Kummissjoni Ewropea > NGE > Risponsabilità tal-ġenituri > Awstrija

L-aħħar aġġornament: 03-08-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Risponsabilità tal-ġenituri - Awstrija

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Fil-prattika, xi jfisser it-terminu legali "ir-responsabbiltà tal-ġenituri"? X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi ta’ min ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri? 1.
2. Fil-prinċipju, min huwa responsabbli bħala ġenitur tat-tfal? 2.
3. Jekk il-ġenituri mhumiex adattati jew mhumiex lesti li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, jista’ jinħatar xiħadd minn flokhom? 3.
4. Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw, kif tkun solvuta l-kwistjoni tar- responsabbiltà tal-ġenituri? 4.
5. Jekk il-ġenituri jikkonkludu ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, liema rekwiżiti jridu jiġu sodisfatti biex il-ftehim jorbot legalment? 5.
6. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jaslu fi ftehim dwar il-kustjoni tar-responsabbiltà tal- ġenituri, liema metodi alternattivi jeżistu biex jilħqu ftehim barra mill-qorti 6.
7. Jekk il-ġenituri jirreferu l-kwistjoni lill-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jkunu deċiżi mill-imħallef safejn għandha x’taqsam ir-responsabbiltà tal-ġenituri? 7.
8. Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed għandu jkollu l-kustodja esklussiva tat-tfal, dak ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar il-kustjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mat-tfal mingħajr l-ewwel ma jikkonsultaw mal-ġenitur l-ieħor? 8.
9. Jekk il-qorti tiddeċiedi favur kustodja konġunta tat-tfal, dan xi tfisser fil-prattika? 9.
10. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri jekk nixtieq niftaħ kawża li għandha x’taqsam mar-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet iridu jkunu sodisfatti u x’dokumenti jridu jkunu inklużi? 10.
11. Liema forma ta’ smiegħ tintuża f’każijiet bħal dawn? Jista’ wieħed jagħżel smiegħ aktar mgħaġġel jekk id-dewmien jista’ jkun ta’ periklu? 11.
12. Nista’ nakkwista għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċeduri? 12.
13. Hemm possibbiltà li nappella minn deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? 13.
14. F’ċerti każi, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? F’każijiet bħal dawn, quddiem liema qorti għandi nirrikorri u kif tiġi ttrattata l-kwistjoni? 14.
15. X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbilta’ tal-ġenituri li ngħatat fi Stat Membru ieħor tkun rikonoxxuta u infurzata fl-Awstrija? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każi? 15.
16. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri fl-Awstrija biex nopponi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li ngħatat minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema forma ta’ smiegħ tintuża f’każi bħal dawn? 16.
17. Liema liġi tiġi applikata fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jekk it-tfal jew il-partijiet ma jgħixux fl-Awstrija jew għandhom ċittadinanza differenti? 17.

 

1. Fil-prattika, xi jfisser it-terminu legali "ir-responsabbiltà tal-ġenituri"? X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi ta’ min ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri?

Il-liġi tal-familja fl-Awstrija tuża t-terminu “Obsorge” (kustodja) biex tiddefinixxi r-responsabbiltà tal-ġenituri lejn it-tfal. Għall-għanjiet ta’ l-Att, “Obsorge” tfisser id-dritt u d-dmir li tieħu ħsieb u trabbi t-tfal, li tamministra l-finanzi ta’ dawk it-tfal u li tirrappreżentahom f’dawn u f’kull trattazzjoni ma’ nies oħra. Fl-eżekuzzjoni ta’ dawn id-dmirijiet u meta jiġu eżerċitati dawn id-drittijiet il-ġenituri jridu jaġixxu flimkien.

2. Fil-prinċipju, min huwa responsabbli bħala ġenitur tat-tfal?

Il-kustodja tat-tfal leġittimi taqa’ awtomatikament f’idejn il-missier u l-omm mit-twelid, waqt li l-kustodja tat-tfal illeġittimi taqa’ awtomatikament f’idejn l-omm mit-twelid. Dan joħroġ direttament mill-Att u ma jeħtieġx deċiżjoni mill-qrati.

3. Jekk il-ġenituri mhumiex adattati jew mhumiex lesti li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, jista’ jinħatar xiħadd minn flokhom?

Jekk il-ġenituri (jew oħrajn intitolati għall-kustodja) jirrappreżentaw theddida għall-benesseri tat-tfal, il-qrati jistgħu (parzjament) jieħdu l-kustodja mingħandhom u jittrasferuha għand persuna oħra adattata. Dik il-persuna trid tingħażel fl-ewwel lok minn fost il-qraba tat-tfal, inkella minn oħrajn li huma qrib it-tfal. Jekk ma tinstabx persuna oħra adattata, il-qrati jittrasferixxu l-kustodja lill-Assistent Soċjali taż-Żgħażagħ (Uffiċċju għall-Benesseri taż-Żgħażagħ). Jekk it-tfal ikunu f’periklu imminenti l-Assistent Soċjali taż-Żgħażagħ huwa wkoll obbligat li jieħu azzjoni xierqa, għalkemm irid sussegwentement jinvolvi l-qrati. It-trasferiment tal-kustodja lill-Assistent Soċjali taż-Żgħażagħ ma jiddependix minn jekk il-ġenituri kinux il-kawża jew kinux jaħtu għall-problemi involuti fit-trobbija tat-tfal. Din l-azzjoni sservi biex jinżammu l-aħjar interessi tat-tfal, mingħajr ma jingħata każ ta’ konsiderazzjonijiet bħal dawn.

FuqFuq

Però, it-trasferiment tal-kustodja jista’ wkoll isir b’arranġament bejn il-ġenituri u l-Assistent Soċjali taż-Żgħażagħ (f’dawn il-każi l-ġenituri jistgħu jirrevokaw il-kunsens tagħhom unilateralment).

L-Assistent Soċjali taż-Żgħażagħ jista’, meta jeżerċita kustodja, jagħmel użu minn nies oħra, per eżempju jqiegħed lit-tfal ma’ familja tar-rispett adattata jew f’xi dar tat-tfal.

4. Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw, kif tkun solvuta l-kwistjoni tar- responsabbiltà tal-ġenituri?

Hawnhekk trid issir distinzjoni bejn tfal leġittimi u dawk illeġittimi:

1. Separazzjoni ta’ ġenituri ta’ tfal leġittimi:

Minn mindu daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2001 l-Att ta’ l-2001 li emenda l-liġi dwar it-tfal, il-ġenituri kellhom opportunitajiet estensivi wara s-separazzjoni biex jagħmlu l-arranġamenti tagħhom għall-kustodja. F’każ ta’ divorzju, il-kustodja konġunta ta’ tfal minuri miż-żwieġ fil-prinċipju tibqa’ intatta, għalkemm jekk iridu jżommu kustodja konġunta sħiħa bħal fiż-żwieġ, il-ġenituri iridu, f’perjodu raġjonevoli ta’ żmien, jissottomettu ftehim dwar il-post primarju ta’ residenza għat-tfal lill-qrati. Il-qrati jridu japprovaw dan l-arranġament jekk jirrifletti l-interessi tat-tfal. Jekk ma jiġix ipprovdut arranġament ta’ din ix-xorta f’perjodu raġjonevoli ta’ żmien wara d-divorzju, jew jekk dan ma jirriflettix l-interessi tat-tfal, il-qrati jridu jiddeċiedu, fl-assenza ta’ ftehim amikevoli (li jinvolvi arbitraġġ jekk ikun hemm bżonn), liema ġenitur jingħata kustodja esklussiva.

FuqFuq

Però, il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu bil-quddiem li wieħed minnhom ikollu l-kustodja esklussiva wara x-xoljiment taż-żwieġ.

Jekk il-ġenituri għandhom kustodja konġunta, kull wieħed minnhom jista’ meta jrid jitlob li dik il-kustodja konġunta tiġi rrevokata. Il-qrati mbagħad jagħtu l-kustodja esklussiva lil wieħed mill-ġenituri fuq il-bażi ta’ l-interessi tat-tfal.

2. Separazzjoni tal-ġenituri ta’ tfal illeġittimi:

Partners li jkollhom tfal flimkien jistgħu wkoll ikunu fdati b’kustodja konġunta. Fuq applikazzjoni konġunta mill-ġenituri ta’ tfal illeġittimi li jgħixu mat-tfal u li jaqsmu l-arranġamenti domestiċi tagħhom, il-qrati jafdaw lill-ġenituri bil-kustodja konġunta, bil-kondizzjoni li din tirrifletti l-interessi tat-tfal; jekk il-partners jisseparaw, japplikaw id-dikjarazzjonijiet magħmula f’(1) hawn fuq dwar kustodja f’każ ta’ xoljiment taż-żwieġ tal-ġenituri. B’hekk fil-prinċipju partners li għandhom tfal flimkien għandhom l-istess opportunitajiet li jagħmlu arranġamenti għal kustodja bħall-ġenituri ta’ tfal leġittimi.

5. Jekk il-ġenituri jikkonkludu ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, liema rekwiżiti jridu jiġu sodisfatti biex il-ftehim jorbot legalment?

Ftehim li jintlaħaq bejn ġenituri li mhux konformi mill-arranġamenti ta’ kustodja stipulati fl-Att jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Qorti tal-Kurazija.  

6. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jaslu fi ftehim dwar il-kustjoni tar-responsabbiltà tal- ġenituri, liema metodi alternattivi jeżistu biex jilħqu ftehim barra mill-qorti

Il-qrati jridu dejjem jippruvaw iwasslu lill-partijiet għal ftehim bonarju, jekk ikun hemm bżonn billi jirrikorru għal arbitraġġ.

FuqFuq

7. Jekk il-ġenituri jirreferu l-kwistjoni lill-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jkunu deċiżi mill-imħallef safejn għandha x’taqsam ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Jekk il-ġenituri għandhom kustodja konġunta, kull wieħed minnhom jista’ f’kull ħin jitlob li dik il-kustodja konġunta tiġi revokata. Il-qrati mbagħad jagħtu kustodja esklussiva lil wieħed mill-ġenituri fuq il-bażi ta’ l-interessi tat-tfal. Min-naħa l-oħra, il-qrati ma jistgħux jagħtu kustodja konġunta kontra x-xewqa tal-ġenituri (jew ta’ wieħed minnhom).

Jekk ġenitur minnhom ma jgħix fl-istess dar tat-tfal minuri tagħhom, dak il-ġenitur u t-tfal huma intitolati li jkollhom kuntatt ma’ xulxin; dan huwa magħruf bħala aċċess. Il-ġenituri jridu flimkien jirregolaw il-mod kif jiġu eżerċitati d-drittijiet ta’ l-aċċess. Jekk dan il-ftehim ma jkunx jista’ jintlaħaq, il-qorti trid tirregola l-mod kif jiġi eżerċitat dan id-dritt bir-rispett li wieħed jistenna għall-ħtiġijiet u x-xewqat tat-tfal u b’mod li jaqdi l-interessi tat-tfal. Jekk ikun meħtieġ, il-qorti tista’ tirrestrinġi l-aċċess jew anke ċċaħħdu għal kollox.

Jekk talba għal manteniment tiġi affermata legalment, il-qorti trid tqis iċ-ċirkustanzi attwali tal-każ individwali meta tikkalkula l-ammont ta’ manteniment. F’dan il-każ huma deċiżivi kemm il-bżonn raġonevoli tat-tfal għal manteniment kif ukoll il-kapaċità tal-ġenitur obbligat illi jħallas.  

8. Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed għandu jkollu l-kustodja esklussiva tat-tfal, dak ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar il-kustjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mat-tfal mingħajr l-ewwel ma jikkonsultaw mal-ġenitur l-ieħor?

Il-ġenituri naturali li m’għandhomx kustodja għandhom ċerti drittijiet ta’ komunikazzjoni. Din għandha x’taqsam, per eżempju, ma’ drittijiet ta’ aċċess (ara tweġiba għal 7). Ġenitur li m’għandux kustodja huwa intitolat li jkun infurmat dwar suġġetti importanti mill-ġenitur l-ieħor ħalli jkunu jistgħu jaraw it-tfal tagħhom jikbru. Dawn is-suġġetti importanti jinkludu l-mard, li jieħdu sehem fis-suċċessi edukativi tat-tfal, il-formazzjoni professjonali tagħhom, kif ukoll vaganzi għal tagħlim tal-lingwi barra l-pajjiż u assenzi twal oħra mid-dar. Bidla tad-dar – fil-pajjiż jew barra l-pajjiż – hija possibbli mingħajr il-kunsens ta’ ġenitur li ma jkollux il-kustodja, bil-kondizzjoni li huwa jew hija jkunu mgħarrfa. Din in-notifika trid issir fil-ħin biex il-ġenitur li m’għandux kustodja jkun jista’ jikkummenta dwar il-pjan. Il-qrati għandhom jieħdu nota ta’ dawn il-kummenti jekk ix-xewqat li juru jirriflettu aħjar l-interessi tat-tfal. Jekk il-ġenitur bil-kustodja jonqos b’mod persistenti li jaqdi d-dmirijiet tiegħu li jittolera u jappoġġja aċċess jew li jipprovdi informazzjoni, il-qorti tista’, wara li ssir applikazzjoni (jew jekk il-benesseri tat-tfal tkun mhedda), tagħmel proviżjonijiet adattati. Bil-maqlub, il-qorti tista’ wkoll tirrestrinġi aċċess u d-dritt għal informazzjoni jew twarrabhom għal kollox jekk il-benesseri tat-tfal tista’ tkun mhedda bl-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet.

FuqFuq

9. Jekk il-qorti tiddeċiedi favur kustodja konġunta tat-tfal, dan xi tfisser fil-prattika?

Qabel xejn, irid jerġa’ jingħad li l-qrati ma jistgħux jagħtu ordni ta’ kustodja konġunta kontra x-xewqat tal-ġenituri (jew anki ta’ wieħed mill-ġenituri). Din ukoll teħtieġ il-qbil tal-ġenituri. Fin-nuqqas ta’ qbil, il-qrati jridu jagħtu l-kustodja tat-tfal lil wieħed mill-ġenituri waħdu, filwaqt li jqisu l-benesseri tat-tfal.

Fejn għandhom x’jaqsmu r-relazzjonijiet interni tagħha, il-kustodja tikkonsisti fil-kura u t-trobbija u l-amministrazzjoni tal-beni, u fejn għandhom x’jaqsmu r-relazzjonijiet esterni tagħha f’rappreżentazzjoni legali.

Fir-relazzjoni interna koppji li jingħataw il-kustodja jeżerċitawha flimkien. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar suġġetti importanti li jikkonċernaw it-tfal, kull ġenitur jista’ jirrikorri l-qorti, li trid tagħmel il-proviżjonijiet meħtieġa.

Fir-relazzjoni esterna kull ġenitur fil-prinċipju għandu l-awtorità li jaġixxi waħdu bħala r-rappreżentant tat-tfal (e.g. ħruġ ta’ passaporti, reġistrazzjoni għall-iskola), i.e. kull ġenitur jista’ bħala r-rappreżentant tat-tfal jottjeni dokumenti effettivi kontra x-xewqat ta’ l-ieħor. Però, jekk jiġu sottomessi dokumenti kunfliġġenti fl-istess ħin, it-tnejn ma jkunux effettivi. F’ċerti suġġetti, madankollu, rappreżentazzjoni teħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor. Din tinkludi tibdil fl-ewwel isem jew il-kunjom tat-tfal, trasferiment tal-kura lil terza parti, applikazzjonijiet u rinunzji ta’ ċittadinanza, eċċ.

Fil-każ ta’ materji finanzjarji partikularment importanti l-approvazzjoni tal-qorti wkoll tista’ tkun meħtieġa.

FuqFuq

10. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri jekk nixtieq niftaħ kawża li għandha x’taqsam mar-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet iridu jkunu sodisfatti u x’dokumenti jridu jkunu inklużi?

Applikazzjoni għal trasferiment ta’ kustodja trid tiġi sottomessa lill-qorti tad-distrett li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-minuri jgħix abitwalment; jekk il-minuri mhux abitwalment residenti fl-Awstrija, allura fejn huwa jew hija jkunu b’mod ieħor residenti. Jekk huwa jew hija ma jgħixux fl-Awstrija, tkun kompetenti l-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jgħix abitwalment ir-rappreżentant legali. Jekk huwa mhux abitwalment residenti fl-Awstrija tkun kompetenti l-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jgħix abitwalment wieħed mill-ġenituri, u fin-nuqqas il-qorti tad-distrett ta’ Vjenna Ċentrali.

L-applikazzjoni trid tiġi ppreżentata fi proċeduri mhux kontenzjużi; m’hemm l-ebda formalitajiet speċjali li jridu jiġu osservati. Għalkemm m’hemmx obbligazzjoni li jiġu inklużi xi dokumenti ma’ l-applikazzjoni, ta’ min jirrikkomanda li jiġu inklużi xi dokumenti li jsostnu l-applikazzjoni.

11. Liema forma ta’ smiegħ tintuża f’każijiet bħal dawn? Jista’ wieħed jagħżel smiegħ aktar mgħaġġel jekk id-dewmien jista’ jkun ta’ periklu?

Il-kustodja tiġi miftiehma fi proċeduri mhux kontenzjużi. Protezzjoni legali temporanja hija wkoll possibbli fil-każ ta’ proċeduri mhux kontenzjużi

12. Nista’ nakkwista għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċeduri?

Għajnuna legali hija wkoll possibbli f’forom ta’ smiegħ ta’ dan ix-xorta skond ir-regoli standard (ara “l-Għajnuna Legali – l-Awstrija”).

FuqFuq

13. Hemm possibbiltà li nappella minn deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Appell huwa permissibbli minn deċiżjoni tal-qorti ta’ l-ewwel istanza dwar l-allokazzjoni ta’ kustodja tal-ġenituri. L-appell jiġi indirizzat lill-Qorti Provinċjali li sservi bħala l-qorti tat-tieni istanza għall-qorti kompetenti tad-distrett. Appell lill-Qorti Suprema fuq punt ta’ liġi minn deċiżjoni mill-qorti ta’ l-appell huwa permissibbli biss jekk id-deċiżjoni tiddependi mir-riżoluzzjoni ta’ kwistjoni legali li għandha x’taqsam b’mod konsiderevoli mal-manteniment ta’ l-entità legali, maċ-ċertezza legali jew ma’ l-evoluzzjoni tal-liġi, per eżempju jekk il-Qorti ta’ l-Appell tkun adottat pożizzjoni li ma taqbilx mal-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema jew jekk ġurisprudenza bħal dik ma teżistix jew hija inkonsistenti.

14. F’ċerti każi, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? F’każijiet bħal dawn, quddiem liema qorti għandi nirrikorri u kif tiġi ttrattata l-kwistjoni?

Deċiżjonijiet tal-qorti dwar kustodja huma eżegwiti fi proċeduri mhux kontenzjużi skond §19 tal-Liġi dwar Proċeduri Mhux Kontenzjużi bl-użu ta’ mezzi adattati ta’ infurzar.

15. X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbilta’ tal-ġenituri li ngħatat fi Stat Membru ieħor tkun rikonoxxuta u infurzata fl-Awstrija? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każi?

Deċiżjonijiet fuq kustodja li huma mogħtija dwar l-ulied ta’ miżżewġin fl-okkażjoni ta’ proċeduri li għandhom x’jaqsmu ma’ divorzju, separazzjoni mingħajr ix-xoljiment taż-żwieġ jew l-annullament ta’ żwieġ, jiġu rikonoxxuti kif jixraq u nfurzati bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji tar-responsabbiltà tal-ġenituri tal-koppja miżżewġa, ĠU L 2000/160, 19 (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ: ir-Regolament Brussell II).

FuqFuq

L-infurzar jeħtieġ dikjarazzjoni li tgħid li d-deċiżjoni tal-qorti barranija dwar kustodja tista’ tiġi nfurzata fl-Awstrija. Applikazzjoni għal dikjarazzjoni li d-deċiżjoni dwar kustodja minn qorti barranija tista’ tiġi nfurzata fl-Awstrija trid tiġi ppreżentata fil-qorti tad-distrett li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-parti li topponi l-petizzjoni, jew it-tfal, huma abitwament residenti. Jekk ħadd minnhom ma jgħix abitwalment fl-Awstrija, il-qorti kompetenti tad-distrett tkun dik tal-post ta’ l-infurzar . Applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ infurzar trid tkun akkompanjata b’ittra uffiċjali ta’ konferma maħruġa mill-qorti tal-pajjiż ta’ l-oriġini kif ukoll b’kopja tad-deċiżjoni. F’każ ta’ deċiżjonijiet meħuda fi proċeduri li fihom il-konvenut jibqa’ kontumaċi (jiġifieri ma jikkontestax il-kawża minkejja li jiġi notifikat regolarment), huwa meħtieġ li jiġu ppreżentati dokumenti addizzjonali (ara l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Brussell II).

F’każ ta’ forom ta’ smiegħ ordinarji li ma jinvolvux ir-rikonoxximent jew l-oppożizzjoni għar-rikonoxximent ta’ sentenza barranija, japplikaw ukoll il-postijiet ta’ ġurisdizzjoni speċifikati f’§109(2) JN. Il-qorti kompetenti tkun il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jgħix abitwalment ir-rappreżentant legali jew, jekk huwa jew hija mhux abitwalment residenti fl-Awstrija u jkun involut minuri, il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jgħix abitwalment wieħed mill-ġenituri, jew inkella l-qorti distrettwali għal Vjenna Ċentrali.

16. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri fl-Awstrija biex nopponi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li ngħatat minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema forma ta’ smiegħ tintuża f’każi bħal dawn?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 15.

17. Liema liġi tiġi applikata fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jekk it-tfal jew il-partijiet ma jgħixux fl-Awstrija jew għandhom ċittadinanza differenti?

Fil-prinċipju huwa l-istatut personali tat-tfal (il-liġi tad-domiċilju) li jiddetermina l-kustodja. Trid tittieħed konsiderazzjoni ta’ renvoi sakemm tinstab il-liġi sostantiva applikabbli. Però, jekk il-minuri jgħix abitwalment fl-Awstrija, il-qorti trid, jekk ikun hemm bżonn, tieħu l-passi neċessarji dwar kustodja skond il-liġi ta’ l-Awstrija, anke jekk il-ġenituri ma jgħixux fl-Awstrija u ħadd minn dawk konċernati m’hu ċittadin ta’ l-Awstrija. Però, l-awtorità legali assoċjata mal-liġi tad-domiċilju tal-minuri għandha, madankollu, tkun rikonoxxuta wkoll f’dan il-każ.

« Risponsabilità tal-ġenituri - Informazzjoni Ġenerali | Awstrija - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 03-08-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit