Kummissjoni Ewropea > NGE > Servizz tad-dokumenti > Ungerija

L-aħħar aġġornament: 24-10-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Servizz tad-dokumenti - Ungerija

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. It-terminu legali "notifika ta’ dokumenti" x’ifisser fil-prattika? Għalfejn hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta’ dokumenti"? 1.
2. Liema dokumenti għandhom jiġu notifikati b’mod formali? 2.
3. Min hu responsabbli għan-notifika ta’ dokument? 3.
4. Kif issir in-notifika tad-dokument fil-prattika? 4.
5. X’jiġri meta f’każijiet eċċezzjonali n-notifika lid-destinatarju nnifsu ma tkunx possibbli (pereżempju minħabba li ma jkunx id-dar)? 5.
6. Hemm xi prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat? 6.
7. X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju ma jirċevix id-dokument jew in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (per eżempju d-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Tista’ n-notifika tkun valida, madankollu (per eżempju l-iżball jista’ jiġi kkoreġut) jew għandha n-notifika tad-dokument tiġi ppruvata għal darba oħra? 7.
8. Għandi nħallas għan-notifika ta’ dokument, u jekk iva, kemm? 8.

 

1. It-terminu legali "notifika ta’ dokumenti" x’ifisser fil-prattika? Għalfejn hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta’ dokumenti"?

Taħt l-Att III ta' l-1952 dwar il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, id-dokumenti tal-qorti - jekk l-Att ma jiddisponiex mod ieħor - għandhom jiġu notifikati minn fornitur tas-servizz postali. In-notifika ssir fuq bażi ta' atti individwali fir-rigward tan-notifika ta' dokumenti uffiċjali.

Dokumenti tal-qorti mibgħuta bil-posta għandhom jitqiesu notifikati fil-ġurnata tat-tentattiv li jiġu notifikati jekk id-destinatarju jkun irrifjuta li jaċċettahom. Jekk in-notifika ma tkunx suċċess minħabba li d-destinatarju ma jkunx aċċetta d-dokument (ġie rritornat lill-qorti bil-marka "ma ġiex notifikat") id-dokument - sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor - għandu jitqies notifikat fil-ħames ġurnata ta' xogħol wara t-tieni tentattiv ta' notifika postali.

Il-qorti ma tippreżumix li n-notifika tkun saret jekk in-notifika tkun saret lil destinatarju sostitut u dik il-persuna/parti tkun l-avversarju/a tad-destinatarju.

F'każ ta' rikors (ordni għal ħlas) jew jekk is-sentenza finali fuq il-mertu tal-każ tkun ġiet notifikata, il-qorti tinnotifika lill-parti fi żmien tmint ijiem li n-notifika tkun preżunta li saret - sakemm il-parti ma tkunx irrifjutat li taċċetta d-dokument uffiċjali. Id-dokument uffiċjali li fir-rigward tiegħu l-qorti tkun stabbiliet l-preżunzjoni ta' notifika għandu jiġi mehmuż ma' l-avviż. Fl-avviż - fil-każ ta' rikors (ordni għal ħlas) - il-qorti tinforma lill-parti dwar l-effett tal-litigazzjoni.

Id-destinatarju jista' ukoll jaċċetta d-dokument indirizzat lilu - fuq prova ta' l-identità - fl-uffiċċju tal-qorti.

FuqFuq

Dokument li għandu jiġi notifikat barra l-pajjiż - jekk ftehim internazzjonali konkluż mill-istat Ungeriż ma jkunx jiddisponi mod ieħor - għandu jiġi sottomess lill-Ministru tal-Ġustizzja għal aktar azzjoni. In-notifika barra l-pajjiż għandha tiġi kkunsidrata valida jekk tkun tikkonforma jew mal-liġijiet Ungeriżi jew mal-liġijiet tal-pajjiż fejn tkun saret in-notifika.

Jekk il-post fejn toqgħod il-parti ma jkunx magħruf jew ikun f'pajjiż li ma jipprovdix assistenza ġudizzjarja għan-notifika, jew jekk in-notifika tiltaqa' ma' diffikultajiet li ma jkunux jistgħu jiġu evitati jew jekk it-tentattiv ta' notifika jidher mhux suċċess minn qabel, in-notifika għandha ssir b'avviż muri fuq it-tabelli ta' l-avviżi pubbliċi. In-notifika għandha ssir ukoll b'dan it-tip ta' avviż fil-każ ta' eredi mhux magħrufa.

Il-qorti tista' tordna notifika b'avviż pubbliku biss jekk il-parti titlob hekk u biss jekk jitressqu provi tal-probabbiltà tar-raġuni li sservi bħala bażi għaliha.

Id-dokument li jkun se jiġi notifikat b'avviż pubbliku għandu jitwaħħal fuq it-tabella ta' l-avviżi tal-qorti għal ħmistax-il jum u fuq it-tabella ta' l-avviżi tal-muniċipju (town hall) ta' l-aħħar indirizz magħruf tal-parti - jew fil-każ ta' notifika lil eredi mhux magħrufa, tat-testatur.

Jekk il-parti tkun toqgħod f'pajjiż li ma jkunx jipprovdi assistenza ġudizzjarja għan-notifika imma li miegħu jkun hemm rabtiet postali, l-avviż għandu jintbagħat lill-indirizz tal-parti f'dak il-pajjiż ukoll, possibilment b'ittra rreġistrata.

Jekk ir-rikors għandu jiġi notifikat lill-konvenut b'avviż pubbliku, il-qorti taħtar fiduċjarju għalih/għaliha u tinnotifika l-applikazzjoni lill-fiduċjarju.

FuqFuq

L-ispejjeż li jirriżultaw min-notifika b'avviż pubbliku jridu jitħallsu bil-quddiem biss minn dawk li jkunu talbu n-notifika b'avviż pubbliku.

Fil-każ ta' notifika b'avviż pubbliku, id-dokument - jekk il-qorti ma tordnax mod ieħor - għandu jitqies notifikat fil-ħmistax-il jum wara l-jum meta jkun twaħħal fuq it-tabella ta' l-avviżi tal-qorti.

2. Liema dokumenti għandhom jiġu notifikati b’mod formali?

L-Att dwar il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jiddefinixxi liema dokumenti għandhom jiġu notifikati, li jfisser li dokumenti li ma jkunux fuq din il-lista m'hemmx għalfejn jiġu notifikati.

Notifika formali hija meħtieġa fil-każijiet li ġejjin:

  1. meta sentenza tkun notifikata lill-partijiet;
  2. meta ordni tal-qorti jkun notifikat lil parti li ma tkunx ġiet imħarrka kif meħtieġ biex tidher il-qorti;
  3. meta ordni għandu jiġi notifikat lil parti li ma tkunx attendiet għas-smigħ tal-kawża, dwar l-appuntament ta' data ġdida għas-smigħ tal-kawża, jew jekk ikun hemm possibbiltà għal appell speċjali kontra l-ordni;
  4. meta ordni magħmul barra l-kuntest ta' proċeduri ġudizzjarji jkun notifikat lill-persuna kkonċernata;
  5. meta l-ordnijiet kollha magħmula matul il-proċeduri jkunu notifikati lil persuna li għall-benefiċċju tagħha l-prosekutur jew l-organizzazzjoni awtorizzata li tagħmel dan minn liġi speċjali jkun ta bidu għall-proċeduri.

Mhux biss il-parti dispożittiva tas-sentenza imma wkoll il-motivazzjonijiet tagħha għandhom jiġu notifikati, minbarra l-każ meta l-liġi ma teżiġix li jingħataw il-motivazzjonijiet tas-sentenza.

FuqFuq

Sentenza li ma tkunx waħda minn dawk imniżżla għandha titqies notifikata meta tiġi ppronunzjata.

Id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati b'analoġija jekk id-deċiżjoni għandha tiġi mgħarrfa mhux biss lill-partijiet imma lil persuni oħra kkonċernati.

Jekk il-parti għandha rappreżentant awtorizzat għall-proċeduri fil-kawża, id-dokumenti tal-qorti għandhom jiġu notifikati lir-rappreżentant awtorizzat minflok lill-parti. Din id-dispożizzjoni ma testendix għaċ-ċitazzjoni, fejn il-qorti tobbliga lill-parti jew lir-rappreżentant legali tagħha biex jidhru personalment.

3. Min hu responsabbli għan-notifika ta’ dokument?

Il-qorti jew il-fornitur tas-servizz postali hija/huwa responsabbli – taħt il-liġijiet relevanti – għan-notifika xierqa tad-dokumenti.

4. Kif issir in-notifika tad-dokument fil-prattika?

In-notifika ssir skond dan li ġej:

Il-fornitur tas-servizz postali jipprova jinnotifika d-dokument uffiċjali li jkun ġie mpustat b'konferma tal-wasla, permezz ta' notifika b'mod personali. Jekk l-ewwel notifika ma tkunx suċċess, jiġifieri jekk il-pustier ma jkunx irnexxielu jgħaddi d-dokument lid-destinatarju jew lil persuna awtorizzata li tirċevieh (qarib jew sieħeb tad-destinatarju), huwa jħalli avviż bil-konferma tal-wasla hemmhekk, li jgħid li l-fornitur tas-servizz postali se jipprova jinnotifika d-dokument fil-ħames ġurnata ta' xogħol wara n-notifika mingħajr suċċess. Id-dokument uffiċjali jista' jiġi rċevut qabel it-tieni notifika fl-uffiċju postali msemmi fl-avviż, bi prova ta' l-identità. Jekk it-tieni notifika ma tkunx suċċess il-fornitur tas-servizz postali jħalli t-tieni avviż li jinforma d-destinatarju li d-dokument uffiċjali jista' jiġi rċevut fl-uffiċju postali fi żmien ħamest ijiem mit-tieni notifika mingħajr suċċess. Wara ħames ġranet oħra mingħajr riżultat il-fornitur tas-servizz postali jibgħat lura d-dokument uffiċjali lill-mittenti b'avviż li "ma ġiex miġbur". Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika l-ewwel darba li jiġi notifikat, jiġifieri l-fornitur tas-servizz postali jsib id-destinatarju fl-indirizz indikat imma dan ma jkunx lest li jaċċetta d-dokument uffiċjali, id-dokument uffiċjali għandu jitqies notifikat fil-ġurnata tan-notifika mingħajr suċċess. F'dak il-każ il-fornitur tas-servizz jibgħat lura d-dokument uffiċjali mingħajr dewmien lill-mittenti bl-avviż "irrifjuta li jaċċetta" u l-konsegwenzi legali b'konnessjoni mad-dokument notifikat għandhom jiġu applikati.

FuqFuq

L-artikoli 29 u 30 tad-Digriet tal-Gvern 79/2004 (IV.19.) fuq il-proviżjoni ta' servizzi postali fihom ir-regolamenti dettaljati.

L-artikolu 30(5) jgħid li, fejn ikun neċessarju minħabba raġunijiet ta' urġenza jew raġunijiet oħra, l-awtoritajiet (qrati jew uffiċċji) jistgħu jinnotifikaw id-dokumenti permezz tal-messaġġier tagħhom stess, li jkun impjegat bħala uffiċjal pubbliku jew impjegat tas-settur pubbliku jew bħala impjegat tas-settur ġudizzjarju, minflok is-servizz postali. Fil-każ ta' notifika b'mod personali l-persuna li taċċetta tikkonferma bil-firma datata tagħha li l-aċċettazzjoni saret. Jekk ikun hemm formola speċifikament għall-aċċettazzjoni (konferma tal-wasla), il-fatt li l-aċċettazzjoni tkun saret irid jiġi kkonfermat fuqha. Jekk in-notifika ma tistax titwettaq wara żewġ tentattivi, in-notifika trid terġa tiġi ppruvata darba oħra jew trid titwettaq bil-posta ordinarja.

L-Att LIII ta' l-1994 dwar il-Proċedura ta' l-Infurzar jipprovdi għall-istituzzjoni legali tan-notifika bil-marixxall. In-notifika bil-marixxall tfisser li d-destinatarju jiġi mfittex u d-dokument jiġi notifikat lid-destinatarju b'mod personali, sabiex ikun hemm dokumentazzjoni uffiċjali li n-notifika tkun saret.

Fil-każ ta' sentenza finali fuq il-mertu ta' kawża u li aktar 'il quddiem isservi bħala bażi għall-infurzar, l-Att jippermetti li n-notifika ssir b'dan il-mod jekk fir-rigward tas-sentenza tirriżulta l-preżunzjoni li n-notifika tkun saret (tkun diġà notifikata bil-posta) u l-parti li titlob in-notifika titlobha b'mod speċifiku bi spiża għalih/għaliha. L-Att jgħid li għandha tiġi ppreparata reġistrazzjoni formali tan-notifika; jgħid ukoll min għandu jiġi infurmat dwar ir-riżultat tan-notifika u liema tfittxijiet il-marixxall huwa intitolat li jagħmel sabiex isib lid-destinatarju meta jaġixxi bħala "marixxall tan-notifika" għal dan il-għan. In-notifika bil-marixxall issir minn marixxalli tal-qorti indipendenti jew is-sostituti tagħhom li jaġixxu f'isimhom - il-marixxalli tal-qorti sostituti indipendenti - u marixxalli-apprendisti tal-qorti indipendenti awtorizzati li jagħmlu n-notifika bil-marixxall.

FuqFuq

5. X’jiġri meta f’każijiet eċċezzjonali n-notifika lid-destinatarju nnifsu ma tkunx possibbli (pereżempju minħabba li ma jkunx id-dar)? 

Il-liġijiet li jirrigwardaw il-fornituri tas-servizz postali jippermettu, pereżempju, qarib li jgħix fl-istess dar bħad-destinatarju li jaċċetta d-dokument uffiċjali f’isem id-destinatarju. Jekk il-persuna sostituta xierqa ma tkunx hemm biex taċċetta d-dokument, il-fornitur tas-servizz postali jibagħtu lura 'l qorti bl-avviż "ma ġiex miġbur".

6. Hemm xi prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Il-fornitur tas-servizz postali jinforma lill-qorti dwar ir-riżultat tan-notifika billi jibgħat lura l-irċevuta tad-depożitu, magħrufa ukoll bħala l-"konferma tal-wasla".

7. X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju ma jirċevix id-dokument jew in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (per eżempju d-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Tista’ n-notifika tkun valida, madankollu (per eżempju l-iżball jista’ jiġi kkoreġut) jew għandha n-notifika tad-dokument tiġi ppruvata għal darba oħra?

Jekk in-notifika ma ssirx kif dovut, per eżempju d-dokument ma jkunx ġie rċevut mill-persuna intitolata jew id-destinatarju ma jkunx irċevieh minħabba raġunijiet oħra, li ma jkunux tort tiegħu, imbagħad il-preżunzjoni legali bbażata fuq il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili hija ribattibbli quddiem il-qorti.

Id-destinatarju jista' bħala rikorrent jissottometti rikors sabiex jirribatti l-preżunzjoni ta' notifika - għal raġunijiet mniżżla fil-liġi - fi żmien ħmistax-il ġurnata minn meta jirċievi l-informazzjoni li jkun hemm preżunzjoni ta' notifika; dan jista' jsir fil-qorti li fiha l-proċeduri relevanti jkunu qed iseħħu. Bħala regola ġenerali mhuwiex possibbli li jiġi sottomess rikors wara li jkunu għaddew sitt xhur mill-preżunzjoni ta' notifika. Jekk dan il-limitu ta' żmien jiskadi, ebda provi ma jiġu ammessi.

FuqFuq

Jekk il-preżunzjoni ta' notifika tikkonċerna biss in-notifika tad-dokument li jinstiga l-proċeduri, il-parti tista' tissottometti r-rikors matul il-proċeduri pendenti fi żmien ħmistax-il ġurnata minn meta tiġi infurmata bil-preżunzjoni ta' notifika.

Ir-rikors biex tiġi ribattuta l-preżunzjoni ta' notifika jista' jiġi sottomess fuq il-bażi tal-fatt li r-rikorrent ma setax jirċievi d-dokument uffiċjali għal raġunijiet mhux imputabbli lilu, minħabba li:

  1. n-notifika saret bi ksur tal-liġijiet li jirrigwardaw in-notifika ta' dokumenti uffiċjali jew ma kinitx regolari minħabba xi raġuni oħra; jew
  2. kien impossibbli li d-dokument jiġi rċevut għal xi raġuni oħra mhux imsemmija f'(a) (per eżempju, minħabba li ma kienx infurmat dwar in-notifika mhux minħabba xi tort tiegħu).

Persuna naturali biss (il-parti jew persuna oħra kkonċernata li tkun involuta fil-proċeduri) tista' tissottometti rikors biex tirribatti l-preżunzjoni ta' notifika jekk ir-raġuni tkun koperta minn punt (b).

Hemm dritt ta' appell kontra d-deċiżjoni li tiċħad ir-rikors. M'hemmx dritt għal appell speċjali kontra d-deċiżjoni li taċċetta r-rikors u d-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tal-proċeduri jew ta' l-infurzar; din id-deċiżjoni tista' tiġi opposta f'appell kontra s-sentenza finali fuq il-mertu tal-kawża.

Jekk il-parti tissottometti rikors biex tirribatti l-preżunzjoni ta' notifika bbażata fuq punt (a) u l-qorti taċċetta t-talba, il-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-preżunzjoni ta' notifika ma jkunux effettivi u n-notifika, jew il-miżuri, atti tal-proċeduri diġà mwettqa jkollhom jiġu ripetuti - skond ir-rikors tal-parti u sakemm ikun neċessarju. Jekk it-talba tiġi sottomessa minn rikorrent ieħor u tiġi aċċettata mill-qorti, il-konsegwenzi legali konnessi man-notifika fir-rigward tar-rikorrent ma jkunux jistgħu jiġu infurzati.

Jekk il-preżunzjoni ta' notifika tiġi ribattuta fuq il-bażi tal-punt (b), in-notifika trid tiġi ripetuta. Id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-provi tal-ħtija japplikaw b'analoġija għas-sottomissjoni u d-deċiżjoni tat-talba, jekk l-Att ma jgħidx li fost ir-regoli għall-oppożizzjoni tal-preżunzjoni hemm dispożizzjonijiet differenti.

Hemm dritt legali għall-oppożizzjoni tal-preżunzjoni ta' notifika ukoll matul il-proċedura ta' l-infurzar.

Jekk is-sentenza tkun saret torbot legalment fir-rigward tal-preżunzjoni ta' notifika, id-destinatarju bħala rikorrent - jekk ir-raġunijiet imniżżla aktar 'il fuq jeżistu - jista' jressaq rikors biex jirribatti l-preżunzjoni ta' notifika fil-qorti li topera bħala l-ewwel istanza matul il-proċedura ta' l-infurzar, ħmistax-il-ġurnata wara li jirċievi l-informazzjoni li l-proċedura biex tiġi nfurzata s-sentenza tkun bdiet. Jekk il-proċedura ta' nfurzar tkun diġà nbdiet, ir-rikors jista' jiġi sottomess biss kif definit f'dan il-paragrafu.

Ir-rikors għall-oppożizzjoni ta' preżunzjoni ta' notifika għandha tiġi deċiża fi żmien tletin ġurnata. Inkella, ir-regoli ġenerali għandhom jiġu applikati b'analoġija sabiex tiġi deċiża l-applikazzjoni.

8. Għandi nħallas għan-notifika ta’ dokument, u jekk iva, kemm?

It-tariffi tal-qorti jkopru l-ispejjeż kollha tal-kawża, inkluż l-ispejjeż tan-notifika. Il-parti li titlob l-infurzar għandha tħallas xi ħaġa żejda għall-ispejjeż ta’ l-infurzar biss jekk in-notifika bil-marixxall tkun regolata mill-Att dwar il-Proċedura ta’ l-Infurzar.

« Servizz tad-dokumenti - Informazzjoni Ġenerali | Ungerija - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 24-10-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit