Kummissjoni Ewropea > NGE > Servizz tad-dokumenti > Greċja

L-aħħar aġġornament: 12-06-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Servizz tad-dokumenti - Greċja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Xi jfisser fil-prattika t-terminu legali ‘notifika ta' dokumenti’? Għalfejn jeżistu regoli speċjali dwar in-"notifika ta’ dokumenti"? 1.
2. Liema dokumenti jridu jiġu notifikati formalment? 2.
3. Min hu responsabbli għan-notifika ta' dokument? 3.
4. Fil-prattika kif issir in-notifika ta' dokument normalment? 4.
5. X'jiġri meta, f'każijiet eċċezzjonali, ma tkunx tista' ssir in-notifika lid-destinatarju? 5.
6. Hemm prova bil-miktub li d-dokument ġie notifikat? 6.
7. X'jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir b'mod irregolari (e.ż.id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? 7.
8. Irrid inħallas għan-notifika ta' dokument, u jekk iva, kemm? 8.

 

1. Xi jfisser fil-prattika t-terminu legali ‘notifika ta' dokumenti’? Għalfejn jeżistu regoli speċjali dwar in-"notifika ta’ dokumenti"?

In-notifika hija metodu ta' kif dokument jitwassal għand il-persuna li lilha huwa indirizzat sabiex hija tieħu konjizzjoni tal-kontenut tiegħu b'mod konformi ma' ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi proċedurali li jistipulaw kif għandha ssir in-notifika ta' dokumenti, kif tista' tintuża din il-fakultà u kif in-notifika tista' tiġi ċċertifikata.

2. Liema dokumenti jridu jiġu notifikati formalment?

Id-dokumenti li għandhom jiġu notifikati formalment huma l-atti ġudizzjarji, id-dokumenti relatati ma' kawża, deċiżjonijiet ta' kontumaċja, appelli, kassazzjonijiet, rikorsi għal ritrattazzjoni, caveats ippreżentati minn terzi persuni jew fir-rigward ta' proċedimenti extra-ġudizzjarji u ġudizzjarji, interventi ewlenin u addizzjonali, notifiki ta' smigħ ta' kawżi u ta' mandati, petizzjonijiet għal inġunzjonijiet, petizzjonijiet għal protezzjoni ġudizzjarja permezz ta' proċedimenti ex parte, taħrik għal seduti kif ukoll kull sentenza tal-qorti (kemm jekk finali u kemm jekk le).

3. Min hu responsabbli għan-notifika ta' dokument?

Id-dokumenti jiġu notifikati minn parti wara li tinħareġ ordni bil-miktub. Din l-ordni tkun tinsab fid-dokument li jrid jiġi notifikat jew mill-parti involuta fil-kawża jew mill-avukat tagħha, jew permezz ta' rikors lill-imħallef kompetenti jew fil-każ ta' qorti b'aktar minn membru wieħed, lill-imħallef li jippresjedi (Artikolu 123 tal-Kodiċi Elleniku tal-Proċedura Ċivili (KEPĊ)). Id-dokumenti jiġu notifikati minn uffiċjal tal-qorti maħtur għal dan l-iskop mill-qorti fil-ġurisdizzjoni fejn id-destinatarju jkollu r-residenza jew id-domiċilju tiegħu (Artikolu 122(1) tal-KEPĊ). Id-dokumenti notifikati mill-qorti jistgħu jiġu notifikati wkoll minn uffiċjal tal-qorti fir-reġjun jew minn uffiċjal tal-pulizija, membru tal-pulizija distrettwali, il-pulizija rurali, il-pulizija tal-foresti, jew minn skrivan muniċipali jew tal-komunità (Artikolu 122(2) u (3) tal-KEPĊ). Permezz ta' digriet maħruġ fuq rakkomandazzjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja, tista' ssir notifika bil-posta, bit-telex jew bit-telefon għad-dokumenti kollha hawn fuq imsemmija jew xi wħud minnhom, u fl-istess digriet jista' jiġi stipulat kif għandha ssir in-notifika u kif għandha tiġi reġistrata (Artikolu 122 (3) tal-KEPĊ).

FuqFuq

F'każijiet ta' inġunzjonijiet, in-notifika tal-post u l-ħin tas-seduta tingħata permezz ta' avviż maħruġ mill-iskrivan tal-qorti fejn ikunu speċifikati l-post, id-data u l-ħin tas-seduta jew permezz ta' faks jew telefonata mill-iskrivan tal-qorti. B'mod parallel man-notifika ta' taħrika, l-imħallef jista' jordna wkoll li tiġi notifikata kopja tar-rikors (Artikolu 686(4) tal-KEPĊ).

4. Fil-prattika kif issir in-notifika ta' dokument normalment?

Notifika tfisser il-kunsinna tad-dokument f'idejn id-destinatarju (Artikolu 127(1) tal-KEPĊ), ikun fejn ikun (Artikolu 124 tal-KEPĊ). Jekk id-destinatarju jkollu dar, maħżen, uffiċċju jew post tax-xogħol waħdu jew ma' persuna oħra, jew ikun jaħdem bħala impjegat, ħaddiem jew lavrant, ma tistax issir notifika lil xi parti oħra mingħajr il-kunsens tiegħu (Artikolu 124(2) tal-KEPĊ).

5. X'jiġri meta, f'każijiet eċċezzjonali, ma tkunx tista' ssir in-notifika lid-destinatarju?

Jekk id-destinatarju ma jkunx id-dar, id-dokument għandu jitħalla ma' xi ħadd mill-qraba jew qaddejja li jgħixu miegħu, u jekk ma jkun hemm ħadd minn dawn il-persuni, il-kunsinna għandha ssir lil xi ħadd mir-residenti li jkunu f'sensihom u li ma jkunux partijiet fil-kawża li fiha jkun involut id-destinatarju. (Artikolu 128(1) tal-KEPĊ).

Jekk ħadd mill-persuni msemmija fl-Artikolu 128(1) ma jkun id-dar,

  1. għandha ssir affissjoni tad-dokument mal-bieb tad-dar fil-preżenza ta' xhud (notifika kostruttiva),
  2. sa mhux aktar tard minn jum wara li tkun saret in-notifika kostruttiva, kopja tad-dokument imħejjija b'xejn għandha titħalla f'idejn is-supretendent fid-dipartiment jew għassa tal-pulizija fiż-żona fejn joqgħod id-destinatarju, u jekk is-supretendent ma jkunx hemm, f'idejn l-uffiċjal ta' l-għassa jew l-assistent ta' l-uffiċjal ta' l-għassa jew il-purtinar fl-għassa tal-pulizija, u jekk ma jkun hemm ebda dipartiment jew għassa tal-pulizija fiż-żona fejn jgħix id-destinatarju, lill-president tal-komunità lokali, u jekk ma jkunx hemm lis-segretarju. Fil-każijiet kollha hawn fuq imsemmija, il-kunsinna għandha tiġi kkonfermata permezz ta' rċevuta mingħajr ħlas mehmuża mar-rapport tan-notifika msemmi hawn isfel fil-punt 6.
  3. sa mhux aktar tard mill-jum ta' xogħol ta' wara, il-parti li tinnotifika d-dokument għandha timposta lid-destinatarju avviż tan-notifika fejn għandu jiġi speċifikat it-tip ta' dokument notifikat, l-indirizz tad-dar fejn id-dokument ġie notifikat b'mod kostruttiv, id-data ta' din in-notifika kostruttiva, l-awtorità lil min ġiet ikkunsinnata l-kopja kif ukoll id-data ta' din il-kunsinna. Il-fatt li n-notifika ntbagħtet bil-posta għandu jiġi kkonfermat b'irċevuta li għandha titħejja u tiġi ffirmata mingħajr ħlas taħt ir-rapport tan-notifika (imsemmi fil-punt 6 hawn isfel) mill-parti li tinnotifika d-dokument u din il-konferma għandha ssemmi l-uffiċċju tal-posta minn fejn ntbagħtet din in-notifika u l-impjegat li rċeviha, li għandu jiffirma l-konferma (Artikolu 128(4) tal-KEPĊ).

Jekk id-destinatarju ma jkunx fil-maħżen, uffiċċju jew post tax-xogħol tiegħu, id-dokument għandu jitħalla f'idejn il-maniġer tal-maħżen, uffiċċju jew post tax-xogħol jew lil wieħed mis-sħab, soċji, impjegati jew qaddejja tad-destinatarju, meta dawn ikunu f'sensihom u ma jkunux involuti fil-kawża bħala litiganti. (Artikolu 129(1) tal-KEPĊ). Jekk ħadd mill-persuni msemmija fl-Artikolu 129(1) tal-KEPĊ ma jkun fil-maħżen, uffiċċju jew post tax-xogħol, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 128(4) tal-KEPĊ għandhom japplikaw (Artikolu 129(2) tal-KEPĊ).

FuqFuq

Jekk id-destinatarju jew il-persuni msemmija fl-Artikoli 128 u 129 jirrifjutaw li jirċievu d-dokument jew li jiffirmaw ir-rapport ta' notifika, jew jekk ma jkunux f'pożizzjoni li jiffirmawh, l-uffiċjal li jkun qed jeżegwixxi n-notifika għandu jwaħħal id-dokument mal-bieb tad-dar, uffiċċju, maħżen jew post tax-xogħol fil-preżenza ta' xhud wieħed (notifika kostruttiva) (Artikolu 130(1) tal-KEPĊ).

Jekk id-destinatarju ma jkollux dar, uffiċċju, maħżen jew post tax-xogħol jew jirrifjuta li jirċievi d-dokument, jew ma jkunx kapaċi jew jirrifjuta li jiffirma r-rapport ta' notifika u r-rifjut jew l-inkapaċità tad-destinatarju tiġi kkonfermata minn xhud maħtur mill-uffiċjal responsabbli għan-notifika għal dan l-iskop, ir-rapport għandu jitħalla f'idejn il-persuni msemmija fl-Artikolu 128(4)(b) (Artikolu 130(2) tal-KEPĊ).

Jekk id-destinatarju jkun jinsab rikoverat l-isptar jew ikun jinsab il-ħabs u ma jkunx possibbli li ssir komunikazzjoni miegħu, skond konferma mill-amministratur ta' l-isptar jew il-gwardjan tal-ħabs mehmuża mar-rapport tan-notifika, id-dokument għandu jiġi notifikat lill-amministratur ta' l-isptar jew il-gwardjan tal-ħabs li għandu d-dmir li jgħaddi d-dokument lid-destinatarju. (Artikolu 131 tal-KEPĊ).

Jekk id-destinatarju jkun qed jagħti servizz fuq bastiment tal-flotta merkantili li jkun jinsab f'port Grieg iżda ma jkunx f'postu jew jirrifjuta li jirċievi d-dokument jew ma jkunx jista' jiffirma r-rapport, id-dokument għandu jiġi notifikat lill-kaptan tal-bastiment jew lis-sostitut tiegħu, u jekk dawn il-persuni ma jinstabux jew jirrifjutaw li jirċievuh, id-dokument għandu jiġi kkunsinnat lill-amministratur tal-port, li huwa obblgat jgħaddih lid-destinatarju (Artikolu 132(1) tal-KEPĊ).

FuqFuq

Jekk id-destinatarju jkun qed jagħti servizz fuq bastiment tal-flotta merkantili li ma jkunx jinsab ġewwa port Grieg, id-dokument għandu jiġi notifikat f'daru skond l-Artikolu 128 u jekk ma jkollux dar, skond id-dispożizzjonijiet dwar notifika lil persuni mingħajr dar fissa. F'kull każ id-dokumenti jistgħu jiġu notifikati wkoll fl-uffiċċji tas-sid tal-bastiment fil-Greċja jew inkella fl-uffiċċji ta' l-aġent tal-bastiment f'port Grieg jekk dan ikun jeżisti (Artikolu 132(2) tal-KEPĊ).

Fil-każ ta' persuni li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin li jkunu qed jagħtu servizz attiv, jekk in-notifika ma tkunx tista' ssir lilhom personalment jew lill-qraba jew qaddejja li jgħixu magħhom, id-dokumenti għandhom jiġu notifikati b'mod konformi ma' l-Artikoli 128(3) u (4) u b'mod partikolari:

  1. għal persuni li jkunu jagħtu servizz fil-forzi armati ta' fuq l-art, lill-kmandant tat-taqsima, fergħa jew sezzjoni li magħhom ikun qed jagħti servizz id-destinatarju; Jekk it-taqsima, fergħa jew sezzjoni ma jkunux magħrufa, id-dokumenti għandhom jiġu notifikati lill-uffiċjal kmandant tat-taqsima relevanti.
  2. fil-każ ta' fizzjali, NCOs u baħħara fil-Flotta Ellenika, lill-Kap tal-Personal Ġenerali tal-Flotta Ellenika;
  3. fil-każ ta' fizzjali, NCOs u membri ta' l-ekwipaġġ ta' l-ajru fil-Forza ta' l-Ajru Ellenika, lill-Kap tal-Personal Ġenerali tal-Forza ta' l-Ajru Ellenika;
  4. fil-każ ta' fizzjali, NCOs tal-pulizija tal-belt, pulizija tal-kampanja u gwardji tal-kosta kif ukoll tal-forzi armati, pulizija distrettwali u gwardji tal-port, lis-supretentent tagħhom; u
  5. fil-każ ta' persuni li jaħdmu fuq fanali tal-port, dwal u bagi, lill-amministratur tal-port li taħt ir-responsabbiltà tiegħu huma jaqdu dmirijiethom (Artikolu 133(1) tal-KEPĊ).

Jekk id-destinatarju jkun residenti jew ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu f'pajjiż barrani, id-dokumenti għandhom jiġu notifikati lill-Prosekutur Pubbliku tal-qorti fejn il-kawża tkun tinsab pendenti, jew il-Prosekutur Pubbliku tal-qorti li tkun tat is-sentenza li trid tiġi notifikata, u fil-każ ta' kawżi quddiem il-qorti tal-paċi, lill-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti ta' l-Ewwel Grad li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-qorti tal-paċi. Fil-każ ta' dokumenti relatati ma' l-infurzar, id-dokumenti għandhom jiġu notifikati lill-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti ta' l-Ewwel Grad fejn għandu jsir l-infiurzar, u fil-każ ta' dokumentazzjoni extra-ġudizzjarja lill-Prosekutur Pubbliku ta' din ta' l-aħħar. Fil-każ ta' notifika f'pajjiż barrani, id-dokumenti għandhom jiġu notifikati fil-post ta' residenza jew domiċilju magħruf tad-destinatarju, u jekk ma jkun hemm ebda post ta' residenza jew domiċilju magħruf f'pajjiż barrani, id-dokumenti għandhom jiġu notifikati lill-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti ta' l-Ewwel Grad tal-belt kapitali (Artikolu 132(1) tal-KEPĊ). Meta l-Prosekutur Pubbliku jirċievi d-dokument huwa jkollu d-dmir li jibagħtu mingħajr ebda dewmien lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin li huwa obbligat jibagħtu lid-destinatarju (Artikolu 134(3) tal-KEPĊ).

FuqFuq

Jekk il-post ta' residenza tad-destinatarju jew id-domiċilju eżatt tiegħu ma jkunux magħrufa, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 134(1) għandhom japplikaw u fl-istess ħin sommarju tad-dokument għandu jiġi ppubblikat f'żewġ gazzetti ta' kuljum, li waħda minnhom tkun ippubblikata f'Ateni u l-oħra fil-post fejn tinsab il-Qorti, jew inkella l-oħra għandha tiġi ppublikata f'Ateni wkoll. Dawn il-gazzetti għandhom ikunu rakkomandati mill-Prosekutur Pubbliku li lilu jiġi notifikat id-dokument. Is-sommarju għandu jiġi mħejji u ffirmat mill-uffiċjal tan-notifika u għandu jirreferi għall-ismijiet tal-partijiet; it-tip ta' dokument legali notifikat; it-talba, u fil-każ ta' sentenza tal-qorti, l-ordni tal-qorti; il-qorti li quddiemha tkun pendenti l-kawża jew li quddiemha tkun ser titressaq il-kwistjoni; jew l-uffiċjal ta' l-infurzar; u meta d-destinatarju jissejjaħ biex jidher quddiem il-qorti jew biex jieħu ċerti passi, għandha ssir referenza wkoll għall-post u l-ħin meta għandu jidher u t-tip ta' passi li jridu jittieħdu (Artikolu 135(1) tal-KEPĊ). Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll f'każ illi l-Ministru għall-Affarijiet Barranin jikkonferma li m'huwiex possibli li jintbagħat id-dokument lil persuna residenti jew stabbilita f'pajjiż barrani (Artikolu 135(3) tal-KEPĊ).

Jekk l-uffiċċji jew l-imħażen imsemmija fl-Artikoli 128(4)(b), 131, 132 u 133 ikunu magħluqa jew l-awtoritajiet jew persuni msemmija fihom jirrifjutaw li jirċievu d-dokument notifikat jew li jiffirmaw ir-rapport ta' notifika, l-uffiċjal li jwettaq in-notifika għandu jħejji rapport f'dan is-sens u jibgħat id-dokument biex jiġi notifikat lill-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti ta' l-Ewwel Grad li huwa responsabbli għaż-żona fejn trid issir in-notifika, li għandu jibgħat id-dokument lill-parti li tkun irrifjutat li tirċevih jew li tiffirma r-rapport. F'dan il-każ għandu japplika l-Artikolu 136 tal-KEPĊ.

FuqFuq

6. Hemm prova bil-miktub li d-dokument ġie notifikat?

L-uffiċjal tan-notifika għandu jħejji rapport li minbarra l-punti msemmija fl-Artikolu 117 għandu jinkludi wkoll: a) l-ordni tan-notifika, b) deskrizzjoni ċara tad-dokument notifikat u l-persuni li tirrigwarda, c) referenza għad-data u l-ħin tan-notifika, d) referenza tal-persuna li lilha ġie notifikat id-dokument u l-metodu ta' notifika użat fil-każ tan-nuqqas jew ir-rifjut tad-destinatarju jew il-persuni msemmija fl-Artikoli 128-135 and 138 (Artikolu 139(1) tal-KEPĊ).

Ir-rapport għandu jiġi ffirmat mill-uffiċjal tan-notifika kif ukoll minn min jirċievih u fil-każ ta' rifjut jew inkapaċità li jiffirma, għandu jiġi ffirmat mix-xhud appuntat mill-uffiċjal tan-notifika għal dan l-iskop (Artikolu 139(2) tal-KEPĊ).

 L-uffiċjal tan-notifika għandu jniżżel fuq id-dokument notifikat id-data u l-ħin meta ġie notifikat u għandu jiffirmah. Din in-nota hija prova għad-destinatarju li fil-fatt ġie notifikat. Jekk ikun hemm diskrepanza bejn ir-rapport ta' notifika u n-nota, ir-rapport jieħu prijorità (Artikolu 139(3) tal-KEPĊ).

Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 139 għandu jiġi mħejji f'żewġ kopji, li waħda minnhom tiġi kkunsinnata lill-persuna li titlob in-notifika waqt li l-oħra tinżamm mill-uffiċjal inkarigat mill-eżekuzzjoni tan-notifika. Sommarju tan-notifika għandu jinżamm f'reġistru speċjali li jinżamm mill-uffiċjal inkarigat mill-eżekuzzjoni tan-notifika (Artikolu 140(1) tal-KEPĊ).

L-uffiċjal inkarigat mill-eżekuzzjoni tan-notifika huwa obbligat jipprovdi kopji ta' l-oriġinali fil-proċess tiegħu lill-parti li tkun talbet in-notifika u d-destinatarju u lil kull parti li jkollha locus standi jekk l-imħallef li jippresjedi fil-Qorti ta' l-Ewwel Grad fid-distrett fejn tkun saret in-notifika jakkorda din it-talba permezz ta' nota fir-rikors (Artikolu 140(2) tal-KEPĊ).

FuqFuq

7. X'jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir b'mod irregolari (e.ż.id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)?

  1. Jekk xi parti ma tistax tosserva terminu ta' skadenza minħabba forza maġġuri jew l-atti volontarji tal-parti l-oħra (bħal notifika mhux valida minn uffiċjal tal-qorti jew nuqqas volontarju li l-parti tiġi notifikata minn min jirċievi d-dokument) dik il-parti hija intitolata biex titlob li s-sitwazzjoni titreġġa' lura għall-istat ta' qabel (Artikolu 152(1) tal-KEPĊ), f'terminu ta' skadenza ta' 30 jum mid-data ta' meta titneħħa l-forza maġġuri jew id-data meta inkisbet il-konjizzjoni ta' l-att volontarju (Artikolu 153 tal-KEPĊ). 
  2. Parti li tinqata' sentenza kontra tagħha in absentia, jekk ma tkunx ġiet imħarka jew ma tkunx ġiet imħarka skond il-forma legali jew fiż-żmien dovut, hija intitolata li tippreżenta caveat kontra s-sentenza mogħtija. Jekk il-persuna in kwestjoni tkun residenti fil-Greċja din il-caveat tista' tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tas-sentenza, jew jekk l-indirizz ma jkunx magħruf jew il-persuna tkun residenti f'pajjiż barrani fi żmien 60 jum mill-aħħar pubblikazzjoni ta' sommarju tar-rapport ta' notifika tas-sentenza b'mod konformi ma' l-Artikolu 135(1) tal-KEPĊ. (Artikoli 501, 503(1) u (2) tal-KEPĊ).
  3. Jekk il-parti tkun ħarket lill-persuna l-oħra biex tattendi s-seduta bħala persuna ta' indirizz mhux magħruf, meta ma kienitx taf l-indirizz ta' dik il-persuna, u meta l-kawża tintilef għal kollox jew parzjalment, din ta' l-aħħar hija intitolata li tagħmel rikors sabiex il-kwistjoni terġa' tiġi ttrattata. Jekk il-persuna tkun residenti fil-Greċja ir-rikors jista' jsir fi żmien 60 jum u jekk l-indirizz tagħha ma jkunx magħruf jew tkun residenti f'pajjiż barrani, fi żmien 120 jum min-notifika tas-sentenza u jekk is-sentenza ma tkunx ġiet notifikata, fi żmien 3 snin mill-pubblikazzjoni tas-sentenza jekk tkun res judicata, jew inkella mid-data meta ssir finali (Artikoli 538, 544(9), 545(1), (2) and (3) tal-KEPĊ).

8. Irrid inħallas għan-notifika ta' dokument, u jekk iva, kemm?

L-ispejjeż tan-notifika jitħallsu bil-quddiem mill-parti li titlob in-notifika (Artikolu 173(1) tal-KEPĊ).

Il-parti li titlef il-kawża tista' tiġi ordnata tħallas dawn l-ispejjeż (Artikoli 176, 189(1) tal-KEPĊ). L-ammont ta' spejjeż jiddependi fuq il-post tan-notifika u t-tip ta' notifika. L-ispejjez minimi ta' notifika huma ta' € 18-20 jekk id-dokumenti jiġu notifikati lil persuna residenti jew domiċiljata fiż-żona fejn ikun hemm l-uffiċċji ta' l-uffiċjal tan-notifiki tal-qorti.

Aktar tagħrif

  1. Il-partijiet kollha jew l-individwi interessati jistgħu jaħtru mandatarju biex jirċievi d-dokumenti notifikati lilhom. Il-ħatra tista' tkopri n-notifika tad-dokumenti kollha ġudizzarji jew extra-ġudizzjarji jew parti minnhom li jkunu indirizzati lid-destinatarju u tista' tkopri każ wieħed jew iżjed, jew il-każijiet kollha ta' dik il-persuna (Artikolu 142(1) tal-KEPĊ) bil-mod speċifikat fl-Artikolu 142 et seq. tal-Kodiċi Ellenika tal-Proċedura Ċivili.
  2. Il-metodi ta' notifika hawn fuq imsemmija ma jinkludux il-metodi ta' notifika stabbiliti mill-Konvenzjoni ta' l-Aja dwar in-Notifika f'Pajjiż Barrani ta' Atti Ġudizzjarji u Extra-Ġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali li ġiet ratifikata fil-Greċja permezz tal-Liġi 1334/14/14.3.1983.

« Servizz tad-dokumenti - Informazzjoni Ġenerali | Greċja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 12-06-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit