Kummissjoni Ewropea > NGE > Risponsabilità tal-ġenituri > Slovenja

L-aħħar aġġornament: 06-04-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Risponsabilità tal-ġenituri - Slovenja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. It-terminu legali “responsabbiltà tal-ġenituri" xi jfisser? X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi ta’ min ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri? 1.
2. Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri? 2.
3. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom? 3.
4. Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, kif tkun stabbilita r-responsabbiltà għat-tfal? 4.
5. Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom jiġu rispettati biex il-ftehim ikun jorbot legalment? 5.
6. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim, minn liema mezzi alternattivi jistgħu jagħmlu użu? 6.
7. Jekk il-ġenituri jidħlu l-qorti, fuq liema kwistjonijiet jista’ jiddeċiedi l-imħallef? 7.
8. Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-missier jew l-omm għandu jkollu/jkollha l-kustodja unika tat-tfal, dan ifisser li l-ġenituri jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jkollhom x’jaqsmu mat-tfal qabel l-ewwel nett jikkonsultaw lil xulxin? 8.
9. Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta tat-tfal tagħhom, dan xi jfisser fil-prattika? 9.
10. Liema qorti jew awtorità hija kompetenti sabiex tiddeċiedi? Liema formalitajiet għandhom jiġu rispettati u liema dokumenti huma meħtieġa? 10.
11. Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Teżisti proċedura ta’ emerġenza? 11.
12. Nista’ nikseb għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura? 12.
13. Jista’ jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? 13.
14. F’ċerti kazijiet, jista’ jkun meħtieġ li ssir applikazzjoni lil qorti biex deċiżjoni tkun inforzata. Liema proċedura tapplika? 14.
15. X’għandi nagħmel biex deċiżjoni mogħtija minn qorti barranija tkun rikonoxxuta u liema proċedura tapplika? 15.
16. Għand liema qorti jkolli mmur biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? 16.
17. Liema liġi tapplika l-qorti fi proċediment fejn it-tfal u l-ġenituri ma jgħixux fis-Slovenja jew ikunu ta’ ċittadinanza differenti? 17.

 

1. It-terminu legali “responsabbiltà tal-ġenituri" xi jfisser? X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi ta’ min ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri?

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri għat-tfal:

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija relazzjoni legali regolata mil-liġi tal-familja. Ikun hemm din ir-relazzjoni mat-twelid ta’ tarbija jew meta tkun stabbilita l-paternità jew il-maternità. Fis-sistema legali Slovena, id-drittijiet u l-obbligi tat-tfal imweldin barra miż-żwieġ huma l-istess bħal dawk tat-tfal imweldin fiż-żwieġ. Il-liġi Slovena tapplika s-sistema ta’ adozzjoni sħiħa skont liema tfal adottati jitqiesu l-istess bħal tfal naturali.

Il-bażi legali huwa l-Artikolu 54 tal-kostituzzjoni Slovena li jistabbilixxi li l-ġenituri għandhom id-dritt u l-obbligu li jmantnu, jedukaw u jrabbu lil uliedhom. Kemm dan id-dritt kif ukoll dan l-obbligu jistgħu jiġu revokati jew ristretti għal dawk ir-raġunijiet biss imsemmija mil-liġi għall-ħarsien tal-interessi tat-tfal. Tfal imweldin barra miż-żwieġ għandhom l-istess drittijiet bħat-tfal imweldin fih.

Id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi bejn il-ġenituri u t-tfal naturali u adottati tagħhom jikkostitwixxu r-responsabbiltà tal-ġenituri (l-Artikoli 4, 5 u 7 tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjari, Ur. l. RS (Gazzetta Uffiċjali Slovena) Nru 15/76 (Zakon o zakonski zvezi in družinskih razmerjih - ZZZDR).

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri għal danni fir-rigward tat-tfal tagħhom hija stabbilita bl-Artikolu 142 tal-Kodiċi ta’ Obbligazzjonijiet (Obligacijski zakonik - OZ). Il-ġenituri huma responsabbli għal ħsara kkawżata lil terzi minn uliedhom sakemm jilħqu l-età ta’ seba’ snin, irrispettivament mill-ħtija min-naħa tagħhom.

FuqFuq

Il-ġenituri huma responsabbli għall-ħsara kkawżata lil terzi minn uliedhom wara li jagħlqu s-seba’ snin sakemm ma jagħtux prova li huma ma kinux responsabbli għall-ħsara.

L-Artikolu 107 taz-ZZZDR jistabblixxi regoli dwar ir-rappreżentanza tat-tfal, dak li jsir f’isimhom vis-à-vis persuni oħra u l-ġestjoni tal-proprjetà tagħhom. Minuri huma rrappreżentati mill-ġenituri tagħhom. Jekk avviż ikollu jkun notifikat lil minuri, jista’ wkoll ikun notifikat b’mod validu lill-missier jew lill-omm jew, jekk il-ġenituri ma jgħixux flimkien, lill-ġenitur li jgħix mat-tfal.

Jekk iż-żewġ ġenituri jkollhom il-kustodja tat-tfal, huma għandhom jaqblu dwar il-post permanenti tar-residenza tat-tfal u min minnhom għandu jkun notifikat b’avviż fir-rigward tat-tfal. Il-ġenituri għandhom jiġġestixxu l-proprjetà tat-tfal fl-interessi tat-tfal sakemm isiru maġġorenni (Artikolu 109 taz-ZZZDR).

Drittijiet u obbligi tal-ġenituri u tat-tfal:

Il-ġenituri għandhom jipprovdu lil uliedhom bil-kundizzjonijiet għal trobbija b’saħħitha, żvilupp personali armonjuż u l-mixja lejn l-indipendenza fil-ħajja u fix-xogħol. Huma responsabbli biex ikunu ta’ għajnuna lil uliedhom u biex jieħdu ħsieb il-kundizzjonijiet tagħhom fil-ħajja, saħħithom u t-trobbija tagħhom. Għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li uliedhom jieħdu edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali. It-tfal għandhom dritt li jżommu kuntatt maż-żewġ ġenituri u ż-żewġ ġenituri għandhom id-dritt li jżommu kuntatt mat-tfal  (Artikoli 102, 103 u 106 taz- ZZZDR).

FuqFuq

2. Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri?

Il-ġenituri għandhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ ġenituri bi ftehim reċiproku skont l-interessi tat-tfal. Fejn ġenituri jkunu jgħixu separati minn xulxin iżda ma jaqsmux bejniethom il-kustodja tat-tfal, huma għandhom jiddeċiedu b’mod reċiproku fuq kwistjonijiet li jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-iżvilupp tat-tfal skont l-interessi tat-tfal.

Min mill-ġenituri jkollu l-kustodja tat-tfal għandu jiddeċiedi fuq kwistjonijiet li jolqtu l-ħajja tat-tfal minn jum għal ieħor. Jekk wieħed mill-ġenituri ma jitħalliex jeżerċita r-responsabbiltà ta’ ġenitur, il-parti l-oħra għandha teżerċitaha minn rajha. Jekk il-ġenituri jgħixu separati minn xulxin, min minnhom jgħix mat-tfal għandu jeżerċita r-responsabbiltà ta’ ġenitur. Fil-każ ta’ divorzju jew annullament taż-żwieġ, il-ġenitur li jingħata l-kustodja tat-tfal jeżerċita r-responsabbiltà ta’ ġenitur (Artikoli 113 u 115 taz-ZZZDR).

3. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Tfal jistgħu jkunu taħt il-kura ta’ persuni jew istituzzjonijiet oħrajn. Iċ-Ċentru tas-Servizzi Soċjali jista’ jneħħi tfal minn mal-ġenituri tagħhom u jqegħedhom taħt il-kustodja ta’ terza persuna jew istituzzjoni jekk il-ġenituri jittraskuraw il-kura ta’ uliedhom jew jekk ikun fl-interess tat-tfal xort’oħra (Art. 120 taz-ZZZDR).

FuqFuq

Tfal jistgħu jkunu taħt il-kura ta’ ġenitur adottiv. Tfal ikunu eliġibbli għal adozzjoni jekk il-ġenituri tagħhom ma jkunux magħrufa jew jekk ir-residenza tagħhom tkun ilha mhux magħrufa għal aktar minn sena jew jekk il-ġenituri tagħhom ikunu ftiehmu quddiem l-awtoritajiet kompetenti li jagħtu t-tifel jew it-tifla tagħhom għall-adozzjoni jew jekk it-tfal ma jkollhomx ġenituri ħajjin (Art. 141 taz-ZZZDR). It-tfal jistgħu jiġu fdati wkoll fil-kura ta’ fostering (ġenitur li jagħmel il-fostering huwa persuna li ma jkunx il-missier jew l-omm tat-tifel jew tifla (Artikoli 154-159 u 176 taz-ZZZDR, u, b’mod partikolari, l-Att dwar il-Kura tal-Fostering, Ur. l. RS Nru 10/2002)) jew fil-kura ta’ tutur (Artikoli 178, 182, 201 u 202). Tutur ikun responsabbli għall-kura tat-tifel jew tifla bħal ġenitur u jista’ jkun qarib tat-tifel jew tat-tifla.

4. Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, kif tkun stabbilita r-responsabbiltà għat-tfal?

Jekk il-ġenituri jkunu qed jgħixu separati minn xulxin jew waslu biex jisseparaw, huma għandhom jiftiehmu dwar il-kustodja u l-manteniment għat-tfal tagħhom komuni u dwar kuntatti bejn it-tfal u l-ġenituri tagħhom skont l-interessi tat-tfal (Artikoli 105 u 105(a) taz-ZZZDR).

Fejn il-ġenituri jkunu qed jgħixu separati minn xulxin iżda ma jkunux qed jaqsmu bejniethom il-kustodja tat-tfal, huma għandhom jiddeċiedu, reċiprokament, fuq kwistjonijiet li jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-iżvilupp tat-tfal skont l-interessi tat-tfal. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu, iċ-Ċentru tas-Servizzi Soċjali jgħinhom jilħqu ftehim. Min mill-ġenituri jkollu l-kustodja tat-tfal, għandu jiddeċiedi dwar affarijiet li jolqtu l-ħajja ta’ kuljum tat-tfal. Jekk f’każijiet bħal dawn il-ġenituri ma jkunux jistgħu jiftiehmu fuq kwistjonijiet li jinfluwenzaw sewwa l-iżvilupp tat-tfal, ukoll bl-għajnuna tas-Servizzi Soċjali, id-deċiżjoni tittieħed minn qorti, fuq proposta tal-missier jew tal-omm jew tat-tnejn, fi proċedimenti mingħajr kontestazzjoni (Artikolu 113 taz-ZZZDR).

FuqFuq

5. Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom jiġu rispettati biex il-ftehim ikun jorbot legalment?

Jekk il-ġenituri jkunu qed jgħixu separatament, huma għandhom jiftiehmu dwar il-kustodja u l-manteniment tat-tfal tagħhom komuni u dwar kuntatti bejn it-tfal u l-ġenituri skont l-interessi tat-tfal.

Jekk il-ġenituri jaqblu dwar il-kustodja tat-tfal, huma għandhom jipproponu li l-qorti toħroġ ordni għal dak il-għan fi proċedimenti mhux kontestati. Jekk il-qorti ssib li l-ftehim ma jkunx fl-interess tat-tfal, hija tista’ tirrifjuta l-proposta. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu, iċ-Ċentru tas-Servizzi Soċjali jgħinhom jilħqu ftehim. Jekk il-ġenituri jonqsu li jilħqu ftehim anki bl-għajnuna tas-Servizzi Soċjali, il-qorti tiddeċiedi fuq talba tal-missier jew tal-omm jew tat-tnejn.

Qabel ma l-qorti tiddeċiedi dwar il-każ, hija għandha tieħu l-opinjoni taċ-Ċentru tas-Servizzi Soċjali fl-interess tat-tfal. Il-qorti għandha tqis ukoll l-opinjoni tat-tifel jew tat-tifla, jekk din tiġi espressa mit-tfal stess jew permezz ta’ persuna li t-tifel jew it-tifla jkunu għażlu u jafdaw u jekk huma jkunu kapaċi jifhmu s-sinifikat u l-konsegwenzi. Applikazzjoni mill-ġenituri għal deċiżjoni ta’ qorti għandha tkun akkumpanjata minn prova miċ-Ċentru tas-Servizzi Soċjali rilevanti li l-ġenituri kienu ppruvaw jilħqu ftehim dwar il-kustodja tat-tfal tagħhom komuni bl-għajnuna tiegħu (Artikoli 105, 105(a) u 106 taz-ZZZDR).

6. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim, minn liema mezzi alternattivi jistgħu jagħmlu użu?

Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu, is-Servizzi Soċjali jgħinuhom biex jilħqu ftehim. Jekk jonqsu li jiftiehmu ukoll bl-għajnuna taċ-Ċentru tas-Servizzi Soċjali, il-kwistjoni tkun deċiża mill-qorti (Artikoli 105, 105(a) u 106 taz-ZZZDR).

FuqFuq

7. Jekk il-ġenituri jidħlu l-qorti, fuq liema kwistjonijiet jista’ jiddeċiedi l-imħallef?

Il-qorti tista’ tiddeċiedi jekk it-tfal kollha għandhomx jitqiegħdu fil-kustodja tal-missier jew tal-omm jew min mit-tfal għandu jingħata lill-missier jew lill-omm u min minnhom għandu jingħata lill-ieħor jew lill-oħra. Il-qorti tista’ tiddeċiedi wkoll ex officio li t-tfal kollha jew xi wħud minnhom għandhom jiġu fdati fil-kustodja ta’ terzi.

Qabel ma l-qorti tiddeċiedi dwar il-każ, hija għandha tara l-opinjoni taċ-Ċentru tas-Servizzi Soċjali fl-interess tat-tfal. Il-qorti għandha wkoll tqis l-opinjoni tat-tifel jew tat-tifla, jekk din tkun espressa minnhom stess jew permezz ta’ persuna li huma jkunu għażlu u jafdaw u li t-tfal ikunu jistgħu jifhmu s-sinifikat u l-konsegwenzi.

Il-qorti tiddeċiedi wkoll dwar il-manteniment tat-tfal u dwar kuntatti. It-tfal għandhom id-dritt għal kuntatt maż-żewġ ġenituri u ż-żewġ ġenituri għandhom id-dritt għal kuntatt mat-tfal. Il-qorti tista’ tneħħi jew tillimita d-dritt għal kuntatt biss jekk ikun meħtieġ għall-ħarsien tal-interessi tat-tfal. Kuntatti ma jkunux fl-interess tat-tfal jekk jiddisturbawhom jew jekk jheddu l-iżvilupp fiżiku jew mentali tagħhom. Il-qorti tista’ tiddeċiedi li kuntatti għandhom isiru taħt is-superviżjoni ta’ terza persuna jew b’xi mod ieħor li ma jinvolvix laqgħat jew assoċjazzjoni jekk xort’oħra ma jkunx fl-interess tat-tfal. Qabel ma l-qorti tiddeċiedi dwar dan il-każ, hija għandha tara, l-ewwel, l-opinjoni tas-Servizzi Soċjali fl-interess tat-tfal. Il-qorti għandha tqis ukoll l-opinjoni tat-tifel jew tat-tifla jekk tkun espressa mit-tfal infushom jew permezz ta’ persuna li huma jkunu għażlu jew jafdaw u li t-tfal ikunu kapaċi jifhmu s-sinifikat u l-konsegwenzi. It-tifel jew it-tifla għandhom id-dritt għal kuntatt personali ma’ qraba u persuni oħra li huma jħossuhom qrib tagħhom b’mod partikulari sakemm dan ma jkunx fl-aħjar interessi tagħhom (nanniet, aħwa subien u bniet, ħuthom subien u bniet minn missierhom jew minn ommhom, dawk li qabel kienu l-foster-parents tagħhom, il-konjuġi preċedenti jew attwali jew is-sieħeb jew is-sieħba li miegħu jew magħha jkun qed jew tkun qed tikkoabita il-wieħed jew l-oħra tal-ġenituri tagħhom) (Artikoli 105, 105(a), 106 u 106(a) taz-ZZZDR).

FuqFuq

8. Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-missier jew l-omm għandu jkollu/jkollha l-kustodja unika tat-tfal, dan ifisser li l-ġenituri jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jkollhom x’jaqsmu mat-tfal qabel l-ewwel nett jikkonsultaw lil xulxin?

Le. Jekk il-ġenituri jkunu qed jgħixu separati u ma jaqsmux bejniethom il-kustodja tat-tfal tagħhom, huma għandhom jiddeċiedu reċiprokament fuq kwistjonijiet li jinfluwenzaw l-iżvilupp tagħhom b’mod sinifikanti skont l-interessi tat-tfal. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jiftiehmu, iċ-Ċentru tas-Servizzi Soċjali jgħinhom biex jilħqu ftehim. Dak il-ġenitur li jkollu l-kustodja tat-tfal għandu jiddeċiedi dwar affarijiet li jolqtu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Jekk il-ġenituri jonqsu li jiftiehmu fuq kwistjonijiet li jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-iżvilupp tat-tfal, ukoll bl-għajnuna taċ-Ċentru tas-Servizzi Soċjali, id-deċiżjoni għandha tittieħed minn qorti, wara proposta mill-missier jew mill-omm jew mit-tnejn, fi proċedimenti mhux kontestati.

9. Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta tat-tfal tagħhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Dan ifisser li ż-żewġ ġenituri jkunu t-tnejn responsabbli għall-kustodja tat-tfal u li jkollhom ikomplu jieħdu l-kura tagħhom.

10. Liema qorti jew awtorità hija kompetenti sabiex tiddeċiedi? Liema formalitajiet għandhom jiġu rispettati u liema dokumenti huma meħtieġa?

Il-qorti distrettwali (Artikolu 32 tal-Att ta’ Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku – iż-ZPP)) li għandha ġurisdizzjoni lokali ġenerali fuq il-konvenut, jiġifieri l-qorti li l-konvenut ikun residenti fit-territorju tagħha b’mod temporanju jew permanenti (Artikolu 47 taż-ZPP). Iżda, f’tilwim dwar manteniment legali fejn l-attur ikun il-persuna li japplika għal manteniment (Artikolu 50 iz-ZPP), il-ġurisdizzjoni ma tkunx biss tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni lokali ġenerali iżda wkoll tal-qorti li l-attur ikun residenti fit-territorju tagħha b’mod temporanju jew permanenti.

FuqFuq

Id-dispożizzjonijiet taż-ZPP għandhom ikunu rispettati, b’mod partikolari l-Artikolu 104 li jistipula li applikazzjonijiet lill-qorti għandhom isiru fl-ilsien Sloven; l-Artikolu 105 li jistipula li applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati bil-miktub u jistabbilixxi l-kontenut obbligatorju; l-Artikolu 106 li jistipula l-għadd ta’ kopji li għandhom jiġu ppreżentati; l-Artikolu 107 li jippreskrivi d-dokumenti ta’ appoġġ li għandhom jinthemżu, u l-Artikolu 180 li jippreskrivi l-kontenut tal-ilment.

11. Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Teżisti proċedura ta’ emerġenza?

Il-proċedura f’tilwim matrimonjali u tilwim li jinqala’ minn relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal hija stabbilita fil-Kapitolu 27 taż-ZPP (Artikoli 406-414).

Skont dik il-proċedura, il-qorti tista’ toħroġ, wara applikazzjoni minn waħda mill-partijiet jew ex officio, inġunzjonijiet temporanji dwar il-kustodja u l-manteniment tat-tfal komuni, u inġunzjonijiet temporanji li jneħħu jew li jillimitaw id-dritt għall-kuntatti jew dwar il-mod li bih isiru l-kuntatti.

Inġunzjonijiet temporanji jinħarġu skont l-att dwar l-assigurazzjoni ta’ talbiet (Zakon o izvršbi in zavarovanju – iz-ZIZ).

12. Nista’ nikseb għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Għajnuna legali bla ħlas hija regolata bl-Att dwar l-Għajnuna Legali Mingħajr Ħlas (Zakon o brezplačni pravni pomoči – iz-ZBPP), li tistipula kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna bħal dik u l-iskop tagħha (dritt għal fondi biex jitħallsu l-ispejjeż tal-għajnuna legali kollha jew parti minnhom u eżenzjoni minn ħlas ta’ spejjeż ta’ proċedimenti).

FuqFuq

Huwa possibbli wkoll fi proċedimenti attwali li ssir applikazzjoni għal eżenzjoni minn ħlas ta’ tariffi tal-qorti jew għal eżenzjoni minn ħlas tal-ispiża ta’ proċedimenti; il-kundizzjonijiet rilevanti huma stabbiliti fl-Artikoli 168 u 169 taż-ZPP.

13. Jista’ jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva, jista’ jsir appell mis-sentenza tal-qorti lil qorti ogħla. L-appell għandu jkun ippreżentat fil-qorti li tkun tat is-sentenza fl-ewwel istanza f’għadd biżżejjed ta’ kopji għall-qorti u għall-parti l-oħra (Artikolu 342 taż-ZPP).

14. F’ċerti kazijiet, jista’ jkun meħtieġ li ssir applikazzjoni lil qorti biex deċiżjoni tkun inforzata. Liema proċedura tapplika?

Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni stabbilita fl-Att dwar l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Talbiet ta’ Assigurazzjoni (ZIZ), b’mod partikolari l-proċedura speċjali stabbilita fil-Kapitolu 20: eżekuzzjoni f’każijiet dwar il-kustodja tat-tfal u kuntatti personali mat-tfal (Artikoli 238(a)-238(g) taż-ZIZ).

15. X’għandi nagħmel biex deċiżjoni mogħtija minn qorti barranija tkun rikonoxxuta u liema proċedura tapplika?

Il-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ġudizzjarji ta’ qrati barranin u ta’ atti pubbliċi oħrajn huma stabbiliti fil-Kapitolu 4 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat u Proċedura (Zakon o mednarodnem zasebnem pravu in postopku – iz-ZMZPP, Artikoli 94 sa 111).

FuqFuq

Sentenza ta’ qorti barranija titqies bħala ekwivalenti għal sentenza ta’ qorti Slovena u għandha l-istess effett fis-Slovenja daqs sentenza domestika bil-kundizzjoni li tkun rikonoxxuta minn qorti fir-Repubblika tas-Slovenja. Persuna li tippreżenta applikazzjoni għal rikonoxximent għandha tehmeż is-sentenza barranija mat-talba għar-rikonoxximent tas-sentenza barranija, jew kopja ċertifikata tagħha, u tehmeż ċertifikat mogħti mill-qorti kompetenti barranija jew korp ieħor dwar il-forza legali ta’ dik is-sentenza fil-liġi tal-istat li jkun ħariġha. Jekk is-sentenza barranija ma tkunx kostitwita f’lingwa uffiċjali tal-qorti, il-parti li tapplika għal rikonoxximent għandha tissottometti wkoll traduzzjoni ċertifikata tas-sentenza barranija f’lingwa uffiċjali tal-qorti.

Id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq japplikaw ukoll għall-eżekuzzjoni tas-sentenza barranija. Flimkien maċ-ċertifikat dwar il-forza legali tas-sentenza barranija, il-persuna li tapplika għal eżekuzzjoni għandha tissottometti wkoll ċertifikat dwar l-eżegwibiltà tagħha fil-liġi tal-istat li jkun ħarġu.

Il-qorti distrettwali tiddeċiedi dwar rikonoxximent (Artikolu 32(2) taż-ZPP, Artikolu 101 tal-Att dwar il-Qrati (Zakon o sodiščih)). Il-qorti tiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent tas-sentenza barranija skont ir-regoli dwar proċedimenti mhux ikkontestati (Artikolu 1(2) tal-Att dwar Proċedura Ċivili Volontarja (Zakon o nepravdnem postopku – iz-ZNP)).

16. Għand liema qorti jkolli mmur biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet?

Il-qorti distrettwali hija kompetenti għal deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent ta’ sentenzi barranin. Il-proċedura applikata hija dik għal proċedimenti mhux kontestati.

17. Liema liġi tapplika l-qorti fi proċediment fejn it-tfal u l-ġenituri ma jgħixux fis-Slovenja jew ikunu ta’ ċittadinanza differenti?

Relazzjonijiet bejn ġenituri u tfal jiġu deċiżi skont il-liġi tal-istat li tiegħu huma ċittadini. Jekk il-ġenituri jkunu ċittadini ta’ pajjiżi differenti, tapplika l-liġi tal-pajjiż li fih ikollhom kollha kemm huma, ir-residenza permanenti tagħhom. Jekk il-ġenituri u t-tfal ikunu ċittadini ta’ pajjiżi differenti u ma jkollhomx residenza permanenti fl-istess pajjiż, il-liġi applikata tkun dik tal-pajjiż li t-tfal ikunu ċittadini tiegħu (Artikolu 42 taż-ZMZPP).

« Risponsabilità tal-ġenituri - Informazzjoni Ġenerali | Slovenja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 06-04-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit