Ordni Legali
Organizzazzjoni tal-Ġustizzja
Professjonijiet legali
Għajnuna legali
Jurisdizzjoni tal-qrati
Ftuħ ta’ kawża fil-qorti
Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura
Liġi applikabbli
Servizz tad-dokumenti
Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza
Miżuri temporanji u miżuri ta’ prekawzjonijiet
Infurzar tas-sentenzi
Proċeduri simplifikati u maġġla
Divorzju
Risponsabilità tal-ġenituri
Talbiet ta’manteniment
Falliment
Meżżi alternattivi għal riżoluzzjoni ta’ kwistjoni
Kumpens għall-vittmi tal-kriminalità
Proċessar Awtomatiku
Skond il-Kostituzzjoni Estonjana u l-Att tal-Liġi tal-Familja, il-ġenituri għandhom drittijiet u obbligi indaqs fir-rigward tat-tfal tagħhom.
Il-ġenituri għandhom id-dritt u l-obbligu li jrabbu u li jieħdu ħsieb it-tifel tagħhom. Il-ġenitur għandu jipproteġi d-drittijiet u l-interessi tat-tifel tiegħu jew tagħha. Il-ġenitur huwa r-rappreżentant legali tat-tifel. Bħala r-rappreżentant legali, il-ġenitur għandu l-awtorizzazzjoni ta’ gwardjan. Il-ġenitur għandu d-dritt li jitlob it-tifel tiegħu jew tagħha lura mingħand kull persuna li għandha kontroll fuq it-tifel mingħajr bażi legali. Il-ġenitur għandu jeżerċita r-responsabilitajiet tal-ġenituri fl-interessi tat-tifel.
L-obbligu ta’ manteniment tat-tifel jaqa’ fuq il-ġenitur irrispettivament minn jekk il-ġenitur ikollux ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew le.
Skond il-liġi Estonjana, ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri jinħolqu biss fuq bażi ta’ aċċertament ta’ filjazzjoni. Jekk il-filjazzjoni tkun ġiet aċċertata fir-rigward ta’ ġenitur wieħed biss, hi (hu) jkollha (jkollu) r-responsabbiltà tal-ġenituri. Jekk il-filjazzjoni tkun ġiet aċċertata fir-rigward taż-żewġ ġenituri, huma jkollhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri (flimkien) fuq it-tifel.
Ġenitur jista’ jiġi mċaħħad mid-drittijiet tal-ġenituri bid-deċiżjoni tal-qorti.
Għal tifel li l-ġenituri tiegħu huma mejtin, neqsin jew b’kapaċità legali attiva ristretta, jew huma mċaħħda mid-drittijiet tal-ġenituri, jiġi stabbilit l-uffiċċju ta’ tutur. L-uffiċċju ta’ tutur jista’ wkoll jiġi stabbilit għal tifel li jitħalla mingħajr il-kura tal-ġenituri għal raġunijiet oħra (per eżempju jekk il-ġenituri jonqsu milli jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri tagħhom).
L-għan ta’ l-istabbiliment ta’ l-uffiċċju ta’ tutur fuq tifel huwa biex jiġi żgurat li t-tifel jieħdu ħsiebu sew u li d-drittijiet u l-interessi personali u ta’ proprjetà tiegħu huma protetti. L-uffiċċju ta’ tutur huwa eżerċitat minn tutur maħtur minn qorti. L-awtorità ta’ l-uffiċċju ta’ tutur tipproponi l-ħatra ta’ persuna bħala tutur.
Id-divorzju jew il-firda tal-ġenituri ma taffetwax, minnha nfisha, ir-responsabilitajiet tal-ġenituri ta’ xi wieħed mill-ġenituri. Iż-żewġ ġenituri normalment iżommu responsabbiltà tal-ġenituri sħiħa anke jekk jgħixu ‘l bogħod minn xulxin.
Il-ġenituri huma mistennija li jaqblu fuq ma’ liema ġenitur it-tifel għandu joqgħod u b’liema mod kull wieħed mill-ġenituri għandu jipparteċipa fit-trobbija tat-tifel. Dan il-ftehim jista’ jkun ukoll informali. Fin-nuqqas tal-ftehim bejn il-ġenituri, l-awtorità ta’ l-uffiċċju ta’ tutur jew il-qorti għandha ssolvi l-kwistjoni fuq talba ta’ wieħed mill-ġenituri. Il-qorti tista’ tikkonferma l-ftehim tal-ġenituri jew tirregola kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri b’mod obbligatorju.
Kif indikat aktar ‘l fuq, ftehim bejn il-ġenituri li jikkonċerna r-responsabbiltà tal-ġenituri jista’ jiġi konkluż b’mod informali, jiġifieri mingħajr forma speċifika. Il-ġenituri huma liberi li jikkonkludu ftehim fil-forma miktuba jew notarili, imma dawn it-tipi ta’ ftehim bejn il-ġenituri m’humiex esegwibbli permezz ta’ proċedura ta’ esekuzzjoni, mingħajr ma titqies il-forma tagħhom. F’każ li tinħoloq kwistjoni li tikkonċerna l-klawsoli tal-ftehim bejn il-ġenituri, il-qorti tista’ tirreviżjona l-ftehim fuq il-merti.
Ftehim bejn il-ġenituri jista’ jiġi kkonfermat b’digriet ta’ l-awtorità ta’ l-uffiċċju ta’ tutur jew b’deċiżjoni tal-qorti. Dawn iż-żewġ tipi ta’ atti jorbtu legalment u huma esegwibbli, imma jistgħu jiġu kkontestati fil-qorti skond il-proċedura ġenerali.
B’mod alternattiv għall-proċeduri fil-qorti, l-awtorità ta’ l-uffiċċju ta’ tutur (l-unità ta’ benessri soċjali ta’ tmexxija awtonoma lokali) tista’ ssolvi l-kwistjonijiet bejn il-ġenituri dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-eżerċizzju tar-responsabilitajiet tal-ġenituri, bħal b’liema mod il-ġenitur li ma jgħix mat-tifel għandu jipparteċipa fit-trobbija tat-tifel u kif il-ġenitur għandu jeżerċita kuntatt mat-tifel. L-awtorità ta’ l-uffiċċju ta’ tutur tista’ ssolvi l-kwistjoni b’digriet. L-awtorità ta’ l-uffiċċju ta’ tutur tinvolvi normalment uffiċjal għall-protezzjoni tat-tifel fis-soluzzjoni tal-kwistjoni.
L-imħallef jista’ jiddeċiedi fuq varjetà ta’ kwistjonijiet relatati mat-tifel, dawn il-kwistjonijiet mhumiex mniżżla mhux b’mod eżawrjenti fil-liġi. Il-kompetenza tal-qorti tinvolvi kwistjonijiet relatati mar-residenza tat-tifel, id-drittijiet għal żjajjar tal-ġenituri, kif ukoll l-obbligazzjoni li jitħallas manteniment u l-ambitu ta’ dan. Il-qorti tista’ wkoll tiddeċiedi b’liema mod ġenitur li ma jgħix mat-tifel għandu jipparteċipa fit-trobbija tat-tifel.
Fil-preżent, il-leġislazzjoni Estonjana tal-familja ma tipprevediex il-possibilità li tagħti kustodja waħdu lill-wieħed mill-ġenituri, imma kif indikat aktar ‘l fuq, il-qorti hija bażikament kompetenti biex ssolvi tilwim fil-kwistjonijiet individwali kollha li kieku jappartjenu lill-isfera tar-responsabbiltà tal-ġenituri.
M’hemm l-ebda kunċett ta’ “kustodja waħdu/waħedha” fis-sistema legali Estonjana fiż-żmien preżenti. Kif indikat taħt Nru. 2 u Nru. 8, il-ġenituri ġeneralment għandhom responsabbiltà tal-ġenituri indaqs mingħajr ma jitqies jekk wieħed minnhom joqgħod jew ma joqgħodx mat-tifel. Il-ġenituri huma mistennija li jiftehmu fuq kwistjonijiet relatati mat-tifel, inkluża l-kwistjoni kif kull ġenitur għandu jkun involut fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet relatati mat-tifel. Jekk il-ftehim ma jistax jintlaħaq, il-qorti hija kompetenti, fuq talba ta’ ġenitur, li ssolvi tilwim fil-kwistjonijiet individwali kollha li kieku jappartjenu lill-isfera tar-responsabbiltà tal-ġenituri.
M’hemmx kunċett ta’ “kustodja flimkien” fis-sistema legali Estonjana fiż-żmien preżenti. Iż-żewġ ġenituri għandhom drittijiet u responsabilitajiet tal-ġenituri ndaqs li huma bbażati fuq l-aċċertament tal-filjazzjoni. B’hekk, huwa preżunt li l-ġenituri jeżerċitaw ir-responsabilitajiet tagħhom flimkien. F’każ ta’ tilwima dwar l-eżerċizzju tar-responsabilitajiet tal-ġenituri, il-qorti tista’, essenzjalment, tirrestrinġi ċerti kompetenzi ta’ ġenitur li kieku jappartjenu lill-isfera tar-responsabilitajiet tal-ġenituri.
Kif indikat taħt Nru. 6, tilwima dwar ir-responsabilitajiet tal-ġenituri tista’ tiġi solvuta mill-awtorità ta’ l-uffiċċju ta’ tutur jew mill-qorti. M’hemm l-ebda kundizzjonijiet formali speċifiċi biex tilwima tiġi solvuta mill-awtorità ta’ l-uffiċċju ta’ tutur.
Il-kawża tista’ tiġi ppreżentata fil-qorti tar-residenza tal-konvenut (qorti ta’ l-ewwel istanza: qorti tal-belt jew kontea - linna- or maakohus). L-attur jista’ jippreżenta kawża għall-manteniment ukoll fil-qorti tar-residenza ta’ l-attur. Kawża ta’ divorzju tista’ wkoll tiġi ppreżentata fil-qorti tar-residenza ta’ l-attur jekk tfal minuri joqgħodu ma’ l-attur (kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri jistgħu jiġu eżaminati flimkien ma’ applikazzjoni għad-divorzju).
It-talba u l-provi b’dokumenti għandhom jiġu sottomessi lill-qorti fl-Estonjan bil-miktub. Jekk il-petizzjoni bil-miktub, l-appell jew il-provi b’dokumenti sottomessi lill-qorti minn parteċipant fil-proċeduri mhumiex bl-Estonjan, il-qorti tista’ titlob traduzzjoni ċertifikata tal-petizzjoni, ta’ l-appell jew tal-provi b’dokumenti sad-data stabbilita. Jekk it-traduzzjoni ma tkunx sottomessa sad-data stabbilita, il-qorti tista’ ma tqiesx il-petizzjoni jew id-dokument. Petizzjonijiet, talbiet, appelli, appelli fil-kassazzjoni, appelli kontra digrieti u risposti bil-miktub għandhom jiġu ppreżentati fil-qrati f’forma ittajpjata leġġibbli f’format A4.
It-talba għandha tinkludi l-isem tal-qorti, informazzjoni personali li tikkonċerna l-applikant u l-konvenut (il-mara jew ir-raġel) kif ukoll it-tfal minuri komuni tagħhom, u t-talba espressa b’mod ċar ta’ l-applikant. It-talba għandu jkun fiha l-fatti li fuqhom hija bbażata l-kawża; l-attur għandu jniżżel u jipproduċi l-provi fid-dispożizzjoni tiegħu jew tagħha fit-talba.
It-talba għandha tiġi ffirmata mill-attur jew mir-rappreżentant tiegħu/tagħha. Ir-rappreżentant għandu jannessa dokument ta’ awtorizzazzjoni jew dokument ieħor li jipprova l-awtorizzazzjoni tiegħu jew tagħha.
Provi b’dokumenti li huma mniżżla bħala anness għat-talba għandhom ikunu annessi mat-talba. It-talba u annessi għal din għandhom ikunu ppreżentati fil-qorti flimkien ma’ kopja waħda tat-talba u ta’ l-annessi għal kull konvenut u terza persuna.
Il-qrati jeżaminaw każijiet relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri skond id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.
F’każijiet ta’ emerġenza, il-miżuri biex tiġi żgurata kawża jistgħu jiġu applikati. Li tiġi żgurata kawża huwa ammissibbli, jekk nuqqas milli tiġi żgurata l-kawża jista’ jrendi t-tħaris tas-sentenza diffiċli jew impossibbli. Il-miżuri biex tiġi żgurata kawża jinkludu, eż., projbizzjoni fuq il-konvenut milli jħalli r-residenza tiegħu jew tagħha jew projbizzjoni fuq il-konvenut milli jwettaq ċerti transazzjonijiet jew milli jwettaq ċerti atti. Il-qorti tista’ wkoll tistabilixxi garanzija fuq il-proprjetà tal-konvenut (inkluż l-istabbiliment ta’ ipoteka ġudizzjarja fuq immobbli li jappartjeni lill-konvenut; li ssir notazzjoni f’reġistru tal-proprjetà dwar projbizzjoni fuq it-trasferiment ta’ proprjetà; u l-qbid ta’ mobbli li jappartjeni lill-konvenut li huwa fil-pussess tal-konvenut jew ta’ persuna oħra).
Il-qorti għandha tagħti deċiżjoni fuq petizzjoni biex tiġi żgurata kawża mhux aktar tard mill-ewwel ġurnata ta’ xogħol wara d-data tas-sottomissjoni tal-petizzjoni biex tiġi żgurata l-kawża. Digriet fuq l-iżgurar ta’ kawża ta’ azzjoni għandu jiġi esegwit mall-ewwel. Il-qorti għandha tibgħat id-digriet lil marixxall tal-qorti, reġistratur, jew persuna oħra obbligata li tesegwixxi d-digriet għall-esekuzzjoni.
Il-qorti tista’, kompletament jew parzjalment, teħles persuna naturali mill-ħlas ta’ l-assistenza legali u titlob il-miżati ta’ l-avukat mingħand l-istat jekk il-qorti ssir taf li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna ma tippermettilux/tippermettilhiex li tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri.
Iva. Huwa possibbli li tappella kontra d-deċiżjoni relatata mar-responsabbiltà tal-ġenituri skond id-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-proċeduri ta’ appell, jekk l-appellant jaħseb li s-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza fiha xi żbalji (eż. il-qorti ta’ l-ewwel istanza applikat il-liġi b’mod żbaljat jew id-dispożizzjonijiet tal-liġi proċedurali ġew miksura).
F’każ li jinħoloq il-bżonn għall-esekuzzjoni, il-persuna li tfittex l-esekuzzjoni trid tirrikorri għall-marixxall tal-qorti. Id-digriet ta’ l-awtorità ta’ l-uffiċċju ta’ tutur, il-ftehim bejn il-ġenituri kkonfermat minn qorti (kompromess) u deċiżjoni tal-qorti jistgħu jservu bħala l-bażi għall-esekuzzjoni (ordni ta’ esekuzzjoni).
L-esekuzzjoni titwettaq minn marixxall tal-qorti li jopera fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-belt jew tal-kontea tar-residenza tal-konvenut jew tal-post tal-proprjetà tiegħu jew tagħha. Il-proċeduri ta’ esekuzzjoni jinbdew fuq applikazzjoni tal-persuna li tfittex l-esekuzzjoni. L-ordni ta’ esekuzzjoni għandu jinhemeż ma’ l-applikazzjoni. L-applikazzjoni trid tkun bil-miktub u jkun fiha id-data li ġejja:
Fl-applikazzjoni għandha tingħata lista’ ta’ dokumenti mehmuża ma’ l-applikazzjoni.
Jekk skond id-dokument ta’ esekuzzjoni l-konvenut huwa obbligat li jittrasferixxi t-tifel, il-marixxall tal-qorti għandu jwettaq il-proċedura ta’ esekuzzjoni fil-preżenza tar-rappreżentant ta’ l-organu ta’ kustodja jew ta’ edukazzjoni. Jekk ikun neċessarju il-marixxall tal-qorti jista’ jressaq mistoqsija quddiem l-organu ta’ kustodja u ta’ kura tat-tfal fuq it-tqegħid temporanju tat-tifel fl-istituzzjoni ta’ kura tat-tfal.
Fil-każ ta’ l-arretrati fuq kemm għandu jingħata għall-manteniment it-talba għall-ħlas tista’ ssir fuq il-proprjetà tad-debitur fl-ordni ġenerali.
L-ewwelnett, l-ordni ta’ rikonoxximent tas-sentenza tal-qorti barranija tista’ tkun ibbażata fuq ftehim internazzjonali li l-Estonja hija parti għalih. Fl-Estonja huwa possibbli li jiġu rrikonoxxuti u esegwiti deċiżjonijiet dwar il-manteniment u r-responsabbiltà tal-ġenituri taħt il-konvenzjonijiet li ġejjin:
Id-dokumenti għandhom jintbagħtu permezz ta’ l-awtorità ċentrali tal-pajjiż konċernat lill-Ministeru tal-Ġustizzja Estonjan. It-talba għar-rikonoxximent tad-deċiżjoni fuq kemm għandu jingħata għall-manteniment għandhom jinhemżu magħha:
Fuq preżentazzjoni tat-talba għar-rikonoxximent u esekuzzjoni tad-deċiżjoni dwar id-drittijiet ta’ kustodja fuq it-tfal il-kundizzjonijiet, stipulati fil-‘Konvenzjoni fuq ir-Rikonoxximent u l-Infurzar tad-Deċiżjonijiet Dwar il-Kustodja tat- Tfal u dwar l-Istabilizzar mill-Ġdid tal-Kustodja tat-Tfal’ għandhom jiġu meqjusa.
Il-Ministeru tal-Ġustizzja Estonjan għandu jgħaddi d-dokumenti lill-qorti tal-belt jew tal-kontea tar-residenza tal-konvenut. Il-qorti għandha tagħti digriet li fih tirrikonoxxi s-sentenza ta’ qorti barranija u tippermetti l-esekuzzjoni tagħha jew tiċħad ir-rikonoxximent.
Kopja tad-digriet għandha tiġi mgħoddija lil min jagħmel il-petizzjoni flimkien ma’ l-informazzjoni, kif l-esekuzzjoni għandha titwettaq (eż. fil-kwistjonijiet ta’ manteniment huwa neċessarju li jiġi magħżul il-marixxall tal-qorti, li tintbagħat applikazzjoni lilu/lilha u li jiġi mħallas il-pagament bil-quddiem tal-miżata tal-marixxall tal-qorti).
L-opponent potenzjali għar-rikonoxximent għandu jiġi involut fil-proċeduri bħala persuna interessata fuq mozzjoni tal-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-petizzjoni. Kif indikat taħt Nru. 14, ir-rikonoxximent ta’ sentenzi barranin huwa mwettaq taħt id-dispożizzjonijiet proċedurali li jirregolaw il-kwistjonijiet mhux kontenzjużi.
Id-deċiżjoni tal-qorti tistipula l-proċedura u t-terminu ta’ l-appell. L-appell jista’ jiġi ppreżentat fil-qorti li tat s-sentenza fi żmien 10 ġranet mill-komunikazzjoni pubblika tad-digriet jew jekk id-digriet jkun sar mingħajr taħrika għall-qorti tal-partijiet, it-terminu ta’ l-appell għandu jitqies li jibda min-notifika tad-digriet.
Skond l-Att tad-Dritt Internazzjonali Privat Estonjan, relazzjonijiet tal-liġi tal-familja bejn il-ġenitur u t-tifel huma rregolati mil-liġi ta’ l-istat tar-residenza tat-tifel.
Il-Konvenzjoni ta’ the Hague tat-2 ta’ Ottubru 1973 fuq il-Liġi Applikabbli għall-Obbligazzjonijiet ta’ Manteniment tapplika għall-obbligazzjonijiet ta’ manteniment li jinħolqu minn relazzjonijiet tal-familja.
« Risponsabilità tal-ġenituri - Informazzjoni Ġenerali | Estonja - Informazzjoni Ġenerali »
L-aħħar aġġornament: 30-10-2006

