Kummissjoni Ewropea > NGE > Servizz tad-dokumenti > Italja

L-aħħar aġġornament: 26-06-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Servizz tad-dokumenti - Italja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. F’termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali “notifika tad-dokumenti”? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-“notifika tad-dokumenti”? 1.
2. Liema dokumenti jeħtieġ li jiġu notifikati formalment? 2.
3. Min huwa responsabbli biex jinnotifika dokument? 3.
4. Fil-prattika, normalment, kif jiġi notifikat id-dokument ? 4.
5. X’jiġri meta f’każijiet eċċezzjonali n-notifika lid-destinatarju stess ma tkunx possibbli (eż. għaliex ma jkunx id-dar)? 5.
6. Hemm kwalunkwe prova bil-miktub li d-dokument ġie notifikat? 6.
7. X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (eż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? 7.
8. Irrid inħallas għan-notifika ta’ dokument, u jekk iva, kemm? 8.

 

1. F’termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali “notifika tad-dokumenti”? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-“notifika tad-dokumenti”?

In-notifika sempliċi (l-Artikolu 136 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) hija att li permezz tiegħu r-reġistru tal-qorti jinforma lill-partijiet jew lil persuni oħra li huma involuti f’kawża (is-servizz tal-prosekuzzjoni, l-esperti u l-awżiljarji l-oħra, ix-xhieda) li ġew aċċertati fatti speċifikati li huma rilevanti għall-kawża.

In-notifika sempliċi, għalhekk, għandha funzjoni ta’ informazzjoni u m’għandha l-ebda effett f’termini ta’ limiti ta’ żmien biex jinbdew l-istadji tal-proċedura, ħlief fil-każijiet rari previsti mil-liġi (eż. in-notifika ta’ sentenza biex jitnieda l-limitu taż-żmien sabiex isir l-appell).

In-notifika formali, mill-banda l-oħra, hija att li permezz tiegħu l-marixxall, li jaġixxi fuq applikazzjoni min-naħa ta’ parti, tas-servizz tal-prosekuzzjoni jew tar-reġistru tal-qorti, jgħarraf lid-destinatarju b’dokument ieħor li huwa jingħata kopja ċertifikata ta’ l-oriġinal tiegħu. L-għan ta’ l-eżerċizzju huwa li d-destinatarju għandu jsir konxju mid-dokument.

L-għanijiet differenti li jridu jintlaħqu jiġġustifikaw l-użu ta’ proċeduri differenti għan-notifika tad-dokumenti (cf. l-Artikoli 136 – 151 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili)

2. Liema dokumenti jeħtieġ li jiġu notifikati formalment?

In-notifika sempliċi ssir f’każijiet fejn tkun prevista bi statut jew tkun ordnata mill-qorti (eż. il-liġi tipprevedi n-notifika sempliċi ta’ ordnijiet li jingħataw mill-imħallef in camera, taħt l-Artikolu 176 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, u ta’ ordnijiet li jiddiferixxu l-proċeduri fejn il-partijiet jonqsu milli jidhru fil-qorti, taħt l-Artikolu 181 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

FuqFuq

In-notifika formali ssir f’każijiet fejn tkun prevista bi statut biex jinkisbu riżultati proċedurali speċifiċi. Tkopri dokumenti formali tal-qorti (eż. sentenza fejn jitħalla perjodu qasir biss għall-appell), id-dokumenti tar-reġistru tal-qorti (in-notifika tar-reġistratur), id-dokumenti li jiġu mill-partijiet għal kawża (eż. iċ-ċitazzjonijiet), u d-dokumenti li jinħarġu mis-servizz tal-prosekuzzjoni (eż. l-appelli).

3. Min huwa responsabbli biex jinnotifika dokument?

In-notifika sempliċi ssir esklussivament mir-reġistru tal-qorti.

In-notifika formali tad-dokumenti ssir mill-marixxalli tal-qorti li jaġixxu skond ir-regoli preċiżi tal-ġuriżdizzjoni territorjali (cf. l-Att 1959/1229).

Permezz ta’ l-Att 1994/53 is-setgħa biex issir notifika formali, li qabel kienet esklużivament tal-marixxalli, ġiet estiża lill-avukati, għad-dokumenti kollha fi kwistjonijiet ċivili, amministrattivi u mhux ġudizzjarji.

Għal dak il-għan, l-avukat irid ikun elenkat fir-reġistru ta’ l-avukati, ikollu prokura legali, ikun liċenzjat mill-kamra ta’ l-avukati fejn jipprattika, u jkollu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li huwa validu għall-perjodu konċernat.

L-avukat jista’ jagħmel notifika formali permezz ta’ kunsinna diretta wara li d-dokument ikun ġie awtentikat mill-kamra ta’ l-avukati lokali, sakemm id-destinatarju jkun avukat ieħor li jkun irreġistrat fl-istess kamra ta’ l-avukati bħall-avukat li jagħmel in-notifika.

In-notifika tista’ ssir ukoll bil-posta (l-iktar mod komuni li jintuża), skond ir-regoli stabbiliti mill-Att 1982/890, ħlief fejn l-awtorità ġudizzjarja tordna n-notifika personali.

FuqFuq

4. Fil-prattika, normalment, kif jiġi notifikat id-dokument ?

In-notifika sempliċi ssir b’“nota mir-reġistru” f’żewġ partijiet, fejn waħda minnhom tinżamm mid-destinatarju u l-oħra tkun iffajljata fir-reġistru.

Id-dokument jista’ jiġi notifikat f’waħda miż-żewġ forom previsti bi statut: il-kunsinna personali diretta lid-destinatarju, li jiffirma rċevuta, jew permezz ta’ marixxall. Fil-każ ta’ l-aħħar, in-notifika tista’ ssir jew personalment jew bil-posta.

L-Att 2005/80 (li jirratifika d-Digriet Leġiżlattiv 35 ta’ l-14 ta’ Marzu 2005) emenda diversi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (l-Artikoli 133, 134 u 176), biex ir-reġistru issa jkun jista’ jinnotifika, permezz ta’ faks jew email, avviżi ta’ kawżi li tressqu, ta’ sentenzi li ngħataw, ta’ ordnijiet li ngħataw mill-qorti barra s-smigħ formali, u tad-deċiżjonijiet kollha li ttieħdu mill-imħallef inkwirenti, bla ħsara għal-leġiżlazzjoni li tirregola l-iffirmar, it-trasmissjoni u r-riċeviment ta’ dokumenti bil-kompjuter jew b’teknoloġiji ta’ komunikazzjoni remota (id-Digriet Presidenzjali 2000/445, kif emendat). Għal dak il-għan, l-avukat tad-difiża jrid jiddikjara fl-ewwel dokument li jiġi rreġistrat għall-finijiet tal-kawża f’liema numru tal-faks jew f’liema indirizz ta’ l-email jixtieq jirċievi n-notifika.

Id-Digriet Presidenzjali 2001/123 jipprevedi, f’termini ġenerali, l-użu ta’ teknoloġiji kompjuterizzati għall-komunikazzjoni (u n-notifika) ta’ dokumenti fi proċeduri ċivili.

In-notifika formali ssir fuq applikazzjoni minn parti jew fuq it-talba tas-servizz tal-prosekuzzjoni; fejn parti tkun rappreżentata legalment, l-applikazzjoni trid issir mir-rappreżentant.

FuqFuq

In-notifika formali tikkonsisti dejjem mill-kunsinna ta’ kopja ċertifikata ta’ l-oriġinal, u hemm żewġ modi bażiċi ta’ kunsinna: 1) in-notifika personali diretta, u 2) in-notifika bil-posta, ħlief fejn l-awtorità ġudizzjarja jew il-parti li għamlet it-talba titlob notifika personali. F’każijiet speċifiċi, il-qorti tista’ tordna forom speċifiċi (eż. bit-telegrafu); in-notifika b’dikjarazzjoni pubblika tista’ tiġi ordnata wkoll jekk ikun hemm diffikultajiet kbar bil-metodi ta’ notifika aktar konvenzjonali minħabba n-numru ta’ destinatarji.

In-notifika personali ssir fil-ħinijiet tal-ġurnata li huma speċifikati fl-Artikolu 147 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, billi tingħata kopja ċertifikata ta’ l-oriġinal lid-destinatarju, u bil-marixxall li jwettaq in-notifika jirreġistra l-fatt billi jendorsja l-oriġinal u tal-kopja.

In-notifika bil-posta ssir billi tintbagħat ittra reġistrata b’avviż ta’ kunsinna skond l-Att 1982/890.

Id-Digriet Presidenzjali 2001/123 jipprevedi t-trasmissjoni elettronika bħala mezz biex issir in-notifika (it-talba għan-notifika, it-twettiq tan-notifika, il-preżentazzjoni mill-marixxall lill-parti tad-dokument iffirmat bħala li ġie notifikat, bl-irċevuta tal-kunsinna ffirmata elettronikament); iżda l-marixxall jista’ xorta jinnotifika d-dokument bil-mod konvenzjonali jekk ikun hemm diffikultajiet bit-trasmissjoni elettronika.

It-teknika tat-telekomunikazzjoni tista’ tintuża għat-trasmissjoni ta’ dokumenti proċedurali bejn l-avukati għall-istess parti, sakemm ikollhom il-prokura legali u sakemm jintlaħqu r-rekwiżiti l-oħra kollha ta’ l-Att 1993/183.

FuqFuq

Il-kawżi tal-kumpaniji. F’kawżi li jikkonċernaw kumpaniji u intermedjarji finanzjarji, inklużi banek u istituzzjonijiet ta’ kreditu, in-notifika tista’ dejjem ssir mhux biss bil-mezzi konvenzjonali taħt l-Artikoli 136 et. seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, iżda wkoll:

  1. bil-faks;
  2. bl-email;
  3. bi skambju dirett bejn ir-rappreżentanti legali bil-firem li jikkonfermaw l-irċevuta billi jendorsjaw l-oriġinal, anki mill-istaff impjegat fl-uffiċċji ta’ l-avukati.

It-trasmissjoni bil-faks jew bl-email trid tkun konformi mal-leġiżlazzjoni dwar l-iffirmar u t-trasmissjoni ta’ dokumenti kompjuterizzati li jiġu trasmessi elettronikament (ara d-Digriet Leġiżlattiv 2004/5).

5. X’jiġri meta f’każijiet eċċezzjonali n-notifika lid-destinatarju stess ma tkunx possibbli (eż. għaliex ma jkunx id-dar)?

A) In-notifika formali b’notifika personali
  1. Il-marixxall dejjem jibda billi jfittex li jinnotifika d-dokumenti lid-destinatarju personalment; ġeneralment se jibda billi jmur fid-dar tad-destinatarju jew, jekk dan ma jkunx possibbli, kulfejn ikun jista’ jsibu, għalkemm dejjem fil-limiti tal-ġuriżdizzjoni ġeografika tiegħu; ir-rifjut li tiġi aċċettata l-kopja jitqies bħala notifika personali (l-Artikolu 138 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
  2. Jekk din il-proċedura mhix possibbli, in-notifika tista’ ssir: a) fid-distrett fejn jgħix id-destinatarju, (fl-ordni li ġej) fid-dar li jgħix fiha jew fejn għandu l-uffiċċju tiegħu jew fejn jeżerċita l-industrija jew is-sengħa tiegħu, billi tkun ikkunsinnata lil membru tal-familja tiegħu jew lil persuna impjegata fl-uffiċċju jew fid-ditta tiegħu, iżda mhux lil minuri ta’ 14-il sena jew inqas jew lil persuni li jidher li mhumiex kapaċi jaġixxu legalment; b) fin-nuqqas ta’ persuni bħal dawn, il-kopja tingħata lill-gwardjan jew lill-purtinar tad-dar fejn jgħix jew fejn għandu l-uffiċċju jew il-post tax-xogħol tiegħu; c) jekk ma jkun hemm l-ebda gwardjan jew purtinar, lil ġar li jaċċettaha; il-gwardjan/purtinar jew il-ġar irid imbagħad jiffirma rċevuta u l-marixxall jinforma lid-destinatarju permezz ta’ ittra reġistrata li n-notifika tkun twettqet b’dan il-mod (l-Artikolu 139 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
  3. Jekk id-destinatarju ma jinstabx (inklużi l-każijiet ta’ assenza temporanja), jew jekk ma jkunx kapaċi jaġixxi, jew is-sostituti li ġew elenkati aktar ’il fuq jirrifjutaw li jaċċettaw in-notifika, in-notifika trid issir skond il-proċedura li ġejja: a) kopja tad-dokument tiġi depożitata fil-muniċipju; b) l-avviż tad-depożitu jitwaħħal mal-bieb tad-dar, ta’ l-uffiċċju jew tal-post tax-xogħol tad-destinatarju; c) l-ittra reġistrata bl-avviż tal-kunsinna tintbagħat lid-destinatarju biex tinformah li d-dokument ġie ddepożitat għalih fil-muniċipju (l-Artikolu 140 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  4. Jekk ir-residenza, id-dar u r-residenza uffiċjali tas-soltu tad-destinatarju mhumiex magħrufa, in-notifika ssir billi tiġi depożitata kopja fil-muniċipju ta’ l-aħħar post tar-residenza tiegħu jew, jekk dan ma jkunx magħruf, fil-muniċipju tal-post fejn twieled. Jekk dawn il-postijiet ukoll ma jkunux magħrufa, il-kopja se tintbagħat lis-servizz tal-prosekuzzjoni (l-Artikolu 143 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
B) In-notifika formali bil-posta
  1. Fejn in-notifika ssir bil-posta, il-marixxall jirreġistra l-fatt, billi jispeċifika l-uffiċċju postali fejn id-dokument ġie kunsinnat. L-uffiċċju postali jrid jikkunsinna d-dokument lid-destinatarju personalment, u n-notifika titqies li tkun saret anki jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċettaha.
  2. Jekk id-destinatarju huwa temporanjament nieqes, id-dokument jiġi kunsinnat lill-persuna magħżula taħt l-Artikolu 7 ta’ l-Att 1982/890.
  3. Jekk dawk il-persuni huma neqsin, jew mhumiex persuni xierqa biex jirċievu n-notifika jew inkella jirrifjutaw li jagħmlu dan, id-dokument jiġi depożitat fl-uffiċċju postali, fejn l-istaff juri avviż fid-daħla jew iqiegħdha fil-kaxxa postali għall-indirizz; jintbagħat ukoll avviż permezz ta’ ittra reġistrata b’avviż ta’ kunsinna lid-destinatarju.

Il-Qorti Kostituzzjonali tat sentenza f’kawża li tikkonċerna din il-kwistjoni (il-Kawża 346 ta’ l-1998), fejn iddeċidiet li l-Artikolu 8 ta’ l-Att 1982/90 kien jikser il-Kostituzzjoni f’dik il-parti li tipprevedi li d-dokument kellu jiġi ritornat lil min bagħtu wara li jkunu għaddew għaxart ijiem mid-data tad-depożitu u li n-notifika kellha titqies bħala li saret f’dak il-punt.

FuqFuq

Ladarba jkun deher fil-qorti, il-prosekutur huwa d-destinatarju għan-notifika tad-dokumenti kollha; is-sentenza trid tiġi notifikata wkoll lill-prosekutur sabiex jitnedew il-limiti taż-żmien għall-appelli (l-Artikoli 170 u 285 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-forom speċjali ta’ notifika formali
  • Notifika barra mill-pajjiż issir fuq il-bażi ta’ konvenzjonijiet internazzjonali u, biss meta l-ebda waħda minnhom ma tapplika jew fejn ma jistgħux jiġu applikati, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 142 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (it-trasmissjoni bil-posta lid-destinatarju b’kopja oħra tintbagħat lis-servizz tal-prosekuzzjoni li jagħmel l-arranġamenti għat-trasmissjoni tagħha lill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin sabiex tingħata lid-destinatarju). Għal notifika formali u għal notifika sempliċi ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fl-Istati Membri ta’ l-UE (ħlief fid-Danimarka), japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 .
  • Fejn jintgħażel indirizz għan-notifika, id-dokumenti jistgħu jiġu notifikati f’dak l-indirizz sakemm il-persuna magħżula biex tirċievi n-notifika ma tmutx jew tmur toqgħod post ieħor jew ma teżerċitax aktar il-funzjoni rilevanti; din il-forma ta’ notifika hija obbligatorja jekk l-indirizz għan-notifika jintgħażel f’kuntratt u l-partijiet ikunu ddikjaraw b’mod espliċitu l-intenzjoni tagħhom skond dan (l-Artikolu 141 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
  • Hemm regoli speċjali għal notifika lil persunal militari attiv (l-Artikolu 146 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
  • Fil-każ ta’ notifika lil persuna legali (eż. kumpanija) jew lil korp kollettiv li m’għandux personalità legali (sħubijiet, assoċjazzjonijiet), il-kopja tiġi kkunsinnata lir-rappreżentant jew lil persuni oħra li huma indikati fl-Artikolu 145 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, fl-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija jew ta’ korp ieħor jew, jekk ma jkun hemm l-ebda wieħed minn dawn, lill-persuna naturali li tiġi indikata fid-dokument kostituzzjonali bħala li hija r-rappreżentant legali, skond il-forom ordinarji stabbiliti fl-Artikoli 138 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
  • In-notifika lill-Amministrazzjonijiet ta’ l-Istat issir fl-uffiċċju ta’ l-Avukat ta’ l-Istat għaż-żona territorjali fejn tinstab l-awtorità ġudizzjarja li għandha l-ġuriżdizzjoni fil-kawża (l-Artikolu 11 ta’ l-Att Konsolidat 1933/1611). Jekk l-Amministrazzjoni hija rappreżentata legalment minn avukat tas-settur privat jew minn wieħed mill-impjegati taċ-ċivil tagħha stess (eż. f’ċerti proċeduri quddiem imħallef li jiddeċiedi l-kawżi inqas serji), in-notifika tipproċedi skond ir-regoli ordinarji.

6. Hemm kwalunkwe prova bil-miktub li d-dokument ġie notifikat?

Fil-każ ta’ notifika formali b’kunsinna personali, il-marixxall irid jagħmel reġistrazzjoni dokumentarja ta’ l-attività tiegħu billi jendorsja l-oriġinal u l-kopja tad-dokument rilevanti b’indikazzjoni tal-mod u tal-post kif saret in-notifika (il-persuna u l-istatus), il-ħin, ir-rifjut (jekk kien hemm) li tiġi aċċettata n-notifika tal-kopja jew li jkun iffirmat l-oriġinal, ir-riċerki li saru, ir-raġunijiet għaliex ma saritx in-notifika u l-informazzjoni miġbura dwar fejn jinsab id-destinatarju.

FuqFuq

F’każ ta’ notifika bil-posta, l-evidenza dokumentarja tan-notifika tingħata wkoll permezz tar-rapport tal-marixxall u ta’ l-irċevuta li tkun ġiet ritornata endorsjata mill-uffiċċju postali li jkun għamel il-kunsinna.

Ir-rapport tal-marixxall huwa dokument uffiċjali, u huwa reġistrazzjoni awtentika, sakemm ma jiġix ippruvat li hija falza, ta’ l-istħarriġ li sar, tal-fatti li seħħew fil-preżenza tal-marixxall u tad-dikjarazzjonijiet li sarulu; tikkostitwixxi evidenza awtentika sakemm ma jkunx ipprovat il-kuntrarju ta’ ċirkostanzi oħra li m’aċċertax ruħu minnhom personalment (eż. l-istatus ta’ membru tal-familja jew ta’ l-istaff domestiku tal-persuna li aċċettat in-notifika).

Dwar in-notifika permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, il-marixxall jirritorna d-dokument notifikat bl-istess teknika, flimkien ma’ rċevuta awtentikata bil-firma elettronika tiegħu.

F’notifika sempliċi, l-evidenza tingħata permezz ta’ l-irċevuta ffirmata mid-destinatarju jew permezz tar-rapport tal-marixxall, flimkien ma’ l-irċevuta għall-ittra reġistrata fil-każ ta’ notifika bil-posta.

Għal notifika permezz ta’ teknika elettronika jew permezz ta’ l-email, l-evidenza tingħata permezz ta’ l-irċevuta tal-kunsinna b’firma elettronika li tiġi rreġistrata bil-kompjuter.

7. X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (eż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)?

L-effikaċja tan-notifika tiġi mill-fatt li l-kopja tiġi kunsinnata bil-forma xierqa (il-prinċipju tar-riċeviment jew ta’ l-għarfien skond il-liġi); għalhekk il-fatt li d-destinatarju effettivament ġie mgħarraf bil-kontenut tad-dokument jew kien jafu b’xi mod ieħor jew b’xi proċedura oħra huwa pjuttost irrilevanti.

FuqFuq

In-nuqqas ta’ eżistenza – in-nullità

In-notifika formali ma tkunx saret jekk id-dokument ma jiġix ikkunsinnat lid-destinatarju jew jekk jiġi kkunsinnat f’post jew lil persuna li mhux relatat mad-destinatarju.

Tkun nulla jekk ma jkunx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet statutarji dwar il-persuna li lilha għandha tiġi kunsinnata l-kopja, jekk hemm inċertezza reali dwar il-persuna li ġiet ikkunsinnata lilha, jew dwar id-data meta saret il-kunsinna, jew jekk id-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-setgħat tal-marixxall inkisru.

Id-distinzjoni hija importanti, għaliex notifika li hija nulla biss aktar milli waħda li ma teżistix għal raġunijiet legali jew prattiċi, tista’ tiġi rimedjata.

In-nullità ta’ notifika tista’ tiġi rimedjata b’effett ab initio jekk attentat ripetut jirnexxi jew jekk l-għan mixtieq jinkiseb xorta waħda. Pereżempju, jekk id-destinatarju jidher fil-qorti biex jiddefendi l-każ tiegħu, in-nullità tan-notifika taċ-ċitazzjoni tiġi rimedjata awtomatikament.

In-notifika sempliċi wkoll tista’ ma teżistix jew tkun nulla. Il-qrati ddeċidew li ma jkunx hemm notifika valida meta dokumenti ġudizzjarji jiġu komunikati lil waħda mill-partijiet, bil-kunsinna ta’ dokument tar-reġistru lil persuna li ma ngħatatx is-setgħa xierqa li tirċevih mir-rappreżentant legali tal-parti.

Jekk ir-reġistru jagħmel użu mis-servizzi tal-marixxalli biex jiġi kunsinnat dokument, kwalunkwe nullità ta’ notifika tagħmel il-komunikazzjoni nulla. Il-komunikazzjonijiet jistgħu jitwettqu b’mod validu f’forom ekwivalenti, sakemm dawn tabilħaqq ġejjin mir-reġistru u jkun jidher ċar li d-dokument ġie kkunsinnat lid-destinatarju u f’liema data.

FuqFuq

8. Irrid inħallas għan-notifika ta’ dokument, u jekk iva, kemm?

Il-partijiet li jitolbu notifika formali jridu jħallsu lill-marixxall, bil-quddiem, il-ħlasijiet u l-ispejjeż tal-kunsinna jew tal-ġarr tad-dokumenti li għandhom jiġu notifikati (l-Att Konsolidat 2002/115 dwar l-ispejjeż fi proċeduri legali).

Il-ħlasijiet jitħallsu skond l-iskali previsti mill-istatut u jvarjaw skond in-numru tad-destinatarji (minn €2.58 għal żewġ destinatarji sa €12.39 għal sitt destinatarji oħra).

L-ispejjeż tal-ġarr jitħallsu skond l-iskali previsti mill-istatut u jvarjaw fuq skala progressiva skond id-distanza f’kilometri li trid tiġi koperta; ir-rati huma modesti (għal distanzi ta’ iktar minn 18-il km l-ispiża hija ta’ €3.06, flimkien ma’ €0.65 għal kull 6 km addizzjonali jew frazzjoni ta’ mill-inqas 3 km). Il-ħlasijiet u l-ispejjeż tal-ġarr jiżdiedu bin-nofs għal dokumenti urġenti li jridu jiġu kunsinnati fl-istess jum jew sa l-għada.

Għal notifika formali mitluba mill-awtoritajiet ġudizzjarji (jiġifieri s-servizz tal-prosekuzzjoni jew ir-reġistru tal-qorti), l-ewwel parti li tibda l-proċeduri trid tħallas bil-quddiem l-ħlasijiet tal-ġarr u tal-kunsinna b’rata standard li tiġi ddeterminata permezz tat-tabella fl-Anness 1 għall-Att Konsolidat 2002/115 (€2.46 għall-każijiet kollha, bi ftit eċċezzjonijiet; iżda d-differenza imbagħad hija biss ta’ ftit euros).

M’hemm l-ebda ħlas speċifiku għal notifika sempliċi li ssir direttament mir-reġistru tal-qorti, billi d-dokument tar-reġistru jintbagħat lid-destinatarju jew lir-rappreżentant legali tiegħu.

Jekk il-parti tkun eliġibbli għall-għajnuna legali, il-ħlasijiet u l-ispejjeż tal-ġarr u l-ispejjeż kollha tan-notifika jitħallsu bil-quddiem mit-Teżor jew jiġu debitati lilu.

Għal kwistjonijiet dwar impjiegi, ħarsien soċjali u sigurtà soċjali, hemm eżenzjoni mill-ħlasijiet u mill-ispejjeż kollha għall-azzjonijiet li jsiru mill-marixxall (l-Artikolu 10 ta’ l-Att 1973/533 u l-Artikoli 30 u 32 ta’ l-Att Konsolidat 2002/115). Hemm eżenzjoni simili f’każijiet li jikkonċernaw l-adozzjoni ta’ minuri (l-Att 1983/184).

« Servizz tad-dokumenti - Informazzjoni Ġenerali | Italja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 26-06-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit