Kummissjoni Ewropea > NGE > Servizz tad-dokumenti > Lussemburgu

L-aħħar aġġornament: 26-07-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Servizz tad-dokumenti - Lussemburgu

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Xi jfisser it-terminu legali “notifika tad-dokumenti” f’termini prattiċi? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-“notifika tad-dokumenti”? 1.
2. Liema dokumenti iridu jiġu nnotifikati formalment? 2.
3. Min huwa responsabbli għan-notifika ta’ dokument? 3.
4. Kif ikun innotifikat normalment id-dokument fil-prattika? 4.
5. Hemm xi prova bil-miktub li d-dokument kien innotifikat? 5.
6. X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u l-persuna destinatarja ma tirċevix id-dokument jew in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (eż. d-dokument ikun innotifikat lil persuna terza)? Tista’ n-notifika tad-dokument tkun valida xorta (eż. jista’ l-ksur tal-liġi jiġi rrimedjat)? Jew irid isir sforz ġdid biex dan id-dokument ikun innotifikat? 6.
7. Irrid inħallas għan-notifika ta’ dokument? Jekk iva, kemm? 7.

 

1. Xi jfisser it-terminu legali “notifika tad-dokumenti” f’termini prattiċi? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-“notifika tad-dokumenti”?

Fil-Lussemburgu, in-notifika tad-dokumenti (bil-Franċiż “notification”) hija terminu ġenerali għall-proċeduri varji li bihom dokument jinġieb għall-attenzjoni ta’ persuna.

In-notifika bil-marixxall (bil-Franċiż “signification”) tirreferi speċifikament għall-proċedura li biha d-dokument jiġi kkonsenjat mill-marixxall fir-residenza tal-persuna kkonċernata.

Bosta notifiki jsiru bil-konsenja rreġistrata u tinħareġ dikjarazzjoni ta’ riċevuta.

In-notifika bil-marixxall hija aktar ta’ min joqgħod fuqha min-notifika bil-posta. L-iktar dokumenti importanti (dokumenti li bihom jinfetħu l-kawżi, deċiżjonijiet, noti ta’ l-appell, eċċ.) għalhekk huma meħtieġa bil-liġi li jiġu kkonsenjati mill-marixxall.

Madanakollu, għal kawżi li jikkonċernaw il-Qorti ta’ Prim’Istanza, iċ-ċitazzjonijiet dejjem isiru b’konsenja rreġistrata. Skond it-tip tal-proċedura, iċ-ċitazzjoni tiġi nnotifikata jew mir-reġistru tal-qorti (eż. f’kawżi marbuta ma’ kirjiet) jew bil-marixxall. F’dan il-każ, għalhekk, il-marixxall jinnotifika d-dokument bil-posta minflok ma jikkonsenjah personalment.

Il-kosenja personali bil-marixxall normalment tkun meħtieġa sabiex jibda għaddej il-limitu ta’ żmien għall-appelli mid-deċiżjonijiet tal-qorti. Eċċezzjonalment, il-limitu ta’ żmien għall-appelli mid-deċiżjonijiet tal-qorti ta’ prim’istanza f’kawżi marbuta ma’ kirjiet u l-liġi tax-xogħol jibda meta d-deċiżjoni tiġi nnotifikata mir-reġistru tal-qorti.

FuqFuq

2. Liema dokumenti iridu jiġu nnotifikati formalment?

Bosta noti fil-kawżi jridu jiġu nnotifikati qabel ma jgħaddu għand l-imħallef.

Speċifikament, il-liġi titlob li d-dokumenti li bihom jinfetħu l-kawżi u li jitolbu lill-konvenut biex jidher quddiem imħallef personalment jew permezz ta’ avukat ikunu nnotifikati formalment.

Id-deċiżjonijiet ukoll iridu jiġu nnotifikati sabiex jiksbu s-saħħa ta’ res judicata.

3. Min huwa responsabbli għan-notifika ta’ dokument?

Bil-liġi tal-Lussemburgu, in-notifika bil-konsenja personali tista’ ssir biss minn marixxall.

F’bosta każijiet, in-notifika bil-marixxall hija meħtieġa biex każ jinġieb il-qorti. Kif tingħata deċiżjoni, il-marixxall irid jinnotifika d-deċiżjoni lill-parti li titlef il-kawża. Dan huwa meta jibda għaddej il-limitu taż-żmien għall-appelli. Jekk ma jiġi ppreżentat l-ebda appell fi żmien il-limiti ta’ żmien, id-deċiżjoni ssir finali. Jekk il-parti li titlef il-kawża tkun tixtieq tappella, in-nota ta’ l-appell trid tiġi nnotifikata bil-marixxall.

Madanakollu, hemm ċerti eċċezzjonijiet għall-monopolju tan-notifika tad-dokumenti bil-marixxalli, fir-rigward tal-konsenja personali.

Fi kwistjonijiet marbuta mal-Qorti ta’ Prim’Istanza, ngħidu aħna, ħafna kawżi jinfetħu b’petizzjoni indirizzata lill-qorti involuta. Ir-reġistru tal-qorti jinnotifika t-taħrikiet għas-smigħ lill-partijiet, u jehmeż kopja tal-petizzjoni indirizzata lill-imħallef. Din il-proċedura tapplika partikularment għal kwistjonijiet marbuta mal-kirjiet, imma tiġi segwita wkoll f’każijiet marbuta mal-liġi tax-xogħol u ordnijiet ta’ ħlas.

FuqFuq

It-taħrikiet jiġu nnotifikati wkoll mir-reġistru tal-qorti f’ċerti kawżi tal-qrati distrettwali, partikularment dwak li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-president tal-qorti.

L-avukati mhumiex awtorizzati jinnotifikaw id-dokumenti direttament; dawn iridu jqabbdu marixxall. Madanakollu, kif tkun bdiet il-kawża u kull parti tkun irrappreżentata minn avukat, l-avviżi tal-kawżi u l-evidenza bil-miktub jistgħu jiġu skambjati bejn l-avukati permezz tal-proċedura tan-notifika, li f’dan il-każ ma tinvolvi l-ebda formalitajiet speċifiċi. Bil-konswetudni, l-avukat  jagħraf minnufih ir-riċevuta ta’ dokument innotifikat b’dan il-mod.

4. Kif ikun innotifikat normalment id-dokument fil-prattika?

4.1. Il-proċedura għan-notifika, fil-qosor

Bosta dokumenti jiġu nnotifikati bil-konsenja rreġistrata u tinħareġ dikjarazzjoni ta’ riċevuta.

Jekk il-ħaddiem tal-posta isib lid-destinatarju d-dar, dan jitolbu jiffirma d-dikjarazzjoni ta’ riċevuta, li mbagħad tintbagħat lura lill-mittent. Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jiffirma d-dikjarazzjoni ta’ riċevuta, il-pustier jirreġistra n-notifika tad-dokument bħala mwettqa.

Jekk id-destinatarju ma jkunx id-dar imma persuna oħra taċċetta l-konsenja rreġistrata, il-ħaddiem tal-posta iniżżel isem din il-persuna fuq id-dikjarazzjoni ta’ riċevuta. F’bosta każijiet, in-notifika ta’ dokument lil persuna terza ma tkunx valida daqs notifika lill-persuna kkonċernata.

Jekk ma jkun hemm ħadd fl-indirizz imma l-indirizz ikun korrett, il-ħaddiem tal-posta jħalli nota fil-kaxxa ta’ l-ittri fejn jitlob lid-destinatarju jiġbor l-ittra mill-uffiċċju postali sa ċertu żmien. Id-dokument imbagħad jitqies li ġie nnotifikat anki jekk id-destinatarju ma jmurx l-uffiċċju tal-posta.

FuqFuq

Jekk l-indirizz ma jkunx jista’ jiġi vverifikat, il-ħaddiem tal-posta jibghat l-ittra lura lill-mittent u javżah li d-dokument ma ġiex innotifikat. F’dan il-każ, ikun irid jingħata indirizzn ġdid mill-persuna li trid tinnotifika d-dokument. Jekk id-destinatarju ma jkollu l-ebda indirizz magħruf, min jagħmel it-talba jista;’ jitlob marixxall jinnotifika d-dokument, jekk ikun meħtieġ b’affidavit ta’ attentat ta’ notifika.

Din il-proċedura għan-notifika tad-dokumenti tapplika biss jekk id-destinatarju jkun jgħix fil-Lussemburgu. Jekk id-destinatarju jkun jgħix barra mil-pajjiż, id-dokument irid jiġi nnotifikat minn marixxall.

4.2. Il-proċedura għan-notifika bil-marixxall, fil-qosor

Notifika bil-marixxall tfisser konsenja personali tad-dokument lid-destinatarju b’marixxall.

Il-marixxall normalment imur id-dar tad-destinatarju. Madanakollu, id-dokument jista’ jiġi kkoonsenjat fi kwalunkwapost fejn il-marixxall isib lid-destinatarju, ngħidu aħna fuq il-post tax-xogħol.

Jekk il-marixxall isib lid-destinatarju d-dar, dan jagħtih kopja ċċertifikata tad-dokument. Il-marixxall ifassal rapport ta’ notifika tad-dokument, li jinhemeż mad-dokument oriġinali. Kemm id-dokument u kif ukoll ir-rapport imbagħad jintbagħtu lura lill-persuna li tinnotifika d-dokument.

Jekk id-destinatarju ma jkunx id-dar, id-dokument jista’ jiġi kkonsenjat lil kwalunkwa persuna oħra preżenti, inklużi minorenni ta’ ’l minn 15-il sena. Fir-rapport tiegħu, il-marixxall jistipula li d-dokument ġie kkonsenjat. Jekk id-dokument jiġi kkonsenjat lil persuna terza, dan għandu jkun f’envelop issiġillat sabiex jiġi żgurat li l-persuna terza ma tkunx tista’ taqrah bla ma tiftaħ l-envelop.

FuqFuq

Jekk id-destinatarju ma jkunx id-dar imma l-indirizz ikun korrett, il-marixxall iħalli, f’envelop issiġillat fil-kaxxa ta’ l-ittri, kopja tad-dokument u avviż li huwa jkun għadda. Imbagħad jibgħat it-tieni kopja lid-destinatarju b’konsenja normali mhux iktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol wara ż-żjara tiegħu. Il-marixxall ifassal rapport dwar dawn il-proċeduri, li jinhemeż mad-dokument oriġinali nnotifikat.

Jekk il-marixxall ma jsib il-ħadd id-dar u ma jkun hemm dubju dwar l-indirizz (eż. jekk ma jkun hemm l-ebda kaxxa ta’ l-ittri), dan jistħarreġ biex jivverifika fejn jista’ jkun id-destinatarju. Ir-riżultat ta’ dan l-istħarriġ jiġi rreġistrat f’“affidavit ta’ attentat ta’ notifika”.

5. Hemm xi prova bil-miktub li d-dokument kien innotifikat?

Jekk id-dokument jintbagħat bil-konsenja rreġistrata, id-dikjarazzjoni ta’ riċevuta sservi ta’ prova. Jekk id-dokument ikun innotifikat bil-marixxall, il-marixxall ifassal rapport tal-proċeduri li jkun wettaq. Il-marixxall huwa uffiċjal professjonali. Ir-rapport tiegħu iservi bħala prova sakemm ma jiġix ippruvat xi qerq.

6. X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u l-persuna destinatarja ma tirċevix id-dokument jew in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (eż. d-dokument ikun innotifikat lil persuna terza)? Tista’ n-notifika tad-dokument tkun valida xorta (eż. jista’ l-ksur tal-liġi jiġi rrimedjat)? Jew irid isir sforz ġdid biex dan id-dokument ikun innotifikat?

Jekk ma jiġux osservati r-rekwiżiti formali għan-notifika tad-dokumenti, in-notifika tista’ tiġi ddikjarata nulla u bla effett.

In-notifika tad-dokument tista’ biss tiġi ddikjarata nulla u bla effett fuq il-bażi ta’ teknikalità jekk din it-teknikalità affettwat ħażin lid-destinatarju.

Huwa l-imħallef li jrid jiddeċiedi dwar dan il-punt.

Jekk ma kienx possibbli li d-dokument jiġu nnotifikati lid-destinatarju personalment u d-destinatarju ma deherx, l-imħallef jista’ jitlob lill-persuna li tinnotifika d-dokument biex tirriservah. Dan sabiex jiġi ċċarat kwalunkwa dubju dwar ir-raġuni li l-parti tkun naqset li tidher.

Fi proċeduri fejn il-partijiet normalment jitħarrku mir-reġistru tal-qorti, l-imħallef jista’ wkoll jistaqsi lill-persuna li tinnotifika d-dokument biex tinnotifikah bil-marixxall jekk ikun hemm dubji dwar il-validità tan-notifika mwettqa bil-konsenja rreġistrata.

Fl-aħħarnett, l-imħallef ma jistax jagħti deċiżjoni li titqies kontra l-parti li naqset milli tidher għas-smigħ sakemm ma jkunx ġie stabbilit li l-parti ġiet innotifikata personalment. Jekk dan ma jkunx il-każ (eż. jekk iċ-ċitazzjoni ġiet ikkonsenjata lil persuna oħra f’dak l-indirizz), id-deċiżjoni tingħata in absentia u l-parti jkollha l-għażla li titlob li l-każ jinstema’ mill-ġdid.

7. Irrid inħallas għan-notifika ta’ dokument? Jekk iva, kemm?

In-notifika mir-reġistru tal-qorti hija bla ħlas. Bil-liġi tal-Lussemburgu, hemm ħlas fiss għan-notifika bil-marixxall.

« Servizz tad-dokumenti - Informazzjoni Ġenerali | Lussemburgu - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 26-07-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit