Kummissjoni Ewropea > NGE > Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura > Estonja

L-aħħar aġġornament: 16-04-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Estonja

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Agħti definizzjoni tal-iskadenzi varji applikabbli fl-Istat Membru tiegħek fil-kwistjonijiet ċivili; per eżempju, limiti ta’ żmien proċedurali, perjodi ta’ preskrizzjoni jew ta’ limitazzjoni, perjodi prefissi, eċċ.. 1.
2. Agħti l-lista tal-ġranet varji meqjusa bħala ġranet mhux tax-xogħol mil-leġislazzjoni tagħkom skond ir-Regolament (KEE, Euratom) nru. 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971. 2.
3. Liema huma r-regoli ġenerali applikabbli dwar il-limiti ta’ żmien għall-proċeduri ċivili fl-Istat tiegħek? Ikkwota r-referenzi tal-leġislazzjoni applikabbli fil-kwistjonijiet ċivili. 3.
4. Meta att jew formalità trid titwettaq qabel l-iskadenza ta’ perjodu, x’inhu l-ħin tal-bidu – jiġifieri l-mument inizjali li minnu jibda jiddekorri l-perjodu (“dies a quo”) – ta’ dan l-att jew ta’ din il-formalità? (eż. id-data ta’ l-att, ta’ l-avveniment, tad-deċiżjoni jew tan-notifikazzjoni li minnu/minnha jibda jiddekorri). 4.
5. Minn meta jibda jiddekorri dan il-perjodu: 5.
6. Meta jiskadu dawn l-iskadenzi? 6.
7. Jekk il-perjodu jiskadi nhar ta’ Sibt, nhar ta’ Ħadd jew fi btala pubblika jew ġurnata mhux tax-xogħol, jiġi estiż sa l-ewwel ġurnata ta’ xogħol ta’ wara? Din l-estensjoni hija applikabbli ukoll meta l-perjodu kkonċernat għandu bħala l-bidu tiegħu avveniment futur? 7.
8. Meta t-talba tittieħed f’ġurisdizzjoni li għandha s-sede tagħha fit-territorju metropolitan ta’ l-Istat Membru (għal dawk li jikkomprendu entitajiet barra mill-metropolis jew għandhom l-entitajiet ġeografikament separati 1), l-iskadenzi jiżdiedu għall-persuni li jgħixu/joqogħdu f’wieħed minn dawn l-entitajiet jew għall-dawk li jgħixu/joqogħdu barra mill-Istat Membru? Jekk iva għal kemm? 8.
9. Bil-kontra, meta t-talba tittieħed f’ġurisdizzjoni li għandha s-sede tagħha f’wieħed minn dawn l-entitajiet li huma distinti ġeografikament mill-metropolis, l-iskadenzi huma miżjuda għall-persuni li ma jgħixux/joqogħdux f’dawn l-entitajiet jew għall-persuni li jgħixu/joqogħdu barra mill-pajjiż? 9.
10. Hemm limiti ta’ żmien għall-appelli speċifiċi għal ċerti kwistjonijiet ċivili? 10.
11. Jistgħu l-qrati, f’emerġenza jew f’xi kawża oħra, jqassru l-perjodi ta’ żmien għad-dehra jew jistabilixxu data speċjali għad-dehra? Bil-kontra jistgħu dawn il-perjodi jiġu estiżi? 11.
12. Meta att intenzjonat għal parti residenti f’post fejn hu/hi jibbenefika minn estensjoni ta’ limitu ta’ żmien jkun notifikat f’post fejn dawk li joqogħdu hemm ma jibbenefikawx minn din l-estensjoni, din il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ dan il-limitu ta’ żmien? 12.

 

1. Agħti definizzjoni tal-iskadenzi varji applikabbli fl-Istat Membru tiegħek fil-kwistjonijiet ċivili; per eżempju, limiti ta’ żmien proċedurali, perjodi ta’ preskrizzjoni jew ta’ limitazzjoni, perjodi prefissi, eċċ..

Taħt il-liġi ċivili Estonjana, il-kunċetti ta’ ‘skadenzi’ li ġejjin huma applikabbli:

  • Perjodu ta’ żmien – perjodu ta’ żmien speċifikat (bil-liġi jew bi ftehim) li huma marbutin miegħu konsegwenzi legali. Perjodu ta’ żmien jista’ jkun speċifikat fi snin, xhur, ġimgħat, ġranet, sigħat jew unitajiet iqsar ta’ żmien jew b’avveniment li se jseħħ definittivament. Perjodu ta’ żmien jibda jiddekorri fil-ġurnata wara l-ġurnata kalendarja jew is-seħħ ta’ l-avveniment li fih huwa speċifikat il-bidu tal-perjodu ta’ żmien kemm-il darba ma jkunx provdut xort’oħra bil-liġi jew b’kuntratt. Perjodu ta’ żmien jispiċċa fid-data ta’ l-għeluq.
    L-eżerċizzju ta’ dritt (pretensjoni) jista’ jkun limitat b’perjodu ta’ żmien (prefissat); li jfisser li d-dritt jiskadi (ma jibqax jeżisti) wara li jgħaddi dak il-perjodu ta’ żmien (data).
  • Limitu ta’ żmien proċedurali: sotto-kategorija tal-kunċett ġenerali tal-perjodi ta’ żmien fil-liġi ċivili. Perjodu ta’ żmien proċedurali huwa perjodu ta’ żmien speċifikat li miegħu huma marbutin il-konsegwenzi tal-proċedura ċivili. Il-perjodi ta’ żmien proċedurali huma speċifikati fi snin jew ġranet jew b’avvenimenti li se jseħħu definittivament. Atti proċedurali għandhom jitwettqu fi żmien il-perjodi ta’ żmien stabbiliti. Id-dritt li jitwettaq att proċedurali ma jibqax iseħħ fl-iskadenza tal-perjodu ta’ żmien. L-appelli u d-dokumenti l-oħra sottomessi wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ żmien ma jiġux meqjusa u jiġu rritornati. Il-perjodu ta’ żmien jista’ jinbeda mill-ġdid jew jiġi estiż mill-qorti.
  • Perjodu ta’ limitazzjoni – id-dritt li tressaq pretensjoni kontra persuna oħra isir preskritt fi żmien il-perjodu ta’ żmien pprovdut bil-liġi (perjodu ta’ limitazzjoni magħruf ukoll bħala perjodu ta’ preskrizzjoni; jista’ jiġi modifikat bi ftehim). Il-fatt li jgħaddi l-perjodu ta’ limitazzjoni ma jitterminax il-pretensjoni bħala tali, imma l-persuna obbligata tista’ tirrifjuta milli twettaq l-obbligazzjoni wara l-preskrizzjoni tal-pretensjoni. Il-qorti għandha tikkunsidra l-preskrizzjoni biss fuq talba tal-persuna obbligata.

2. Agħti l-lista tal-ġranet varji meqjusa bħala ġranet mhux tax-xogħol mil-leġislazzjoni tagħkom skond ir-Regolament (KEE, Euratom) nru. 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971. 

  1. 1 ta’ Jannar – L-Ewwel tas-Sena;
  2. – il-Ġimgħa l-Kbira;
  3. – Ħadd il-Għid;
  4. 1 ta’ Mejju – May Day;
  5. Pentekoste;
  6. 23 ta’ Ġunju – Jum il-Vittorja;
  7. 24 ta’ Ġunju  – Ġurnata ta’ Nofs is-Sajf;
  8. 20 ta’ Awissu – Ġurnata tar-Radd Lura ta’ l-Indipendenza;
  9. 25 ta’ Diċembru – il-Milied;
  10. 26 ta’ Diċembru – il-Ġurnata ta’ wara l-Milied;
  11. 25 ta’ Frar – Jum l-Indipendenza, l-Anniversarju tar-Repubblika ta’ l-Estonja.

3. Liema huma r-regoli ġenerali applikabbli dwar il-limiti ta’ żmien għall-proċeduri ċivili fl-Istat tiegħek? Ikkwota r-referenzi tal-leġislazzjoni applikabbli fil-kwistjonijiet ċivili.

Skond il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, “perjodu ta’ żmien proċedurali (limitu ta’ żmien) huwa perjodu ta’ żmien speċifikat li miegħu huma marbutin il-konsegwenzi tal-proċeduri” (§ 40 tal-Kodiċi). Il-perjodi ta’ żmien proċedurali huma speċifikati fi snin jew fi ġranet jew b’avvenimenti li se jseħħu definittivament.

FuqFuq

Att proċedurali għandu jitwettaq fi żmien il-perjodu ta’ żmien speċifikat bil-liġi. Jekk il-perjodu ta’ żmien fi proċeduri ma jkunx speċifikat bil-liġi, il-qorti tistabilixxi perjodu ta’ żmien raġonevoli. Id-data ta’ l-għeluq għat-twettiq ta’ att proċedurali għandha tkun speċifikata b’data, b’avveniment li se jseħħ definittivament jew b’perjodu ta’ żmien. Fil-każ ta’ l-aħħar, att proċedurali jista’ jitwettaq matul il-perjodu ta’ żmien.

Perjodu ta’ żmien speċifikat fi snin, xhur jew ġranet jibda jiddekorri fil-ġurnata wara l-ġurnata kalendarja jew fis-seħħ ta’ l-avveniment li bih huwa speċifikat il-bidu tal-perjodu ta’ żmien. Perjodu ta’ żmien speċifikat fi ġranet jiskadi fl-aħħar ġurnata tal-perjodu ta’ żmien. Perjodu ta’ żmien speċifikat fi snin jiskadi fil-ġurnata korrispondenti ta’ l-aħħar sena tal-perjodu ta’ żmien. Jekk id-data ta’ l-għeluq ma taqax f’ġurnata tax-xogħol, il-perjodu ta’ żmien jiskadi fil-ġurnata tax-xogħol ta’ wara.

Id-dritt li jitwettaq att proċedurali ma jibqax jeżisti fl-iskadenza tal-perjodu ta’ żmien. Il-kors ta’ perjodu ta’ żmien fi proċedura speċifikat bil-liġi huwa sospiż mil-ġurnata li fiha ċ-ċirkostanzi li huma l-bażi għas-sospensjoni tal-proċedura jsiru evidenti. Il-kors ta’ perjodu ta’ żmien fi proċedura jkompli mill-ġurnata li fiha jibdew mill-ġdid l-proċeduri. Il-qorti tista’ tibda mill-ġdid perjodu ta’ żmien fi proċedura speċifikat bil-liġi jekk ma jkunx ġie imħares għal raġuni tajba. Il-petizzjoni biex jiġi mibdi mill-ġdid perjodu ta’ żmien li ma ġiex imħares għandha tiġi sottomessa lill-qorti li kellu jitwettaq quddiemha l-att proċedurali. Il-petizzjoni għandha tinstema’ mill-istess qorti kemm-il darba ma jkunx ipprovdut xort’oħra bil-liġi.

FuqFuq

4. Meta att jew formalità trid titwettaq qabel l-iskadenza ta’ perjodu, x’inhu l-ħin tal-bidu – jiġifieri l-mument inizjali li minnu jibda jiddekorri l-perjodu (“dies a quo”) – ta’ dan l-att jew ta’ din il-formalità? (eż. id-data ta’ l-att, ta’ l-avveniment, tad-deċiżjoni jew tan-notifikazzjoni li minnu/minnha jibda jiddekorri).

Perjodu ta’ żmien (perjodu) speċifikat fi snin, xhur jew ġranet jibda jiddekorri fil-ġurnata wara l-ġurnata kalendarja jew is-seħħ ta’ l-avveniment li bih huwa speċifikat il-bidu tat-terminu. Jekk limitu ta’ żmien proċedurali (għall-esekuzzjoni ta’ att jew ta’ formalità) ġie stabbilit bl-iffissar ta’ perjodu ta’ żmien (segment ta’ ħin minn twettiq/avveniment għall-ieħor; eżempju: 10 ġranet mill-wasla ta’ dokument), l-att proċedurali jista’ jiġi esegwit matul il-perjodu stabbilit. Il-mument inizjali tal-perjodu huwa mbagħad stabbilit bis-seħħ ta’ l-avveniment li miegħu huwa marbut il-bidu tal-perjodu.

5. Minn meta jibda jiddekorri dan il-perjodu:

  1. Meta jkun espress fi ġranet dan il-perjodu? Id-data attwali ta’ l-att, ta’ l-avveniment, tad-deċiżjoni jew tan-notifikazzjoni li jibdih/tibdih tgħodd?
  2. Meta jkun espress f’xhur jew fi snin dan il-perjodu?

Jekk perjodu jkun espress fi ġranet, il-perjodu jibda jiddekorri fil-ġurnata ta’ wara l-ġurnata kalendarja li fiha kien stabbilit il-bidu tal-perjodu. L-istess jgħodd għall-każijiet fejn il-perjodu jkun espress f’xhur jew fi snin: il-perjodu jibda jiddekorri fil-ġurnata ta’ wara l-ġurnata kalendarja li fiha kien stabbilit il-bidu tal-perjodu.

FuqFuq

Jekk il-limitu ta’ żmien proċedurali (għall-esekuzzjoni ta’ att jew ta’ formalità) ġie stabbilit bl-iffissar ta’ perjodu ta’ żmien (segment ta’ ħin minn twettiq/avveniment sa ieħor); eżempju: 10 ġranet mill-wasla ta’ dokument), il-mument inizjali tal-perjodu jiġi stabbilit bis-seħħ ta’ l-avveniment li miegħu huwa marbut il-bidu tal-perjodu (eż.: l-wasla tad-dokument relevanti).

6. Meta jiskadu dawn l-iskadenzi?

L-iskadenzi jiskadu meta tasal id-data ta’ l-għeluq. Il-perjodu ta’ żmien speċifikat fi ġranet jiskadi fl-aħħar ġurnata tal-perjodu ta’ żmien. Il-perjodu ta’ żmien speċifikat fi snin jispiċċa fil-ġurnata korrispondenti ta’ l-aħħar sena tal-perjodu ta’ żmien. Jekk id-data ta’ l-għeluq ma taqax f’ġurnata tax-xogħol, il-perjodu ta’ żmien jiskadi fil-ġurnata tax-xogħol ta’ wara.

Atti proċedurali li ġie speċifikat perjodu ta’ żmien għat-twettiq tagħhom jistgħu jitwettqu sa l-24.00 fl-aħħar ġurnata tal-perjodu ta’ żmien. Jekk att proċedurali għandu jitwettaq il-qorti, it-tmiem tal-ġurnata tax-xogħol tal-qorti huwa meqjus bħala t-tmiem tal-perjodu ta’ żmien.

Dokument huwa meqjus li ġie sottomess fi żmien il-perjodu ta’ żmien jekk ikun sottomess lill-uffiċċju tal-posta għat-tqassim qabel 24.00 fl-aħħar ġurnata tal-perjodu ta’ żmien. It-tqassim ta’ test ta’ dokument b’facsimile jew b’mezzi oħra ta’ komunikazzjoni huwa ekwivalenti għas-sottomissjoni tad-dokument lill-uffiċċju tal-posta.

7. Jekk il-perjodu jiskadi nhar ta’ Sibt, nhar ta’ Ħadd jew fi btala pubblika jew ġurnata mhux tax-xogħol, jiġi estiż sa l-ewwel ġurnata ta’ xogħol ta’ wara? Din l-estensjoni hija applikabbli ukoll meta l-perjodu kkonċernat għandu bħala l-bidu tiegħu avveniment futur?

Jekk id-data ta’ l-għeluq ma taqax f’ġurnata tax-xogħol, il-perjodu ta’ żmien dejjem jispiċċa fil-ġurnata tax-xogħol ta’ wara.

FuqFuq

8. Meta t-talba tittieħed f’ġurisdizzjoni li għandha s-sede tagħha fit-territorju metropolitan ta’ l-Istat Membru (għal dawk li jikkomprendu entitajiet barra mill-metropolis jew għandhom l-entitajiet ġeografikament separati 1), l-iskadenzi jiżdiedu għall-persuni li jgħixu/joqogħdu f’wieħed minn dawn l-entitajiet jew għall-dawk li jgħixu/joqogħdu barra mill-Istat Membru? Jekk iva għal kemm?

Fir-Repubblika ta’ l-Estonja, l-istess perjodi ta’ żmien fil-proċeduri japplikaw għall-parteċipanti kollha irrispettivament mir-residenza, madanakollu l-qorti tista’ testendi l-perjodu ta’ żmien fi proċedura speċifikat mill-qorti u l-qorti tista’ tibda mill-ġdid perjodu ta’ żmien fi proċedura speċifikat bil-liġi jekk ma jkunx ġie mħares għal raġuni tajba.

9. Bil-kontra, meta t-talba tittieħed f’ġurisdizzjoni li għandha s-sede tagħha f’wieħed minn dawn l-entitajiet li huma distinti ġeografikament mill-metropolis, l-iskadenzi huma miżjuda għall-persuni li ma jgħixux/joqogħdux f’dawn l-entitajiet jew għall-persuni li jgħixu/joqogħdu barra mill-pajjiż?

Fir-Repubblika ta’ l-Estonja, l-istess perjodi ta’ żmien fil-proċeduri japplikaw għall-parteċipanti kollha fil-proċeduri irrispettivament mir-residenza, madanakollu l-qorti tista’ testendi l-perjodu ta’ żmien fi proċedura speċifikat mill-qorti u l-qorti tista’ tibda mill-ġdid perjodu ta’ żmien fi proċedura speċifikat bil-liġi jekk ma jkunx ġie mħares għal raġuni tajba.

10. Hemm limiti ta’ żmien għall-appelli speċifiċi għal ċerti kwistjonijiet ċivili?

L-istess perjodi ta’ żmien għall-appell japplikaw għall-kwistjonijiet ċivili kollha.

11. Jistgħu l-qrati, f’emerġenza jew f’xi kawża oħra, jqassru l-perjodi ta’ żmien għad-dehra jew jistabilixxu data speċjali għad-dehra? Bil-kontra jistgħu dawn il-perjodi jiġu estiżi?

Il-qorti tista’ testendi perjodu ta’ żmien fi proċeduri speċifikat mill-qorti u l-qorti tista’ tibda mill-ġdid perjodu ta’ żmien fi proċeduri speċifikat bil-liġi jekk ma jkunx ġie mħares għal raġuni tajba. Il-petizzjoni biex jiġi mibdi mill-ġdid il-perjodu ta’ żmien li ma ġiex imħares għandha tiġi sottomessa lill-qorti li quddiemha kellu jitwettaq l-att proċedurali. L-att proċedurali li għalih jiġi applikat il-bidu mill-ġdid tal-perjodu ta’ żmien għandu jitwettaq fl-istess ħin mas-sottomissjoni tal-petizzjoni biex jiġi mibdi mill-ġdid il-perjodu ta’ żmien.

12. Meta att intenzjonat għal parti residenti f’post fejn hu/hi jibbenefika minn estensjoni ta’ limitu ta’ żmien jkun notifikat f’post fejn dawk li joqogħdu hemm ma jibbenefikawx minn din l-estensjoni, din il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ dan il-limitu ta’ żmien?

F’dan il-każ, l-estensjoni tal-limitu ta’ żmien għandu jkun deċiż mill-qorti.

Aktar tagħrif

________________________

1 Per eżempju: L-Azores jew il-Madeira għall-Portugal, id-Dipartimenti u t-territorji barra l-pajjiż għall-Franza, il-Gżejjer Kanari għall-Ispanja eċċ…)

« Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Informazzjoni Ġenerali | Estonja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 16-04-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit