħadd;
  • l-1 ta' Jannar;
  • it-Tnejn ta' wara l-Għid;
  • l-1 ta' Mejju;
  • it-8 ta' Mejju;
  • Jum Lapsi;
  • L-Għid il-Ħamsin;
  • l-14 ta' Lulju;
  • l-Assunzjoni (il-15 ta' Awissu);
  • il-Festa tal-Qaddisin Kollha (l-1 ta'Novembru);
  • il-11 ta' Novembru;
  • il-Milied (il-25 ta' Diċembru).

Il-festi pubbliċi ġew introdotti f'numru ta' dipartimenti Franċiżi u "collectivités territoriales” biex jikkommemoraw l-abolizzjoni tal-iskjavitu: is-27 ta' Mejju f'Guadeloupe, l-10 ta' Ġunju fil-Guyana, it-22 ta' Mejju f'Martinique, l-20 ta' Diċembru f'Réunion u s-27 ta' April f'Mayotte.

Fid-dipartiment ta' Alsace-Moselle, l-għada tal-Milied u l-Ġimgħa l-Kbira huma festi pubbliċi.

3. X’inhuma r-regoli ġenerali applikabbli fuq il-limiti ta’ żmien għall-kalkolu tal-limiti ta’ żmien fil-liġi ċivili u l-liġi kummerċjali?

Fil-liġi ordinarja, taħt l-Artikolu 2262 tal-Kodiċi Ċivili, il-perjodu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ tletin sena. Madankollu, hemm numru kbir ta’ eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju, notevolment it-talbiet tar-responsabbiltà ċivili mhux kontrattwali, li għalihom il-perjodu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ għaxar snin mill-okkorrenza jew l-aggravazzjoni tad-dannu/inġurja.

Madankollu, preżentament għaddejja riforma tal-liġi fuq il-preskrizzjoni fil-kwistjonijiet ċivili. Taħt it-termini tal-abbozz tal-liġi addottat mis-Senat (imma s’issa mhux mill-Assemblea Nazzjonali) il-perjodu ta’ preskrizzjoni estintiv/negattiv se jonqos għal ħames snin.

FuqFuq

Il-perjodi ta’ limitazzjoni u l-limiti ta’ żmien proċedurali jvarjaw skont il-każ u l-proċedura.

4. Meta att jew formalità jrid isir fil-perjodu stipulat, x’inhu l-bidu– jiġifieri l-mument inizjali li minnu jibda l-perjodu (“terminus a quo”) – ta’ dan l-att jew din il-formalità?

Fil-każ tal-limiti ta’ żmien proċedurali, taħt l-Artikolu 640 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, fejn l-att jew il-formalità trid isir qabel ma jintemm il-limitu ta’ żmien, dan il-limitu ta’ żmien jibda fid-data tal-att, l-avveniment, id-deċiżjoni jew in-notifika li tistabbilih.

Għall-perjodi ta’ limitazzjoni u ta’ preskrizzjoni, din ir-regola tapplika wkoll suġġetta għal dispożizzjonijiet speċjali. B’dal-mod, skont l-Artikolu 2270-1 tal-Kodiċi Ċivili, it-talbiet tar-responsabbilità mhux kuntrattwali jintemmu wara perjodu ta’ għaxar snin mill-okkorrenza jew l-aggravazzjoni tad-dannu/inġurja.

a) Il-punt tal-bidu li minnu jidba l-perjodu jista’ jiġi effettwat jew modifikat permezz tal-metodu tat-trasmissjoni jew il-kunsinna tal-atti (servizz personali permezz ta’ huissier jew servizz postali)?

Taħt l-Artikolu 653 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid, meta n-notifika tingħata minn marixxall id-data ta’ notifika hija dik ta’ meta n-notifika tingħata lill-persuna, fid-domiċilju jew fir-residenza tiegħu jew tagħha, jew id-data li fiha jiġi preparat ir-rapport fejn l-marixxall jistabbilixxi l-proċeduri li saru biex tiġi rintraċċata l-persuna li għaliha huwa indirizzat l-att.

FuqFuq

Taħt l-Artikoli 668 u 669 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid, id-data tan-notifika bil-posta, safejn hija konċernata l-persuna li qed tieħu l-azzjoni, hija d-data li fiha intbgħatet; għall-persuna li qed tirċeviha din hija d-data ta’ riċeviment. Id-data ta’ meta tintbgħat in-notifika permezz tal-posta hija d-data fuq it-timbru tal-posta tal-uffiċċju li minnu tintbgħat. Id-data tal-kunsinna hija d-data tar-riċeviment jew id-data tal-inizjalar. Id-data tar-riċeviment tan-notifika permezz ta’ ittra reġistrata b’avviż tal-kunsinna hija d-data li fiha l-ittra tiġi ttimbrata mis-servizzi postali meta tiġi kunsinjata lid-destinatarju.

Permezz ta’ deroga minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 647-1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi li d-data ta’ notifika ta’ att f’“collectivité d’outre-mer” (komunità barra mill-pajjiż), fil-Kaledonja l-Ġdida jew barra mill-pajjiż hija, safejn hija konċernata l-persuna li qed tieħu l-azzjoni, id-data li fiha jintbgħat l-att mill-marixxall jew mir-reġistru, altrimenti hija d-data ta’ meta jirċeviha l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku kompetenti.

5. Minn meta jibda għaddej il-perjodu:

a) Meta perjodu bħal dan jiġi espress fi ġranet, tgħodd id-data attwali tal-att, tal-avveniment, tad-deċiżjoni jew id-data tan-notifika u/jew intimazzjoni li tibdih?

Taħt l-Artikolu 641 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid, fejn limitu ta’ żmien huwa espress fi ġranet, il-ġurnata tal-att, l-avveniment jew id-deċiżjoni, jew tan-notifika li tibdih ma tgħoddx.

FuqFuq

Il-punt li fih jibda l-limitu ta’ żmien ma jiġix effettwat mill-forma tan-notifika. Madankollu, fejn l-att ma ġiex konsenjat lil persuna, ċertu dispożizzjonijiet jrendu possibli li l-punt li fih jibda għaddej il-limitu ta’ żmien jiġi diferit sad-data tan-notifika tal-att lil persuna jew sad-data li fiha jittieħdu l-miżuri tal-infurzar fuq il-bażi tal-att.

b) Meta limitu ta’ żmien jiġi espress fi ġranet, in-numru ta’ ġranet indikat jinkludi l-ġranet kalendarji jew il-ġranet tax-xogħol biss?

Pereżempju, jekk persuna trid taġixxi jew tiġi notifikata dwar att it-Tnejn 4 ta' April 2005 u hu jew hi jiġu mitluba jwieġbu fi żmien 14-il ġurnata min-notifika, dan ifisser li hu jew hi jridu jwieġbu qabel:

  1. it-Tnejn 18 ta' April (ġranet kalendarji) jew
  2. il-Ġimgħa 22 ta' April 2005 (ġranet tax-xogħol)?

Taħt l-Artikolu 642 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid, limitu ta' żmien li normalment jagħlaq is-Sibt, il-Ħadd jew f'festa pubblika jew oħra jiġi estiż sal-ewwel ġurnata tax-xogħol li jmiss.

Bħala konsegwenza ta' dan, il-limitu ta' żmien ikompli għaddej matul il-Ħdud u l-festi pubbliċi iżda jiġi estiż fejn normalment jintemm is-Sibt, il-Ħadd jew f'festa pubblika jew oħra.

c) Perjodu bħal dan irid jiġi espress f’xhur jew fi snin?

Taħt l-Artikolu 641 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid, fejn limitu ta’ żmien huwa espress f’xhur jew snin dan jintemm fil-ġurnata tal-aħħar xahar jew sena li fiha l-istess numru bħall-ġurnata tal-proċess, avveniment, deċiżjoni jew notifika li tagħti bidu għall-limitu ta’ żmien. Fejn ix-xahar rilevanti m’għandu l-ebda ġurnata bl-istess numru, il-limitu ta’ żmien jiskadi fl-aħħar ġurnata tax-xahar.

FuqFuq

Fejn limitu ta’ żmien jiġi espress f’xhur u fi ġranet, ix-xhur se jingħaddu l-ewwel, imbagħad il-ġranet.

Ir-regola stabbilita fl-Artikolu 642 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid (cf. il-mistoqsija preċedenti) tapplika għal kwalunkwe limitu ta’ żmien, jekk dan jiġix espress fi ġranet, f’xhur jew fi snin.

d) Meta jiskadu dawn id-dati tal-għeluq?

Kif ġie spjegat hawn fuq, taħt l-Artikolu 642 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid, il-limiti ta’ żmien kollha jiskadu f’nofsillejl fl-aħħar ġurnata, sakemm ma jiġux estiżi f’każijiet fejn il-limitu normalment jiskadi s-Sibt, il-Ħadd jew f’festa pubblika jew oħra.

Bħalma ntqal qabel, il-limiti ta’ żmien kollha jibdew fid-data tal-att, l-avveniment, id-deċiżjoni jew in-notifika li tibdih.

6. Jekk il-perjodu jiskadi s-Sibt, il-Ħadd jew f’festa pubblika jew ġurnata mhux tax-xogħol, dan jiġi estiż sal-ewwel ġurnata tax-xogħol li jmiss?

Bħalma ntqal qabel, limitu ta’ żmien li normalment jiskadi s-Sibt, il-Ħadd jew f’festa pubblika jew oħra se jiġi estiż sal-ewwel ġurnata tax-xogħol li jmiss.

Il-punt inizjali ta’ limitu ta’ żmien irid jiġi ffissat jew irid ikun jista’ jiġi ffissat. Jekk neċessarju jista’ jiġi eżaminat mill-qorti. Bħala konsegwenza ta’ dan, l-estensjoni ta’ limitu ta’ żmien sal-ġurnata tax-xogħol li jmiss tapplika għall-każijiet kollha u għall-proċeduri kollha.

7. Meta t-talba tittieħed quddiem ġurisdizzjoni li għandha s-sede tagħha fil-kontinent tal-Istat Membru (għal dawk li jikkonsistu minn entitajiet minbarra l-metropoli jew li għandhom entitajiet separati ġeografikament), iż-żmien tal-għeluq jiżdied għal persuni li jgħixu/għandhom residenza f’wieħed minn dawn l-entitajiet jew li jgħixu/għandhom residenza barra mill-pajjiż? Jekk iva, b’kemm?

Taħt l-Artikolu 643 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid, fejn azzjoni ssir quddiem qorti li għandha s-sedi tagħha fi Franza metropolitana, il-limiti ta' żmien relatati ma' dehriet, depożizzjoni ta' appell, rikors għall-annullament, rikors għar-reviżjoni u appell fil-kassazzjoni se jiġu estiżi:

FuqFuq

  • b'xahar għal persuni li qed jgħixu f'dipartiment amministrattiv barra mill-pajjiż jew f'territorju barra mill-pajjiż;
  • b'xahrejn għal persuni li jgħixu barra mill-pajjiż.

8. Bil-maqlub, meta talba tittieħed għand ġurisdizzjoni li għandha s-sedi tagħha f’waħda mill-entitajiet ġeografikament distinti mill-kontinent, iż-żmien tal-għeluq jiżdied għal persuni li ma jgħixux/m’għandhomx residenza f’dawn l-entitajiet jew għal persuni li jgħixu/għandhom residenza barra mill-pajjiż?

Taħt l-Artikolu 644 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid, fejn azzjoni tittieħed quddiem qorti li qiegħda f'dipartiment barra mill-pajjiż, il-limiti ta' żmien relatati ma' dehriet, depożizzjoni ta' appell, rikors għall-annullament u rikors għar-reviżjoni se jiġu estiżi:

  • b'xahar għal persuni li ma jgħixux f'dak id-dipartiment amministrattiv kif ukoll għal dawk li jgħixu fid-distretti tat-tali dipartimenti kif speċifikat permezz tal-ordni tal-ewwel president;
  • b'xahrejn għal persuni li jgħixu barra mill-pajjiż.

9. Hemm xi limiti ta’ żmien għall-appelli speċifiċi għal ċertu kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali?

Teoretikament, taħt l-Artikolu 538 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid, il-limitu ta’ żmien għal appell huwa ta’ xahar f’kwistjonijiet kontenzjużi u ħmistax-il ġurnata fi kwistjonijiet mhux kontenzjużi. Madankollu, numru ta’ testi jidderogaw minn dan il-prinċipju. Pereżempju, il-limitu ta’ żmien għal appell huwa ta’ 15-il ġurnata fil-kaz ta’ inġunzjonijiet intermedjarji, deċiżjonijiet tal-qorti tal-infurzar, ordnijiet tat-tribunal tal-familja, deċiżjonijiet tal-imħallfin fi tribunali tal-minorenni f’każijiet ta’ assistenza edukattiva, eċċ.

FuqFuq

10. Il-qrati jistgħu, f’każ ta’ emerġenza jew għal kwalunkwe raġuni, jqassru l-limitu ta’ żmien ta’ dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra? Bil-maqlub, perjodi bħal dawn jistgħu jiġu estiżi?

Fil-każ ta’ emerġenza, l-imħallfin jistgħu jqassru l-limiti ta’ żmien ta’ dehra u jippermettu li tiġi ffissata data speċifika. Bil-maqlub, l-imħallfin jistgħu jiddiferixxu l-eżaminazzjoni tal-każ għal data aktar tard ħalli l-partjiet ikunu jistgħu jidhru.

11. Meta att maħsub għal parti residenti f’post fejn hu/hi jistgħu jibbenefikaw minn estensjoni tal-limitu ta’ żmien jiġi notifikat f’post fejn dawn li jirrisjedu hemmhekk ma jibbenefikawx minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju tat-tali limitu ta’ żmien?

Taħt l-Artikolu 647 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid, fejn att indirizzat lil parti residenti f’post fejn hi tibbenefika minn limitu ta’ żmien estiż jiġi notifikat lilu direttament f’post fejn dawk li jirrisjedu hemm ma jibbenefikawx mit-tali limitu ta’ żmien estiż, in-notifika se tkun fiha biss il-limiti ta’ żmien mogħtija lil tal-aħħar.

12. X’inhuma s-sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-perjodi?

It-tmiem tal-preskrizzjoni jew it-tmiem tal-perjodu ta’ limitazzjoni jtemm l-eżistenza tad-dritt għall-azzjoni u huwa sanzjonat minn prova ta’ inammissibilità, li l-effett tagħha huwa li l-applikazzjoni tiġi dikjarata inammissibbli mingħajr eżaminazzjoni tal-merti tagħha.

FuqFuq

Il-pieni relatati man-nuqqas ta’ konformità mal-limitu ta’ żmien proċedurali stabbilit mil-liġi jew impost mill-qorti jvarjaw skont l-iskop tal-limitu ta’ żmien u l-għamla tal-att li se jsir. Nuqqas ta’ konformità mal-limitu ta’ żmien ta’ dehra jrendi null il-ġudizzju mogħti qabel it-tmiem tal-limitu ta’ żmien jekk il-konvenut ma deherx. Jekk il-partijiet jonqsu milli juru diliġenza dovuta dawn normalment jiġu penalizzati billi jitneħħew mil-lista. In-nuqqas li jitwettqu l-formalitajiet proċedurali jiġi sanzjonat min-nullità.

13. Jekk tiskadi d-data tal-għeluq, x’rimedji huma disponibbli għall-partijiet kontumaċi?

M’hemm l-ebda dispożizzjonijiet biex jitreġġa’ lura l-iskadenza tad-dritt għall-azzjoni quddiem il-qrati, li huwa effett legali tat-tlestija ta’ perjodu ta’ preskrizzjoni jew ta’ limitazzjoni.

Madankollu, fejn dan jiġi provdut minn strument legali, l-imħallef jista’ jissolleva parti mid-data tal-għeluq li tirriżulta mit-tmiem ta’ limitu ta’ żmien. B’dal-mod, l-Artikolu 540 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid jipprovdi għall-possibbiltà li parti tiġi sollevata mid-data tal-għeluq li tirriżulta mit-tmiem ta’ limitu ta’ żmien għad-depożitu ta’ appell kontra ġudizzju li jsir minħabba inadempiment jew li huwa meqjus bħala kontradittorju fejn il-parti, mingħajr ebda tort, ma kinitx taf dwar il-ġudizzju fiż-żmien biex tagħmel rikors għar-reviżjoni jew ma setgħetx taġixxi.

Id-deċiżjoni ta’ mħallef li tiddikjara att proċedurali preskritt tista’ tkun is-suġġett ta’ appell jew ta’ applikazzjoni għal revoka. In-nullità ttemm il-proċess imma tħalli d-dritt miftuħ biex isir rikors. Għal din ir-raġuni, tista’ ssir applikazzjoni ġdida dment li ma hemmx raġunijiet għall-estinzjoni tal-azzjoni, notevolment il-preskrizzjoni.

Appell ma jistax jiġi depożitat kontra deċiżjoni biex jitneħħa każ mil-lista. Madankollu, il-kawża tal-azzjoni xorta tissussisti wara t-tneħħija mil-lista. Bħala riżultat ta’ dan, l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni jew il-limitazzjoni introdotta permezz tal-att tan-nofitika tibqa’. It-twettiq ta’ formalità, l-applikazzjoni għar-radd lura tal-każ fuq il-lista, hija suffiċjenti biex tiġi sospiża l-proċedura li rriżultat mit-tneħħija.

« Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Informazzjoni Ġenerali | Franza - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 07-04-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit