Kummissjoni Ewropea > NGE > Risponsabilità tal-ġenituri > Repubblika Ċeka

L-aħħar aġġornament: 06-11-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Risponsabilità tal-ġenituri - Repubblika Ċeka

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. F’termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali “ir-responsabbiltà tal-ġenituri”? X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi ta’ min ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri? 1.
2. Bħala regola ġenerali, min huwa responsabbli bħala ġenitur tat-tfal? 2.
3. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jew mhumiex lesti li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fil-konfront tat-tfal tagħhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom? 3.
4. Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw, kif tiġi ddeterminata l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri għall-futur? 4.
5. Jekk il-ġenituri jikkonkludu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet iridu jiġu rispettati biex il-ftehim ikun jorbot legalment? 5.
6. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema metodi alternattivi jeżistu sabiex jintlaħaq ftehim barra mill-qorti? 6.
7. Jekk il-ġenituri jitilgħu l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jkunu deċiżi mill-imħallef fejn għandu/ha x’jaqsam/taqsam it-tifel/tifla? 7.
8. Jekk il-qorti tiddeċiedi li wieħed mill-ġenituri għandu jkollu l-kustodja esklużiva ta’ tifel/tifla, dan ifisser li huwa jew hija jista’/tista’ jiddeċiedi/tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mat-tifel/tifla mingħajr ma l-ewwel jikkonsulta/tikkonsulta lill-ġenitur l-ieħor? 8.
9. Jekk il-qorti tiddeċiedi favur kustodja konġunta ta’ tifel/tifla, dan xi jfisser fil-prattika? 9.
10. Quddiem liema qorti jew awtorità għandi nitla’ jekk nixtieq niddepożita applikazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet iridu jiġu osservati u liema dokumenti għandi nehmeż ma’ l-applikazzjoni? 10.
11. Liema proċedura tapplika f’dawn il-każi? Hija disponibbli proċedura ta’ emerġenza? 11.
12. Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura? 12.
13. Hemm possibbiltà li nappella minn deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? 13.
14. F’ċerti każi, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li ssir applikazzjoni quddiem qorti jew awtorità oħra biex tkun infurzata deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każi ta’ din ix-xorta? 14.
15. X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li tingħata minn qorti fi Stat Membru ieħor tkun rikonoxxuta u infurzata fir-Repubblika Ċeka? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każi? 15.
16. Quddiem liema qorti għandi nitla’ fir-Repubblika Ċeka biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li ngħatat minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każi? 16.
17. Liema liġi tiġi applikata fi proċedura dwar responsabbiltà tal-ġenituri fejn it/tifel/tifla jew il-partijiet ma jgħixux fir-Repubblika Ċeka jew huma ta’ nazzjonalitajiet differenti? 17.

 

1. F’termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali “ir-responsabbiltà tal-ġenituri”? X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi ta’ min ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri?

It-terminu “ir-responsabbiltà tal-ġenituri” għandu l-bażi tiegħu fl-Att tal-Familja. Dan it-terminu jirrappreżenta sommarju tad-drittijiet u tar-responsabbiltajiet:

  1. meta wieħed jieħu ħsieb tifel/tifla li huwa/hija minuri, speċjalment meta tiġi inkluża l-kura tas-saħħa tat-tifel/tifla u l-iżvilupp fiżiku, emozzjonali, intellettwali u morali tiegħu/tagħha,
  2. meta wieħed jirrappreżemta tifel/tifla li huwa/hija minuri,
  3. meta wieħed jamministra l-proprjetà tat-tifel/tifla.

Meta jeżerċitaw id-drittijiet u r-resposabbiltajiet fi ħdan il-qafas tar-responsabbiltà tal-ġenituri, il-ġenituri huma speċjalment obbligati li jħarsu l-interessi tat-tifel/tifla, jiggwidaw l-imġiba tat-tifel/tifla u jwettqu s-superviżjoni tat-tifel/tifla b’mod li jikkorrispondi għal-livell ta’ l-iżvilupp tat-tifel/tifla. Għandhom id-dritt jużaw dixxiplina raġonevoli b’tali mod li d-dinjità tat-tifel/tifla ma tkunx affettwata u li ma jkun hemm l-ebda theddida għas-saħħa tat-tifel/tifla jew għall-iżvilupp fiżiku, emozzjonali, intellettwali jew morali tiegħu/tagħha. Il-ġenituri għandhom l-obbligu jagħtu lil tifel/tifla, li huwa/hija kapaċi li jkollu/jkollha l-opinjoni tiegħu/tagħha u jivvaluta/tivvaluta l-ambitu tal-miżuri li jaffetwawh/a, bl-informazzjoni kollha meħtieġa u l-opportunità li jesprimi/tesprimi opinjoni b’mod liberu dwar id-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw il-kwistjonijiet essenzjali li jinvolvu lit-tifel/tifla. Il-ġenituri jirrappreżentaw lit-tifel/tifla fl-atti legali kollha li għalihom it-tifel/tifla ikun/tkun legalment minuri.

FuqFuq

2. Bħala regola ġenerali, min huwa responsabbli bħala ġenitur tat-tfal?

Il-ġenituri bijoloġiċi tat-tifel/tifla huma ġeneralment responsabbli bħala ġenituri tat-tifel/tifla konċernat/a msemmi/ja. Jekk it-tifel/tifla jiġi/tiġi adottat/a, din ir-responsabbiltà tiġi trasferita lill-ġenituri adottivi. Ma tagħmel l-ebda differenza jekk il-koppja tkunx miżżewġa jew le jew jekk it-tifel/tifla kienx/kinitx imwieled/imwielda fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ. Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tibda mat-twelid tat-tifel/tifla. Jekk dan jinvolvi relazzjoni, li tinħoloq bħala riżultat ta’ adozzjoni, ir-reponsabbiltà tal-ġenituri tibda meta tiġi fis-seħħ id-deċiżjoni tal-qorti dwar l-adozzjoni tat-tifel/tifla.

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tapplika għall-ġenituri, sakemm dawn ikollhom il-kapaċità sħiħa li jwettqu atti legali. Madankollu, il-qorti tista’ tirrikonoxxi ukoll reponsabbiltà tal-ġenituri li tikkonċerna tifel/tifla fil-każ ta’ ġenitur ta’ taħt l-età ta’ sittax-il sena, sakemm il-ġenitur imsemmi jissodisfa/tissodisfa l-prerekwiżiti għat-twettiq tad-drittijiet u tar-responsabbiltajiet li jirriżultaw mir-reponsabbiltà tal-ġenituri.

Jekk wieħed mill-ġenituri ma jkunx għadu ħaj, ma jkunx magħruf jew ma jkollux il-kapaċità sħiħa li jwettaq atti legali, ir-responsabbiltà tal-ġenituri taqa’ fuq it-tieni ġenitur.

Jekk il-prerekwiżiti legali jkunu sodisfatti, il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar is-sospensjoni ta’ l-eżerċizzju tar-reponsabbiltà tal-ġenituri, il-limitazzjoni ta’ l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri jew fuq it-tneħħija tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

FuqFuq

Il-qorti tista’ tissospendi l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, jekk impediment sinifikanti ma jħallix lil ġenitur iwettaq/twettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu jew tagħha bħala ġenitur u jekk ikun fl-interessi tat-tifel/tifla li jagħmel dan.

Il-qorti tista’ tillimita r-responsabbiltà tal-ġenituri ta’ ġenitur, jekk il-ġenitur imsemmi ma jkunx qed iwettaq b’mod korrett ir-responsabbiltajiet tiegħu/tagħha ta’ ġenitur u jekk ikun fl-interessi tat-tifel/tifla li jagħmel dan. Jekk ġenitur jabbuża/tabbuża mir-reponsabbiltà tiegħu ta’ ġenitur jew jittraskuraha/tittraskuraha b’mod serju, il-qorti se tneħħi r-responsabbiltà tal-ġenituri mingħand il-ġenitur imsemmi.

Jekk il-ġenituri tat-tifel/tifla jkunu mietu, tneħħitilhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri, kellhom l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri sospiż jew m’għandhomx b’mod sħiħ il-kapaċità biex iwettqu atti legali, il-qorti se taħtar tutur għat-tifel/tifla li se jrabbi lit-tifel/tifla, jirrappreżentah/a u jamministra l-proprjetà tiegħu/tagħha minflok il-ġenituri tat-tifel/tifla.

Jekk ġenitur iwettaq/twettaq reat intenzjonali kontra t-tifel/tifla tiegħu/tagħha jew jekk il-ġenitur imsemmi juża/tuża tifel/tifla ta’ inqas minn ħmistax-il sena biex iwettaq/twettaq reat jew ikun kompliċi fit-twettiq ta’ reat, il-qorti dejjem se tivvaluta jekk dan jikkostitwixxix raġuni biex jinfetħu proċeduri għat-tneħħija tar-responsabbiltà tal-ġenituri mingħand il-ġenitur.

 Id-deċiżjonijiet tal-qorti msemmija aktar ’il fuq ma jwasslux għat-tmiem ta’ l-obbligu tal-ġenitur li jipprovdi manteniment għat-tarbija.

FuqFuq

3. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jew mhumiex lesti li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fil-konfront tat-tfal tagħhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Il-ġenituri jirrappreżentaw lit-tifel/tifla fl-atti legali kollha li għalihom it-tifel/tifla ma jkunx/tkunx legalment kompetenti b’mod sħiħ. L-ebda wieħed mill-ġenituri ma jista’ jirrappreżenta lit-tifel/tifla, jekk dan jinvolvi atti legali fi kwistjonijiet fejn jista’ jinqala’ kunflitt bejn interess bejn il-ġenituri u t-tifel/tifla jew bejn diversi tfal ta’ l-istess ġenituri. Jekk l-ebda wieħed mill-ġenituri ma jkun jista’ jirrappreżenta lit-tifel/tifla, il-qorti se taħtar trustee għat-tifel/tifla li se jirrappreżenta lit-tifel/tifla fi proċeduri jew matul it-twettiq ta’ att legali speċifiku. Dan it-trustee ġeneralment jintgħażel minn korp li jwettaq il-protezzjoni tal-benesseri soċjali tat-tifel/tifla.

Jekk il-ġenituri tat-tifel/tifla jkunu mietu, jew jekk tkun tneħħitilhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri, kellhom l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri tagħhom sospiż jew m’għandhomx b’mod sħiħ il-kapaċità biex iwetttqu atti legali, il-qorti se taħtar tutur għat-tifel/tifla li se jrabbi lit-tifel/tifla, jirrappreżentah/a u jamministra l-proprjetà tiegħu/tagħha minflok il-ġenituri tat-tifel/tifla. B’mod speċjali, it-tutur għandu jkun individwu rakkomandat mill-ġenituri. Jekk ħadd ma jkun ġie rakkomandat b’dan il-mod, il-qorti se taħtar tutur minn fost il-qraba tat-tifel/tifla jew minn fost l-individwi viċin it-tifel/tifla jew il-familja tiegħu/tagħha jew persuna naturali oħra. Jekk l-ebda persuna naturali ma tkun tista’ tinħatar bħala tutur tat-tifel/tifla, il-qorti se taħtar korp għall-protezzjoni tal-benesseri soċjali tat-tifel/tifla. It-tutur huwa responsabbli fil-konfront tal-qorti għat-twettiq ta’ din il-funzjoni u huwa obbligat li jagħti lill-qorti rapporti dwar it-tifel/tifla taħt it-tutela tiegħu u kontijiet li jikkonċernaw l-amministrazzjoni tal-proprjetà tat-tifel/tifla. Madankollu, it-tutur m’għandu l-ebda obbligu ta’ manteniment fir-rigward tat-tifel/tifla. Barra minn hekk, it-tutur m’għandux ir-responsabbiltà tal-ġenituri; madankollu, ir-relazzjoni bejn tutur u tifel/tifla hija rregolata mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Att tal-Familja li jikkonċerna d-drittijiet u l-obbligi tat-tfal u tal-ġenituri. Id-deċiżjonijiet kollha tat-tutur fi kwistjonijiet essenzjali li jikkonċernaw it-tifel/tifla jeħtieġu l-approvazzjoni tal-qorti.

FuqFuq

L-Att tal-Familja jippermetti wkoll li wħud mill-jeddijiet u mir-responsabilitajiet parzjali li għandhom x’jaqsmu mar-responsabbiltà tal-ġenituri jitwettqu minn individwu xieraq ieħor. Pereżempju, huwa ammissibbli li l-qorti tafda lit-tifel/tifla fil-kura ta’ persuna naturali oħra, jekk il-persuna msemmija tagħti garanzija ta’ trobbija xierqa u taqbel li tiġi fdata bil-kura tat-tifel/tifla. Jekk dan ikun il-każ, il-qorti tispeċifika l-ambitu tad-drittijiet u ta’ l-obbligi ta’ persuna ta’ din ix-xorta f’relazzjoni għat-tifel/tifla kkonċernat/a.

Għażla oħra hija li t-tifel/tifla tiġi/jiġi fdat/a f’foster care (kura ta’ tifel/tifla tar-rispett). Meta jkun qed jieħu ħsieb it-tifel/tifla, il-ġenitur tar-rispett (foster parent) iwettaq id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-ġenituri tat-tifel/tifla b’mod ugwali. Il-ġenitur tar-rispett, madankollu, m’għandu l-ebda obbligu ta’ manteniment fil-konfront tat-tifel/tifla u huwa jew hija jista’ biss jirrappreżenta lit-tifel/tifla u jamminstra l-affarijiet tat-tifel/tifla biss fi kwistjonijet regolari.

F’dawk il-każi fejn id-drittijiet tal-proprjetà tat-tifel/tifla jistgħu jkunu mhedda, il-qorti se taħtar trustee għal protezzjoni akbar tal-proprjetà tat-tifel/tifla. Barra dan, irid jinħatar trustee jekk il-qorti ħadet deċiżjoni dwar il-limitazzjoni ta’ l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri u huwa/hija jista’ jinħatar jekk ikun fl-interess tat-tifel/tifla li jsir dan. Trustee jista’ jkun persuna naturali b’kapaċità sħiħa li jwettaq atti legali, li l-istil tal-ħajja tiegħu jiggarantixxi t-twettiq korrett ta’ din il-funzjoni u li jaqbel li jinħatar bħala trustee. Jekk ma tkunx tista’ tinħatar persuna naturali, il-qorti ġeneralment taħtar korp għall-protezzjoni tal-benesseri soċjali tat-tifel/tifla bħala trustee.

FuqFuq

Jekk ikun hemm kwalunkwe raġuni serja għala l-ġenituri ma jistgħux jiżguraw it-trobbija tat-tifel/tifla, jew meta t-trobbija tat-tifel/tifla ma tistax tiġi żgurata b’mod xieraq minħabba r-raġunijiet serji jew it-trobbija tkun mhedda jew vjolata b’mod serju, il-qorti tista’ tqiegħed lit-tifel/tifla f’kura istituzzjonali jew tqiegħed lit-tifel/tifla f’istituzzjoni għal tfal li jeħtieġu għajnuna immedjata.

4. Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw, kif tiġi ddeterminata l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri għall-futur?

F’dawn il-każi, dejjem tingħata preferenza lill-ftehim li jintlaħaq bejn il-ġenituri. Fil-każ ta’ ftehim, huwa meħtieġ li tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni ta’ lil min se jiġi/tiġi fdat/a it-tifel/tifla u kif kull wieħed mill-ġenituri għandu jikkontribwixxi għall-manteniment tat-tifel/tifla. Madankollu, dan il-ftehim jeħtieġ l-approvazzjoni tal-qorti biex isir validu. Ftehim jista’ jintuża wkoll biex jirregola l-kuntatt tat-tifel/tifla mal-ġenituri; dan il-ftehim, madankollu, ma jeħtieġx l-approvazzjoni tal-qorti. Jekk il-ġenituri ma jilħqux ftehim dwar il-kwistjonijiet essenzjali rigward l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, se tiddeċiedi l-qorti. Il-qorti tista’ tiddeċiedi f’dawn il-kwistjonijiet anki jekk ma tirċevix proposta biex tagħmel dan, jekk dan ikun jinvolvi lil tifel/tifla taħt l-età li l-ġenituri tiegħu/tagħha ma jkunux jgħixu flimkien u li ma jkunux laħqu ftehim dwar il-kwistjoni tal-manteniment u t-trobbija tat-tifel/tifla. Fil-każ ta’ divorzju, il-ftehim dwar min se jkun fdat bit-trobbija tat-tifel/tifla u l-mod kif kull ġenitur se jikkontribwixxi għall-manteniment tat-tifel/tifla (sew jekk dan jiġi miftiehem permezz ta’ ftehim u sew jekk b’deċiżjoni tal-qorti) huwa prerekwiżit essenzjali tad-divorzju.

FuqFuq

5. Jekk il-ġenituri jikkonkludu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet iridu jiġu rispettati biex il-ftehim ikun jorbot legalment?

Jekk ftehim li jirregola l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri ikun se jieħu l-post ta’ deċiżjoni tal-qorti dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-ġenituri li jikkonċernaw tifel/tifla taħt l-età fil-perjodu ta’ wara divorzju (b’mod partikolari l-għażla ta’ min se jkun fdat bit-trobbija tat-tifel/tifla u kif kull ġenitur għandu jikkontribwixxi għall-manteniment tat-tifel/tifla), ftehim ta’ din ix-xorta jeħtieġ l-approvazzjoni tal-qorti biex ikun validu. Madankollu, il-ftehim dwar il-kuntatt bejn il-ġenituri u t-tifel/tifla ma jeħtieġ l-ebda approvazzjoni ta’ din ix-xorta.

6. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema metodi alternattivi jeżistu sabiex jintlaħaq ftehim barra mill-qorti?

F’każi ta’ din ix-xorta, huwa possibbli li wieħed jagħmel użu mis-servizzi ta’ medjaturi li jistgħu jinstabu f’kull Qorti Distrettwali. Il-kompitu tagħhom huwa li jipprovaw jiksbu ftehim paċifiku bejn iż-żewġ partijiet; f’dan il-proċess, għandhom ir-rwol ta’ l-intermedjarju.

Barra minn hekk, huwa possibbli li jintużaw dawk li jissejħu servizzi ta’ għotja ta’ pariri dwar iż-żwieġ, il-familja u r-relazzjonijiet interpersonali, li jinvolvu għajnuna minn psikoloġi u ħaddiema soċjali kkwalifikati. Hemm ukoll ħafna organizzazzjonijiet ta’ bla qligħ fir-Repubblika Ċeka li jistgħu jiġu kkuntattjati f’dan il-kuntest.

FuqFuq

Barra minn hekk, fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri, il-ġenituri jistgħu jirrikorru għand il-korp għall-protezzjoni tal-benesseri soċjali tat-tfal.

7. Jekk il-ġenituri jitilgħu l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jkunu deċiżi mill-imħallef fejn għandu/ha x’jaqsam/taqsam it-tifel/tifla?

Jista’ jiġi ddikjarat b’mod ġenerali li l-qorti tista’ tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet li ġejjin li jikkonċernaw il-kura tat-tifel/tifla:

  1. il-miżuri edukattivi,
  2. l-adozzjoni,
  3. it-tutela u t-trusteeship,
  4. il-manteniment.

Il-kwistjoni l-iktar komuni għad-deliberazzjoni tal-qorti hija min se jkun fdat bit-trobbija tat-tifel/tifla. Din il-kwistjoni tiġi solvuta bil-mod l-aktar komuni fil-każ tad-divorzju tal-ġenituri. It-tifel/tifla huwa/hija spiss fdat/a fil-kura ta’ wieħed mill-ġenituri. Il-qorti fuq kollox tqis l-interessi tat-tifel/tifla rigward il-personalità tiegħu/tagħha, il-kapaċitajiet għat-trobbija tal-ġenituri tiegħu/tagħha u fatturi rilevanti oħra. Jekk, madankollu, iż-żewġ ġenituri huma kapaċi jieħdu ħsieb it-tifel/tifla u jekk it-tnejn huma interessati li jrabbu lit-tifel/tifla, il-qorti tista’ tafda lit-tifel/tifla lill-kura konġunta jew alternata taż-żewġ ġenituri, jekk ikun fl-interess tat-tifel/tifla li jsir dan u jekk dan se jiżgura b’mod aħjar il-ħtiġijiet tat-tifel/tifla. Il-qorti għandha wkoll id-dritt li tiddeċiedi dwar l-ammont li kull ġenitur irid jikkontribwixxi għall-manteniment tat-tifel/tifla. Meta tispeċifika l-ammont tal-manteniment, huwa meħtieġ li jitqiesu l-proprjetà, il-kapaċitajiet u l-opportunitajiet tal-ġenituri, il-ħtiġijiet ġustifikati tat-tifel/tifla u kemm kull ġenitur se jikkontribwixxi biex jieħu ħsieb personalment tat-tifel/tifla.

FuqFuq

Il-qorti tista’ tiddeċiedi wkoll dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-regolamentazzjoni tat-trobbija u tal-manteniment tat-tifel/tifla mingħajr ma tirċievi proposta biex tagħmel dan, sakemm dan jinvolvi tifel/tifla li huwa/hija minuri. Flimkien mal-kwistjonijiet imsemmija aktar ’il fuq, il-qorti tista’ tagħti wkoll deċiżjoni li tirregola l-kuntatt tat-tifel/tifla mal-ġenituri tiegħu/tagħha (dan jista’ jkun limitat jew ipprojbit, jekk dan ikun fl-interessi tat-tifel/tifla), man-nanniet tiegħu/tagħha jew ma’ ħutu/ha.

8. Jekk il-qorti tiddeċiedi li wieħed mill-ġenituri għandu jkollu l-kustodja esklużiva ta’ tifel/tifla, dan ifisser li huwa jew hija jista’/tista’ jiddeċiedi/tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mat-tifel/tifla mingħajr ma l-ewwel jikkonsulta/tikkonsulta lill-ġenitur l-ieħor?

It-trobbija u l-kura tat-tifel/tifla huma biss wieħed mid-drittijiet u mir-responsabbiltajiet parzjali, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Jekk il-ġenitur li ma ġietx fdata lilu/lilha t-trobbija tat-tifel/tifla ma tkunx tneħħietlu/tneħħitilha r-responsabbiltà tal-ġenituri tiegħu/tagħha u ma tkunx ġiet limitata b’xi mod, dak il-ġenitur jibqa’/tibqa’ jkollu/ha d-dritt li jieħu/tieħu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet fundamentali li jikkonċernaw lit-tifel/tifla.

9. Jekk il-qorti tiddeċiedi favur kustodja konġunta ta’ tifel/tifla, dan xi jfisser fil-prattika?

Flimkien mad-divorzju, l-Att tal-Familja jiddistingwi bejn li t-tifel/tifla jiġi/tiġi fdat/a fil-kura konġunta jew f’dik li talterna, sakemm li jsir dan ikun fl-aħjar interessi tat-tifel/tifla u l-ħtiġijiet tat-tifel/tifla b’hekk se jkunu żgurati b’mod aħjar. Tista’ tittieħed deċiżjoni ta’ din ix-xorta jekk il-ġenituri ikunu jistgħu jikkomunikaw u jikkooperaw safejn tidħol it-trobbija tat-tifel/tifla.

FuqFuq

Il-kura konġunta

Il-qorti se tiddeċiedi li tafda t-tifel/tifla fil-kura konġunta tal-ġenituri, jekk il-ġenituri tat-tifel/tifla jgħixu flimkien u jħallsu b’mod konġunt għal parti mir-rekwiżiti tagħhom u jekk ikunu sodisfatti kondizzjonijiet oħrajn. Fil-prattika, il-kura konġunta tista’ tkun ta’ forma fejn ġenitur wieħed jieħu ħsieb il-ħtiġijiet tat-tifel/tifla li għandhom x’jaqsmu ma’ l-iskola u l-ġenitur l-ieħor jieħu ħsieb l-attivitajiet sportivi tat-tifel/tifla jew fejn wieħed jieħu ħsieb l-istudji tal-lingwi, filwaqt li l-ieħor jieħu ħsieb l-attivitajiet extra-kurrikulari. Iż-żewġ ġenituri mbagħad jaqsmu l-provvista tal-kura medika u l-ħtiġijiet materjali tat-tifel/tifla, bħat-tisjir, it-tindif, il-kura tal-ħwejjeġ u oħrajn.

Il-kura li talterna

Il-kura li talterna tfisser li t-tifel/tifla jiġi/tiġi fdat/a fil-kura ta’ ġenitur wieħed u mbagħad tal-ġenitur l-ieħor għal intervall ta’ żmien iddefinit b’mod preċiż. Il-qorti fl-istess ħin tiddefinixxi d-drittijiet u r-responsbbiltajiet f’dawn l-intervalli ta’ żmien li jalternaw. L-aktar frekwenti, l-alternazzjoni bejn il-ġenituri ssir kull xahar. Fil-każ tal-kura li talterna tat-tifel/tifla, huwa essenzjali li l-ġenituri jkunu jgħixu viċin ta’ xulxin, speċjalment minħabba l-attendenza ta’ l-iskola.

10. Quddiem liema qorti jew awtorità għandi nitla’ jekk nixtieq niddepożita applikazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet iridu jiġu osservati u liema dokumenti għandi nehmeż ma’ l-applikazzjoni?

Huwa meħtieġ li wieħed jikkuntattja lill-Qorti Distrettwali (il-Qorti Muniċipali fi Brno), li hija pertinenti għad-distrett fejn it-tifel/tifla huwa/hija residenti bi kwalunkwe proposta li tikkonċerna r-responsabbiltà tal-ġenituri. Il-qorti tista’ tiddeċiedi wkoll fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kura ta’ minuri mingħajr ma tkun ġiet iddepożitata l-ebda proposta ta’ din ix-xorta.

FuqFuq

Il-formalitajiet u d-dokumenti mehmuża mal-proposta jiddependu fuq it-tip speċifiku ta’ proposta involuta. Bħala regola huwa meħtieġ li jiġi indikat b’mod ċar l-individwu li jkun qiegħed iressaq il-proposta, it-tifel/tifla involut/a u l-konvenut. Huwa meħtieġ ukoll li tkun stabbilita t-talba ta’ min qed jagħmel it-talba, ir-raġuni għat-talba u l-evidenza proposta li ssostni t-talba. Il-proposta trid tinkludi d-dokumenti importanti kollha li jikkonċernaw dawn il-kwistjonijiet – pereżempju, iċ-ċertifikat tat-twelid, iċ-ċertifikat taż-żwieġ, id-deċiżjoni preċedenti tal-qorti dwar il-kwistjoni li tikkonċerna lit-tifel/tifla u oħrajn. Il-proposta trid titressaq f’numru xieraq ta’ kopji biex kull parti jkollha kopja waħda u tibqa’ kopja waħda fil-qorti.

Jekk il-proposta ma tissodisfax il-formalitajiet preskritti jew jekk xi dokument neċessarju ma’ jiġix mehmuż, il-qorti se titlob lil min għamel it-talba biex jirretifika dan in-nuqqas.

11. Liema proċedura tapplika f’dawn il-każi? Hija disponibbli proċedura ta’ emerġenza?

Il-qorti tista’ tibda proċeduri li jikkonċernaw il-kura ta’ tifel/tifla li huwa/hija minuri mingħajr il-ħtieġa li tiġi ddepożitata proposta, iżda huwa naturalment possibbli wkoll li titressaq proposta ta’ din ix-xorta biex jinbdew il-proċeduri.

Qabel ma tagħti d-deċiżjoni finali, il-qorti tista’ timponi fuq il-konvenut ir-responsabbiltà li jħallas il-manteniment jew tqiegħed lit-tifel/tifla fil-kura tat-tieni ġenitur jew ta’ individwu maħtur mill-qorti permezz ta’ deċiżjoni preliminari.

FuqFuq

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jirregola wkoll il-proċedura speċifika għal każi fejn minuri jsib ruħu f’sitwazzjoni bla ebda kura jew fejn ħajtu jew l-iżvilupp xieraq tiegħu tkun mhedda jew ivvjolata b’mod serju. F’każ ta’ din ix-xorta, il-qorti, fuq is-suġġeriment ta’ korp kompetenti għall-protezzjoni tal-benesseri soċjali tat-tfal, se tagħti deċiżjoni preliminari sabiex dak/dik it-tifel/tifla jitqiegħed/titqiegħed fil-kura ta’ l-individwu ddefinit fid-deċiżjoni msemmija. Id-deċiżjoni dwar il-proposta għal kwalunkwe deċiżjoni preliminari ta’ din ix-xorta trid tittieħed mingħajr dewmien jew mhux aktar tard minn 24 siegħa minn meta titressaq. Id-deċiżjoni preliminari tibqa fis-seħħ għal perjodu ta’ tliet xhur minn meta tkun tista’ tiġi infurzata; jekk il-proċeduri dwar il-kwistjoni jinbdew qabel ma jiskadi dan il-perjodu, id-deċiżjoni preliminari se tibqa’ fis-seħħ sakemm tkun tista’ tiġi infurzata deċiżjoni li tikkonkludi l-proċeduri. Ladarba tiġi abrogata deċiżjoni ta’ din ix-xorta, tiġi infurzata b’mod immedjat, fejn il-qorti tikkoopera mal-korpi xierqa biex il-minuri jitqiegħed fil-kura ta’ l-individwu magħżul; jekk f’dak iż-żmien it-tifel/tifla ikun/tkun qiegħed/qiegħda joqgħod/toqgħod ma’ individwu ieħor, huwa jew hija se jittieħed/tittieħed mingħand l-individwu msemmi.

12. Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Skond l-Att dwar il-Ħlasijiet tal-Qorti, il-proċeduri li għandhom x’jaqsmu ma’ kwistjonijiet ta’ tutela u l-kura tal-qorti għall-minuri huma eżenti minn kwalunkwe ħlas tal-qorti. Għalhekk, min jagħmel talba mhuwiex meħtieġ iħallas kwalunkwe ħlas tal-qorti meta jiddepożita proposta dwar ir-resposabbiltà tal-ġenituri.

FuqFuq

Madankollu, il-kumpens għall-ispejjeż marbuta mal-ħatra ta’ avukat hija kwistjoni differenti. F’każ ta’ din ix-xorta, huwa possibbli li l-qorti tiddeċiedi biex tkun provduta għajnuna legali bla ħlas skond il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Il-provvista ta’ l-għajnuna legali bla ħlas issir, jekk tkun iġġustifikata mis-sitwazzjoni ta’ l-individwu, jiġifieri li l-imsemmi individwu ma jkunx jista’ jħallas il-ħlasijiet ta’ l-avukat. Fil-prattika, dan ifisser il-proprjetà jew is-sitwazzjoni soċjali sfavorevoli ta’ l-individwu affettwat. Il-proprjetà u s-sitwazzjoni soċjali sfavorevoli jiġu definiti skond il-kondizzjonijiet ġeneralment iffissati għal eżenzjoni mill-ħlasijiet tal-qorti (qgħad, benefiċċju ta’ l-invalidità, lif tal-maternità jew tal-paternità), iżda huwa dejjem meħtieġ li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ.

Barra minn hekk, sakemm il-prerekwiżiti stabbiliti fl-Att dwar l-Avukati jiġu sodisfatti, huwa possibbli li wieħed jitlob lill-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati biex taħtar avukat mingħajr ħlas.

13. Hemm possibbiltà li nappella minn deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva, huwa possibbli li wieħed jappella minn deċiżjoni tal-qorti dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Il-Qrati Distrettwali huma l-qrati kompetenti fl-ewwel livell għall-proċeduri li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Għalhekk, se jisimgħu l-appelli l-Qrati Reġjonali (jew il-Qorti Muniċipali fi Praga). Huwa possibbli li jiġi depożitat appell kontra d-deċiżjoni tal-qorti fi żmien ħmistax-il ġurnata mill-irċevuta ta’ kopja bil-miktub tad-deċiżjoni msemmija tal-qorti li minnha jkun qed isir l-appell. Jekk tkun ingħatat deċiżjoni korrettiva rigward id-dikjarazzjoni tad-deċiżjoni, din l-iskadenza għall-appell se terġa’ tibda minn meta d-deċiżjoni korrettiva fil-ħin, jekk jitressaq wara l-iskadenza ta’ ħmistax-il ġurnata għax l-appellant ikun segwa istruzzjonijiet żbaljati mogħtija mill-qorti.

FuqFuq

Barra minn hekk, irid ikun enfasizzat li d-deċiżjoni tista’ tiġi infurzata b’mod preliminari, jiġifieri tista’ tiġi infurzata anki jekk tkun għadha mhix eżegwibbli minħabba li tkun ġiet appellata.

14. F’ċerti każi, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li ssir applikazzjoni quddiem qorti jew awtorità oħra biex tkun infurzata deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każi ta’ din ix-xorta?

Fir-Repubblika Ċeka, huwa meħtieġ li tiġi ddepożitata mal-qorti kwalunkwe proposta għall-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri; il-proċedura matul l-infurzar tad-deċiżjoni tiġi rregolata mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

F’dan il-każ, huwa meħtieġ li l-proposta għall-infurzar tad-deċiżjoni titressaq quddiem il-Qorti Distrettwali, li hija kompetenti għad-distrett fejn il-minuri jkun residenti. Proposta ta’ din ix-xorta, li trid tinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti (l-indikazzjoni tal-parti obbligata, il-parti awtorizzata, id-definizzjoni ta’ l-ambitu u tal-kontenut ta’ l-obbligu, id-definizzjoni ta’ l-iskadenza biex ikun issodisfat l-obbligu msemmi u l-ispeċifikazzjoni ta’ dak li jissejjaħ titlu eżegwibbli – id-deċiżjoni li għandha tiġi infurzata), trid tinkludi kopja tad-deċiżjoni (jew il-ftehim approvat mill-qorti dwar it-trobbija ta’ minuri jew ir-regolamentazzjoni tal-kuntatt ma’ minuri), inkluża konferma li din tista’ tiġi infurzata. Qabel ma tordna l-infurzar tad-deċiżjoni, il-qorti se titlob lill-parti li tkun qiegħda tirrifjuta li tissottometti ruħha għad-deċiżjoni tal-qorti jew li ma tkunx qiegħda taderixxi mal-ftehim approvat mill-qorti dwar it-trobbija ta’ minuri jew il-ftehim li jirregola l-kuntatt ma’ minuri biex tissottometti ruħha għad-deċiżjoni tal-qorti jew għall-ftehim approvat mill-qorti. Meta titlob lill-parti kkonċernata biex tagħmel dan, il-qorti se tiġbed l-attenzjoni tal-parti msemmija għall-konsegwenzi jekk tonqos milli tissodisfa r-responsabbiltajiet stabbiliti fid-deċiżjoni jew fil-ftehim. Madankollu, f’ċirkostanzi speċifiċi, il-qorti tista’ tordna l-infurzar permezz ta’ l-irtirar tat-tifel/tifla anki mingħajr din it-talba. Din il-fażi tal-proċeduri, il-qorti tista’ titlob ukoll il-parteċipazzjoni tal-korp xieraq għall-protezzjoni tal-benesseri soċjali tat-tfal. Jekk it-talba għall-konformità ma tagħti l-ebda riżultat, il-qorti se timponi multa fuq il-parti li ma tkunx aderiet b’mod volontarju mad-deċiżjoni jew mal-ftehim approvat mill-qorti dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri; il-multa tista’ tiġi imposta wkoll b’mod ripetut, f’liema każ il-multi individwali ma jridux ikunu ta’ iktar minn 50,000 CZK. Minbarra dan, il-qorti tista’ tordna l-irtirar tat-tifel/tifla mingħand il-parti, li t-tifel/tifla mhux suppost ikun/tkun magħha fuq il-bażi tad-deċiżjoni jew tal-ftehim, u tqiegħed lit-tifel/tifla fil-kura tal-parti li kienet fdata bit-trobbija tat-tifel/tifla skond id-deċiżjoni jew il-ftehim jew li lilha għandu/għandha jkun/tkun irritornat/a t-tifel/tifla jew lill-parti li ngħatat id-dritt ta’ kuntatt mat-tifel/tifla, permezz tad-deċiżjoni jew tal-ftehim .

FuqFuq

15. X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li tingħata minn qorti fi Stat Membru ieħor tkun rikonoxxuta u infurzata fir-Repubblika Ċeka? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każi?

Id-deċiżjonijiet tal-qorti dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li jinħarġu f’pajjiżi differenti jidħlu fis-seħħ fir-Repubblika Ċeka skond l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat u Proċedurali, sakemm ikunu daħlu fis-seħħ b’mod legali skond il-konferma tal-korp barrani xieraq u kienu rikonoxxuti mill-korpi Ċeki bl-eċċeżżjonijiet li ġew speċifikati wkoll fl-Att. Ladarba dawn il-kondizzjonijiet ikunu sodisfatti, il-proċedura hija analoga għall-esekuzzjoni ta’ deċiżjoni li ngħatat minn qorti Ċeka – ara t-tweġiba għall-mistoqsija preċedenti. Il-korp tagħna se jirrikonoxxi d-deċiżjonijiet barranija kollha ta’ din ix-xorta wara li jikkontrolla li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent; għalhekk se jirrikonoxxi deċiżjoni mingħajr il-ħruġ ta’ dikjarazzjoni speċjali fejn id-deċiżjoni msemmija se tiġi trattata daqslikieku kienet tinvolvi deċiżjoni maħruġa mill-korp tagħna.

Il-konvenzjonijiet internazzjonali li jirregolaw din il-kwistjoni u li jorbtu lir-Repubblika Ċeka jridu jkunu rrispettati u għandhom prijorità fuq il-liġi nazzjonali.

16. Quddiem liema qorti għandi nitla’ fir-Repubblika Ċeka biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li ngħatat minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każi?

Kif diġà ġie ddikjarat aktar ’il fuq, ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet barranija fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri ma jinvolvix il-ħruġ ta’ dikjarazzjoni speċjali dwar id-deċiżjoni tal-korp Ċek u dan ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni barranija mhux ippreċedut minn kwalunkwe proċedura speċjali għal rikonoxximent. L-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat u Proċedurali jipprovdi li d-deċiżjoni barranija ma tistax tiġi rikonoxxuta jew imwettqa, jekk biex isir dan ikun hemm ksur ta’ l-ordni pubblika tar-Repubblika Ċeka. F’każ ta’ din ix-xorta, huwa meħtieġ li l-proposta għal dan il-għan titressaq quddiem il-qorti xierqa (ara aktar ’il fuq – mistoqsiji nri. 10 u 14).

FuqFuq

17. Liema liġi tiġi applikata fi proċedura dwar responsabbiltà tal-ġenituri fejn it/tifel/tifla jew il-partijiet ma jgħixux fir-Repubblika Ċeka jew huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

L-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat u Proċedurali jistipula li r-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, inklużi t-trobbija u l-manteniment, huma rregolati mil-liġi ta’ l-Istat li tiegħu t-tifel/tifla huwa/hija ċittadin/a. Jekk it-tifel/tifla jgħix/tgħix fir-Repubblika Ċeka, dawn ir-relazzjonijiet jistgħu jiġu vvalutati skond il-liġi Ċeka, jekk dan ikun fl-aħjar interessi tat-tifel/tifla.

Dan l-Att jipprovdi wkoll li l-qrati Ċeki għandhom ġuriżdizzjoni fil-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw it-trobbija u l-manteniment tal-minuri u l-kwistjonijiet assoċjati kollha, sakemm il-minuri msemmija jkunu ċittadini Ċeki, anki jekk ikunu residenti barra mir-Repubblika Ċeka. Il-korp konsulari Ċek jista’ wkoll jieħu f’idejh il-kura ta’ minuri Ċeki li jkunu qegħdin jgħixu barra mill-pajjiż u li ma jkunux fil-kura tal-ġenituri u dan jista’ jagħmlu safejn tippermetti l-ġuriżdizzjoni tal-qorti, sakemm l-Istat fejn it-tifel/tifla jkun/tkun qed jgħix/tgħix jirrikonoxxi ġuriżdizzjoni ta’ din ix-xorta. Fejn jidħlu kwistjonijiet li jikkonċernaw minuri minn pajjiżi barranin li huma residenti fir-Repubblika Ċeka, il-qrati Ċeki se jistabbilixxu biss dawk il-miżuri li jkunu meħtieġa għall-protezzjoni tal-persuna u tal-proprjetà tal-minuri msemmi u mbagħad se jinformaw lill-korpi fil-pajjiż ta’ l-oriġini tal-minuri b’dawn il-miżuri. Jekk il-korp mill-pajjiż ta’ l-oriġini tal-minuri ma jimmodifikax iċ-ċirkostanzi tal-minuri fi ħdan skadenza raġonevoli, tagħmel dan il-qorti Ċeka. Fil-każ ta’ deċiżjoni li tħoll iż-żwieġ tal-ġenituri ta’ minuri li jkun/tkun qed jgħix/tgħix fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, il-qorti se tirregola d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-ġenituri fil-konfront tat-tifel/tifla għall-perjodu ta’ wara d-divorzju, sakemm il-minuri jkun/tkun se jibqa’/tibqa’ fit-territorju lokali u jekk il-pajjiż ta’ l-oriġini tal-minuri ma jimplimenta l-ebda miżura oħra.

FuqFuq

Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, huwa madankollu meħtieġ li wieħed jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-dispożizzjonijiet imsemmija aktar ’il fuq ta’ l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat u Proċedurali jintużaw biss, sakemm ma jkunux f’kunflitt ma’ kwalunkwe trattat internazzjonali li jorbot lir-Repubblika Ċeka. Fl- 4.3.1999, ir-Repubblika Ċeka ffirmat il-Konvenzjoni ta’ l-Aja dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u tal-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal. Din il-Konvenzjoni tistabbilixxi li l-qorti jew il-korpi amministrattivi tal-parti kontraenti fejn it-tifel/tifla għandu/ha r-residenza abitwali tiegħu/tagħha għandhom l-awtorità li jistabbilixxu miżuri għall-protezzjoni tal-persuna jew tal-proprjetà tat-tifel/tifla. Dan japplika bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 7, fejn, jekk ikun hemm bidla fir-residenza abitwali tat-tifel/tifla għal pajjiż kontraenti ieħor, il-korpi tal-pajjiż kontraenti fejn it-tifel/tifla ikollu/jkollha r-residenza abitwali l-ġdida tiegħu/tagħha se jassumu l-ġuriżdizzjoni. Meta jeżerċitaw il-ġuriżdizzjoni tagħhom dwar il-protezzjoni tat-tifel/tifla u tal-proprjetà tiegħu/tagħha, il-korpi tal-partijiet kontraenti jużaw il-liġi tagħhom stess. Madankollu, jekk il-protezzjoni tal-persuna jew tal-proprjetà tat-tifel/tifla ikun jeħtieġ hekk, dawn jistgħu jużaw jew iqisu, b’mod eċċezzjonali, il-liġi ta’ pajjiż ieħor li miegħu s-sitwazzjoni partikolari hija fundamentalment relatata. Jekk ir-residenza abitwali tat-tifel/tifla tinbidel u jekk it-tifel/tifla se jgħix/tgħix f’pajjiż kontraenti ieħor, il-kondizzjonijiet għall-użu tal-miżuri adottati fil-pajjiż fejn it-tifel/tifla oriġinarjament kellu/kellha r-residenza abitwali tiegħu/tagħha huma bla ħsara għal-liġi ta’ l-Istat il-ġdid miż-żmien tal-bidla fir-residenza. Ir-rikonoxximent jew l-annullament tar-responsabbiltà legali tal-ġenituri (mingħajr l-intervent ta’ qorti jew ta’ korp amministrattiv) huwa bla ħsara għal-liġi tal-pajjiż fejn it-tifel/tifla ikollu/jkollha r-residenza abitwali tiegħu/tagħha. Ir-rikonoxximent jew l-annullament tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri skond ftehim jew att legali unilaterali (mingħajr l-intervent ta’ qorti jew ta’ korp amministrattiv) huwa bla ħsara għal-liġijiet ta’ l-Istat fejn it-tifel/tifla kellu/kellha r-residenza abitwali tiegħu/tagħha fiż-żmien meta daħal fis-seħħ il-ftehim jew l-att legali unilaterali. Ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri, li jkunu jeżistu skond il-liġi tal-pajjiż fejn it-tifel/tifla kellu/kellha r-residenza abitwali tiegħu/tagħha, jibqgħu fis-seħħ wara li tinbidel ir-residenza abitwali tat-tifel/tifla għal pajjiż ieħor. Jekk ir-residenza abitwali tat-tifel/tifla tinbidel, ir-rikonoxximent legali tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri fil-konfront ta’ individwu, li sa dak iż-żmien ma kellux responsabbiltajiet ta’ din ix-xorta, se tkun bla ħsara għal-liġi tal-pajjiż fejn it-tifel/tifla ikollu/jkollha r-residenza abitwali l-ġdida tiegħu/tagħha. L-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri huwa bla ħsara għal-liġi tal-pajjiż fejn it-tifel/tifla ikollu/jkollha r-residenza abitwali tiegħu/tagħha. Jekk ir-residenza abitwali tat-tifel/tifla tinbidel, dan se isir bla ħsara għal-liġi tal-pajjiż fejn it-tifel/tifla ikollu/jkollha r-residenza abitwali l-ġdida tiegħu/tagħha.

Barra minn hekk, il-Konvenzjoni tat-2 ta’ Ottubru 1973 dwar ir-Rikkonoximent u l-Infurzar tad-Deċiżjonijiet li Għandhom x’Jaqsmu ma’ l-Obbligi tal-Manteniment u l-Konvenzjoni Ewropea ta’ l-20 ta’ Mejju 1980 dwar ir-Rikonoxximent u l-Infurzar tad-Deċiżjonijiet li Jikkonċernaw il-Kustodja tal-Minuri u dwar ir-Radd tal-Kustodja tat-Tfal jorbtu wkoll.

Aktar tagħrif

Links għal websajts:

Il-qrati fir-Repubblika Ċeka ceština - English

In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-Qasam Ċivili u Kummerċjali – folji ta’ informazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri

Servizzi ta’ konsulenza għaż-żwiġijiet, il-familji u r-relazzjonijiet interpersonali ceština

« Risponsabilità tal-ġenituri - Informazzjoni Ġenerali | Repubblika Ċeka - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 06-11-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit