Kummissjoni Ewropea > NGE > Risponsabilità tal-ġenituri > Greċja

L-aħħar aġġornament: 16-11-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Risponsabilità tal-ġenituri - Greċja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Fil-prattika, xi jfisser it-terminu legali "ir-responsabbiltà tal-ġenituri"? X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi ta’ min ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri? 1.
2. Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà bħala ġenitur tat-tfal? 2.
3. Jekk il-ġenituri mhumiex adattati jew mhumiex lesti li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, jista’ xi ħadd ieħor ikun appuntat minflokhom? 3.
4. Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw, kif tkun solvuta l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri? 4.
5. Jekk il-ġenituri jikkonkludu ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, liema rekwiżiti jridu jiġu sodisfatti biex il-ftehim jorbot legalment? 5.
6. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jaslu fi ftehim dwar il-kwistjonijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema metodi alternattivi jeżistu biex jintlaħaq ftehim barra mill-qorti? 6.
7. Jekk il-ġenituri jirreferu l-kwistjoni lill-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef safejn għandha x’taqsam ir-responsabbiltà tal-ġenituri? 7.
8. Jekk il-qorti tiddeċiedi li wieħed mill-ġenituri għandu/għandha jkollu/jkollha l-kustodja esklussiva tat-tfal, dan ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mat-tfal mingħajr ma l-ewwel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor? 8.
9. Jekk il-qorti tiddeċiedi favur kustodja konġunta tat-tfal, dan xi tfisser fil-prattika? 9.
10. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri jekk nixtieq niftaħ kawża li għandha x’taqsam mar-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet iridu jkunu segwiti u liema dokumenti jridu jkunu inklużi?  10.
11. Liema proċedura tintuża f’każijiet bħal dawn? Hija possibbli proċedura b’urġenza? 11.
12. Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura? 12.
13. Huwa possibbli li nappella minn deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? 13.
14. F’ċerti każi, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? F’każijiet bħal dawn, quddiem liema qorti għandi nirrikorri u kif tiġi ttrattata l-kwistjoni? 14.
15. X’irrid nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbilta’ tal-ġenituri li ngħatat fi Stat Membru ieħor tkun rikonoxxuta u infurzata fil-Greċja? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każi? 15.
16. Quddiem liema qorti fil-Greċja għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li ngħatat minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema forma ta’ smiegħ tintuża f’każi bħal dawn? 16.
17. Liema liġi tiġi applikata fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jekk it-tfal jew il-partijiet ma jgħixux fil-Greċja jew huma ta’ nazzjonalitajiet differenti? 17.

 

1. Fil-prattika, xi jfisser it-terminu legali "ir-responsabbiltà tal-ġenituri"? X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi ta’ min ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri?

It-terminu legali "responsabbiltà tal-ġenituri" tfisser li deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-affarijiet personali jew il-proprjetà tat-tfal għandhom l-ewwelnett jittieħdu mill-ġenituri tagħhom. Il-ġenituri għandhom id-dritt u d-dmir li jieħdu ħsieb it-tfal, jamministraw il-proprjetà tagħhom u jirrappreżentawhom f’kull materja, transazzjoni jew litigazzjoni li jikkonċernaw lilhom jew il-proprjetà tagħhom.

2. Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà bħala ġenitur tat-tfal?

Bħala regola ġenerali, il-ġenituri tat-tfal għandhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri, bil-kondizzjoni li huma miżżewġa u jgħixu flimkien; f’każ tal-mewt jew għejbien ta’ wieħed mill-ġenituri, jew jekk wieħed minnhom jirrinunzja r-responsabbiltà tiegħu , ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi eżerċitata biss mill-ġenitur l-ieħor. Bl-istess mod, jekk ikun hemm raġunijiet oħra validi għaliex ġenitur minnhom ma jkunx jista’ jeżerċita responsabbiltà tal-ġenituri, jew jekk ġenitur minnhom mhux kapaċi jidħol fi transazzjonijiet legali jew għandu biss kapaċitajiet limitati għal dan il-għan, ir-responsabbiltà ta’ ġenituri tiġi eżerċitata mill-ġenitur l-ieħor. Fil-każ ta’ tfal adottati, ir-responsabbilta’ tal-ġenituri tiġi eżerċitata mill-ġenituri adottivi. Jekk it-tfal jitwieldu barra ż-żwieġ, u jibqgħu f’dak l-istat, ir-responsabbiltà ta’ ġenituri tiġi eżerċitata mill-omm.

FuqFuq

3. Jekk il-ġenituri mhumiex adattati jew mhumiex lesti li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, jista’ xi ħadd ieħor ikun appuntat minflokhom?

Iva. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew jekk għal xi raġuni r-responsabbiltà tagħhom ta’ ġenituri tiġi terminata, il-qorti taħtar kuratur bir-responsabbiltà tal-ġenituri.

4. Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw, kif tkun solvuta l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

F’divorzju bil-kunsens, il-ġenituri jikkonkludu ftehim dwar kif jipproponu li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew il-kustodja tat-tfal, u jibagħtuh ma’ l-applikazzjoni għax-xoljiment taż-żwieġ tagħhom li huma jissottomettu lill-qorti ta’ l-ewwel istanza b’imħallef wieħed li jkollu l-kompetenza tat-territorju; il-proċedura li tiġi segwita hija dik tal-każijiet mhux kontenzjużi. Jekk minflok, huma jirrikorru quddiem il-qorti ta’ l-ewwel istanza b’aktar minn imħallef wieħed li jkollu l-kompetenza tat-territorju għax-xoljiment taż-żwieġ tagħhom għax tkisser irremedjabilment, il-proċedura użata hija dik tat-tilwim maritali; f’din l-applikazzjoni huma jistgħu jitolbu li r-responsabbiltà tal-ġenituri tingħata lil wieħed minnhom jew lit-tnejn, jew jistgħu iressqu proċeduri separati quddiem il-qorti ta’ l-ewwel istanza b’imħallef wieħed li jkollu l-kompetenza tat-territorju li jistħarreġ il-każ skond il-proċedura ta’ l-Artikolu 681B tal-Kodiċi Ċivili, u jiddeċiedi fl-aħjar interessi tat-tfal. F’każ ta’ periklu imminenti jew urġenza konnessa ma’ divorzju jew separazzjoni, il-qorti ta’ l-ewwel istanza b’imħallef wieħed li jkollu l-kompetenza tat-territorju tista’ tikkonċedi inġunzjoni biex il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi determinata fuq bażi temporanja.

FuqFuq

5. Jekk il-ġenituri jikkonkludu ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, liema rekwiżiti jridu jiġu sodisfatti biex il-ftehim jorbot legalment?

Jekk il-ġenituri jaqblu dwar il-mod kif tiġi eżerċitata r-responsabbiltà tal-ġenituri, huma jissottomettu ftehim bil-miktub dwar il-kwistjoni fil-proċeduri quddiem il-qorti li jkollha l-kompetenza għat-territorju u s-suġġett, u jsemmu dan il-ftehim fis-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub; il-qorti tikkonsidra jekk il-ftehim hux fl-aħjar interess tat-tfal, u jekk iva, tiddeċiedi l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal- ġenituri bil-mod miftiehem.

6. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jaslu fi ftehim dwar il-kwistjonijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema metodi alternattivi jeżistu biex jintlaħaq ftehim barra mill-qorti?

Il-liġi ma tipprovdix mezzi alternattivi biex tiddeċiedi r-responsabbiltà tal-ġenituri ħlief bi proċeduri fil-qorti.

7. Jekk il-ġenituri jirreferu l-kwistjoni lill-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef safejn għandha x’taqsam ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, l-imħallef jista’ jagħti r-responsabbiltà tal-ġenituri lil wieħed jew lit-tnejn li huma, jaqsamha bejniethom, jew jagħtiha lil terza parti. Fil-każ ta’ divorzju, separazzjoni jew annullament ta’ żwieġ, il-kustodja tat-tfal tingħata lill-ġenitur li t-tfal ikunu se jgħixu miegħu; dan jinkludi t-trobbija tat-tfal, superviżjoni, edukazzjoni, u post ta’ residenza. L-imħallef jiddeċiedi wkoll il-ħlas ta’ manteniment li jkollu jagħmel il-ġenitur l-ieħor, u jiddetermina d-dritt ta’ aċċess tiegħu għat-tfal.

FuqFuq

8. Jekk il-qorti tiddeċiedi li wieħed mill-ġenituri għandu/għandha jkollu/jkollha l-kustodja esklussiva tat-tfal, dan ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mat-tfal mingħajr ma l-ewwel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Ir-regola hi li ż-żewġ ġenituri flimkien iridu jiddeċiedu dwar kull materja li għandha x’taqsam mar-responsabbiltà tal-ġenituri. Però, jekk il-qorti tiddeċiedi li wieħed mill-ġenituri jkollu/jkollha l-kustodja esklussiva tat-tfal, dak il-ġenitur meta jaġixxi waħdu jista’ jwettaq l-azzjonijiet ordinarji li għandhom x’jaqsmu mal-kustodja tat-tfal, ikompli jamministra l-proprjetà tat-tfal, jew iwettaq kull azzjoni ta’ natura urġenti u jirċievi kull att legali indirizzat lit-tfal. Barra minn dan, huwa l-ġenitur li jkun ingħata l-kustodja tat-tfal li jitlob il-manteniment għan-nom tat-tfal mingħand dak li ma jkollux il-kustodja. Jekk il-ġenitur l-ieħor jopponi azzjoni meħuda mill-ġenitur bil-kustodja, billi jsostni li l-azzjoni meħuda ma tteħditx fil-kors ordinarju tal-kustodja jew ta’ l-amministrazzjoni ordinarja tal-proprjetà tat-tfal, u lanqas ma kienet urġenti, il-ġenitur offiż jista’ jirrikorri quddiem il-qorti, u jallega li l-azzjoni kienet ksur ta’ dmir jew użu ħażin tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Anke fejn ġenitur huwa intitolat li jaġixxi waħdu, nuqqas li jinnotifika lill-ieħor b’azzjoni meħuda jista’ jikkostitwixxi użu ħażin tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

9. Jekk il-qorti tiddeċiedi favur kustodja konġunta tat-tfal, dan xi tfisser fil-prattika?

Meta l-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri jkollhom kustodja konġunta tat-tfal, huma jiddeċiedu flimkien dwar l-eżerċizzju ta’ kustodja, fl-aħjar interessi tat-tfal.

FuqFuq

10. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri jekk nixtieq niftaħ kawża li għandha x’taqsam mar-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet iridu jkunu segwiti u liema dokumenti jridu jkunu inklużi?  

Il-qorti b’ġurisdizzjoni f’każi ta’ responsabbiltà tal-ġenituri hija ġeneralment il-qorti ta’ l-ewwel istanza b’imħallef wieħed; jekk l-applikazzjoni għal responsabbiltà ta’ ġenituri hija inkluża f’applikazzjoni għal divorzju għax iż-żwieġ tkisser irremedjabilment jew applikazzjoni għall-annullament taż-żwieġ, il-qorti b’kompetenza hija l-qorti ta’ l-ewwel istanza b’aktar minn imħallef wieħed.

Fil-każ ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra, il-qorti b’ġurisdizzjoni territorjali hija l-qorti ta’ l-istat speċifikata bl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000. Minn hemm ‘il quddiem, il-qorti b’ġurisdizzjoni territorjali hija dik tal-post ta’ l-aħħar residenza konġunta tal-koppja miżżewġa, imbagħad dik fil-post ta’ residenza tal-konvenut. L-applikazzjoni hija preżentata lis-segretarjat tal-qorti, tiġi ffissata d-data tas-smiegħ, u l-avukat ta’ l-applikant jara li kopja ta’ l-applikazzjoni tiġi notifikata lill-konvenut. Jekk in-notifika trid issir fil-pajjiż, il-kopja tkun notifikata lill-konvenut minn uffiċċjal tal-qorti. Jekk trid tiġi notifikata barra mill-pajjiż, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 1348/2000 japplika fil-każ ta’ Stat Membru, u l-Konvenzjoni ta’ l-Aja tal-15 ta’ Novembru 1965 dwar in-notifika ta’ dokument barra l-pajjiż tapplika fil-każ ta’ stat aderenti għal dik il-Konvenzjoni; inkella, il-kopja tal-petizzjoni tingħata lill-prosekutur pubbliku adattat, li min-naħa tiegħu jibgħatha lill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin biex tiġi pprovduta lill-konvenut skond il-liġijiet tal-pajjiż barrani. Barra minn dan, kopja tal-petizzjoni tiġi pprovduta lill-prosekutur, u sommarju jiġi ppubblikat f’żewġ gazzetti, waħda ppubblikata f’Ateni u l-oħra fid-distrett tal-qorti fejn se jinstema’ l-każ, jekk l-indirizz tal-konvenut ma jkunx magħruf. Għas-smigħ tal-każ, jiġu ppreżentati stqarrijiet bil-miktub li jistipulaw it-talbiet taż-żewġ partijiet u l-evidenza dokumentarja tagħhom, u jiġu eżaminati xhieda biex jiġu pprovati l-allegazzjonijiet ta’ kull parti. Jekk il-konvenut kien imsejjaħ legalment u fil-ħin, iżda jonqos milli jidher, il-qorti tisma’ l-każ bħallikieku l-konvenut kien preżenti. Kontro-talba ssir fl-istess qorti billi tiġi ppreżentata applikazzjoni li tiġi notifikata lill-attur rikonvenzjonat (il-konvenut fil-kontro-talba) ħamest ijiem tax-xogħol qabel id-data tas-smiegħ. Is-servizzi soċjali jagħmlu investigazzjoni qabel id-data tas-smiegħ, u jiġi ppreżentat rapport dettaljat lill-qorti; jekk il-qorti tħoss il-bżonn, hija tisma’ l-opinjoni tal-minuri. Wara l-ġurnata tas-smiegħ, iż-żewġ partijiet għandhom id-dritt li jagħmlu sottomissjonijiet bil-miktub fi żmien tliet ijiem tax-xogħol. Wara xi żmien il-qorti tagħti s-sentenza tagħha u tiddeċiedi kif tiġi eżerċitata r-responsabbiltà tal-ġenituri.

FuqFuq

11. Liema proċedura tintuża f’każijiet bħal dawn? Hija possibbli proċedura b’urġenza?

F’dawn il-każi, il-forma ta’ smigħ li tapplika hija dik fl-Artikolu 681B tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li hi relattivament proċedura mgħaġġla li fiha d-data tas-smigħ tiġi ffissata iktar malajr minn azzjonijiet oħra u l-ġudizzju normalment jingħata iktar malajr. Meta jkun hemm urġenza jew periklu imminenti, jistgħu jintalbu miżuri proviżorji u kawtelatorji mill-qorti ta’ l-ewwel istanza b’imħallef wieħed li jkollha l-kompetenzia territorjali: meta applikazzjoni tiġi ppreżentata fis-segretarjat tal-qorti, tiġi malajr iffissata data għas-smigħ, u hemm żmien qasir biex l-applikazzjoni tiġi notifikata lill-konvenut li jista’ wkoll jiġi mħarrek bit-telefown jew b’telegramma; waqt is-smigħ jew f’terminu ffissat mill-qorti, jiġu sottomessi dokumenti bit-talbiet tal-partijiet, flimkien ma’ dokumenti relevanti, jiġu eżaminati x-xhieda fil-qorti bil-bibien miftuħa, u l-qorti tagħti s-sentenza tagħha f’perjodu qasir ta’ żmien fuq il-bilanċ ta’ probabbiltajiet. Kull kontrotalba tiġi eżaminata oralment waqt is-smigħ.

12. Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva, għajnuna legali hija disponibbli jekk jintwera li parti ma tistax tħallas l-ispejjeż tal-kawża mingħajr ma jiġu limitati l-mezzi neċessarji għall-manteniment ta’ dik il-parti u l-familja tiegħu jew tagħha, sakemm il-qorti ma ssibx li l-kawża hija manifestament frivola jew inespedjenti.

FuqFuq

13. Huwa possibbli li nappella minn deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva, quddiem il-qorti ta’ l-appell ta’ kompetenza xierqa.

14. F’ċerti każi, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? F’każijiet bħal dawn, quddiem liema qorti għandi nirrikorri u kif tiġi ttrattata l-kwistjoni?

Sentenzi li jagħtu r-responsabbiltà tal-ġenituri jew il-kustodja lil persuna jordnaw ukoll li t-tfal jingħataw lil dik il-persuna, u jekk il-persuna mitluba trodd it-tfal tonqos milli tagħmel hekk, il-qorti minn jeddha timponi multa jew detenzjoni, jew iż-żewġ pieni flimkien. Barra minn dan, jekk il-persuna li tintalab trodd it-tfal ma tosservax id-deċiżjoni tal-qorti, il-qorti tista’ tordna infurzar indirett, u tista’ tordna li jittieħdu stqarrijiet bil-ġurament.

15. X’irrid nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbilta’ tal-ġenituri li ngħatat fi Stat Membru ieħor tkun rikonoxxuta u infurzata fil-Greċja? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każi?

Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 1347/2000, sentenzi mogħtija fi Stat Membru ta’ l-UE huma rikonoxxuti fi Stati Membri oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali. Persuna li tixtieq li sentenza dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri tkun rikonoxxuta fil-Greċja trid tissottometti applikazzjoni fil-qorti ta’ l-ewwel istanza b’imħallef wieħed fil-post ta’ residenza normali tal-persuna li kontra tagħha għandha tiġi nfurzata d-deċiżjoni, jew fil-post ta’ residenza normali tat-tfal, jew fl-aħħarnett fil-post fejn se tiġi infurzata d-deċiżjoni. Ma’ l-applikazzjoni, iridu jiġu ppreżentati dawn li ġejjin:

FuqFuq

  1. kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kondizzjonijiet neċessarji biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha;
  2. ċertifikat bħal dak imsemmi fl-Artikolu 33, li jsemmi l-qorti li tat is-sentenza, il-persuni konċernati, jekk is-sentenza ngħatatx fin-nuqqas ta’ dehra fil-qorti, jekk hix suġġetta għal appell, jekk ingħatatx għajnuna legali, eċċ.;
  3. jekk is-sentenza ngħatat fil-kontumaċja (jiġifieri l-konvenut naqas li jidher fil-qorti għalkemm notifikata), kopja oriġinali jew ċċertifikata tad-dokument li jafferma li l-parti kontumaċi ġiet notifikata bid-dokument li biex ġew istitwiti l-proċeduri jew b’dokument ekwivalenti, jew kull dokument ieħor li jindika li l-konvenut aċċetta d-deċiżjoni mingħajr riżervi.

Wara li jirċievi d-data tas-smiegħ l-applikant irid jinnotifika kopja ta’ l-applikazzjoni lill-konvenut, flimkien mad-dokument li jiffissa d-data tas-smiegħ u taħrika biex jidher għas-smiegħ. Il-qorti ma tistax terġa’ tikkonsidra l-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-UE li tat is-sentenza; hija tikkonsidra jekk l-għarfien tad-deċiżjoni jmurx kontra l-ordni pubbliku tagħha, jekk l-applikazzjoni li biha ġew istitwiti l-proċeduri kinitx notifikata lill-parti kontumaċi fi żmien suffiċjenti biex dik il-parti tkun tista’ tiddefendi ruħha, jew jekk dik il-parti aċċettatx id-deċiżjoni mingħajr riżervi, u jekk is-sentenza hix irrikonċiljabbli ma’ sentenza preċedenti fi proċeduri bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent, jew fi Stat Membru ieħor, jew fi Stat mhux membru, li jissodisfa l-kondizzjonijiet neċessarji għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent; u jekk il-qorti tkun sodisfatta, hija tirrikonoxxi is-sentenza.

FuqFuq

16. Quddiem liema qorti fil-Greċja għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li ngħatat minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema forma ta’ smiegħ tintuża f’każi bħal dawn?

Biex topponi sentenza li tirrikonoxxi sentenza mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor, għandha tinġieb azzjoni fil-qorti ta’ l-appell, bil-proċedura applikabbli għall-każi kontenzjużi. It-terminu ta’ l-appell huwa ta’ xahar wara n-notifika tas-sentenza, jew xahrejn min-notifika tas-sentenza jekk il-parti li kontra tagħha jintalab ir-rikonoxximent tgħix fi Stat Membru barra minn dak fejn ġie ordnat l-infurzar. Dan it-temrinu ma jistax jiġġedded għal raġunijiet ta’ distanza. Jekk il-parti li kontra tagħha jintalab ir-rikonoxximent ma tidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tissoprasiedi sakemm jintwera li l-parti ġiet notifikata legalment u fil-ħin, jew li jkun sar kull sforz possibbli għal dan il-għan. Is-sentenza tal-qorti ta’ l-appell tista’ tiġi attakkata fuq punti tal-liġi quddiem il-qorti suprema.

17. Liema liġi tiġi applikata fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jekk it-tfal jew il-partijiet ma jgħixux fil-Greċja jew huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-liġi sostantiva applikabbli għar-responsabbiltà tal-ġenituri hija kif ġej, u f’din l-ordni:

  1. il-liġi ta’ l-aħħar nazzjonalità komuni tal-ġenituri u ta’ l-ulied
  2. il-liġi ta’ l-aħħar residenza normali konġunta tagħhom u
  3. il-liġi tan-nazzjonalità tat-tfal; jekk it-tfal huma ta’ nazzjonalità Griega u barranija, tapplika l-liġi ta’ nazzjonalità Griega. Jekk it-tfal għandhom numru ta’ nazzjonalitajiet barranin, il-liġi li tapplika hija dik tan-nazzjonalità li magħha t-tfal għandhom l-iktar rbit qawwi.

Il-liġi proċedurali hija l-liġi Griega, skond il-prinċipju tal-lex fori.

« Risponsabilità tal-ġenituri - Informazzjoni Ġenerali | Greċja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 16-11-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit