Kummissjoni Ewropea > NGE > Organizzazzjoni tal-Ġustizzja > Ċipru

L-aħħar aġġornament: 09-02-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Organizzazzjoni tal-Ġustizzja - Ċipru

IL-ĠURISDIZZJONI U L-POTERI FL-ORGANIZZAZZJONI TAL-ĠUSTIZZJA F’ĊIPRU



 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Il-poter ġudizzjarju huwa eżerċitat mill-Qorti Suprema u mill-qrati inferjuri stabbiliti bil-liġi. 1.
2. Il-Qorti Suprema twaqqfet fl-1964. Hija ħadet il-ġurisdizzjonijiet u l-poteri tal-Qorti Kostituzzjonali Suprema u tal-qorti li qabel kienet magħrufa bl-Ingliż bħala l-“High Court” (għalkemm bil-Grieg bl-istess isem tal-Qorti Suprema preżenti).* 2.
3. Il-Kostituzzjoni ta’ Ċipru tistabbilixxi separazzjoni stretta tal-poteri tal-gvern. 3.
4. L-ORGANIZZAZZJONI TAL-ĠUSTIZZJA F’ĊIPRU 4.
5. Il-Qorti Suprema hija l-ogħla awtorità ġudizzjarja. 5.
6. IL-ĠURISDIZZJONI TAL-QORTI SUPREMA 6.
7. L-EŻERĊIZZJU TAL-ĠURISDIZZJONI TAL-QORTI SUPREMA 7.
8. IL-QRATI DISTRETTWALI 8.
9. L-IMĦALLFIN TAL-QRATI DISTRETTWALI 9.
10. IL-QRATI INFERJURI B’ĠURISDIZZJONI F’OQSMA SPEĊJALI 10.
11. IL-POTERI TAL-QRATI 11.
12. IL-KOMPETENZA TAL-QORTI SUPREMA FIR-RIGWARD TAL-ĦATRA, IL-PROMOZZJONI, IT-TRASFERIMENT, IT-TERMINAZZJONI TAS-SERVIZZ U T-TKEĊĊIJA TA’ MEMBRI TAS-SERVIZZ ĠUDIZZJARJU 12.
13. IR-REĠISTRI TAL-QORTI SUPREMA, TAL-QRATI DISTRETTWALI, TAL-QRATI TAL-FAMILJA, TAL-QRATI TAL-KWISTJONIJIET INDUSTRIJALI, TAL-QRATI TAL-KONTROLL TAL-KERA U TAL-QORTI MILITARI 13.

 

1. Il-poter ġudizzjarju huwa eżerċitat mill-Qorti Suprema u mill-qrati inferjuri stabbiliti bil-liġi.

Il-Kostituzzjoni tipprevedi t-twaqqif ta’ qrati ċivili u kriminali “f’numru suffiċjenti għall-amministrazzjoni xierqa u f’waqtha tal-ġustizzja u biex tiġi żgurata fil-limiti tal-kompetenza rispettiva tagħhom applikazzjoni effiċjenti tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Kostituzzjoni li jiggarantixxu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali” (L-artikolu 158.2.).

2. Il-Qorti Suprema twaqqfet fl-1964. Hija ħadet il-ġurisdizzjonijiet u l-poteri tal-Qorti Kostituzzjonali Suprema u tal-qorti li qabel kienet magħrufa bl-Ingliż bħala l-“High Court” (għalkemm bil-Grieg bl-istess isem tal-Qorti Suprema preżenti).*

Il-Qorti Suprema teżerċita l-ġurisdizzjoni u l-poteri tagħha skond il-Kostituzzjoni u fi ħdan il-qafas stabbilit fiha għall-eżerċizzju tal-poteri tal-Qorti Kostituzzjonali Suprema u tal-High Court, rispettivament.

3. Il-Kostituzzjoni ta’ Ċipru tistabbilixxi separazzjoni stretta tal-poteri tal-gvern.

Is-separazzjoni istituzzjonali u funzjonali tal-poteri hija karatteristika ċentrali tal-Kostituzzjoni. Ħlief fejn il-Kostituzzjoni espliċitament tiddisponi b’mod ieħor, il-poter huwa eżerċitat mill-fergħa (leġiżlattiva, eżekuttiva, ġudizzjarja) li tappartjeni lilha bħala konsegwenza normali skond in-natura tal-funzjoni speċifika. Il-kriterju biex tiġi ddeterminata n-natura u l-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet ta’ l-istat huwa sostantiv. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil jew dubju, il-fergħa ġudizzjarja, bħala dik li hija naturalment addattata biex tinterpreta l-Kostituzzjoni u l-liġijiet, hija l-arbitru. Kull waħda mit-tliet fergħat hija indipendenti u awtonoma fil-qasam tagħha u taġixxi għaliha biex tiġi żgurata l-awtorità tagħha. Kull fergħa għandha kompetenza unika li tiddetermina r-regoli ta’ l-iffunzjonar tagħha stess. Fil-każ tal-fergħa ġudizzjarja, ir-regoli tal-proċedura u d-dispożizzjonijiet istituzzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju tal-poter ġudizzjarju b’mod ġenerali huma ddeterminati b’mod esklussiv mill-Qorti Suprema.

FuqFuq

4. L-ORGANIZZAZZJONI TAL-ĠUSTIZZJA F’ĊIPRU

  1. Il-ġustizzja f’Ċipru hija amministrata mill-Qorti Suprema u l-qrati inferjuri stabbiliti bil-liġi.
  2. Mhix permessa l-formazzjoni ta’ kumitati ġudizzjarji jew ta’ qrati ad hoc taħt kwalunkwe isem. L-ebda qorti ma tista’ tiġi stabbilita jew tiffunzjona barra l-ordni ġudizzjarju stabbilit mill-Kostituzzjoni. Il-qrati inferjuri kollha huma integrati fil-ġerarkija ġudizzjarja. L-imħallfin tal-Qorti Suprema u tal-qrati inferjuri huma kollha imħallfin permanenti tar-Repubblika ta’ Ċipru u kollha jgawdu l-istess garanziji ta’ permanenza u indipendenza.
  3. It-twaqqif, il-kompożizzjoni u l-iffunzjonar ta’ kull qorti għandhom ikunu f’armonija ma’ u jissalvagwardjaw il-garanziji tal-proċess dovut li huma stabbiliti bħala dritt individwali fil-Kostituzzjoni (l-Artikolu 30.2. tal-Kostituzzjoni).
  4. Il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet umani hija obbligazzjoni ta’ kull fergħa tal-gvern fil-limiti tal-kompetenza tagħha. (l-Artikolu 35 tal-Kostituzzjoni).
Il-ġustizzja għandha tiġi amministrata
  1. minn qrati li huma imparzjali u li għandhom ġurisdizzjoni skond il-liġi;
  2. fil-qafas ta’ proċedura ta’ smiegħ pubbliku mhux preġudikat u
  3. fi żmien perjodu raġjonevoli

il-proċess jispiċċa b’deċiżjoni rraġunata tal-qorti.

5. Il-Qorti Suprema hija l-ogħla awtorità ġudizzjarja.

Hija komposta minn president u 12-il membru ieħor. L-imħallfin tal-Qorti Suprema huma indaqs f’kull sens. Il-president għandu l-preminenza.

FuqFuq

6. IL-ĠURISDIZZJONI TAL-QORTI SUPREMA

Il-Qorti Suprema hija l-ogħla qorti ta’ l-appell fir-Repubblika. Il-Kostituzzjoni fiha nnifisha ma tipprovdix dritt ta’ l-appell. Id-dritt ta’ l-appell kontra d-deċiżjonijiet ta’ kull qorti huwa previst fil-liġi. Hemm żewġ livelli ta’ ġurisdizzjoni: dak oriġinali u dak ta’ l-appell. Barra l-funzjoni tagħha ta’ appell il-Qorti Suprema għandha ġurisdizzjoni fl-oqsma msemmija aktar 'l isfel.

  1. Il-ġurisdizzjoni bħala qorti kostituzzjonali: kontroll ex ante u ex post tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet (u tar-regolamenti), interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni fejn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ċari u soluzzjoni tal-kunflitti bejn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tar-Repubblika.
  2. L-istħarriġ ġudizzjarju: stħarriġ tal-legalità ta’ l-atti, deċiżjonijiet u nuqqasijiet ta’ kull organu, awtorità jew persuna li jeżerċita/teżerċita awtorità eżekuttiva jew amministrattiva. L-istħarriġ jiġi eżerċitat fuq applikazzjoni minn persuna li tilmenta li xi interess leġittimu ta’ l-applikant huwa affetwat ħażin u direttament; l-applikazzjoni trid issir fi żmien 75 ġurnata mid-data meta l-applikant sar jaf bil-kwistjoni.
  3. Il-ġurisdizzjoni li toħroġ mandati prerogattivi: il-ġurisdizzjoni tikkorrispondi mal-ġurisdizzjoni tal-High Court ta’ l-Ingilterra li toħroġ mandat ta’ habeas corpus, ta’ mandamus, ta’ inibizzjoni, quo warranto u certoriari, li jissejħu ‘prerogattivi’ għal raġunijiet storiċi. Il-mandat ta’ habeas corpus huwa intenzjonat biex tiġi kkontrollata l-legalità tad-detenzjoni ta’ individwu. L-għan prinċipali tal-mandati ta’ certoriari u ta’ inibizzjoni huwa biex jiġi żgurat li l-qrati inferjuri jiffunzjonaw fil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħhom u skond ir-regoli fundamentali ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Il-mandat ta’ mandamus għandu n-natura ta’ ordni; jippermetti l-ħruġ ta’ ordni biex jittwettaq dover impost mil-liġi lil qorti inferjuri jew awtorità pubblika (barra l-qasam ta’ atti amministrattivi). Il-mandat ta’ quo warranto jipprovdi l-awtorità biex tiġi kkontrollata l-bażi li fuqha hija assunta l-awtorità pubblika sabiex tiġi prekluża u mxekkla l-użurpazzjoni ta’ l-awtorità.
  4. Il-ġurisdizzjoni bħala qorti elettorali.
  5. Il-ġurisdizzjoni bħala qorti ta’ prim istanza f’kull kwistjoni stabbilita bil-liġi.

7. L-EŻERĊIZZJU TAL-ĠURISDIZZJONI TAL-QORTI SUPREMA

  1. B’mod ġenerali, il-ġurisdizzjoni oriġinali hija eżerċitata minn imħallef waħdu.
  2. Deċiżjoni tal-Qorti Suprema maħruġa fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni oriġinali tista’ tiġi appellata quddiem bord tal-Qorti kompost minn ħames membri.
  3. L-istħarriġ ġudizzjarju jista’, jekk il-Qorti Suprema tqis li hu xieraq, jiġi mwettaq direttament mill-qorti sħiħa, komposta minn mill-inqas seba’ imħallfin, f’liema ċirkostanza ma jkunx hemm appell.
  4. Għall-appelli kontra deċiżjonijiet ta’ qrati inferjuri l-ġuridizzjoni ta’ l-appell tal-Qorti Suprema hija eżerċitata minn panil ta’ tliet membri. Madankollu, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li tkabbar il-bord ta’ l-appell meta jiġu sollevati kwistjonijiet legali ta’ importanza speċjali. Il-ġurisdizzjonijiet tal-Qorti Suprema bħala qorti kostituzzjonali u bħala qorti elettorali huma eżerċitati mill-qorti sħiħa.

8. IL-QRATI DISTRETTWALI

Il-ġurisdizzjoni ċivili u kriminali oriġinali hija eżerċitata minn qrati distrettwali u minn qrati tas-sisa li huma ffurmati minn membri tal-qrati distrettwali. Il-kwistjonijiet ċivili huma esklużi mill-ġurisdizzjoni tal-qorti distrettwali jekk il-liġi tassenja t-teħid tad-deċiżjonijiet lill-:

FuqFuq

  1. Qorti Suprema;
  2. Qrati inferjuri b’ġurisdizzjoni f’oqsma speċifiċi (ġurisdizzjoni ristretta).

Hemm qorti distrettwali f’kull distrett amministrattiv ta’ Ċipru.*

Il-ġurisdizzjoni – ċivili u kriminali – tal-qorti distrettwali hija lokali. Il-qorti tisma’ kawżi li fihom il-kwistjoni tqum fid-distrett tagħha, jew il-konvenut joqgħod hemm.**

9. L-IMĦALLFIN TAL-QRATI DISTRETTWALI

Il-qrati distrettwali huma komposti minn presidenti tal-qorti, minn imħallfin distrettwali superjuri u minn imħallfin distrettwali. Il-ġurisdizzjoni materjali ta’ mħallef f’każijiet ċivili tiddependi fuq l-iskala tal-kwistjoni skond il-valur monetarju tagħha u l-garanzija ta’ l-imħallef. Imħallef distrettwali għandu ġurisdizzjoni f’każijiet li fihom il-kwistjoni ma taqbiżx CYP 50 000 f’valur. Imħallef distrettwali superjuri għandu ġurisdizzjoni sa CYP 250 000. Il-president tal-qorti distrettwali għandu ġurisdizzjoni ċivili ta’ l-ewwel istanza bla limitu.

L-imħallfin tal-qorti distrettwali kollha għandhom l-istess ġurisdizzjoni kriminali. Huma jistgħu jiddeċiedu kull delitt punibbli b’detenzjoni sa ħames snin u, bil-kunsens ta’ l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedu delitti li jaqbżu dak il-limitu jekk ikunu sodisfatti li dan ikun ġustifikat mill-fatti komplessivi tal-każ, meta jiġu kkunsidrati wkoll il-penalitajiet li jistgħu jiġu mposti mill-qorti distrettwali.

Il-ġurisdizzjoni tal-qorti distrettwali hija lokali. Hija tisma’ akkużi relatati ma’ delitti mwettqa ġewwa l-fruntieri tad-distrett li fih tiffunzjona.

FuqFuq

Il-ġurisdizzjoni ta’ qorti tas-sisa ma hija suġġetta għall-ebda restrizzjonijiet lokali jew materjali. Il-qorti tista’ tiddeċiedi kull delitt, ikun x’ikun il-post li fih tkun twettaq jew il-gravità tiegħu.

Il-qorti tas-sisa għandha tliet membri. Hija komposta minn president tal-qorti distrettwali, minn imħallef distrettwali superjuri u minn imħallef distrettwali.

Fil-preżent hemm erba’ qrati tas-sisa permanenti.

10. IL-QRATI INFERJURI B’ĠURISDIZZJONI F’OQSMA SPEĊJALI

  1. Il-qrati tal-familja.
    Qorti tal-familja għandha ġurisdizzjoni għas-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn il-membri tal-Knisja Ortodossa Griega f’konnessjoni mad-divorzju, s-separazzjoni, l-koabitazzjoni tal-miżżewġin, jew ir-relazzjonijiet tal-familja. It-terminu “relazzjonijiet tal-familja” jinkludi relazzjonijiet ta’ proprjetà.
    Fi proċeduri għad-divorzju qorti tal-familja tkun komposta minn tliet membri, jiġifieri president u żewġ imħallfin tal-qorti.
    Kull kwistjoni oħra tinstema’ minn membru tal-qorti waħdu.
    Fil-preżent hemm żewġ qrati tal-familja f’Ċipru.
  2. Il-qrati tal-kontroll tal-kera
    Qorti tal-kontroll tal-kera għandha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet relatati ma’ artijiet u abitazzjonijiet li l-kera tagħhom hija kkontrollata. Il-qorti hija komposta minn president, li jkun avukat, u minn żewġ membri li ma jkunux avukati li jkunu maħtura mill-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura, wieħed minn kull naħa, minn fost rappreżentanti tas-sidien u tal-kerrejja.
    Id-deċiżjoni hija magħmula mill-president tal-qorti wara li jkun ikkunsidra l-opinjonijiet ta’ l-assistenti, li r-rwol tagħhom huwa konsultattiv.
    Fil-preżent hemm tliet qrati tal-kontroll tal-kera f’Ċipru.
  3. Il-qrati tal-kwistjonijiet industrijali
    Qorti tal-kwistjonijiet industrijali għandha ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ terminazzjoni ta’ l-impjiegi u biex jiġi ffissat l-kumpens li għandu jitħallas lill-impjegat.
    Il-qorti hija komposta minn president, li jkun avukat, u minn żewġ membri li ma jkunux avukati, wieħed min-naħa ta’ min iħaddem u wieħed min-naħa tal-ħaddiema. Il-membri tal-qorti huma maħtura mill-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura minn lista sottomessa mill-ministru kompetenti. L-opinjoni tal-president dwar kull punt legali li jiġi sollevat f’kull stadju tal-proċeduri jorbot lill-membri.
    Fil-preżent hemm tliet qrati tal-kwistjonijiet industrijali f’Ċipru.
  4. Il-Qorti Militari
    Il-Qorti Militari għandha ġurisdizzjoni għal delitti mwettqa minn membri tal-Gwardja Nazzjonali. Hija komposta minn president, li jkun avukat, u minn żewġ membri tal-militar maħtura mill-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura minn lista sottomessa mill-ministru kompetenti.
    Il-president u l-membri tal-qrati tal-familja u l-presidenti tal-qrati tal-kontroll tal-kera, tal-qrati tal-kwistjonijiet industrijali u tal-Qorti Militari huma mħallfin permanenti.

11. IL-POTERI TAL-QRATI

IL-POTERI TAL-QRATI FL-EŻERĊIZZJU TAL-ĠURISDIZZJONI TAGĦHOM

IL-QORTI SUPREMA

Il-poteri tal-Qorti Suprema fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha huma stabbiliti fil-Kostituzzjoni u, barra minn hekk, mil-Liġi tal-Qrati. Il-poteri għandhom jikkonformaw dejjem mal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri u jkunu skond l-indipendenza u l-awtonomija tal-funzjoni ġudizzjarja.

FuqFuq

IL-QRATI INFERJURI

Il-poteri tal-qrati inferjuri fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħhom huma stabbiliti mil-liġi li tipprovdi għat-twaqqif u l-iffunzjonar tagħhom. F’dan il-każ ukoll id-dispożizzjonijiet legiżlattivi għandhom ikunu skond l-istipulazzjonijiet tal-Kostituzzjoni. It-termini ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja huma l-istess għall-qrati kollha.

IL-POTERI INERENTI TAL-QRATI

Il-Qorti Suprema u l-qrati inferjuri kollha għandhom poter inerenti li joħorġu kull ordni li tkun neċessarja biex tiġi żgurata l-funzjoni u l-bażi tagħhom bħala organi tal-ġustizzja.

12. IL-KOMPETENZA TAL-QORTI SUPREMA FIR-RIGWARD TAL-ĦATRA, IL-PROMOZZJONI, IT-TRASFERIMENT, IT-TERMINAZZJONI TAS-SERVIZZ U T-TKEĊĊIJA TA’ MEMBRI TAS-SERVIZZ ĠUDIZZJARJU

  1.  Il-Qorti Suprema hija l-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura tal-pajjiż.
  2. Taħt il-Kostituzzjoni l-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura għandu awtorità esklussiva fuq il-ħatra, il-promozzjoni, it-trasferiment u l-kontroll dixxiplinarju ta’ membri tal-qrati inferjuri.
  3. Imħallef jiġi rtirat mis-Servizz Ġudizzjarju jekk ma jkunx kapaċi jwettaq id-doveri tiegħu minħabba inkapaċità jew infermità mentali jew fiżika.
  4. Imħallef jista’ jiġi mkeċċi fuq bażi ta’ mġieba ħażina.

Il-Qorti Suprema għandha l-poter li tittermina l-ħatra ta’ kull imħallef, mingħajr ma tati każ tas-sigurtà, fuq bażi ta’ inkapaċità mentali jew fiżika, jew li tkeċċi mħallef fuq bażi mġieba ħażina, permezz ta’ proċediment ta’ natura ġudizzjarja li fih l-imħallef ikun intitolat li jiġi mismugħ u li jippreżenta l-każ tiegħu quddiem il-Qorti.

FuqFuq

----------

(It-test t’hawn fuq huwa mir-rapport ippreżentat mill-president tal-Qorti Suprema ta’ Ċipru, Mr G. M. Pikis, lill-Konferenza Ewropea dwar it-Tħassib Kontemporanju Ewropew fl-Amministrazzjoni Interna tal-Ġustizzja fl-2000 (Ateni, 4-6 Ġunju 1999)).

----------

13. IR-REĠISTRI TAL-QORTI SUPREMA, TAL-QRATI DISTRETTWALI, TAL-QRATI TAL-FAMILJA, TAL-QRATI TAL-KWISTJONIJIET INDUSTRIJALI, TAL-QRATI TAL-KONTROLL TAL-KERA U TAL-QORTI MILITARI

Ir-reġistri tal-Qorti Suprema u tal-qrati inferjuri jħaddmu l-uffiċċjali jew l-impjegati msemmija aktar ‘l isfel, li jwettqu d-doveri tal-pożizzjonijiet tagħhom skond kwalunkwe istruzzjoni maħruġa mill-Qorti Suprema u skond id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe liġi jew regola proċedurali relevanti.

  1. Il-Prim Reġistratur imexxi d-dipartimenti amministrattivi tas-Servizz Ġudizzjarju.
  2. L-Assistent Prim Reġistratur jassisti fl-organizzazzjoni, is-superviżjoni, id-direzzjoni u l-kontroll ta’ l-iffunzjonar tad-dipartimenti amministrattivi tas-Servizz Ġudizzjarju.
  3. Ir-Reġistraturi superjuri: dawn imexxu l-istaff amministrattiv tal-qrati distrettwali.
  4. Ir-Reġistraturi ta’ grad I. Ir-reġistraturi ta’ grad I jmexxu d-dipartimenti amministrattivi tal-qrati (il-petizzjonijiet, l-appelli ċivili u kriminali, l-applikazzjonijiet għal u r-rapporti ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju, il-pubblikazzjonijiet tal-liġi, l-ammiraljat, il-kawżi ċivili tal-qrati distrettwali, il-kawżi kriminali tal-qrati distrettwali, l-amministrazzjoni tal-proprjetà, l-infurzar tad-deċiżjonijiet u tal-mandati).
  5. L-uffiċċjali ġudizzjarji: dawn iwettqu xogħol legali fil-Qorti Suprema.
  6. It-tajpisti stenografi superjuri tal-qorti. It-tajpisti stenografi tal-qorti jieħdu l-minuti tal-proċeduri tal-qorti u jiktbu t-traskrizzjoni sħiħa.
  7. Il-marixxalli superjuri tal-Qorti: dawn iwettqu xogħol relatat ma’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.
  8. L-uffiċċjali tal-kontabilità.
  9. Personnel segretarjali: segretarji, staff ta’ l-uffiċċji/tajpisti, assistenti ta’ l-uffiċċji u messaġġiera.

* Liġi 33/64; Avukat Ġenerali tar-Repubblika v Mustafa Ibrahim u Oħrajn (1964) C.L.R. 195.

* Żieda għat-test oriġinali: Ara wkoll id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Nru 1383 skond Sezzjoni 3(4) tal-Liġi tal-Qrati ta’ l-1960 (14/60) - Il-Gazzetta Uffiċċjali tar-Repubblika ta’ Ċipru, Nru 1130, 13.9.1974.

** Żieda għat-test oriġinali: Ara wkoll Liġi 43/74.

« Organizzazzjoni tal-Ġustizzja - Informazzjoni Ġenerali | Ċipru - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 09-02-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit