Kummissjoni Ewropea > NGE > Risponsabilità tal-ġenituri > Lussemburgu

L-aħħar aġġornament: 14-11-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Risponsabilità tal-ġenituri - Lussemburgu

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Fil-prattika, xi jfisser it-terminu legali "ir-responsabbiltà tal-ġenituri"? X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi ta’ min ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri? 1.
2. Fil-prinċipju, min huwa responsabbli bħala ġenitur tat-tfal? 2.
3. Jekk il-ġenituri mhumiex adattati jew mhumiex lesti li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, jista’ jinħatar xi ħadd minn flokhom? 3.
4. Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw, kif tkun solvuta l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri? 4.
5. Jekk il-ġenituri jikkonkludu ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, liema rekwiżiti jridu jiġu sodisfatti biex il-ftehim jorbot legalment? 5.
6. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jilħqu ftehim dwar il-kwistjonijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema metodi alternattivi jeżistu sabiex jintlaħaq ftehim barra mill-qorti? 6.
7. Jekk il-ġenituri jirreferi l-kwistjoni lill-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jkunu deċiżi mill-imħallef safejn għandha x’taqsam ir-responsabbiltà tal-ġenituri? 7.
8. Jekk il-qorti tiddeċiedi li wieħed mill-ġenituri għandu jkollu l-kustodja esklussiva tat-tfal, dan ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mat-tfal mingħajr ma l-ewwel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor? 8.
9. Jekk il-qorti tiddeċiedi favur kustodja konġunta tat-tfal, dan xi jfisser fil-prattika? 9.
10. Quddiem liema qorti (jew awtorità oħra) għandi nirrikorri jekk nixtieq niftaħ kawża li għandha x’taqsam mar-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet iridu jkunu sodisfatti u liema dokumenti jridu jkunu inklużi? 10.
11. Liema forma ta’ smiegħ tintuża f’każijiet bħal dawn? Jista’ wieħed jagħżel smiegħ aktar mgħaġġel? 11.
12. Nista’ nakkwista għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċeduri? 12.
13. Hemm possibbiltà li nappella minn deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? 13.
14. F’ċerti każi, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? F’każijiet bħal dawn, quddiem liema qorti għandi nirrikorri u kif tiġi ttrattata l-kwistjoni? 14.
15. X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbilta’ tal-ġenituri li ngħatat fi stat ieħor ta' l-Unjoni Ewropea tkun rikonoxxuta u infurzata fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każi ? 15.
16. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu biex nopponi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li ngħatat minn qorti fi stat ta' l-Unjoni Ewropea? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każi? 16.
17. Liema liġi tiġi applikata fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jekk it-tfal jew il-partijiet ma jgħixux fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu jew huma ta’ nazzjonalitajiet differenti? 17.

 

1. Fil-prattika, xi jfisser it-terminu legali "ir-responsabbiltà tal-ġenituri"? X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi ta’ min ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri?

Min-naħa terminoloġika, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu jintuża aktar il-kunċett ta’ "awtorità tal-ġenituri" milli "responsabbiltà tal-ġenituri". Dan ifisser id-drittijiet u d-dmirijiet kollha li l-liġi tirrikonoxxi lill-ġenituri fir-rigward tal-persuna u l-beni ta' l-ulied minuri mhux emanċipati sabiex jitwettqu id-dmirijiet ta' protezzjoni, ta' edukazzjoni u ta' trobbija li huma għandhom.

L-awtorità tal-ġenituri tappartjeni lill-ġenituri biex iħarsu lit-tifel fis-sigurtà, is-saħħa u l-moralità tiegħu. Dawn fir-rigward tiegħu għandhom id-dritt u d-dmir li jrabbuh, li jieħdu ħsiebu u li jedukawh. L-awtorità tal-ġenituri mhix dritt assolut u mhix ibbażata fuq id-diskrezzjoni tal-ġenituri. Fil-fatt, l-awtorità tal-ġenituri għandha tkun eżerċitata fl-interess tat-tifel.

2. Fil-prinċipju, min huwa responsabbli bħala ġenitur tat-tfal?

Matul iż-żwieġ, fil-prinċipju l-awtorità tal-ġenituri hi eżerċitata b'mod konġunt mill-missier u mill-omm. Jekk il-ġenituri ma jkunux miżżewġa, fil-prinċipju l-omm teżerċita l-awtorità tal-ġenituri.

3. Jekk il-ġenituri mhumiex adattati jew mhumiex lesti li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, jista’ jinħatar xi ħadd minn flokhom?

Il-mewt tal-ġenituri jew in-nuqqas ta' kapaċità tagħhom li jieħdu ħsieb lil uliedhom jagħtu lok għal proċedura ta' tutela. Dak li jmut l-aħħar mill-missier u l-omm jista' jagħżel kuratur. Fin-nuqqas ta' għażla tali, il-kunsill tal-familja, jew fin-nuqqas ta' dan, il-Qorti tal-kustodja, taħtar kuratur.

FuqFuq

4. Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw, kif tkun solvuta l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

F'każ ta' divorzju b'kunsens reċiproku, il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu bi ftehim komuni biex jeżerċitaw kustodja konġunta. Għall-forom l-oħra kollha ta' divorzju, l-awtorità tal-ġenituri hi eżerċitata minn dak fosthom li jiġi fdat bil-kustodja tat-tifel mill-Qorti.

Ħlief f'każi ta' ċirkostanzi eċċezzjonali u gravi, il-Qrati tal-Lussemburgui spiss jagħtu d-dritt tal-kustodja lill-omm, l-aktar jekk it-tifel ikun għadu żgħir fl-età. Il-ġenitur mhux kuratur ikollu dritt ta' aċċess u ta' sorveljanza.

Jekk it-tifel tkun jiġi fdat lil terza persuna, l-attributi l-oħra ta' l-awtorità tal-ġenituri jibqgħu eżerċitati mill-missier u mill-omm. Madankollu l-Qorti, meta taħtar terza persuna bħala kuratur proviżorju, tista' tiddeċiedi li tibda proċedura ta' kustodja.

5. Jekk il-ġenituri jikkonkludu ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, liema rekwiżiti jridu jiġu sodisfatti biex il-ftehim jorbot legalment?

Ftehim bejn il-ġenituri dwar kwistjoni marbuta ma' l-awtorità tal-ġenituri ma jorbotx legalment jekk mhux approvat mill-Qorti kompetenti.

6. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jilħqu ftehim dwar il-kwistjonijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema metodi alternattivi jeżistu sabiex jintlaħaq ftehim barra mill-qorti?

Il-ġenituri għandhom il-possibbiltà li jirrikorru għall-medjazzjoni familjari.

7. Jekk il-ġenituri jirreferi l-kwistjoni lill-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jkunu deċiżi mill-imħallef safejn għandha x’taqsam ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

L-imħallef jista' jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet segwenti:

FuqFuq

  • id-dritt għall-kustodja: ħlief f'każi ta' ċirkostanzi eċċezzjonali u gravi, il-Qrati tal-Lussemburgui spiss jagħtu d-dritt tal-kustodja lill-omm, l-aktar jekk it-tifel ikun għadu żgħir fl-età;
  • id-dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni tal-ġenitur mhux kuratur: dan id-dirtt ma jistax jiġi rifjutat ħlief għal raġunijiet gravi, lill-ġenitur li ma jkunx kiseb il-kustodja tat-tifel;
  • id-dritt taż-żjara min-naħa tan-nanniet: dan id-dritt ma jistax jiġi rifjutat lin-nanniet ħlief għal raġunijiet gravi;
  • id-dritt tal-korrispondenza u ta' żjara lil persuni oħra, qraba jew le: il-Qorti tagħti dan id-dritt wara li tikkonsidra sitwazzjonijiet eċċezzjonali ;
  • il-manteniment tat-tifel: il-manteniment, stabbilit skond il-bżonnijiet tat-tifel u l-mezzi ta' kontribuzzjoni taż-żewġ ġenituri, jibqa' jingħata anke wara l-età maġġorenni tat-tifel jekk hu ma jkunx jista' jmantni lilu nnifsu. 

8. Jekk il-qorti tiddeċiedi li wieħed mill-ġenituri għandu jkollu l-kustodja esklussiva tat-tfal, dan ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mat-tfal mingħajr ma l-ewwel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Il-ġenitur kuratur għandu l-obbligu li jgħarraf lill-ġenitur mhux kuratur fis-sens li dan irid iżomm lil dan ta' l-aħħar aġġornat dwar xi għażliet importanti u fatti rilevanti li jirrigwardaw it-tifel. Jekk il-ġenitur mhux kuratur ikollu ċertu dritt ta' sorveljanza fuq it-trobbija u l-edukazzjoni tat-tifel, dan id-dritt ma jippermettix lil dan il-ġenitur li jkun infurmat bid-dettalji kollha relatati mal-ħajja tat-tifel.

FuqFuq

Jekk il-ġenitur mhux kuratur iqis li l-ġenitur kuratur juża d-dritt tal-kustodja b'mod li jmur kontra l-interess tat-tifel, dan jista' jirrikorri quddiem il-Qorti kompetenti biex din issolvi l-kwistjoni. F'dan il-każ, il-Qorti hi fid-dritt li tordna li l-kustodja tinbidel, jew timponi kondizzjonijiet relatati ma' l-edukazzjoni tat-tifel fuq il-kuratur.

9. Jekk il-qorti tiddeċiedi favur kustodja konġunta tat-tfal, dan xi jfisser fil-prattika?

Hu magħruf li l-awtorità tal-ġenituri teħtieġ, meta hi eżerċitata b'mod konġunt minn żewġ ġenituri li jgħixu b'mod separat, kollaborazzjoni u kunsens reċiproku wiesgħa fl-interess ta' kollaborazzjoni kontinwa u kostruttiva fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-kustodja, is-sorveljanza u l-edukazzjoni tat-tifel.

10. Quddiem liema qorti (jew awtorità oħra) għandi nirrikorri jekk nixtieq niftaħ kawża li għandha x’taqsam mar-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet iridu jkunu sodisfatti u liema dokumenti jridu jkunu inklużi?

Il-Qorti tal-kustodja hi kompetenti kemm jekk il-missier u l-omm ma jilħqux ftehim dwar dak li hu meħtieġ fl-interess tat-tifel, kif ukoll jekk, fil-qafas ta' sitwazzjoni pura u sempliċi ta' amministrazzjoni tal-beni tat-tifel, iż-żewġ amministraturi legali, li għandhom jieħdu d-deċiżjoni flimkien, ma jirnexxielhomx jiftiehmu.

Matul il-proċeduri tad-divorzju jew ta' separazzjoni personali l-Qorti tal-Prim’ Istanza fil-prinċipju hi esklussivament kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-kustodja proviżorja tat-tfal. Madankollu, il-miżuri li hi tordna jistgħu jkunu modifikati mill-Qorti tal-Minuri, fil-każ li s-saħħa fiżika jew morali tat-tifel, l-edukazzjoni tiegħu jew l-iżvilupp soċjali jew morali tiegħu jkunu fil-periklu. F'każ ta' divorzju jew ta' separazzjoni ta' l-individwi, il-Qorti li tiddeċiedi dwar id-divorzju jew is-separazzjoni ta' l-individwi tiddeċiedi fl-istess ħin dwar il-kwistjoni ta' l-awtorità tal-ġenituri. Wara d-divorzju jew is-separazzjoni ta' l-individwi, il-Qorti tal-Minuri tista' tiddetermina, timmodifika jew tikkompleta d-dritt tal-kustodja.

FuqFuq

L-azzjoni għall-fini tad-delega parzjali jew totali ta' l-awtorità tal-ġenituri titressaq quddiem il-Qorti tad-Distrett tad-domiċilju jew tar-residenza abitwali tat-tifel minuri. Il-Qorti tipproċedi għall-kisba ta' informazzjoni ulti, u l-aktar studju tal-personalità tat-tifel, b'mod partikolari permezz ta' inkjesta soċjali, ta' eżamijiet mediċi, psikjatriċi u psikoloġiċi, ta' osservazzjoni ta' l-imġieba jew eżami ta' orjentazzjoni professjonali. Hi tisma' lill-ġenituri jew lill-kuratur, kif ukoll il-persuna li tkun ġabret lit-tifel. Fl-aħħar, hi tista' tordna kull miżura proviżorja li  hi tqis bħala meħtieġa fir-rigward tal-kustodja u l-edukazzjoni tat-tifel.

Finalment, il-kwistjoni dwar it-tneħħija totali jew parzjali ta' l-awtorità tal-ġenituri tinbeda mill-prosekutur pubbliku quddiem it-taqsima ċivili tal-Qorti tad-Distrett tad-domiċilju jew tar-residenza tal-missier jew ta' l-omm. Fin-nuqqas ta' domiċilju jew ta' residenza magħrufa fil-pajjiż tal-missier jew ta' l-omm, il-kwistjoni titressaq quddiem il-Qorti tad-Distrett li fih jinsabu t-tfal. Jekk it-tfal ma jinsabux kollha fl-istess distrett, il-kwistjoni titressaq quddiem il-Qorti tad-Distrett tal-Lussemburgu. L-Avukat Ġenerali jordna inkjesta dwar is-sitwazzjoni tal-familja tal-minuri u l-moralità tal-ġenituri tiegħu. Dawn jistgħu jressqu quddiem il-Qorti l-osservazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet li huma jqisu bħala adegwati. Madankollu, il-Qorti tista', b'deċiżjoni tagħha jew fuq talba tal-partijiet, tieħu dawk il-miżuri proviżorji li hi tqis utli għall-kustodja tat-tifel. Bl-istess mod, il-Qorti tista', madankollu, tirrevoka jew timmodifika dawn il-miżuri.

FuqFuq

11. Liema forma ta’ smiegħ tintuża f’każijiet bħal dawn? Jista’ wieħed jagħżel smiegħ aktar mgħaġġel?

L-azzjoni quddiem il-Qorti tal-Kustodja titressaq permezz ta' applikazzjoni formali mill-missier jew l-omm. l-partijiet m’ghandhomx bżonn l-assistenza ta’ avukat fil-Qorti.

Fir-rigward tat-talbiet relatati ma' l-awtorità tal-ġenituri fil-qafas ta' proċedura ta' divorzju jew ta' separazzjoni ta' l-individwi, ara "id-Divorzju – il-Lussemburgu", punt nru 11.

Wara d-divorzju jew is-separazzjoni ta' l-individwi, wieħed mill-ġenituri jew il-prosekutur pubbliku jressaq il-każ, permezz ta' sempliċi applikazzjoni formali, quddiem il-Qorti tal-Minuri. L-applikazzjoni formali tintbagħat f'erba' kopji mhux imwaħħlin flimkien lill-uffiċċju tal-Qorti tal-Minuri tad-distrett tad-domiċilju jew ta' residenza abitwali tat-tifel. Minbarra l-fatti li fuqhom it-talba hi bbażata, l-applikazzjoni tinkludi l-kunjomijiet, l-ismijiet, il-professjoni u d-domiċilji tal-partijiet. Hi tinkludi, taħt piena ta’ nullità, għażla ta' domiċilju fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu min-naħa ta’ min jagħmel il-kawża (l-attur) li ma jkunx jgħix hemm. Il-partijiet m’ghandhomx bżonn l-assistenza ta’ avukat fil-Qorti.

L-azzjoni għall-fini ta' delega ta' l-awtorità tal-ġenituri tinbeda permezz ta' applikazzjoni formali. Matulha m’hemmx bżonn l-assistenza ta’ avukat fil-Qorti. Il-kwistjoni tista' titressaq quddiem l-Avukat Ġenerali li jressaqha quddiem il-Qorti. Il-missier, l-omm jew il-kuratur li jixtiequ jiskbu lura drittijiet li jkunu ddelegaw għandhom jagħmlu talba lill-Qorti tad-domiċilju jew tar-residenza abitwali ta' dak li lilu jkunu ngħataw dawn id-drittijiet.

FuqFuq

Finalment, l-azzjoni għall-fini ta’ tneħħija ta’ l-awtorità tal-ġenituri titressaq b’rikors formali li jispjega l-fatti u jkun akkumpanjat mid-dokumenti meħtieġa. Ir-Reġistratur jgħaddi l-applikazzjoni u jsejjaħ lill-ġenituri jew qraba, li kontra tagħhom hi miftuħa l-kawża. Huma m’għandhomx bżonn l-assistenza ta’ avukat fil-Qorti. Il-missier, l-omm jew il-kuratur li jixtiequ jiksbu lura d-drittijiet li jkunu tneħħewlhom iridu jagħmlu talba lill-Qorti tad-domiċilju jew tar-residenza abitwali ta’ dak li kienu ngħatawlu dawn id-drittijiet.

12. Nista’ nakkwista għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċeduri?

Il-persuni li l-qligħ tagħhom hu mejqus bħala mhux biżżejjed mil-liġi tal-Lussemburgu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna legali. Biex dan iseħħ, huma għandhom jimlew kwestjonarju disponibbli għand is-servizz ċentrali ta’ għajnuna soċjali u jibgħatuh lill-President tal-Kamra ta’ l-Avukati li hu kompetenti fuq it-territorju u li jieħu d-deċiżjoni.

L-għajnuna legali hi estiża għall-ispejjeż kollha relattivi ma’ l-istanzi, il-proċeduri jew l-atti li għalihom tkun ingħatat. Hi estiża b’mod partikolari għall-ħlas tal-boll u tar-reġistrazjoni, l-ispejjeż tar-Reġistratur, l-emolumenti ta’ l-avukati, id-drittijiet u l-ispejjeż tal-marixxall, spejjeż u onorarji tan-nutara, spejjeż u onorarji tal-periti tekniċi, taxxi tax-xhieda, onorarji tat-tradutturi u l-interpreti, spejjeż għaċ-ċertifikati meħtieġa normalment, spejjeż ta’ vjaġġar, drittijiet u spejjeż ta’ formalitajiet ta’ iskrizzjoni, ta’ ipoteki u ta’ garanziji kif ukoll spejjeż ta’ avviżi fil-gazzetti.

FuqFuq

13. Hemm possibbiltà li nappella minn deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Hu possibbli li jsir appell minn deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri quddiem it-taqsima ċivili tal-Qorti ta’ l-Appell. It-terminu perentorju għall-appell hu, fil-prinċipju, ta’ erbgħin jum. Madankollu, it-terminu perentorju mogħti mill-Qorti tal-Proċeduri Sommarji hu ta’ ħmistax–il jum.

14. F’ċerti każi, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? F’każijiet bħal dawn, quddiem liema qorti għandi nirrikorri u kif tiġi ttrattata l-kwistjoni?

Il-liġi tal-Lussemburgu taċċetta żewġ possibbiltajiet biex tegħleb ir-rifjut ta' l-infurzar sistematiku ta' l-awtorità tal-ġenituri:

Min-naħa, hi prevista penali ta' natura ċivili, jiġifieri l-obbligu li jsarraf f'kundanna ta' ħlas ta' somma ta' flus, ta' ammont għal kull jum (jew ġimgħa jew xahar) ta' dewmien, mogħtija minn Qorti, kontra l-ġenitur li ma jikkooperax, sabiex iġġegħlu jwettaq l-obbligu speċifiku tiegħu. Il-kawża tinfetaħ, permezz ta' taħrika, quddiem il-Qorti tad-Distrett, tal-post fejn it-tifel ikun residenti. Il-partijiet iridu jkunu rappreżentati minn avukat fil-Qorti.

Min-naħa l-oħra, huma previsti sanzjonijiet penali. Għaldaqstant, il-ksur tan-nuqqas ta' rappreżentazzjoni tat-tifel hi sanzjonata bi priġunerija ta' bejn tmien t'ijiem u sentejn u/jew multa minn 251 sa 2,500 Ewro. Jekk il-persuna li jkollha tort tkun naqset parzjalment jew totalment mill-awtorità tal-ġenituri fuq it-tifel, il-piena ta' priġunerija tista' titla' għal tliet snin. Il-prosekutur pubbliku jista' jiddeċiedi li jiftaħ il-kawża jew jintalab jieħu azzjoni mill-parti offiża permezz ta' kwerela. Il-Qorti tad-Distrett, fil-kompetenza penali tagħha, tistabbilixxi s-sanzjonijiet penali u, skond il-każ, id-danni u l-interessi li għandhom jitħallsu lill-parti offiża. Il-partijiet m’ghandhomx bżonn l-assistenza ta’ avukat fil-Qorti.

FuqFuq

15. X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbilta’ tal-ġenituri li ngħatat fi stat ieħor ta' l-Unjoni Ewropea tkun rikonoxxuta u infurzata fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każi ?

Skond Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 ta'Novembru 2003 dwar il-kompetenza, ir-rikonoxximent u t-twettiq tad-deċiżjonijiet fil-qasam taż-żwieġ u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tat-tfal komuni (minn issa ‘l quddiem magħruf bħala “r-regolament Brussell II”), deċiżjoni dwar l-awtorità tal-ġenituri mogħtija minn Qorti ta’ pajjiż ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea hi rikonoxxuta għall-effetti kollha tal-liġi fil-Gran Dukat. Fi kliem ieħor, ir-rikonoxximent ta’ tali deċiżjoni mhu sottomess għall-ebda proċedura.

Madankollu, id-deċiżjoni mogħtija minn Qorti ta’ pajjiż ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea dwar it-twettiq ta’ l-awtorità tal-ġenituri fir-rigward ta’ tifel komuni tal-partijiet, li hi eżekuttiva u li ġiet mgħarrfa u notifikata, tiġi infurzata fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu wara li tkun iddikjarata bħala eżekuttiva fuq talba ta’ kull parti interessata. It-talba għad-dikjarazzjoni tal-konstatazzjoni tas-saħħa eżekuttiva għandha tkun ippreżentata lill-president tal-Qorti tad-Distrett permezz ta’ l-avukat tal-Qorti. Id-deċiżjoni tal-president tal-Qorti tad-Distrett tista’ tkun appellata quddiem il-Qorti ta’ l-Appell. Id-deċiżjoni tal-Qorti ta’ l-Appell tista’ tiġi riveduta permezz tal-kazzazzjoni quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni.

FuqFuq

16. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu biex nopponi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li ngħatat minn qorti fi stat ta' l-Unjoni Ewropea? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każi?

Skond ir-“regolament Brussell II”, kull parti interessata tista titlob, permezz ta’ rikors formali, lill-president tal-Qorti tad-Distrett biex jagħti deċiżjoni ta’ oppożizzjoni għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar l-awtorità tal-ġenituri mogħtija minn Qorti ta’ pajjiż ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-kawża trid titressaq minn avukat fil-Qorti. 

Ir-rikors ma jistax jintlaqa’ ħlief għar-raġunijiet segwenti:

  • il-ksur manifest ta’ l-ordni pubbliku;
  • in-nuqqas ta’ smiegħ tat-tifel;
  • in-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet ta’ difiża;
  • in-nuqqas ta’ qbil ma’ deċiżjoni mogħtija f’kawża relatata.

Kull waħda mill-partijiet tista’ tappella d-deċiżjoni tal-president tal-Qorti tad-Distrett quddiem il-Qorti ta’ l-Appell. Id-deċiżjoni tal-Qorti ta’ l-Appell tista’ tiġi riveduta permezz tal-kazzazzjoni quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni.

17. Liema liġi tiġi applikata fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jekk it-tfal jew il-partijiet ma jgħixux fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu jew huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

  • Il-Konvenzjoni ta’ l-Aja tal-5 ta’ Ottubru 1961 dwar il-kompetenza ta’ l-awtoritajiet u l-liġi applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri tapplika għat-tfal kollha li għandhom ir-residenza tagħhom fil-Lussemburgu jew fi Stat li aderixxa għal din il-Konvenzjoni. Skond id-dottrina legali fil-Lussemburgu, l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni għandu jkun interpretat fis-sens li l-liġi materjali ta’ l-Istat tan-nazzjonalità tal-minuri tirregola l-aspetti kollha ta’ l-awtorità tal-ġenituri li jissarrfu fi drittijiet esklussivi ta’ awtorità fuq il-persuna tat-tifel. B’mod partikolari dan jinkludi d-drittijiet ta’ tmexxija tat-tifel, bħad-dritt għall-kustodja, id-dritt li tiġi determinata r-residenza tiegħu u, forsi, anke d-dritt li ssir għażla dwar l-edukazzjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, wieħed jista’ jammetti li d-disposizzjoni msemmija qabel ma tkoprix id-drittijiet u l-obbligi li jikkonċernaw l-amministrazzjoni tal-patrimonju tiegħu.

Skond l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni msemmija qabel, il-Lussemburgu jirriserva l-kompetenza ta’ l-awtoritajiet tiegħu msejħa biex jiddeċiedu dwar talba ta’ annullament, xoljiment jew tnaqqis tar-rabta taż-żwieġ bejn il-ġenituri ta’ minuri, biex jieħdu l-miżuri ta’ protezzjoni għall-persuna u għall-beni tiegħu. Madankollu, l-awtoritajiet tal-pajjiżi l-oħra kontraenti mhumiex marbuta jagħrfu dawn il-miżuri.

  • Minbarra l-każi fejn il-Konvenzjoni msemmija qabel hi applikabbli, jaqbel li ssir distinzjoni bejn il-filjazzjoni naturali u dik leġittima tat-tifel:
    • F’każ ta’ filjazzjoni naturali, il-liġi applikabbli hi l-liġi tan-nazzjonalità tat-tifel.
    • F’każ ta’ filjazzjoni leġittima tat-tifel, skond id-dottrina legali, il-liġi applikabbli hija dik li tirregola l-validità taż-żwieġ, jiġifieri:
      • il-liġi nazzjonali komuni tal-ġenituri, jekk ikunu ta’ l-istess nazzjonalità;
      • il-liġi tad-domiċilju komuni tal-ġenituri, jekk ikunu ta’ nazzjonalità differenti.

Wara d-divorzju tal-ġenituri, il-ġurisprudenza ġeneralment taċċetta li l-liġi applikabbli għad-divorzju għandha tapplika, jiġifieri:

  • il-liġi nazzjonali tal-miżżewġin, jekk ikunu ta’ l-istess nazzjonalità;
  • il-liġi tad-domiċilju effettiv komuni tal-miżżewġin, jekk ikunu ta’ nazzjonalità differenti;
  • il-liġi tal-Lussemburgu, jekk il-miżżewġin ta’ nazzjonalità differenti ma jkollhomx domiċilju effettiv komuni.

F’kull ipoteżi, il-liġi interna, jiġifieri l-liġi tal-Lussemburgu, għandha rwol konġunt bħala liġi ta’ l-ordni pubbliku.

Aktar tagħrif

  • Legilux, le portail juridique du Gouvernement du Grand-Duché du Luxembourg (il-portal ġuridiku tal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu) français

« Risponsabilità tal-ġenituri - Informazzjoni Ġenerali | Lussemburgu - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 14-11-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit