Kummissjoni Ewropea > NGE > Risponsabilità tal-ġenituri > Rumanija

L-aħħar aġġornament: 30-04-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Risponsabilità tal-ġenituri - Rumanija

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri? 1.
2. Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied? 2.
3. Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom? 3.
4. Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni? 4.
5. Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment? 5.
6. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti? 6.
7. Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal? 7.
8. Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor? 8.
9. Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika? 9.
10. Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi? 10.
11. Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza? 11.
12. Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura? 12.
13. Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? 13.
14. F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan? 14.
15. X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti ta’ Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u eżegwita fir-Rumanija? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? 15.
16. Quddiem liema qorti fir-Rumanija għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f’każijiet bħal dawn? 16.
17. Liema liġi tapplika fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu fir-Rumanija jew ikunu ta’ nazzjonalità differenti? 17.

 

1. Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

"Ir-responsabbiltà tal-ġenituri" tfisser id-drittijiet u dmirijiet tal-ġenituri lejn uliedhom li jkunu għadhom minorenni. Skont l-Artikolu 97 tal-Kodiċi tal-Familja, iż-żewġ ġenituri għandhom l-istess drittijiet u responsabbiltajiet lejn uliedhom li jkunu minorenni, mingħajr ma ssir ebda distinzjoni dwar jekk l-ulied ikunux twieldu fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ jew jekk kinux adottati, u huma jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta' ġenituri biss fl-interess ta' uliedhom.

Il-protezzjoni tal-ġenituri tippresupponi l-eżistenza ta' persuna li tkun taħt it-18-il sena u li ma jkollhiex kompetenza legali sħiħa.

Minħabba li l-protezzjoni tal-ġenituri teżisti għall-interessi tal-minorenni, din hija fuq kollox kwistjoni ta' dmirijiet tal-ġenituri aktar milli ta' drittijiet tal-ġenituri. Dawn jinkludu dan li ġej:

  • id-dritt u d-dmir tal-ġenituri li jrabbu lill-uliedhom (Artikolu 101(1) u (2) tal-Kodiċi tal-Familja): id-dmir li jħarsu s-saħħa fiżika ta' uliedhom, id-dmir li jedukaw lil uliedhom, id-dmir li jieħdu ħsieb it-tagħlim u t-taħriġ okkupazzjonali ta' uliedhom;
  • id-dritt li jeżiġu li uliedhom jintraddu lura minn min ikun qed iżommhom kontra l-liġi (Artikolu 103(1) tal-Kodiċi tal-Familja), li jista' jkun xi ħadd barrani jew missierhom jew ommhom li ma jkollux jew ma jkollhiex il-kustodja tagħhom f'każ ta' divorzju jew annullament taż-żwieġ jew fil-każ ta' ulied li jitwieldu barra miż-żwieġ; id-dritt tal-missier jew tal-omm li jeżiġu li uliedhom jintraddulhom lura huwa dritt inaljenabbli;
  • id-dritt li jingħata l-kunsens għall-adozzjoni tal-ulied jew it-talba għall-annullament tal-adozzjoni (ara l-Liġi Nru 273/2004 dwar l-arranġamenti legali għall-adozzjoni);
  • id-dritt li jinżammu rabtiet personali mal-ulied: din hija problema prattika f'każijiet fejn il-minorenni ma jkunux joqogħdu ma' missierhom jew ma' ommhom. "Rabtiet personali" mal-ulied jistgħu jieħdu l-forom li ġejjin: żjarat lit-tfal fi djarhom, żjarat lit-tfal fl-iskola jew li t-tfal iqattgħu vaganza maż-żewġ ġenituri;
  • id-dritt li jieħdu ħsieb it-trobbija, l-edukazzjoni, it-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali tal-ulied;
  • id-dritt li jistabbilixxu fejn l-ulied għandhom jgħixu. F'sitwazzjonijiet fejn il-ġenituri ma jgħixux flimkien, huma jiddeċiedu bi qbil komuni ma' min minnhom it-tfal għandhom jgħixu; jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu dwar dan, tiddeċiedi l-qorti, wara li l-ewwel tkun semgħat lill-awtorità tal-kurazija u lill-ulied infushom jekk ikunu laħqu l-età ta' 10 snin, waqt li tqis l-interessi tat-tfal;
  • id-dritt u d-dmir li jieħdu ħsieb il-proprjetà tat-tfal (atti amministrattivi attwali, atti konservatorji, atti ta' disponiment);
  • id-dritt u d-dmir li jirrapreżentaw lill-minorenni f'dokumenti ċivili jew li japprovaw dokumenti bħal dawk għall-minorenni. Sal-età ta' 14-il sena, l-ulied ikunu rappreżentati mill-ġenituri tagħhom fir-rigward ta' dokumenti ċivili minħabba li ma jkollhomx kompetenza legali sħiħa; bejn l-età ta' 14 u 18-il sena, it-tfal, li jkollhom kapaċità legali limitata, jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jwettqu l-obbligi tagħhom waħidhom, iżda bl-approvazzjoni minn qabel tal-ġenituri tagħhom.

2. Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

(Bħala regola ġenerali, din tkun eżerċitata miż-żewġ ġenituri flimkien sakemm ikunu jgħixu flimkien, iżda tista' tingħata lill-omm jekk il-ġenituri ma jkunux miżżewġin).

FuqFuq

Iż-żewġ ġenituri għandhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri, irrispettivament minn jekk il-minorenni jkunux twieldu fiż-żwieġ jew barra miż-żwieġ jew jekk kinux adottati (Artikolu 97 tal-Kodiċi tal-Familja). Skont l-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi tal-Familja, malli tippronunzja divorzju, il-qorti tiddeċiedi min mill-ġenituri għandu jingħata l-kustodja tat-tfal li jkunu minorenni. Missier iddivorzjat jew omm iddivorzjata li jingħataw il-kustodja ta' uliedhom jeżerċitaw drittijiet tal-ġenituri fir-rigward ta' dawk it-tfal. Missier jew omm iddivorzjati li ma jingħatawx il-kustodja ta' uliedhom iżommu d-dritt li jkollhom rabtiet personali u li jissorveljaw it-trobbija, l-edukazzjoni, it-tagħlim u t-taħriġ okkupazzjonali ta' uliedhom.

Fil-każ ta' ulied imweldin barra miż-żwieġ li l-filjazzjoni tagħhom tkun ġiet stabbilita fir-rigward taż-żewġ ġenituri, il-kustodja tkun deċiża mill-qorti permezz ta' deċiżjoni ġudizzjarja (Artikolu 65 tal-Kodiċi tal-Familja).

3. Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

(Jew jista' jinħatar kuratur jekk il-ġenituri jkunu mejtin jew ma jkunux kapaċi jieħdu ħsieb uliedhom?).

Skont l-Artikolu 113 tal-Kodiċi tal-Familja, f'każijiet fejn iż-żewġ ġenituri jkunu mejtin, mhux magħrufin, ikunu tneħħewlhom id-drittijiet ta' ġenituri, ikunu ġew imposti restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tagħhom bħala ġenituri, ikunu għebu jew ġew iddikjarati mejtin, it-tfal jinħatrilhom kuratur.

4. Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

(Bi qbil komuni jew permezz tal-qorti).

FuqFuq

Fil-każ ta' divorzju, il-qorti tagħti deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonferma l-ftehim bejn il-partijiet jew, fin-nuqqas ta' ftehim komuni bejn il-partijiet, il-qorti tasal għal verdett indipendenti.

Matul iż-żwieġ, meta jkun hemm nuqqas ta' qbil bejn il-ġenituri dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-ġenituri, l-awtorità tal-kurazija tieħu d-deċiżjoni, wara li tisma' lill-ġenituri u wara li tqis l-interessi tal-minorenni (Artikolu 99 tal-Kodiċi tal-Familja).

5. Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

(Pereżempju, approvazzjoni minn awtorità jew minn qorti).

Meta l-ftehim ikun dwar ulied imwieldin fiż-żwieġ, ma jkunux meħtieġa formalitajiet fir-rigward ta' ftehim bejn il-ġenituri minħabba li l-Kodiċi tal-Familja stess tistipula fl-Artikolu 98(1) li miżuri marbutin mal-persuna u l-proprjetà tal-ulied għandhom jittieħdu mill-ġenituri bi qbil komuni.

F'każijiet fejn żwieġ jintemm b'divorzju jew f'każijiet li fihom ikollhom x'jaqsmu ulied imweldin barra miż-żwieġ li l-filjazzjoni tagħhom tkun stabbilita fir-rigward taż-żewġ ġenituri, il-qorti tiddeċiedi dwar il-ftehim milħuq bejn il-ġenituri.

6. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

(Pereżempju, il-medjazzjoni).

Talba għal deċiżjoni mill-awtorità tal-kurazija (matul iż-żwieġ).

FuqFuq

Il-medjazzjoni - il-Liġi Nru 192/2006 dwar il-medjazzjoni u l-organizzazzjoni tal-professjoni ta' medjatur.

7. Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

(Pereżempju, fejn għandhom jgħixu l-ulied, jekk il-ġenituri għandux ikollhom kustodja konġunta jew jekk il-missier jew l-omm għandux ikollhom il-kustodja weħidhom, drittijiet ta' żjara/aċċess, l-obbligu tal-ħlas għall-manteniment tal-ulied, l-għażla tal-iskola għall-ulied, l-ismijiet tal-ulied, eċċ.).

L-imħallef jista' jiddeċiedi fuq dan li ġej:

  • il-kustodja tal-minorenni (fil-każ ta' divorzju jew ulied imweldin barra miż-żwieġ);
  • il-kontribuzzjoni tal-missier u tal-omm għall-ispejjeż ta' trobbija, edukazzjoni, tagħlim u l-għoti ta' taħriġ okkupazzjonali għall-minorenni;
  • l-għoti tad-drittijiet ta' żjarat lill-missier jew lill-omm li ma jkunux ingħataw il-kustodja tal-minorenni;
  • nuqqas ta' qbil dwar kemm għandu jkun l-obbligu ta' manteniment għall-minorenni, dwar il-mezzi biex jitħares dan l-obbligu jew dwar il-kontribuzzjoni tal-missier jew tal-omm għall-manteniment tal-ulied f'każijiet fejn il-ġenituri ma jkunux iddivorzjati (Artikolu 107(3) tal-Kodiċi tal-Familja).

8. Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

(Pereżempju, biex il-ġenitur li jkollu l-kustodja jmur jgħix mal-ulied f'indirizz differenti fl-istess pajjiż, imur mal-ulied f'pajjiż differenti, jiddeċiedi liema skola t-tfal għandhom jattendu, eċċ.).

FuqFuq

Il-kustodja lill-ġenitur wieħed tingħata mill-qorti flimkien mad-deċiżjoni ta' divorzju (għal ulied imweldin fiż-żwieġ) jew wara li jintlaħaq ftehim dwar applikazzjoni relatata mal-kustodja tal-minorenni (għal ulied imweldin barra miż-żwieġ fejn il-filjazzjoni tkun stabbilita fir-rigward taż-żewġ ġenituri).

Il-ġenitur li jingħata l-kustodja tal-ulied jeżerċita jew teżerċita d-drittijiet tal-ġenituri fir-rigward tal-ulied u tal-proprjetà tagħhom u jaqdi jew taqdi d-dmirijiet tal-ġenituri.

Il-ġenitur li ma jingħatax il-kustodja ma jkunx responsabbli għall-ħarsien u s-superviżjoni tal-ulied, iżda minflok jingħata biss id-dritt li jissorvelja t-trobbija, l-edukazzjoni, it-tagħlim u t-taħriġ okkupazzjonali tal-ulied. Dak il-ġenitur ikollu d-dritt għal rabtiet personali mal-ulied iżda ma jkollux id-dritt li jiddeċiedi fejn l-ulied għandhom jgħixu jew li jeżiġi li l-ulied jintraddu lura lilu, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 103 tal-Kodiċi tal-Familja, minn min ikun qed iżomm lill-ulied kontra l-liġi.

9. Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Matul iż-żwieġ, il-ġenituri jeżerċitaw id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ġenituri b’mod ugwali skont il-liġi.

Il-qorti tintervjeni biss biex tagħti l-kustodja lill-wieħed mill-ġenituri biss waqt deċiżjoni ta’ divorzju (għal minorenni mweldin fiż-żwieġ) jew meta jintlaħaq ftehim dwar applikazzjoni relatata mal-kustodja tal-minorenni (għal ulied imweldin barra miż-żwieġ).

10. Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Matul iż-żwieġ, nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom ta’ ġenituri jiġi solvut mill-awtorità tal-kurazija, il-korpi eżekuttivi u ta’ implimentazzjoni tar-raħal, belt jew awtoritajiet muniċipali jew tal-awtoritajiet distrettwali fil-każ tal-muniċipalità ta’ Bukarest. F’ċerti sitwazzjonijiet stabbiliti mil-liġi, kull nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri fir-rigward miżuri li jkollhom jittieħdu fir-rigward tat-tfal jiġi solvut mill-qorti skont il-liġi ordinarja. Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu nuqqas ta’ qbil dwar kemm għandu jkun l-obbligu tal-manteniment, l-ammont ta’ ħlasijiet ta’ manteniment, il-kustodja, drittijiet ta’ żjara u fejn għandhom jgħixu l-ulied.

FuqFuq

11. Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

F'każijiet bħal dawn tapplika l-liġi ordinarja (bħala regola).

Eċċezzjoni: F'kull waqt matul il-proċedura ta' divorzju, il-qorti tista', permezz ta' ordni tal-qorti, tieħu miżuri temporanji dwar il-kustodja tal-minorenni, l-obbligi ta' manteniment, �allowance' ta' għajnuna għat-tfal u l-użu ta' residenza (Artikolu 613 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

12. Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Tista’ tinkiseb għajnuna legali skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 74-81 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Din tista’ tingħata f’kull waqt matul il-proċedimenti, jew għal kollox jew inkella parzjalment.

13. Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Jista’ jsir appell kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità tal-kurazija quddiem l-awtorità li ġerarkikament tkun superjuri għaliha. Deċiżjoni ta’ qorti tkun suġġetta għall-proċessi ta’ appell stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (appell fi prim’istanza, appell lill-qorti superjuri). Jekk id-deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri kienet is-suġġett ewlieni tal-kawża, it-terminu ta’ skadenza għall-preżentata ta’ appelli fi prim’istanza/appelli lill-qorti superjuri huwa ta’ 15-il jum min-notifika tad-deċiżjoni; jekk id-deċiżjoni kienet dwar aspett anċillari ta’ kawża, bħal fil-kuntest ta’ divorzju, it-terminu ta’ skadenza għall-preżentata ta’ appelli huwa ta’ 30 jum min-notifika tad-deċiżjoni.

FuqFuq

14. F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Jekk id-deċiżjoni tal-qorti ma' tkunx infurzata in bona fede, ikun possibbli li jintalab l-intervent tal-uffiċjal tal-infurzar skont il-proċedura stabbilita fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, Taqsima V (Artikolu 371 et seq).

15. X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti ta’ Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u eżegwita fir-Rumanija? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet?

Għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, jistgħu jkunu applikati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (Regolament II ta’ Brussell).

L-applikazzjoni għandha tintbagħat lill-qorti tad-domiċilju tal-konvenut jew tar-residenza tiegħu fir-Rumanija. Jekk il-konvenut la jkollu domiċilju magħruf u lanqas post ta’ residenza magħruf, din għandha tintbagħat lill-qorti tad-domiċilu/post ta’ residenza tal-attur.

16. Quddiem liema qorti fir-Rumanija għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f’każijiet bħal dawn?

Biex topponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni, il-parti kkonċernata għandha tapplika lill-qorti fejn l-applikazzjoni għal rikonoxximent tkun għadha ma nqatgħatx. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi ordinarja tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

17. Liema liġi tapplika fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu fir-Rumanija jew ikunu ta’ nazzjonalità differenti?

(Fisser ir-regoli dwar l-għażla tal-liġi applikabbli għal kull Stat Membru).

Biex tiġi stabbilita l-liġi applikabbli għar-relazzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat, wieħed għandu jirrikorri għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 105/1992 dwar ir-regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat. Ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, inklużi l-obbligi tal-ġenituri li jmantnu u jedukaw lil uliedhom u li jieħdu ħsieb il-proprjetà tagħhom huma suġġetti għal-liġi nazzjonali ordinarja, iżda f'każijiet fejn ikunu involuti ċittadini ta' pajjiż ieħor, huma jkunu suġġetti għal-liġi tad-domiċilju komuni tagħhom.

Il-liġi nazzjonali ordinarja jew il-liġi tad-domiċilju komuni tagħhom ikomplu jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal f'każ li wieħed minnhom jibdel iċ-ċittadinanza jew id-domiċilju tiegħu.

Fin-nuqqas ta' ċittadinanza komuni jew domiċilju komuni, ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal ikunu suġġetti għal-liġi tat-territorju li fih ikollhom jew kellhom post komuni ta' residenza jew li miegħu jżommu rabtiet mill-eqreb.

Aktar tagħrif

Aktar informazzjoni (links għal siti tal-internet).

www.just.ro română

Kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali.

« Risponsabilità tal-ġenituri - Informazzjoni Ġenerali | Rumanija - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 30-04-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit