Kummissjoni Ewropea > NGE > Risponsabilità tal-ġenituri > Italja

L-aħħar aġġornament: 02-04-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Risponsabilità tal-ġenituri - Italja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


Ghal l-ahtar aggiornaurent fuq it-test, Mekk jghogobk ara italiano
 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Fil-prattika, xi jfisser it-terminu legali "ir-responsabbiltà tal-ġenituri"? X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi ta’ min ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri? 1.
2. Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà bħala ġenitur tal-wild? 2.
3. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jew mhumiex lesti li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fil-konfront ta’ wliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom? 3.
4. Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw, kif tkun solvuta l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri għall-futur? 4.
5. Jekk il-ġenituri jikkonkludu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà liema formalitajiet iridu jiġu rispettati biex il-ftehim ikun jorbot legalment? 5.
6. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jaslu fi ftehim dwar il-kwistjoni tar- responsabbiltà tal-ġenituri, x’inhuma l-mezzi alternattivi biex jintlaħaq ftehim barra mill-qorti? 6.
7. Jekk il-ġenituri jidħlu l-qorti, liema kwistjonijiet li jirrigwardaw il-wild jista’ jiddeċiedi dwarhom l-imħallef? 7.
8. Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed għandu jkollu l-kustodja esklussiva ta’ wild waħdu, dan ifisser li hu jew hi jistgħu jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw il-wild mingħajr ma l-ewwel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor? 8.
9. Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom kustodja konġunta tal-wild, dan xi jfisser fil-prattika? 9.
10. Quddiem liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk irrid nippreżenta applikazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet iridu jkunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż ma’ l-applikazzjoni tiegħi? 10.
11. Liema hija l-proċedura applikabbli f’dawn il-każijiet? Teżisti proċedura b’urġenza? 11.
12. Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura? 12.
13. Huwa possibbli li jsir appell minn deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? 13.
14. F’ċerti każijiet, jista’ jkun hemm il-bżonn li jintalab l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri f’każijiet bħal dawn u liema proċedura hija applikabbli? 14.
15. X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li ngħatat minn qorti fi Stat Membru ieħor tkun rikonoxxuta u infurzata fl-Italja? 15.
16. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri sabex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? 16.
17. Liema liġi tapplika l-qorti fi proċedura dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta l-wild jew il-partijiet ma joqogħdux l-Italja jew ikunu ta’ nazzjonalità differenti? 17.

 

1. Fil-prattika, xi jfisser it-terminu legali "ir-responsabbiltà tal-ġenituri"? X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi ta’ min ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri?

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tfisser id-drittijiet u l-obbligi kollha li l-liġi tqiegħed fuq il-ġenituri fir-rigward ta’ wild, li għandhom ikunu eżerċitati u sodisfatti fl-interess tal-wild biss.

Ġenituri responsabbli għal uliedhom iridu jieħdu deċiżjonijiet relatati mal-benesseri, it-trobbija u l-edukazzjoni tal-wild. Huma r-rappreżentanti legali tal-wild jew it-tarbija mhix imwielda, bil-poter li jinnegozjaw u jirrappreżentaw lill-wild fil-qorti. Huma responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ l-affarijiet finanzjarji ordinarji tal-minorenni, għalkemm f’każijiet straordinarji l-qorti tat-tutela tista’ tordna mod ieħor. Sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, għandhom drittijiet reali għal żmien limitat fir-rigward tal-proprjetà tal-wild.

Madanakollu, ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri jinkludu l-manteniment, it-trobbija u l-edukazzjoni ta’ wliedhom.

2. Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà bħala ġenitur tal-wild?

Iż-żewġ ġenituri għandhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri u għandhom jeżerċitawha flimkien u bi qbil bejniethom sakemm il-wild isir maġġorenni jew jiġi emanċipat. Meta l-ġenituri ma jaqblux dwar kwistjonijiet ta’ importanza partikolari, kull wieħed minnhom jista’ japplika lill-Qorti tal-Familja, li tassenja r-responsabbiltà lill-ġenitur li jkun meqjus l-aktar kapaċi li jissalvagwarda l-interessi tal-wild fil-każ in kwistjoni.

FuqFuq

Fil-każ ta’ filjazzjoni naturali, il-ġenituri li rrikonoxxew lill-wild u qed joqogħdu flimkien ikunu responsabbli għall-wild. Meta ma joqogħdux flimkien, ir-responsabbiltà tkun tal-ġenitur li miegħu ikun qed jgħix il-wild jew, fejn il-wild ma joqgħod ma ebda wieħed minnhom, tal-ġenitur li kien l-ewwel li rrikonoxxa lill-wild.

Fi kwalunkwe każ, il-ġenitur li ma jkollux ir-responsabbiltà iżomm id-dritt li jissorvelja t-trobbija, l-edukazzjoni u l-kondizzjonijiet ta’ l-għixien tal-wild.

3. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jew mhumiex lesti li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fil-konfront ta’ wliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Fejn iż-żewġ ġenituri jkunu mejta jew ma jistgħux jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom għal xi raġuni oħra, il-qorti fil-ġuriżdizzjoni fejn il-wild ikollu l-interessi tiegħu taħtar tutur.

Meta l-ġenituri ma jeżerċitawx id-drittijiet tagħhom u jonqsu milli jissodisfaw l-obbligazzjonijiet tagħhom, l-imġiba tagħhom tkun meqjusa meta ssir evalwazzjoni dwar jekk ir-responsabbiltà għandhiex tiġi rtirata jew jekk il-wild għandux jiġi adottat għar-raġuni li ġie abbandunat. Tali miżuri jkunu ordnati qabel jinħatar tutur, ħlief jekk tkun saret ħatra provviżorja waqt dawn il-proċeduri wara li tkun ġiet sospiża r-responsabbiltà tal-ġenituri.

4. Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw, kif tkun solvuta l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri għall-futur?

F’każijiet ta’ separazzjoni legali jew divorzju il-qorti tirrisolvi l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

FuqFuq

Meta s-separazzjoni tkun b’kunsens reċiproku jew il-koppja jkunu applikaw għad-divorzju flimkien, il-qorti teżamina s-sitwazzjoni tal-wild meta tagħti l-ordni tas-separazzjoni jew tad-divorzju.

Il-koppja tista’ tapplika għal reviżjoni tas-sitwazzjoni tal-wild fi kwalunkwe żmien, u r-reviżjoni titmexxa abbażi tal-prinċipju rebus sic stantibus.

5. Jekk il-ġenituri jikkonkludu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà liema formalitajiet iridu jiġu rispettati biex il-ftehim ikun jorbot legalment?

Fil-każ ta’ separazzjoni legali jew divorzju, il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri tkun indirizzata fid-deċiżjoni tas-separazzjoni jew tad-divorzju. Il-qorti trid tikkonsidra kwalunkwe ftehim milħuq bejn il-partijiet iżda mhix marbuta bih. Tista’ tadotta miżuri differenti bbażati fuq ir-riżultanzi tagħha stess jew b’risposta għal applikazzjoni ta’ wieħed mill-ġenituri (ara l-artikolu 155 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-artikolu 6 ta’ l-Att Nru 1970/898).

Fejn is-separazzjoni tkun b’kunsens reċiproku, meta l-ġenituri jkunu laħqu ftehim dwar il-kustodja u l-manteniment li ma jkunx fl-interess tal-wild, il-qorti tispjega x’tibdil ikun meħtieġ, u jekk is-soluzzjoni ma tkunx aċċettabbli, tista’ ma taċċettax il-ftehim meta tagħti d-deċiżjoni tagħha (ara l-artikolu 158 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Meta ż-żewġ partijiet ikunu applikaw għad-divorzju u l-qorti ssib li l-kondizzjonijiet dwar it-tfal ma jkunux fl-interess tagħhom, il-każ jinstema’ bil-mod normali, bil-ġenituri jidhru quddiem l-imħallef istruttorju (ara l-artikolu 4 ta’ l-Att Nru 1970/898).

FuqFuq

6. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jaslu fi ftehim dwar il-kwistjoni tar- responsabbiltà tal-ġenituri, x’inhuma l-mezzi alternattivi biex jintlaħaq ftehim barra mill-qorti?

M’hemmx dispożizzjonijiet li jipprovdu għal mezzi alternattivi għas-soluzzjoni ta’ dawn il-problemi. Il-qrati, u b’mod partikolari l-Qorti tal-Familja, jistgħu jitolbu l-għajnuna mingħand is-servizzi soċjali, possibbilment fl-għamla ta’ medjazzjoni ntiża biex jintlaħaq qbil dwar soluzzjoni li tista’ tiġi ppreżentata lill-qorti.

7. Jekk il-ġenituri jidħlu l-qorti, liema kwistjonijiet li jirrigwardaw il-wild jista’ jiddeċiedi dwarhom l-imħallef?

Il-qorti li tagħti l-ordni tas-separazzjoni jew tad-divorzju:

  • tiddeċiedi liem konjuġi ser ikollu l-kustodja tal-wild u tistabbilixxi d-drittijiet ta’ aċċess tal-ġenitur li ma jkollux il-kustodja; tista’ wkoll tordna kustodja konġunta jew li talterna, li t-tnejn huma kontemplati b’mod ċar mil-liġi tad-divorzju iżda jistgħu jiġu applikati wkoll f’każijiet ta’ separazzjoni;
  • tistabbilixxi sa liema punt u b’liema mod il-konjuġi l-ieħor ġħandu jikkontribwixxi għall-manteniment, għat-trobbija u għall-edukazzjoni ta’ l-ulied;
  • tiddeċiedi minn iżomm id-dritt ta’ residenza fid-dar tal-familja, fejn tingħata preferenza lill-ġenitur li jkollu l-kustodja tal-wild;
  • tagħti l-provvedimenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-proprjetà ta’ l-ulied u, fil-każ ta’ kustodja konġunta, tistabbilixxi li ż-żewġ ġenituri għandhom drittijiet ta’ proprjetà għal żmien limitat;
  • tieħu kwalunkwe miżura oħra dwar il-wild (eż., l-ġurisprudenza stabbiliet li l-ulied għandhom interess li jżommu relazzjonijiet man-nanniet tagħhom u stabbiliet regoli għal laqgħat).

8. Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed għandu jkollu l-kustodja esklussiva ta’ wild waħdu, dan ifisser li hu jew hi jistgħu jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw il-wild mingħajr ma l-ewwel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Bħala regola ġenerali, ħlief jekk il-qorti tordna mod ieħor, il-ġenitur li jkollu l-kustodja tal-wild ikollu r-responsabbiltà unika.

FuqFuq

Madanakollu, l-aktar deċiżjonijiet importanti li jirrigwardaw il-wild għandhom jittieħdu miż-żewġ ġenituri, ħlief jekk il-qorti tkun iddeċidiet mod ieħor.

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li deċiżjonijiet importanti ċertament jinkludu l-għażla ta’ l-iskola u d-direzzjoni edukattiva, l-għażla ta’ professjoni li l-wild ikun ser jidħol għaliha, deċiżjonijiet dwar operazzjonijiet li ma jkunux urġenti (ir-responsabbiltà li tipprovdi informazzjoni mhix importanti meta ma jkunx hemm għażla), deċiżjonijiet biex il-wild jitneħħa b’mod permanenti mill-pajjiż (f’ċerti każijiet, id-deċiżjoni meħuda mill-ġenitur li jkollu l-kustodja tkun meqjusa li ttieħdet skond l-interess tal-wild, għalkemm id-drittijiet ta’ l-aċċess ikunu jridu jiġu definiti mill-ġdid, ara l-Qorti tal-Kassazzjoni 1995/1732).

9. Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom kustodja konġunta tal-wild, dan xi jfisser fil-prattika?

Il-Qorti tista’ tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom kustodja konġunta, meta jidhrilha li dan ikun fl-interess ta’ l-ulied, b’mod partikolari meta tqis l-età tagħhom.

Ir-regoli stipulati fl-artikolu 6 ta’ l-Att emendat Nru 1970/898 mhumiex preskrittivi żżejjed, u d-dettalji jitħallew fid-diskrezzjoni tal-qorti.

Fil-prattika, meta l-qorti tiddeċiedi li tagħti kustodja konġunta, il-wild ikun joqgħod ma’ wieħed mill-ġenituri (normalment l-omm), filwaqt li l-ġenitur l-ieħor ikollu rwol akbar fil-ħajja tal-wild. Għalkemm il-liġi hija maħsuba biex tnaqqas il-kunflitt u tħeġġeġ lill-ġenituri biex jaħdmu flimkien, l-eżitu ma jkunx dejjem dan, u fil-fatt il-qrati rarament jagħtu l-kustodja konġunta.

FuqFuq

Il-kustodja li talterna hija anki iżjed rari, billi l-ġurisprudenza ġeneralment tqis din bħala soluzzjoni li tmur kontra li tkun provduta ħajja stabbli għall-ulied jew għall-ġenituri tagħhom.

Il-parlament qiegħed fil-proċess li jadotta abbozz ta’ liġi li jemenda l-liġi dwar il-kustodja konġunta.

10. Quddiem liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk irrid nippreżenta applikazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet iridu jkunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż ma’ l-applikazzjoni tiegħi?

  1. Applikazzjonijiet għall-kustodja tat-tfal wara separazzjoni jew divorzju jiġu ppreżentati fil-qorti li toħroġ l-ordni tas-separazzjoni jew tad-divorzju. L-applikazzjoni, li tiġi ppreżentata fil-forma ta’ petizzjoni, irid ikun fiha deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fuqhom tkun ibbażata u għandha tindika l-eżistenza ta’ tfal leġittimi jew leġittimati jew tfal adottati miż-żewġ konjuġi waqt iż-żwieġ tagħhom. Evidenza ta’ qligħ riċenti għandha tkun annessa mal-petizzjoni jew id-dikjarazzjoni tad-difiża (ara l-artikolu 4 ta’ l-Att Nru 1970/898 u emendi sussegwenti).
  2. Fil-każ ta’ abbuż minn ġenitur wieħed jew mit-tnejn, il-Qorti tal-Familja tal-post tar-residenza normali tal-wild fiż-żmien li ssir l-applikazzjoni tista’ tagħti ordnijiet relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri. Il-Qorti tal-Familja tista’ tieħu l-miżuri kollha xierqa inkluża inġunzjoni biex iżżomm ġenitur abbużiv milli jmur fid-dar tal-familja jew it-tneħħija tar-responsabbiltà. Dawn il-miżuri jistgħu jiġu revokati fi kwalunkwe ħin.
  3. Meta l-ġenituri ma jkunux miżżewwġa, kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri jiġu ttrattati mill-qorti fil-post tar-residenza normali tal-wild.

11. Liema hija l-proċedura applikabbli f’dawn il-każijiet? Teżisti proċedura b’urġenza?

  1. Meta l-kustodja tingħata wara l-ħruġ ta’ ordni tas-separazzjoni jew tad-divorzju, tkun applikabbli l-proċedura tas-separazzjoni jew tad-divorzju (ara l-ordni tad-divorzju). Jekk fil-mori tal-proċeduri quddiem il-qorti, l-attentati għar-rikonċiljazzjoni jkunu fallew, jittieħdu miżuri provviżorji urġenti fl-interess tal-wild, li jistgħu jiġu infurzati jekk ikun meħtieġ. M’hemmx provvediment għal proċedura b’urġenza, anqas jidher li hemm ħtieġa għalih. Meta ġenitur jagħmel ħsara lil wild, il-Qorti tal-Familja tista’ tieħu l-miżuri ta’ emerġenza kollha li jidhrilha li jkunu neċessarji.
  2. Kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri iridu jiġu solvuti mill-Qorti tal-Familja (li għalhekk tinkludi l-każijiet stipulati fis-subinċiżi B u C ta’ mistoqsija 10). Il-proċeduri huma koperti mill-artikolu 336 tal-Kodiċi Ċivili, flimkien mad-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-proċeduri in camera (artikoli 737 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Wara applikazzjoni mill-ġenitur l-ieħor, miż-żewġ ġenituri jew mis-servizz ta’ prosekuzzjoni pubblika, il-qorti tisma l-informazzjoni sommarja, lill-prosekutur pubbliku u lill-ġenitur li kontrih tkun il-miżura li dwarha saret l-applikazzjoni, qabel ma tasal għal deċiżjoni in camera. F’każijiet ta’ emerġenza, l-qorti tista’ tordna miżuri temporanji fl-interess tal-wild. Fil-preżent m’hemmx ħtieġa li jkun preżenti avukat difensur. Il-Parlament fil-preżent qed jeżamina abbozz ta’ liġi dwar id-difiża esperta neċessarja f’tali proċeduri.

12. Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Huwa possibbli li tikseb għajnuna legali biex tkopri l-ispejjeż tal-proċdura (inklużi pariri ta’ esperti) u drittijiet ta’ l-avukat. Għandu jiġi indikat ukoll li proċeduri tas-separazzjoni, proċeduri tad-divorzju u proċeduri dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri mhumiex soġġetti għad-dritt standard biex jiddaħħlu kawżi fuq il-lista tal-kawżi ċivili jew proċeduri mhux litiġjużi fi kwalunkwe stadju (ara l-artikolu 10 ta’ l-Att Konsolidat Nru 115/2002).

FuqFuq

13. Huwa possibbli li jsir appell minn deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

  • Huwa possibbli li jsir appell minn deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri adottati waqt proċeduri ta’ separazzjoni jew ta’ divorzju; jista’ jsir ukoll appell ieħor mid-deċiżjoni ta’ l-appell oriġinali, quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni.
  • Appelli minn deċiżjonijiet li jbiddlu l-kondizzjonijiet stabbiliti waqt proċeduri tas-separazzjoni jew tad-divorzju jistgħu jiġu ppreżentati fil-Qorti ta’ l-Appell fi żmien għaxart ijiem min-notifika tad-deċiżjoni (artikoli 710 u 737 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili; artikolu 9 ta’ l-Att Nru 1970/898 u emendi sussegwenti). Huwa possibbli li jsir appell fil-kassazzjoni minn deċiżjonijiet tal-qorti ta’ l-appell (sakemm ikun sar ksur tal-liġi) skond l-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni (Kass. 2004, Nru 24265).
  • Il-Qorti tal-Familja tista’ tillimita jew tnaqqas ir-responsabbiltà tal-ġenituri wara li tkun saret talba, jew tkun ingħatat ordni tas-separazzjoni jew tad-divorzju. Appelli kontra d-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jiġu ppreżentati fil-Qorti ta’ l-Appell fi żmien għaxart ijiem min-notifika tad-deċiżjoni. Mhux possibbli li jsir appell fil-kassazzjoni kontra deċiżjonijiet tal-Qorti ta’ l-Appell.

14. F’ċerti każijiet, jista’ jkun hemm il-bżonn li jintalab l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri f’każijiet bħal dawn u liema proċedura hija applikabbli?

Biex ikunu infurzabbli, ordnijiet u deċiżjonijiet oħra meħuda mill-qrati jrid ikollhom klawsola miżjuda li tindika dan, sakemm il-qorti ma tipprovdix mod ieħor.

FuqFuq

Il-klawsola (ara l-artikolu 475 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) tkun miżjuda mill-Iskrivan tal-Qorti wara li jivverifika li jkun skada l-perjodu permess għal appell standard, appell fil-kassazzjoni jew revoka skond l-artikolu 395(4) u 395(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

L-ordni ta’ l-infurzar tista’ tinħareġ biss lill-parti li favur tagħha tkun ittieħdet id-deċiżjoni, fil-forma ta’ kopja waħda ttimbrata mill-uffiċċju ta’ l-iskrivan. Il-parti kkonċernata tista’ titlob aktar kopji mill-kap tas-servizz li jkun ħa d-deċiżjoni, li joħroġ l-ordni neċessarja (skond l-artikoli 475 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u 124 u 153 tar-regoli ta’ l-implimentazzjoni).

15. X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li ngħatat minn qorti fi Stat Membru ieħor tkun rikonoxxuta u infurzata fl-Italja?

  • Skond l-Att Nru 1995/218 dwar ir-riforma tas-sistema Taljana, deċiżjonijiet internazzjonali tad-dritt privat mogħtija minn qrati mhux Taljani jkunu rikonoxxuti awtomatikament, fis-sens li jistgħu jiġu riveduti biss wara l-fatt jekk ikunu kkontestati jew meta jridu jiġu infurzati. Il-każ jiġi riferut lill-Qorti ta’ l-Appell minflok l-infurzar. Meta ma jsirx provvediment speċjali, tkun segwita l-proċedura normali ta’ l-ewwel istanza, għalkemm il-każ irid jiġi eżaminat minn bank ta’ ġudikaturi. Id-deċiżjoni finali għandha tkun fil-forma ta’ sentenza.
  • Deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri (l-assenjazzjoni, l-eżerċizzju, d-delega, r-revoka totali jew parzjali tar-responsabbiltà tal-ġenituri, u anke miżuri protettivi dwar l-amministrazzjoni, il-protezzjoni jew it-tneħħija tal-proprjetà tal-wild) meħuda fi Stat Membru ieħor (barra mid-Danimarka) huma regolati bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 Brussell II, li jirbaħ fuq ftehimiet multinazzjonali dwar l-istess suġġett, u, barra li jestendi l-qasam ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 Brussell II preċedenti (li jirrevoka b’mod definit), jipprovdi wkoll għar-rikonoxximent u l-infurzabbiltà awtomatiċi ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw id-drittjiet ta’ aċċess u r-radd lura ta’ wild fl-Istati Membri kollha mingħajr ma tkun meħtieġa ebda forma ta’ proċedura.

Id-deċiżjonijiet l-oħra kollha dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jkunu rikonoxxuti awtomatikament. Madankollu, kwalunkwe parti interessata tista’ tapplika għar-rikonoxximent o meno ta’ deċiżjoni għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet indikati fir-Regolament (Artikoli 21 u 23).

FuqFuq

Hemm żewġ stadji fil-proċedura, li hi parzjalment definita fir-Regolament (Artikolu 30): l-ewwel stadju jikkonsisti fi twissija mogħtija ex parte; it-tieni stadju jibda b’oġġezzjoni u jrid jikkonforma mar-regoli kollha dwar proċeduri avversarjali.

Il-parti interessata trid tilleġittimizza l-azzjoni, li tiġi ppreżentata fil-forma ta’ appell. Il-ġuriżdizzjoni tkun f’idejn il-qorti tal-post tar-residenza tal-persuna li kontriha l-ordni ta’ l-infurzar tkun inħarġet jew il-post tar-residenza normali tal-wild imsemmi fl-applikazzjoni. Meta l-ebda wieħed minn dawn il-postijiet ma jkun fl-Istat Membru fejn għandha tkun infurzata d-deċiżjoni, il-post tal-ġuriżdizzjoni jkun il-post ta’ l-infurzar.

Kopja tad-deċiżjoni u ċ-ċertifikat standard imsemmi fl-Artikolu 39 tar-Regolament iridu jiġu mehmuża ma’ l-applikazzjoni. Madankollu, l-qorti li quddiemha jinġieb il-każ tista’ tistabbilixxi data biex dawn jiġu ppreżentati, taċċetta dokumenti ekwivalenti minflokhom jew ma tapplikax dan ir-rekwiżit, meta jidhrilha li d-dokumenti mhumiex neċessarji.

  • Meta d-deċiżjoni trid tiġi infurzata, l-parti interessata għandha titlob dikjarazzjoni ta’ l-infurzabbiltà. Il-ġuriżdizzjoni u r-responsabbiltà għall-proċedura jkunu stabbiliti skond l-istess regoli applikabbli għar-rikonoxximent.
  • Kwistjonijiet relatati ma’ l-obbligu tal-manteniment huma koperti bir-Regolament (KE) Nru 44/2001.

16. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri sabex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet?

Appelli jiġu ppreżentati fil-Qorti ta’ l-Appell. Il-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni tkun solvuta abbażi tal-kriterji stabbiliti fir-Regolament.

FuqFuq

Meta jiġi ppreżentat appell, il-qorti tadotta l-proċedura ta’ proċedimenti kontenzjużi u tikkonkludi b’sentenza dikjaratorja, li minnha jista’ jsir appell fil-Qorti tal-Kassazzjoni.

17. Liema liġi tapplika l-qorti fi proċedura dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta l-wild jew il-partijiet ma joqogħdux l-Italja jew ikunu ta’ nazzjonalità differenti?

Skond l-artikolu 36 ta’ l-Att Nru 1995/218, ir-relazzjonijiet personali u tal-proprjetà bejn il-ġenituri u wliedhom, inklużi kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri, jiddependu fuq l-istatus tal-wild. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, il-punt ta’ referenza jkun in-nazzjonalià tal-wild fil-mument meta l-każ jinġieb quddiem il-qorti. Meta l-wild ikollu aktar minn nazzjonalità waħda, tapplika l-liġi ta’ l-Istat li miegħu il-wild ikollu l-aktar rabtiet mill-qrib. Skond l-artikolu 19 ta’ l-Att, jekk il-wild ikollu aktar minn nazzjonalità waħda u nazzjonalità minnhom tkun Taljana, in-nazzjonalità Taljana jkollha preċedenza.

Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-wild (inklużi miżuri skond l-artikoli 330 u 333 tal-Kodiċi Ċivili), l-artikolu 42 ta’ l-Att Nru 1995/218 jirreferi għall-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1961. L-artikolu 3 tal-Konvenzjoni teżiġi li relazzjonijiet li jissoġġettaw lill-wild għall-awtorità (inkluża r-responsabbiltà tal-ġenituri), li huma regolati mil-liġi domestika ta’ l-Istat ta’ ċittadinanza tal-wild, ikunu rikonoxxuti fl-Istati kontraenti kollha, jiġifieri tapplika l-istess kriterju bħall-Artikolu 36. Madanakollu, fejn ikun hemm riskju gravi għall-persuna jew il-proprjetà tal-wild, l-awtoritajiet ta’ l-Istat tar-residenza normali tal-wild jew, f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, l-awtoritajiet ta’ l-Istat li fih ikunu jinsabu l-wild jew il-proprjetà jistgħu jieħdu miżuri ta’ protezzjoni skond il-liġi domestika (Artikoli 8 u 9 tal-Konvenzjoni).

Is-sitwazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2005

« Risponsabilità tal-ġenituri - Informazzjoni Ġenerali | Italja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 02-04-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit