Kummissjoni Ewropea > NGE > Organizzazzjoni tal-Ġustizzja > Olanda

L-aħħar aġġornament: 19-03-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Organizzazzjoni tal-Ġustizzja - Olanda

It-tilwim bejn iċ-ċittadini huwa rregolat mid-dritt privat. Jista’ jissolva mill-ġudikatura jew b’mezz alternattiv tar-riżoluzzjoni tat-tilwim. Din li ġejja hija deskrizzjoni ta' l-organizzazzjoni tal-ġudikatura, meta japplika d-dritt privat.

Dijagramma ta’ l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fir-rigward tad-dritt privat

Livell gudizzjarju 3

Hoge Raad

Livell gudizzjarju 2 (appell gholi)

Rizoluzzjoni tat-tilwim

Livell gudizzjarju 1 (l-ewwel istanza)

Qorti

Divizjoni distrettwali

Divizjoni civili

 Il-qrati

Hemm 19-il qorti fl-Olanda. Kull waħda tkopri parti mill-pajjiż. Kull żona ġudizzjarja hija magħrufa bħala ‘arrondissement’ (distrett). Kull qorti għandha sede ewlenija u numru ta’ friegħi. F’madwar sittin muniċipalità hemm il-bini tal-qorti, u dan huwa ta’ spiss fejn l-imħallef tad-distrett ikollu s-seduti.

FuqFuq

Il-qorti (isem uffiċjali: ‘arrondissementsrechtbank’ jew qorti distrettwali) tisma’ l-kawżi fil-qasam tal-liġi ċivili, kriminali u amministrattiva. Id-daqs tal-qrati ivarja ħafna. Iż-żgħar jimpjegaw madwar 150 ruħ, u l-kbar aktar minn 900. L-imħallef li jippresiedi qorti huwa responsabbli għat-tmexxija tagħha.

Id-diviżjonijiet

Kull qorti tikkonsisti minn erba’ diviżjonijiet: distrettwali, ċivili, kriminali u amministrattiva.

Kwistjonijiet li jinstemgħu mid-diviżjoni tad-distrett jinkludu:

  • it-talbiet għall-flus sa €5000;
  • il-kiri ta’ postijiet residenzjali u tan-negozju;
  • l-impjieg, inkluż talbiet għall-ħlas tal-paga u tħassir ta’ kuntratti ta’ l-impjieg;
  • il-kera.
  • l-amministrazzjoni ta’ l-affarijiet, u l-kustodja, ta’ l-adulti;
  • id-dispożizzjonijiet li jagħtu l-awtorità fuq tfal illeġittimi.

L-imħallfin f’din id-diviżjoni jissejħu mħallfin tad-distrett. Jippresiedu waħedhom u jiddeċiedu l-verdetti tagħhom waħedhom. Għalhekk imħallef tad-distrett irid jisma’ każ b’mod kompletament indipendenti. Għal din ir-raġuni, l-imħallfin tad-distrett ikollhom esperjenza kbira minn qabel bħala mħallfin tal-liġi ċivili, bħal x’imkien ieħor fil-ġudikatura, jew bħala avukati.

It-tilwim kollu l-ieħor fid-dritt privat jinstema’ mid-diviżjoni ċivili. Il-kwistjonijiet ewlenin li inti jkollok tittratta huma:

  • it-tilwim finanzjarju b’iżjed minn €5000 fil-mertu;
  • il-fallimenti;
  • it-tilwim fuq il-wirt;
  • l-esproprjazzjoni;
  • it-tilwim taħt il-liġi tal-familja bħal:
  • id-divorzju
  • il-manteniment;
  • il-kustodja tal-minuri u dispożizzjonijiet dwar l-aċċess;
  • l-emendi għall-kondizzjonijiet matrimonjali; u
  • l-adozzjoni.

Il-bqija ta’ dan is-sunt ma jikkonsidrax id-diviżjonijiet tal-liġi kriminali u amministrattiva.

Kmamar

Diviżjoni tinqasam aktar f’unitajiet iżgħar imsejħin ‘kamers’ (kmamar). Dawn għandhom aktarx kompożizzjoni fissa ta’ tliet imħallfin li jiddeċiedu flimkien fuq tilwim taħt il-presidenza ta’ imħallef deputat li jippresiedi. Il-kmamar fil-biċċa l-kbira ikollhom x’jaqsmu ma’ suġġett wieħed jew iżjed. Diviżjoni ċivili ta' qorti għandha, per eżempju, ikollha kamra li tisma’ biss tilwim taħt il-liġi tal-familja (il-kamra tal-familja).  Kamra oħra tittratta t-talbiet għall-flus, il-liġi tal-bini, il-liġi ta’ l-assigurazzjoni jew il-liġi ta’ l-esproprjazzjoni.

FuqFuq

Komponent ieħor tad-diviżjoni ċivili jisma’ t-talbiet ta’ natura urġenti: dan huwa l-imħallef għall-inġunzjonijiet proviżorji. L-imħallef jagħti d-deċiżjoni tiegħu fi żmien ġimgħatejn. Il-kwistjonijiet riferiti jistgħu jkunu kawżi kummerċjali jew tal-familja. Kultant tkun ippreżentata petizzjoni għall-għajnuna proviżorja fil-pendenza ta’ proċedimenti oħra.

L-Amministrazzjoni tal-ġustizzja minn imħallef wieħed jew iżjed

Il-proċedimenti li jitressqu quddiem qorti jinstemgħu minn imħallef wieħed jew minn ‘kamra’ bi tliet imħallfin. Il-partijiet fil-proċedimenti fid-diviżjoni distrettwali dejjem jiġu quddiem imħallef wieħed fis-smigħ u fil-ħin ta’ meta tingħata s-sentenza. Dan huwa magħruf bħala ‘enkelvoudig’, jiġifieri l-amministrazzjoni tal-ġustizzja minn imħallef wieħed. Fid-diviżjoni ċivili, imħallef wieħed jiddeċiedi kwistjonijiet relattivament sempliċi. Is-smigħ f’każ kumpless huwa ‘meervoudig’, fi kliem ieħor jinstema’ minn kamra magħmula minn tliet imħallfin.

Qrati Superjuri

Kull min jappella kontra sentenza ta’ qorti ordinarja għandu jirrikorri għal qorti għolja. L-Olanda għandha ħames qrati għoljin. Dawn huma: Amsterdam, l-Aja, Arnhem, Leeuwarden u Den Bosch. Il-ġurisdizzjoni tagħhom hija magħrufa bħala r-‘ressort’. Qorti għolja tisma’ appelli ċivili li jintbagħtulha minn qorti ordinarja.

Bħal fi qrati ordinarji, l-imħallfin tal-qorti għoljin jaħdmu f’diviżjonijiet differenti. Per eżempju, kull qorti għolja għandha diviżjoni ċivili, kriminali u tat-taxxa. Diviżjoni għolja tal-qorti tista’ terġa’ tinqasfsam fi ‘kmamar', li jikkonsistu minn tliet membri, li flimkien jirriżolvu t-tilwima.

Il-Hoge Raad

Il-qorti suprema Olandiża tissejjaħ il-‘Hoge Raad der Nederlanden’, jew il-Hoge Raad fil-qosor. Ix-xogħol tal-Hoge Raad huwa l-ġurisprudenza tal-kassazzjoni: it-tħassir ta’ sentenzi. Qatt mhu l-kompitu tal-Hoge Raad li jkunu stabbiliti l-fatti f’tilwima. Minflokk, fuq il-fatti stabbiliti mill-imħallef inferjuri, teżamina jekk l-imħallfin l-oħra applikawx il-liġi sewwa. Il-Hoge Raad mhix organizzata f’diviżjonijiet, imma fi kmamar. Għalhekk hemm kamra li tisma’ kwistjonijiet ċivili. Is-sentenzi tal-Hoge Raad jingħataw minn tliet imħallfin. F’każijiet speċjali, fid-diskrezzjoni tal-Hoge Raad, ikun hemm ħames imħallfin li jisimgħu każ.

Fl-appell

Fil-prinċipju, kull parti hija intitolata għal smiegħ xieraq, fi qrati ta' tliet istanzi. Fil-qorti ta’ l-ewwel istanza, il-każ jinstema’ fid-distrett jew fid-diviżjoni ċivili, jiddependi fuq in-natura tal-każ li jkollu quddiemu l-imħallef. Appell għoli jista’ jsir fil-qorti għolja. Wara dak, jista’ jsir appell għall-kassazzjoni lill-Hoge Raad.

FuqFuq

Barra minn hekk, kwistjoni mhux dejjem eliġibbli għal appell għoli, ngħidu aħna meta tilwima tkun dwar somma ta’ flus ta’ anqas minn €1750. Iżda, huwa dejjem possibbli li ssir riferenza lill-Hoge Raad għall-kassazzjoni jekk parti tikkunsidra li s-sentenza ma ssemmix ir-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata.

Tmur fil-kassazzjoni

Jekk, wara deċiżjoni minn qorti għolja, parti tkun tixtieq tirriferi lill-Hoge Raad, dan mhux deskritt bħala appell għoli, imma bħala ‘tmur fil-kassazzjoni’. Il-Hoge Raad hija l-korp ġudizzjarju suprem ta’ l-Olanda. Għalhekk, wara s-sentenza mill-Hoge Raad, m’hemmx il-possibilità li l-istess problema tintbagħat f’xi qorti oħra. Jekk il-Hoge Raad tħoss li l-imħallef inferjuri ikun ta deċiżjoni ħażina, tista’ ċertament tirriferi l-każ lura lil qorti inferjuri għar-rieżami tas-sustanza tal-kwistjoni. L-istess, l-appell lill-Hoge Raad huwa possibbli kontra deċiżjoni ġdida.

Sentenza fuq il-fatti

Il-qrati ordinarji u ta’ l-appell huma magħrufin bħala ‘feitenrechters’ – l-imħallfin tal-fatt. Dan ifisser li dawn l-awtoritajiet ġudizzjarji jinvestigaw il-fatti kollha tal-każijiet li jitressqu quddiemhom. Investigazzjoni bħal din tfisser, li l-imħallfin jistabbilixxu x’inhuma l-fatti tat-tilwima. Jekk, per eżempju, parti tallega li nxtrat karozza bil-brejkijiet u l-istering difettużi, l-imħallef jista’ jirranġa biex jinstemgħu x-xhieda li jistgħu jipprovdu aktar informazzjoni dwar il-kondizzjoni tal-karozza. Għalhekk dawn il-qrati jieħdu ħsieb il-ġbir tal-fatti. Jipprovaw jistabbilixxu, kemm jista’ jkun possibbli, x’ġara eżattament. Is-sentenza tingħata fuq il-bażi ta’ dawn il-fatti.

Applikazzjoni ħażina tal-liġi

Il-Hoge Raad ma tiġġudikax il-fatti. Ix-xogħol tagħha huwa li tikkonsidra jekk l-imħallfin inferjuri, l-imħallfin tal-fatt, għamlux xogħolhom sewwa. Fi kliem ieħor, il-Hoge Raad, tiżgura li l-imħallfin inferjuri applikaw il-liġi b'mod korrett.

Dan ix-xogħol ifisser li parti ma tistax tapplika lill-Hoge Raad għall-aktar investigazzjoni tal-fatti. Jekk parti ma taqbilx mas-sentenza ta’ l-ogħla mħallfin tal-fatti, huwa ċertament possibbli li t-tilwima tintbagħat lill-Hoge Raad, imma l-parti tista’ tikkontendi biss li l-qorti inferjuri interpretat ħażin d-dritt privat u għalhekk tat sentenza inġusta. Każ bħal dan jissejjaħ applikazzjoni ħażina tal-liġi.

Ir-rappreżentanza fil-qorti fil-livell ordinarju, għoli u tal-Hoge Raad

Il-partijiet, iċ-ċittadini involuti, jistgħu mexxu l-kawżi tagħhom stess jekk jiġu quddiem diviżjoni distrettwali tal-qorti. Iżda, citazzjoni dejjem trid tkun innotifikata lill-kontroparti minn marixxall (bailiff). F’kwistjonijiet tal-familja, ta’ spiss tkun biżżejjed petizzjoni bil-miktub lill-imħallef.

FuqFuq

F’każijiet oħra, partijiet f’każijiet tad-dritt privat ma jistgħux jirrapreżentaw lilhom infushom. Għandhom jaħtru konsulent legali (li, fil-prattika, ikun avukat (barrister)) biex iġib il-kawża quddiem l-imħallef.

Sentenzi, ordnijiet u digrieti

Is-sentenzi ta’ diviżjoni distrettwali jew qorti ordinarja jisimhom ‘vonnissen’ (sentenzi), waqt li sentenzi ta’ qorti għolja jew tal-Hoge Raad jisimhom ‘arresten’. F’każijiet tal-familja, is-sentenzi huma ta’ spiss magħrufin bħala ordnijiet jew digrieti (‘beschikkingen’).

Ġudikatura indipendenti

Jingħad komunement li mħallef jinħatar għall-għomru. Fl-prattika, dan ifisser li ma jistax jitneħħa sakemm jirtira ta’ 70, immaterjalment minn kemm jiddeċiedi sewwa. Ċertament jista’ jkun sospiż jew jitneħħa jekk l-imġiba tiegħu tkun f’kunflitt ma’ x’teħtieġ minnu l-liġi. Il-qorti suprema, il-Hoge Raad, tiddeċiedi fuq din is-sospenzjoni jew tkeċċija.

L-imħallfin huma mistennija li jaslu għall-verdetti tagħhom u jagħtu d-deċiżjonijiet tagħhom b’mod indipendenti. Prinċipju ieħor huwa li sentenza ta’ imħallef tista’ tkun emendata biss b’sentenza ta’ imħallef ieħor.

Il-Ministru tal-Ġustizzja jew xi membru ieħor ta’ l-eżekuttiv m’għandu l-ebda poter li jneħħi mħallef, u l-ebda poter fuq il-kontenut ta' sentenza jew emenda tagħha. Għalhekk hemm garanziji biex il-ġudikatura tista' tagħmel xogħolha b’mod indipendenti.

Il-Kunsill għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja

Il-Kunsill għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (‘Raad voor de Rechtspraak’) huwa organu tal-gvern ċentrali b’poteri fil-qasam ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Il-Kunsill jifforma parti mill-ġudikatura u mhux responsabbli lejn xi fergħa oħra tal-gvern. Ix-xogħol ġenerali tiegħu huwa biex jippromwovi t-twettiq xieraq mill-qrati tal-ħidma ġudizzjarja tagħhom. Il-Kunsill innifsu ma jaqdi l-ebda funzjonijiet ġudizzjarji.

Ir-riżorsi finanzjarji għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja huma ffissati kull sena bil-liġi. Il-Kunsill jiddistribwixxi l-fondi fost il-qrati. Il-Kunsill huwa responsabbli lejn il-Ministru tal-Ġustizzja għall-infiq ta’ dawn ir-riżorsi. Il-Kunsill jieħu ħsieb ukoll l-interessi komuni tal-qrati fir-relazzjonijiet esterni. Jipprovdi faċilitajiet użati minn xi wħud mill-qrati jew kollha (bħat-taħriġ u l-ICT). Jissorvelja t-tmexxija tal-qrati u l-kontroll finanzjarju, u jagħti lill-qrati struzzjonijiet ġenerali kif meħtieġ.

FuqFuq

Il-Ministeru tal-Ġustizzja

Il-Ministru tal-Ġustizzja huwa politikament responsabbli għall-funzjonament xieraq tas-sistema ġudizzjarja. Huwa responsabbli għal dan lejn il-parlament. Parti importanti minn ħidmietu huwa biex jiżgura li l-ġudikatura tirċievi biżżejjed riżorsi finanzjarji biex tagħmel xogħolha sewwa. Jista’ jabbozza wkoll leġislazzjoni meta dan jitqies meħtieġ biex tittejjeb l-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Links rilevanti

L-organizzazzjoni tal-ġustizzja għandha l-website tagħha stess, li tagħti aktar informazzjoni dwar il-qrati.

Websites oħra rilevanti huma:

  • il-Ministeru tal-Ġustizzja English - Nederlands
  • il-marixxalli Deutsch - English - français - Nederlands
  • l-avukatura English - Nederlands
  • il-kunsilli ta’ l-għajnuna legali Nederlands
  • l-uffiċċji ta’ l-għajnuna legali Nederlands
  • in-nutara Nederlands

« Organizzazzjoni tal-Ġustizzja - Informazzjoni Ġenerali | Olanda - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 19-03-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit