Kummissjoni Ewropea > NGE > Servizz tad-dokumenti > Repubblika Ċeka

L-aħħar aġġornament: 30-04-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Servizz tad-dokumenti - Repubblika Ċeka

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Xi tfisser b’mod prattiku l-frażi legali “notifika ta’ dokumenti”? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar “in-notifika ta’ dokumenti”? 1.
2. Liema dokumenti jeħtieġu li jiġu nnotifikati formalment? 2.
3. Min huwa responsabbli għan-notifika ta’ dokument? 3.
4. Fil-prattika, normalment kif jiġi nnotifikat dokument? 4.
5. X’jiġri meta f’każijiet eċċezzjonali notifika lid-destinatarju nnifsu ma tkunx possibbli (eż. minħabba li ma jkunx id-dar)? 5.
6. Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat? 6.
7. X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju ma jirċevix id-dokument jew in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (eż. id-dokument ikun innotifikat lil terza persuna)? 7.
8. Ikolli nħallas għan-notifika ta’ dokument, u jekk fl-affermattiv, kemm? 8.

 

1. Xi tfisser b’mod prattiku l-frażi legali “notifika ta’ dokumenti”? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar “in-notifika ta’ dokumenti”?

In-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji hija waħda mill-miżuri proċedurali mwettqa minn qorti bħala parti mill-proċedimenti ġenerali tal-qorti. Fil-kuntest tal-proċedimenti, il-qorti tinnotifika diversi dokumenti (bħalma huma r-rikors, it-taħrika, il-kopja bil-miktub tas-sentenza, eċċ.) lill-partijiet fil-proċedimenti, persuni involuti fil-proċedimenti u persuni oħra.

Fl-interess taċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-partijiet, in-notifika ta’ dokumenti għandha konsegwenzi proċedurali serji. Pereżempju, sentenza biss li tkun ġiet notifikata kif imiss tista’ ssir finali u jkollha effetti li jorbtu fir-rigward tar-relazzjonijiet ġuridiċi li għalihom tirreferi.

2. Liema dokumenti jeħtieġu li jiġu nnotifikati formalment?

Skont l-Att Nru 99/1963 Koll., il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, dokumenti għandhom jiġu nnotifikati jew personalment lid-destinatarju jew bil-posta ordinarja, skont ix-xorta tagħhom. Id-dokumenti jkunu nnotifikati personalment lid-destinatarju meta dan ikun meħtieġ mil-liġi (eż. notifika tar-rikors lill-konvenut jew tas-sentenza lill-partijiet fil-proċedimenti) jew fejn l-imħallef sedenti hekk jiddeċiedi f’każ partikolari. Dokumenti oħra jkunu notifikati bil-posta ordinarja.

3. Min huwa responsabbli għan-notifika ta’ dokument?

Il-korpi responsabbli għan-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji huma l-qrati u l-korpi li jeżegwixxu notifiki (uffiċjali ġudizzjarji li jeżegwixxu notifika, korpi tal-Gwardja Ġudizzjarja, marixxalli tal-qorti, operaturi ta’ notifiki bil-posta, korpi tal-Pulizija tar-Repubblika Ċeka, korpi tal-Gwardji tal-Ħabs tar-Repubblika Ċeka, stabbilimenti ta’ kura istituzzjonali jew kustodja protettiva, l-amministrazzjoni militari reġjonali, il-Ministeru tal-Intern u l-Ministeru tal-Ġustizzja).

FuqFuq

4. Fil-prattika, normalment kif jiġi nnotifikat dokument?

Meta d-dokument ma jkunx ġie nnotifikat mill-qorti matul il-proċedimenti jew b'att ieħor tal-qorti, ikun innotifikat mill-korpi li jeżegwixxu n-notifiki, permezz ta' netwerk ta' dejta pubbliku jew billi jitwaħħal fuq tabella tal-avviżi uffiċjali.

Id-dokumenti jistgħu jiġu nnotifikati personalment lid-destinatarju jew bil-posta ordinarja; notifika alternattiva ma tistax issir f'ċerti każijiet indikati mil-liġi, fil-każ ta' dokumenti li għandhom ikunu nnotifikati personalment lid-destinatarju jew fil-każ ta' dokumenti li dwarhom il-qorti tkun ordnat hekk.

Id-destinatarju jista' jagħżel indirizz għal notifika fir-Repubblika Ċeka, u huwa għandu jgħarraf lill-qorti dwar dan.

Id-dokumenti jistgħu jkunu notifikati lil rappreżentanti tal-partijiet (abbażi tal-prokura) jew lill-kuraturi tal-partijiet (fejn dawn ikunu nħatru). Meta jinqalgħu diffikultajiet fin-notifika, l-imħallef sedenti jista' jordna lill-parti biex tindika rappreżentant għall-fini tan-notifika; dan ma japplikax għad-dokumenti li jkollhom ikunu notifikati barra mill-pajjiż.

Notifika permezz ta' netwerk ta' dejta pubbliku tista' ssir jekk id-destinatarju li lilu d-dokument għandu jkun notifikat ikollu firma elettronika avvanzata, ikun irid jikkomunika bl-użu tal-Internet u jkun qabel ma' din ix-xorta ta' notifika. Fil-każ ta' notifika bħal din, id-destinatarju jkun ordnat mill-qorti li jibgħat rikonoxximent tal-irċevuta tad-dokument fi żmien tlett ijiem minn meta jintbgħatlu d-dokument, permezz ta' messaġġ ta' dejta flimkien mal-firma elettronika avvanzata. Mod ieħor, in-notifika ta' dokument bħal dak ma tkunx valida.

FuqFuq

Il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jagħmel distinzjoni bejn notifika lil persuni fiżiċi u notifika lil entitajiet legali.

Notifika lil persuni fiżiċi: Id-dokumenti jistgħu jkunu nnotifikati lil persuna fiżika fl-indirizz tar-residenza tiegħu jew tagħha, il-post tan-negozju, il-post tax-xogħol, jew fl-indirizz tal-post fejn il-persuna tgħix jew li huwa jkun indika bħala l-indirizz għal notifika. Il-korp li jeżegwixxi notifiki jista' jinnotifika dokument lil persuna fiżika mhux biss fl-indirizz indikat iżda wkoll f'kull post ieħor fejn il-persuna tinstab.

Notifika lil entitajiet legali issir fl-indirizz tal-uffiċċju reġistrat tagħhom imniżżel fir-reġistru tal-kummerċ jew f'reġistru ieħor pubbliku jew fl-indirizz fejn l-entità jkollha l-post attwali tagħha. Jekk tintalab, il-qorti tista' tinnotifika dokumenti lil entità legali f'indirizz ieħor fir-Repubblika Ċeka kif l-entità legali tkun avżat. Id-dokumenti jistgħu jkunu nnotifikati, f'isem entità legali, lil persuni u korpi li jkunu awtorizzati jaġixxu f'isimha, lill-impjegati tagħha (membri) indikati biex ikunu nnotifikati, jew lil persuni oħra fiżiċi awtorizzati biex jagħmlu hekk mill-entità legali. Jekk ebda persuna jew korp awtorizzati għall-fini ta' notifika ma jkunu jistgħu jintlaħqu, id-dokument jiġi ddepożitat taħt l-istess kondizzjonijiet u bl-istess konsegwenzi bħal fil-każ ta' notifika ta' dokumenti lil persuni fiżiċi.

Notifika lil persuni oħra: Fil-każ ta' avukati, nutara u professjonisti oħra legali, hemm dispożizzjonijiet speċjali li jistabbilixxu min fl-uffiċċji tagħhom ikun awtorizzat li jkun innotifikat b'dokumenti. Fir-rigward ta' notifika ta' dokumenti lil korpi tal-Istat, lill-Istat, muniċipalitajiet u awtoritajiet lokali, hemm ukoll dispożizzjonijiet speċjali li jispeċifikaw min ikun awtorizzat li jkun innotifikat b'dokumenti. M'hemm ebda dispożizzjoni għal notifika alternattiva għal dawn l-entitajiet.

FuqFuq

Metodu speċjali ta' notifika huwa li d-dokumenti jitwaħħlu fuq tabella tal-avviżi uffiċjali. Dan il-metodu huwa applikat fejn stipulat mil-liġi; deċiżjoni jew dokument ieħor jitqiesu li jkunu ġew innotifikati fil-ħmistax-il jum mit-twaħħil tagħhom.

Fl-aħħar iżda mhux l-anqas, il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni mitluba mil-liġi ssir ukoll f'għamla ta' avviżi tal-qorti fil-Bullettin tal-Kummerċ ("Obchodní věstník").

5. X’jiġri meta f’każijiet eċċezzjonali notifika lid-destinatarju nnifsu ma tkunx possibbli (eż. minħabba li ma jkunx id-dar)?

Għandha ssir distinzjoni bejn notifika normali u notifika lid-destinatarju personalment:

  • Fil-każ ta' notifika normali, id-dokument jitwassal lil persuna oħra fiżika adatta li tkun tgħix jew taħdem fl-indirizz indikat jew li tkun impjegata fil-post partikolari jew fil-qrib, li tkun taf lid-destinatarju u taqbel li tgħaddi d-dokument lid-destinatarju. Iżda din il-persuna ma tistax tkun persuna b'konflitt ta' interessi, għax inkella n-notifika ma tkunx valida. Fejn ma jkunx hemm persuna bħal din jew id-dokument ma jkunx jista' jiġi nnotifikat lil persuna bħal dik, id-dokument jiġi ddepożitat il-qorti jew f'uffiċċju tal-posta u d-destinatarju jiġi mgħarraf. Jekk id-destinatarju jonqos li jiġbor id-dokument fi żmien tlett ijiem, tapplika notifika fittizzja u d-dokument jitqies li jkun ġie nnotifikat fl-aħħar jum tal-perjodu li fih kellu jinġabar;
  • Fil-każ ta' notifika lid-destinatarju personalment, fejn id-destinatarju ma setax jintlaħaq, il-korp li jeżegwixxi notifiki jiddepożita d-dokument u javża lid-destinatarju biex huwa jkun jista' jiġbor id-dokument. Jekk id-destinatarju jonqos li jiġbor id-dokument fi żmien għaxart ijiem, id-dokument jitqies li jkun ġie nnotifikat fl-aħħar jum tal-perjodu li fih kellu jinġabar.

Jekk parti tirrifjuta li tkun innotifikata b'dokument, id-dokument jitqies li jkun ġie notifikat fil-jum li fih kien irrifjutat; id-destinatarju għandu jkun mgħarraf b'din il-konsegwenza. L-istess japplika meta d-destinatarju jirrifjuta li juri prova ta' identità jew li jagħti l-għajnuna meħtieġa biex ikun innotifikat bid-dokument b'mod korrett. Hawn ukoll id-destinatarju għandu jkun mgħarraf kif imiss bil-konsegwenzi.

FuqFuq

Meta parti jkollha rappreżentant bi prokura mogħtija għall-proċedimenti, id-dokumenti jkunu nnotifikati biss lir-rappreżentant (eż. avukat). Dokument innotifikat lil rappreżentant ma jiġix innotifikat ukoll lill-parti ħlief jekk dik il-parti jkollha taġixxi personalment fil-proċedimenti (bħal meta jkollha tmur personalment għal seduta biex tinstema').

Meta jkun inħatar kuratur għal parti, id-dokumenti jiġu nnotifikati biss lill-kuratur, sakemm ma jingħadx xort'oħra mil-liġi. Kuratur jinħatar, pereżempju, għal parti li l-post tar-residenza tagħha ma jkunx magħruf, għal parti fejn ikun hemm nuqqas ta' notifika ta' dokumenti lilha fl-indirizz mogħti barra l-pajjiż, għal entità legali li ma tkunx tista' taġixxi fil-qorti bħala parti fil-proċedimenti, eċċ.

Parti mingħajr rappreżentant tista' tintalab taħtar rappreżentant għall-finijiet ta' notifika ta' dokumenti jekk in-notifika ta' dokumenti lill-parti nfisha tkun ikkumplikata ħafna jew tkun ser toħloq dewmien (iżda dan ma jistax jintalab meta n-notifika jkollha ssir barra l-pajjiż). Jekk il-parti ma taħtarx rappreżentant bħal dak, dokumenti indirizzati lilha jkunu depożitati fil-qorti u n-notifika titqies li kienet effettiva.

6. Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Meta l-qorti tinnotifika dokument matul il-proċedimenti jew att ieħor tal-qorti, dan ikun irreġistrat fit-traskrizzjoni tal-proċedimenti jew fil-verbal dwar l-att l-ieħor tal-qorti. Il-verbal ikun jindika, flimkien mal-elementi l-oħra, kif id-dokument kien innotifikat. Il-verbal ikun iffirmat mill-korp li jeżegwixxi n-notifika u minn min jirċievi d-dokument.

F’każijiet oħra, il-prova ta’ notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji hija r-rikonoxximent tal-irċevuta, li fuqha l-korp li jeżegwixxi n-notifika jindika li d-dokument kien innotifikat. Hija l-parti tal-envelopp uffiċjali li tinqala’ li tintradd lill-qorti ġaladarba d-dokument ikun ġie nnotifikat u mtliet fih l-informazzjoni. L-informazzjoni indikata fir-rikonoxximent tal-irċevuta titqies vera sakemm tinġieb prova kuntrarja.

7. X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju ma jirċevix id-dokument jew in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (eż. id-dokument ikun innotifikat lil terza persuna)?

Notifika eżegwita b'kull mod ieħor barra minn dawk stipulati mil-liġi tkun invalida u ma jkollhiex effetti li jorbtu legalment. Dwar il-possibbiltajiet ta' notifika alternattiva ara t-tweġiba 5.

8. Ikolli nħallas għan-notifika ta’ dokument, u jekk fl-affermattiv, kemm?

L-ispejjeż tan-notifika ta' dokumenti ġudizzjarji huma inklużi fl-ispejjeż tal-proċedimenti. Il-partijiet, għalhekk, ma jħallsux direttament għan-notifika ta' dokumenti.

Jekk jogħġbok ftakar li d-dispożizzjonijiet legali ta' hawn fuq li jirregolaw in-notifika ta' dokumenti li jagħmlu parti mid-dritt Ċek aktarx ser jiġu emendati sostanzjalment fl-2008. Tagħrif dwar l-emendi jingħata minn fuq dan il-websajt.

« Servizz tad-dokumenti - Informazzjoni Ġenerali | Repubblika Ċeka - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 30-04-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit