Kummissjoni Ewropea > NGE > Risponsabilità tal-ġenituri > Portugall

L-aħħar aġġornament: 28-09-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Risponsabilità tal-ġenituri - Portugall

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Fil-prattika, xi jfisser it-terminu legali "ir-responsabbiltà tal-ġenituri"? X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi ta’ min ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri? 1.
2. Fil-prinċipju, min huwa responsabbli bħala ġenitur tat-tfal? 2.
3. Jekk il-ġenituri mhumiex adattati jew mhumiex lesti li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, jista’ jinħatar xiħadd minn flokhom? 3.
4. Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw kif tkun tkun solvuta l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri? 4.
5. Jekk il-ġenituri jikkonkludu ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, liema rekwiżiti jridu jiġu sodisfatti biex il-ftehim jorbot legalment? 5.
6. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jilħqu ftehim dwar il-kwistjonijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema metodi alternattivi jeżistu sabiex jintlaħaq ftehim barra mill-qorti? 6.
7. Jekk il-ġenituri jirreferi l-kwistjoni lill-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jkunu deċiżi mill-imħallef safejn għandha x’taqsam ir-responsabbiltà tal-ġenituri? 7.
8. Jekk il-qorti tiddeċiedi li wieħed mill-ġenituri għandu jkollu l-kustodja esklussiva tat-tfal, dan ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mat-tfal mingħajr ma l-ewwel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor? 8.
9. Jekk il-qorti tiddeċiedi favur kustodja konġunta tat-tfal, dan xi jfisser fil-prattika? 9.
10. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri jekk nixtieq niftaħ kawża li għandha x’taqsam mar-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet iridu jkunu sodisfatti u liema dokumenti jridu jkunu inklużi? 10.
11. Liema forma ta’ smiegħ tintuża f’każijiet bħal dawn? Jista’ wieħed jagħżel smiegħ aktar mgħaġġel jekk id-dewmien jista’ jkun ta’ periklu? 11.
12. Nista’ nakkwista għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċeduri? 12.
13. Hemm possibbiltà li nappella minn deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? 13.
14. F’ċerti każi, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? F’każijiet bħal dawn, quddiem liema qorti għandi nirrikorri u kif tiġi ttrattata l-kwistjoni? 14.
15. X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbilta’ tal-ġenituri li ngħatat fi Stat Membru ieħor tkun rikonoxxuta u infurzata fil-Portugall? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? 15.
16. Quddiem liema qorti fil-Portugall għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li ngħatat minn qorti fi Stat Membru ieħor? [Ara Nota 1.]Liema forma ta’ smiegħ tintuża f’każijiet bħal dawn? 16.
17. Liema liġi tiġi applikata fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jekk it-tfal jew il-partijiet ma jgħixux fil-Portugall jew huma ta’ nazzjonalitajiet differenti? 17.

 

1. Fil-prattika, xi jfisser it-terminu legali "ir-responsabbiltà tal-ġenituri"? X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi ta’ min ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri?

Il-kunċett ta’ “responsabbiltà tal-ġenituri” għadu mhux inkluż fil-liġi Portugiża. Il-kunċett użat fil-liġi Portugiża huwa “l-awtorità tal-missier”.

Kif inhu speċifikat bil-liġi, dan il-kunċett għandu x’jaqsam mas-setgħat u d-dmirijiet ta’ natura personali (is-setgħa ta’ kontroll u rappreżentazzjoni; id-dmir ta’ rispett, assistenza u edukazzjoni; is-setgħa/dmir ta’ kustodja) u ta’ natura relatata mal-propjetà (is-setgħa ta’ amministrazzjoni tal-propjetà tat-tfal; id-dmir ta’ assistenza).

2. Fil-prinċipju, min huwa responsabbli bħala ġenitur tat-tfal?

Huma l-ġenituri li, bħala regola ġenerali, għandhom l-awtorità tal-ġenituri fuq uliedhom u jeżerċitawha huma.

3. Jekk il-ġenituri mhumiex adattati jew mhumiex lesti li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, jista’ jinħatar xiħadd minn flokhom?

L-eżerċizzju ta’ l-awtorità tal-missier jista’ jkun limitat jew ipprojbit sal-punt li jwassal biex it-tfal jiġu fdati lil terza persuna (kuratur) jew organizzazzjoni ta’ assistenza.

Il-projbizzjoni ssir f’dawn il-każijiet:

  1. kundanna kkonfermata għal delitt li l-liġi tistabbilixxi bħala tali;
  2. dikjarazzjoni ta’ inkapaċità minħabba diżordni mentali;
  3. assenza, mill-mument tal-ħatra ta’ kuratur proviżjorju (rappreżentant temporanju li jamministra l-propjetà tal-persuna li tkun għabet mingħajr ma tkun tat indikazzjoni ta’ fejn hi qiegħda).

It-tfal jistgħu jitqiegħdu taħt il-ħarsien ta’ terza persuna jew ma’ organizzazzjoni ta’ assistenza f’każijiet meta l-ġenituri jkunu ħatja ta’ ksur tad-dmirijiet tagħhom lejn uliedhom, li jirriżulta fi ħsara serja lil dawn ta’ l-aħħar, jew meta, minħabba nuqqas ta’ esperjenza, mard, assenza jew raġunijiet oħra, huma jidhru li mhumiex jaqdu dmirhom li jieħdu ħsieb uliedhom.

FuqFuq

Hemm l-obbligu li jinħatar kuratur:

  1. jekk imutu l-ġenituri;
  2. jekk huma jkunu pprojbiti milli jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri fuq it-tfal;
  3. jekk huma jkunu impediti de facto għal aktar minn sitt xhur milli jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri;
  4. jekk ma jkunux magħrufa.

Minbarra għal ċerti differenzi stabbiliti bil-liġi, terzi persuni fdati bil-kustodja ta’ tfal minuri għandhom l-istess drittijiet u dmirijiet daqs il-ġenituri.

4. Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw kif tkun tkun solvuta l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri? 

F’każ ta’ divorzju jew separazzjoni, l-awtorità tal-missier tiġi ddeterminata b’sentenza tal-qorti jew b’deċiżjoni tar-reġistratur tat-twelid, żwieġ u mwiet.

Is-sentenza tista’ tkun sentenza ta’ approvazzjoni, i.e. li tikkonferma ftehim bejn il-ġenituri dwar l-eżerċizzju ta’ l-awtorità tal-missier, jew sentenza ta’ mertu li tinkludi deċiżjoni obbligatorja dwar l-eżerċizzju ta’ din l-awtorità.

Ir-reġistratur jadotta deċiżjoni li tapprova il-ftehim bejn il-ġenituri.

Dawn id-deċiżjonijiet huma mogħtija fi proċeduri ta’ divorzju jew separazzjoni legali jew fi proċeduri separati li jiddeċiedu dwar l-eżerċizzju ta’ l-awtorità tal-missier. L-uffiċċju tar-reġistratur huwa involut biss fi proċeduri ta’ separazzjoni u divorzju bil-kunsens tal-koppja.

5. Jekk il-ġenituri jikkonkludu ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, liema rekwiżiti jridu jiġu sodisfatti biex il-ftehim jorbot legalment?

Il-ftehim li se jkun konkluż irid jipproteġi bl-attenzjoni kollha l-interessi tat-tfal u jirregola d-drittijiet u d-dmirijiet varji involuti fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità tal-missier. Jekk dan ikun iddepożitat flimkien ma’ applikazzjoni għall-approvazzjoni, ma jkunx hemm bżonn ta’ formola partikulari.

FuqFuq

Dan il-ftehim irid ikun approvat mill-imħallef ta’ qorti kompetenti jew mir-reġistratur tat-twelid, żwieġ u mwiet (dan ta’ l-aħħar, kif diġà ntqal, jinterveni biss fi proċeduri ta’ separazzjoni u divorzju b’kunsens bejn it-tnejn) u jrid ikun mehmuż ma’ l-applikazzjoni (għal separazzjoni, divorzju jew regolazzjoni ta’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità tal-missier).

Dan il-ftehim jista’ wkoll ikun konkluż waqt it-tentattiv għal rikonċiljazzjoni ppresedut minn imħallef. F’dan il-każ, dan ikun dokumentat fil-minuti u approvat mill-imħallef.

Dan it-tentattiv għal rikonċiljazzjoni huwa obbligatorju fi proċeduri kkontestati għal divorzju u separazzjoni u fi proċeduri biex ikun deċiż l-eżerċizzju ta’ l-awtorità tal-missier.

Rigward il-proċeduri quddiem ir-reġistratur, is-servizz pubbliku tal-prosekuzzjoni fil-qorti ta’ l-ewwel istanza li għandha ġurisdizzjoni fid-distrett ġudizzjali fejn hemm ir-reġistru jrid jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-ftehim qabel ma jsir l-eżami finali.

L-approvazzjoni trid tiġi rrifjutata kull meta il-ftehim ma jkunx fl-interessi tat-tfal, inkluż dak li tinżamm relazzjoni mill-qrib mal-ġenitur mhux residenti.

6. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jilħqu ftehim dwar il-kwistjonijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema metodi alternattivi jeżistu sabiex jintlaħaq ftehim barra mill-qorti?

Dejjem huwa neċessarju li tinġieb l-approvazzjoni tal-qorti għal kull ftehim li jagħmlu l-ġenituri (sew jekk dan ikun spontanju u sew jekk jirriżulta minn proċess ta’ medjazzjoni), minbarra meta jkollu x’jaqsam mal-partiċipazzjoni msemmija fuq tar-reġistru.

FuqFuq

Fl-istadju meta jkunu eżaminati l-każijiet ta’ nuqqas ta’ qbil u rikonċiljazzjoni bejn il-ġenituri, teżisti alternattiva li tirrikorri għal medjazzjoni permezz tas-Servizz ta’ Medjazzjoni tal-Familja, li kien imwaqqaf mill-Ministeru għall-Ġustizzja fl-1997, jew permezz tas-Servizzi ta’ Medjazzjoni tal-Familja li jaħdmu ma’ xi muniċipalitajiet.

Huwa wkoll possibbli li tirrikorri lejn l-Assoċjazzjoni ta’ Medjaturi waqt Konflitt.

F’kull stadju tal-proċeduri u kull meta jkun meħtieġ, l-imħallef jista’, fuq inizjattiva tiegħu u bil-kunsens jew bl-applikazzjoni tal-persuni involuti, jordna partiċipazzjoni ta’ servizzi pubbliċi jew privati. Huwa japprova l-ftehim miksub permezz ta’ medjazzjoni jekk dan jipproteġi l-interessi tat-tfal.

7. Jekk il-ġenituri jirreferi l-kwistjoni lill-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jkunu deċiżi mill-imħallef safejn għandha x’taqsam ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Bħala regola ġenerali u mingħajr ma jingħata kas ta’ min jitlob l-intervent, il-qorti tista’, fil-konfront tat-tfal u fil-qasam li qed jiġi kkunsidrat:

  1. tordna l-ħatra ta’ kuratur u amministrazzjoni tal-propjetà;
  2. taħtar persuna biex tmexxi transazzjonijiet għan-nom tal-minuri u taħtar ukoll kuratur ġenerali biex jirrappreżenta lill-minuri, suġġett għall-awtorità tal-missier fi każijiet mhux ġudizzjarji;
  3. tiddetermina l-eżerċizzju ta’ l-awtorità tal-missier (i.e. tiddeċiedi dwar l-arranġamenti għat-tfal, dwar il-manteniment dovut lejhom u l-metodu ta’ kif jitħallas il-manteniment u wkoll dwar ir-regoli li jiddefinixxu l-kuntatt li jinżamm mal-ġenitur mhux residenti, filwaqt li żżomm quddiem għajnejha li l-eżistenza ta’ relazzjoni mill-qrib trid tkun dejjem żgurata) u tisma’ kwistjonijiet relatati ma’ dan is-suġġett;
  4. tivverifika l-manteniment dovut lill-minuri u tipprepara u tiddeċiedi dwar l-infurzar ta’ manteniment;
  5. tordna proċeduri ta’ xogħol ta’ kuratur fir-rispett tal-minuri;
  6. tawtorizza li r-rappreżentant legali tal-minuri jwettaq ċerti azzjonijiet, jikkonferma dawk li jkunu twettqu mingħajr awtorizzazzjoni u jieħu passi rigward l-aċċettazzjoni ta’ manċa;
  7. tiddeċiedi dwar is-sigurtà li l-ġenituri jridu jiddepożitaw favur tfal minuri;
  8. tordna l-projbizzjoni totali jew parzjali, u tistabbilixxi l-limiti, ta’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità tal-missier;
  9. tiddeċiedi dwar l-isem u l-kunjom tal-minuri f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri;
  10. fil-każ tax-xogħol ta’ kuratur u l-amministrazzjoni tal-propjetà, tiddetermina l-ħlas tal-kuratur jew l-amministratur, tisma’ l-proċeduri ta’ riżenja, approvazzjoni tal-kontijiet jew tneħħija tal-kuratur, amministratur jew membru votanti tal-kunsill tal-familja, titlob u tiddeċiedi dwar il-kontijiet, tawtorizza s-sostituzzjoni ta’ l-ipoteka legali u tiddetermina t-tisħiħ u s-sostituzzjoni tal-garanzija ddepożitata u taħtar kuratur speċjali biex jirrappreżenta l-minuri fi kwistjonijiet mhux ġudizzjarji;
  11. taħtar kuratur speċjali biex jirrappreżenta lill-minuri f’kull proċedura li għandha x’taqsam max-xogħol tal-kuratur;
  12. tiddeċiedi dwar it-tisħiħ u s-sostituzzjoni tal-garanzija ddepożitata favur it-tfal minuri;
  13. titlob u tiddeċiedi dwar il-kontijiet li l-ġenituri jridu jippreżentaw;
  14. tisma’ kwistjonijiet oħra waqt il-proċeduri msemmija hawn fuq.

Fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-ġenituri dwar każijiet ta’ importanza partikulari, il-qorti trid tiddeċiedi dwar dawn, fuq applikazzjoni minn wieħed mill-ġenituri u wara tentattiv għal rikonċiljazzjoni u wara li jinstemgħu l-veduti tal-minuri. Biex jinstemgħu, it-tfal irid ikollhom aktar minn 14-il sena u ċ-ċirkustanzi ma jridux ikunu tali li ma jkunx għaqli li jinstemgħu l-veduti tat-tfal.

FuqFuq

Dawn li ġejjin huma xi wħud mill-każijiet ta’ importanza partikulari: isem it-tfal, l-edukazzjoni tagħhom (partikularment l-edukazzjoni reliġjuża), il-bejgħ tal-propjetà, ir-rinunzja tal-wirt, l-ikkuntrattar ta’ self u l-akkwist ta’ pożizzjonijiet f’kumpaniji kummerċjali.

Fil-każ ta’ ġenituri ddivorzjati jew separati, l-imħallef irid jiddeċiedi jekk l-awtorità tal-missier tiġix eżerċitata esklussivament jew flimkien, min ser tkun il-persuna li prinċipalment ser tieħu ħsieb it-tfal, xi jkunu l-arranġamenti ta’ aċċess għall-ġenitur mhux residenti u l-ammont u l-forma tal-manteniment (jekk ikun hemm).

8. Jekk il-qorti tiddeċiedi li wieħed mill-ġenituri għandu jkollu l-kustodja esklussiva tat-tfal, dan ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mat-tfal mingħajr ma l-ewwel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Rigward l-atti ta’ importanza partikulari jew li għalihom il-liġi teħtieġ b’mod ċar il-kunsens taż-żewġ ġenituri, il-ġenitur mhux residenti jrid ikun ikkonsultat u jagħti l-kunsens tiegħu għall-att. Barra dan, il-ġenitur li ma jeżerċitax l-awtorità tal-missier għandu d-dritt li jissorvelja l-edukazzjoni u l-kondizzjonijiet li fihom jgħixu t-tfal.

Barra dan, il-ġenituri jistgħu jaqblu li ċerti każijiet ikunu solvuti bi ftehim bejniethom jew li l-ġenitur li ngħata l-kustodja tal-minuri jassumi l-amministrazzjoni tal-propjetà tat-tfal.

9. Jekk il-qorti tiddeċiedi favur kustodja konġunta tat-tfal, dan xi jfisser fil-prattika? 

Fil-prattika, f’din is-sitwazzjoni, l-awtorità tal-missier hija eżerċitata flimkien miż-żewġ ġenituri li jiddeċiedu dwar każijiet li jaffettwaw ħajjet it-tfal taħt kundizzjonijiet identiċi bħal dawk li kienu japplikaw waqt iż-żwieġ, minbarra għad-differenza prinċipali li l-minuri jistgħu jgħixu ma’ wieħed mill-ġenituri biss.

FuqFuq

F’dan il-kuntest, il-pożizzjoni tal-ġenituri rigward it-tfal ma titbiddilx f’termini legali fil-każ ta’ divorzju jew separazzjoni.

10. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri jekk nixtieq niftaħ kawża li għandha x’taqsam mar-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet iridu jkunu sodisfatti u liema dokumenti jridu jkunu inklużi?

Fil-Portugall, il-Qrati tal-Proċeduri dwar il-Familja għandhom ġurisdizzjoni f’dan il-qasam.

Hemm Qrati tal-Proċeduri dwar il-Familja (imsejħa Qrati tal-Familja u t-Tfal) f’Aveiro, Barreiro, Braga, Cascais, Coimbra, Faro, Funchal, Lisbon, Loures, Ponta Delgada, Portimão, Oporto, Setúbal, Seixal, Sintra u Vila Franca de Xira.

Barra dawn iż-żoni koperti bil-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati, il-qrati tad-distretti jistgħu jisimgħu każijiet li għandhom x’jaqsmu mar-responsabbiltà tal-ġenituri.

Madankollu, meta kawża għal divorzju jew separazzjoni legali tkun sospiża, l-arranġamenti għax-xogħol ta’ kuratur ċivili li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ l-awtorità tal-missier, il-ħlas ta’ manteniment u l-projbizzjoni ta’ l-awtorità tal-missier huma marbutin ma’ din il-kawża.

Jekk ma tkunx pendenti kawża għal divorzju jew separazzjoni legali, trid tkun sottomessa applikazzjoni inizjali li mhux meħtieġ li tkun fil-forma ta’ sottomissjonijiet, li fiha l-partijiet ikunu identifikati, il-fatti deskritti, issir t-talba u tiġi sottomessa x-xhieda.

Din l-applikazzjoni tista’ tkun iffirmata mill-ġenituri, għax mhux obbligatorju li jitqabbad avukat jekk mhux fl-istadju ta’ l-appell. L-uniċi dokumenti essenzjali f’dan l-istadju inizjali huma ċ-ċertifikat tat-twelid tat-tfal minuri u, jekk il-ġenituri huma miżżewġin, iċ-ċertifikat taż-żwieġ tagħhom.

FuqFuq

Għal aktar informazzjoni, ara l-paġna dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati.

11. Liema forma ta’ smiegħ tintuża f’każijiet bħal dawn? Jista’ wieħed jagħżel smiegħ aktar mgħaġġel jekk id-dewmien jista’ jkun ta’ periklu?

Regoli volontarji ta’ ġurisdizzjoni japplikaw għal dawn il-proċeduri, li jispjega għalfejn il-qorti tista’ liberament tinvestiga l-fatti, tiġbor ix-xhieda, tordna inkjesti u tiġbor l-informazzjoni meqjusa xierqa. Jitħallew isiru biss dawk il-provi li l-imħallef jikkonsidra neċessarji.

Is-sentenzi jingħataw fi żmien 15-il ġurnata mis-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni rilevanti quddiem l-imħallef.

Fil-proċeduri, il-qorti mhix suġġetta għal kriterji ta’ legalità stretta iżda f’kull każ trid tadotta s-soluzzjoni li hija tikkonsidra l-iktar xierqa. Għalhekk, meta tintalab biex tinterveni fid-determinazzjoni ta’ l-awtorità tal-missier, hija trid tkun iggwidata b’konsiderazzjoni kompleta u esklussiva ta’ l-interessi tat-tfal.

Madankollu, in-natura volontarja tal-ġurisdizzjoni ma teżonerax lill-qorti mill-ħtieġa li tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq il-fatti u l-liġi.

Fi proċeduri ta’ dan it-tip, id-deċiżjonijiet jistgħu jinbidlu, mingħajr preġudizzju għall-effetti diġà prodotti, fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi sussegwenti li jiġġustifikaw il-bidla. Ċirkustanzi sussegwenti huma dawk li jiġru wara d-deċiżjoni u dawk li jiġru qabel d-deċiżjoni li ma tqajmux minħabba nuqqas ta’ konoxxenza jew għal raġunijiet sostanzjali oħra.

Il-partijiet huma intitolati li jisimgħu l-informazzjoni, ir-rapporti, l-eżaminazzjonijiet u l-opinjonijiet mogħtija waqt il-proċeduri u jistgħu jitolbu kjarifikazzjonijiet, jissottomettu aktar provi jew jitolbu l-ġbir ta’ kull informazzjoni li huma jikkonsidraw neċessarja. L-imħallef ma jilqax, f’deċiżjoni li kontra tagħha m’hemmx appell, dawk it-talbiet li huma bla bżonn, impossibbli li jitwettqu jew intenzjonati biċ-ċar biex idewmu l-proċess. Is-smiegħ taż-żewġ naħat rigward il-provi miġjuba bil-mezzi msemmija huwa garantit.

FuqFuq

Waqt il-ferjat, dawk il-proċeduri ċivili dwar kurazija, li jekk jiddawru, jistgħu jikkawżaw preġudizzju għall-interessi tal-minuri, xorta jitkomplew.

F’kull stadju tal-proċeduri u kull meta tqis xieraq, il-qorti tista’ tiddeċiedi b’mod proviżorju dwar dawk il-każijiet li fl-aħħarnett jridu jinqatgħu u anke tordna l-passi kollha essenzjali biex ikun żgurat l-infurzar effettiv tad-deċiżjoni. Deċiżjonijiet finali jistgħu jinbidlu wkoll b’mod proviżorju. Għal dan il-għan, il-qorti tagħmel l-investigazzjonijiet qosra li tikkunsidra xierqa.

12. Nista’ nakkwista għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċeduri?

Iva, l-iskema ta’ għajnuna legali tapplika fil-qrati kollha, tkun xi tkun il-forma tal-proċeduri.

Għal aktar informazzjoni, ara l-paġna “l-Għajnuna Legali – il-Portugall”.

13. Hemm possibbiltà li nappella minn deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva. Fit-termini ġenerali tal-proċess ċivili, wieħed mill-ġenituri jew is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jista’ jissottometti appell. Deċiżjonijiet mogħtija skond il-kriterja ta’ proprjetà u espedjenza ma jistgħux jiġu appellati quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja.

14. F’ċerti każi, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? F’każijiet bħal dawn, quddiem liema qorti għandi nirrikorri u kif tiġi ttrattata l-kwistjoni?

Jekk, fil-każ ta’ minuri, wieħed mill-ġenituri ma josservax dak li jkun miftiehem jew deċiż, il-ġenitur l-ieħor jista’ jitlob il-qorti tieħu l-passi neċessarji biex tinforza l-osservanza u li tikkundanna lill-ġenitur ħati ta’ dan in-nuqqas ta’ osservanza li jħallas multa u kumpens favur il-minorenni jew l-applikant, jew it-tnejn.

FuqFuq

Meta ssir applikazzjoni jew tiżdied mal-proċeduri, l-imħallef jistieden lill-ġenituri għal laqgħa jew jordna li l-konvenut jiġi notifikat biex huwa jkun jista’ jagħmeli s-sottomissjonijiet li jqis xierqa. Fil-laqgħa, il-ġenituri jistgħu jaqblu għal tibdil fl-arranġamenti għall-eżerċizzju ta’ l-awtorità tal-missier, filwaqt li jżommu quddiem għajnejhom l-interessi tal-minuri. Jekk ma ssirx laqgħa jew il-ġenituri ma jistgħux jaqblu waqt il-laqgħa, l-imħallef jordna li ssir investigazzjoni qasira, flimkien ma’ passi oħra li jikkunsidra li huma neċessarji, u finalment jieħu deċiżjoni. Jekk ġenitur ikun ikkundannat iħallas multa u din ma titħallasx fi żmien għaxart ijiem, jinħareġ ċertifikat dwar il-proċeduri biex jiġi ppreżentat lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tinforza l-multa.

Proċeduri bħal dawk huma inċidentali għall-proċeduri prinċipali u jirriżultaw minn applikazzjoni ta’ ġenitur jew tas-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika.

Meta l-persuna obbligata legalment tħallas manteniment ma tħallasx l-ammonti dovuti fi żmien għaxart ijiem mid-data stipulata, jiġri dan li ġej:

  1. Jekk dan jinvolvi uffiċċjal pubbliku, l-ammonti rispettivi jitnaqqsu mis-salarju tiegħu fuq talba tal-qorti mibgħuta lill-korp kompetenti.
  2. Jekk dan jinvolvi impjegat jew ħaddiem bis-salarju, l-ammonti jitnaqqsu mill-paga jew salarju tiegħu. Għal dan il-għan, min iħaddmu jiġi nnotifikat u maħtur bħala d-depożitarju approvat.
  3. Jekk dan jinvolvi persuna li qed tirċievi profitti, pensjonijiet, sussidji, ħlas ta’ kummissjoni, perċentwali, miżati, għotjiet, qliegħ bi sħab jew dħul ta’ din ix-xorta, it-tnaqqis isir minn dawn l-ammonti meta jitħallsu jew jiġu kkreditati, bit-talbiet jew notifiki neċessarji magħmula għal dan il-għan u bil-korpi nnotifikati maħtura bħala d-depożitarji approvati.

L-ammonti mnaqqsa jinkludu wkoll il-manteniment li jkun wasal biex jitħallas u jitħallsu direttament lill-kreditur tal-manteniment.

FuqFuq

15. X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbilta’ tal-ġenituri li ngħatat fi Stat Membru ieħor tkun rikonoxxuta u infurzata fil-Portugall? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet?

Biex inwieġbu din il-mistoqsija, hemm bżonn niddistingwu bejn dawk is-sitwazzjonijiet fejn id-deċiżjoni tkun ingħatat waqt il-proċeduri ta’ divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ tal-ġenituri u sitwazzjonijiet oħra.

Fl-ewwel każ, japplika r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000, li bis-saħħa tiegħu deċiżjonijiet meħuda fi Stat Membru ieħor, minbarra d-Danimarka, huma rikonoxxuti fil-Portugall mingħajr il-bżonn li tirrikorri għal xi proċedura partikulari.

Għalhekk, deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru dwar l-eżerċizzju ta’ awtorità tal-missier li għandhom x’jaqsmu mat- tfal ta’ koppja u li jistgħu jiġu infurzati u ġew notifikati f’dak l-Istat huma infurzati fil-Portugall hekk kif ikunu ddikjarati li jistgħu jiġu infurzati f’dan l-Istat fuq applikazzjoni minn xi parti interessata.

Il-ftit raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ dawn id-deċiżjonijiet huma stipulati f’dak ir-Regolament.

F’sitwazzjonijiet mhux koperti bir-Regolament ta’ hawn fuq u għal każijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kustodja tat-tfal, tapplika l-Konvenzjoni Ewropea ta’ l-20 ta’ Mejju 1980 dwar ir-Rikonoxximent u l-Infurzar ta’ Deċiżjonijiet dwar il-Kustodja tat- Tfal u dwar ir-Radd ta’ Kustodja tat-Tfal (li torbot lill-maġġoranza ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE).

Taħt dan l-istrument internazzjonali, kull persuna li tikseb fi Stat Kontraenti deċiżjoni dwar il-kustodja ta’ minuri u li tixtieq tikseb fi Stat Kontraenti ieħor r-rikonoxximent jew l-infurzar ta’ din id-deċiżjoni tista’ tagħmel applikazzjoni lill-Instituto de Reinserção Social [Istitut tar-Reintegrazzjoni Soċjali]. Din l-applikazzjoni trid tkun akkumpanjata minn:

FuqFuq

  1. dokument li jawtorizza lill-Istat Portugiż biex jaġixxi għan-nom ta’ l-applikant jew biex jaħtar rappreżentant ieħor għal dan il-għan;
  2. kopja tad-deċiżjoni li tissodisfa l-kondizzjonijiet neċessarji ta’ awtentiċità;
  3. fil-każ ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja tal-konvenut jew tar-rappreżentant legali tiegħu, dokument li jistabbilixxi li l-konvenut kien nnotifikat kif jixraq bid-dokument li bih inbdew il-proċeduri jew b’dokument ekwivalenti;
  4. jekk ikun meħtieġ, kull dokument li jistabbilixxi li, skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ l-oriġini, id-deċiżjoni tista’ tiġi infurzata;
  5. fejn ikun possibbli, dikjarazzjoni li tindika fejn jistgħu qed joqogħdu t-tfal fl-Istat u proposti dwar kif tintradd il-kustodja tat-tfal.

F’sitwazzjonijiet mhux koperti b’konvenzjonijiet u regoli speċjali, japplika l-proċess speċjali ta’ eżami mill-ġdid tas-sentenza barranija.

F’dan il-proċess, id-dokument li fuqu hija rreġistrata d-deċiżjoni li trid tkun eżaminata mill-ġdid jiġi ppreżentat flimkien ma’ l-applikazzjoni u l-kontroparti trid tagħmel is-sottomissjonijiet tagħha fi żmien 15-il ġurnata. L-applikant jista’ jwieġeb fi żmien 10 ijiem min-notifika tas-sottomissjoni tat-tweġiba. Meta l-partijiet jippreżentaw s-sottomissjonijiet u jkunu ttieħdu l-passi li l-“imħallef tar-reviżjoni” (relator) jikkonsidra bħala essenzjali, jiġu ppreżentati d-dokumenti kollha biex il-partijiet u s-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jkollhom 15-il ġurnata kull wieħed biex jippreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom.

Biex is-sentenza tiġi kkonfermata:

  1. ma jridx ikun hemm dubji dwar l-awtentiċità tad-dokumenti li jkun fihom is-sentenza jew dwar l-ispirtu tad-deċiżjoni;
  2. is-sentenza trid tkun finali skond il-liġi tal-pajjiż fejn tkun ingħatat;
  3. trid tkun ġiet mill-qorti barranija li l-ġurisdizzjoni tagħha ma ġietx invokata bi ksur tal-liġi u ma tinvolvix kwistjoni li taqa’ fil-ġurisdizzjoni esklussiva tal-qrati Portugiżi;
  4.  ma jkunx possibbli li tingħata l-eċċezzjoni ta’ lis pendens jew res judicata bbażata fuq każ f’qorti Portugiża, ħlief meta tkun il-qorti barranija li ma ħallietx il-proċeduri jibdew;
  5. il-konvenut irid ikun notifikat kif jixraq bil-kawża, skond il-liġi tal-pajjiż tal-qorti ta’ l-oriġini, u li l-prinċipji tad-dritt ta’ difiża u l-protezzjoni ugwali tal-partijiet iridu jkunu ġew osservati fil-proċess;
  6. ma tinvolvix deċiżjoni li r-rikonoxximent tagħha jwassal għal riżultat li huwa manifestament inkompatibbli mal-prinċipji ta’ l-ordni pubblika internazzjonali tal-Portugall.

16. Quddiem liema qorti fil-Portugall għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li ngħatat minn qorti fi Stat Membru ieħor? [Ara Nota 1.]Liema forma ta’ smiegħ tintuża f’każijiet bħal dawn?

Biex tikseb rikonoxximent fil-Portugall ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li ngħatat minn qorti fi Stat Membru ieħor (minbarra d-Danimarka) u f’sitwazzjonijiet deskritti hawn fuq li r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 japplika għalihom, trid tippreżenta l-applikazzjoni tiegħek fil-qorti tad-distrett jew fil-Qorti tal-Proċeduri dwar il-Familja (fejn dan jeżisti fid-distrett ġudizzjarju). Kif indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija ta’ qabel, dawn id-deċiżjonijiet huma rikonoxxuti fil-Portugall mingħajr il-bżonn li tirrikorri għal xi proċedura.

FuqFuq

Trid iżżomm quddiem għajnejk ir-regola f’sitwazzjonijiet oħra fejn, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ konvenzjonijiet u liġijiet speċjali, l-ebda deċiżjoni dwar drittijiet privati mogħtija minn qorti barranija jew minn arbitru barrani m’hi effettiva fil-Portugall, tkun xi tkun in-nazzjonalità tal-partijiet, mingħajr ma tkun eżaminata u kkonfermata.

Il-qorti ta’ l-appell tad-distrett ġudizzjarju fejn hija residenti l-persuna li kontra tagħha hemm l-intenzjoni li tiġi applikata s-sentenza għandha ġurisdizzjoni għall-eżami u l-konferma (Coimbra, Évora, Guimarães, Lisbon u Oporto).

17. Liema liġi tiġi applikata fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jekk it-tfal jew il-partijiet ma jgħixux fil-Portugall jew huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Fi proċeduri li r-Regolament KE Nru 1347/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 japplika għalihom, il-qrati ta’ l-Istat Membru li kellu ġurisdizzjoni li jiddeċiedi dwar applikazzjoni għal divorzju, separazzjoni legali jew annullament ta’ żwieġ għandhom ġurisdizzjoni fuq kull kwistjoni li għandha x’taqsam ma’ l-awtorità tal-missier fuq tfal konġunti, bil-kondizzjoni li t-tfal għandhom residenza abitwali f’dak l-Istat Membru.

Għalhekk, il-qrati ta’ l-Istati Membri li fit-territorju tagħhom hemm dawn li ġejjin għandhom ġurisdizzjoni:

  1. ir-residenza abitwali tal-miżżewġin;
  2. l-aħħar residenza abitwali tal-miżżewġin, bil-kondizzjoni li wieħed minnhom għadu jgħix hemm;
  3. ir-residenza abitwali tal-konvenut ;
  4. fil-każ ta’ applikazzjoni konġunta, ir-residenza abitwali ta’ wieħed mill-miżżewġin;
  5. ir-residenza abitwali ta’ l-applikant jekk dan kien jgħix hemm għal mill-anqas sena immedjatament qabel l-applikazzjoni;
  6. ir-residenza abitwali ta’ l-applikant jekk dan kien jgħix hemm għal mill-anqas sitt xhur immedjatament qabel l-applikazzjoni, sew jekk ikun ċittadin ta’ l-Istat Membru in kwistjoni u sew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, jekk għandu d-domiċilju hemmhekk;
  7. il-qrati ta’ l-Istat Membru tan-nazzjonalità taż-żewġ miżżewġin jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, tad-domiċilju taż-żewġ miżżewġin.

Jekk ir-residenza abitwali tat-tfal mhix fl-Istat Membru fejn kienet eżerċitata ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal divorzju, separazzjoni legali jew annullament ta’ żwieġ, il-qrati ta’ dan l-Istat Membru għandhom ġurisdizzjoni jekk ir-residenza abitwali tat-tfal tinsab f’wieħed mill-Istati Membri u jekk a) mill-anqas wieħed mill-koppja miżżewġa jeżerċita l-awtorità tal-missier fuq dawn it-tfal, u b) il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati tkun aċċettata mill-miżżewġin u hija fl-akbar interess tat-tfal.

FuqFuq

Jekk l-ebda qorti ta’ Stat Membru m’għandha ġurisdizzjoni fit-termini msemmija hawn fuq, il-ġurisdizzjoni f’kull Stat Membru hija ddeterminata bil-liġi ta’ dak l-Istat.

Kull ċittadin ta’ Stat Membru li għandu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jista’ jinvoka f’dan l-Istat, taħt l-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini rispettivi, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli f’dan l-istess Stat rigward konvenut li m’għandux ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru u lanqas m’hu ċittadin ta’ Stat Membru jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, m’għandux id-domiċilju tiegħu fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati ta’ l-aħħar.

Jekk ulied ta’ ġenituri mhux miżżewġa jgħixu f’wieħed mill-Istati Kontrattwali għall-Konvenzjoni ta’ Aja tal-5 ta’ Ottubru 1961 dwar il-Setgħat ta’ Awtoritajiet u l-Liġi Applikabbli dwar il-Protezzjoni ta’ Minuri (li ġiet ratifikata mill-Portugall), il-qrati ta’ l-Istat ta’ residenza abitwali tal-minuri normalment għandhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar l-eżerċizzju ta’ l-awtorità tal-missier u, fil-prinċipju, japplikaw il-liġi nazzjonali tagħhom.

Huwa possibbli għall-awtoritajiet ta’ l-Istat tan-nazzjonalità tal-minuri li jordnaw miżuri mmirati biex jipproteġu l-persuna jew il-proprjetà tagħhom, skond il-liġi interna rispettiva, jekk jikkonsidraw li hekk jeħtieġu l-interessi tal-minuri u wara li jkunu informaw b’dan lill-awtoritajiet ta’ l-Istat tar-residenza abitwali.

Jekk dawn ir-regoli ma japplikawx, tapplika r-regola tal-liġi interna Portugiża. Din tistipula li l-qorti li tkopri ż-żona fejn hemm ir-residenza tal-minuri jew, jekk il-minuri ma jgħixux fil-Portugall, ta’ l-applikant jew tal-konvenut għandha ġurisdizzjoni.

Jekk ħadd minn dawn it-tlieta ma jgħix fil-Portugall iżda l-qrati Portugiżi għandhom ġurisdizzjoni internazzjonalment, il-Qorti tal-Familja u t-Tfal ta’ Lisbona għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ l-każ.

Il-qrati japplikaw il-liġi komuni nazzjonali tal-ġenituri jew, jekk din ma tirnexxix, il-liġi tar-residenza abitwali komuni tagħhom. Jekk il-ġenituri jgħixu abitwalment fi Stati differenti, il-liġi personali tat-tfal hija applikabbli. Jekk għarfien tal-paternità huwa stabbilit biss rigward wieħed mill-ġenituri, tapplika l-liġi personali tal-ġenitur li jibqa’ ħaj.

Aktar tagħrif

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-siti ta’ l-internet li ġejjin:

  • Il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja; English - français - português
  • Il-Qorti Konstituzzjonali; português 
  • ll-Ministeru għall-Ġustizzja; English - português
  • Il-Qorti ta’ l-Appell f’Lisbona; português
  • Il-Qorti ta’ l-Appell f’Coimbra; português
  • Il-Qorti ta’ l-Appell f’Évora; English - français - português
  • Il-Qorti ta’ l-Appell f’Oporto; português
  • L-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali tal-Kuruna; português
  • Iċ-Ċentru għal Studji Ġudizzjarji (korp responsabbli għat-taħriġ ta’ l-imħallfin Portugiżi); English - français - português 
  • Id-Dipartiment għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (li jpprovdi inter alia dettalji ta’ kuntatti għall-qrati u informazzjoni dwar l-ġurisdizzjoni territorjali tagħhom u aċċess għall-paġna ta’ Uffiċjali tal-Ġustizzja); português 
  • L-Uffiċċju ta’ Politika u Ppjanar tal-Ministeru għall-Ġustizzja; English - português 
  • Id-Dipartiment tar-Reġistri Pubbliċi u l-Professjoni Notarili; português
  • L-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi; português
  • L-Assoċjazzjoni ta’ l-Imħallfin Portugiżi; português
  • L-Assoċjazzjoni tal-Prosekuturi Pubbliċi; português
  • L-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukatura; português
  • Database on-line dwar il-leġislazzjoni português (li fiha l-liġijiet u l-atti ppublikati f’Serje I tal-Gazzetta Uffiċċjali mill-01-01-1970; tippermetti aċċess liberu għal-leġislazzjoni ppublikata f’Serje I mill-01-01-2000) ;
  • L-Assoċjazzjoni tal-Medjaturi fil-Konfliti; português
  • Eżempju ta’ servizz muniċipali ta’ medjazzjoni tal-familja. português 

Noti

[1] Din tidher li hija identika għal mistoqsija 15 u tidher li hija l-oppost tat-tifsira maħsuba. Il-mistoqsija oriġinali bl-Ingliż hija dwar oppożizzjoni għar-rikonoxximent.

« Risponsabilità tal-ġenituri - Informazzjoni Ġenerali | Portugall - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 28-09-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit