Kummissjoni Ewropea > NGE > Organizzazzjoni tal-Ġustizzja > Belġju

L-aħħar aġġornament: 02-08-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Organizzazzjoni tal-Ġustizzja - Belġju

Dan id-dokument ta’ informazzjoni huwa maqsum fi tliet partijiet ewlenin. Wara introduzzjoni ġenerali dwar l-organizzazzjoni tal-Qrati fil-Belġju fl-ewwel parti, it-tieni parti tiddiskuti l-iżvilupp marbut mal-korpi tal-ġustizzja ċivili. L-aħħar parti tirrapreżenta, f’forma ta’ ċart, il-livelli differenti tal-ġuriżdizzjonijiet, mill-ewwel grad ta’ ġuriżdizzjoni sa appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni.

1. Introduzzjoni

a) Il-prinċipji

Qabel ma tinbeda l-preżentazzjoni ta’ l-organizzazzjoni tal-Qrati fil-Belġju, jaqbel li jiġu mfakkra xi prinċipji kostituzzjonali u ġenerali dwar l-organizzazzjoni tas-setgħa legali.

Il-Kostituzzjoni [1] stabbiliet, bl-istess mod bħaż-żewġ setgħat l-oħra, is-setgħa leġislattiva u s-setgħa eżekuttiva, setgħa legali maħsuba għall-Qrati u għat-Tribunali. Għaldaqstant, il-Qrati u t-Tribunali jikkostitwixxu setgħa indipendenti b’mod parallel għaż-żewġ setgħat kostituzzjonali l-oħrajn.

Is-setgħa legali hija maħsuba għall-korpi tal-ġustizzja fil-qafas ta’ dispożizzjonijiet kostituzzjonali u legali. 

Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 144 u 145 tal-Kostituzzjoni, l-argumenti dwar id-drittijiet ċivili huma r-responsabbiltà esklużiva tal-qrati u dawk dwar id-drittijiet politiċi huma r-responsabbiltà tal-qrati, ħlief għall-eċċezzjonijiet stabbiliti mil-liġi.

L-ebda qorti jew l-ebda korp tal-ġustizzja involut f’argument ma tista’ tiġi stabbilita ħlief skond liġi. Ma jistgħu jinħolqu la kummissjonijiet u lanqas Qrati straordinarji, taħt kwalunkwe denominazzjoni, skond l-Artikolu 146 tal-Kostituzzjoni.

L-udjenzi tal-Qrati huma pubbliċi, sakemm dan ma jkunx ta’ periklu għall-ordni jew għall-morali; u f’dan il-każ, il-Qorti tiddikjara dan b’deċiżjoni (l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 148 tal-Kostituzzjoni). Il-prinċipju ta’ l-udjenzi pubbliċi jippermettti, fost l-oħrajn, li tiġi ggarantita ġustizzja trasparenti. 

Kull deċiżjoni hija bbażata fuq raġuni,u din tinqara f’udjenza pubblika (l-Artikolu 149 tal-Kostituzzjoni). L-obbligu li tingħata raġuni huwa impost mill-Kostituzzjoni, kif ukoll mill-Artikolu 780 tal-Kodiċi tal-Proċedura u jfisser li l-Qorti għandha tirrispondi għall-mezzi tal-fatt u tal-liġi mqajma fil-konklużjonijiet tal-partijiet. Ir-raġuni għandha tkun kompluta, ċara, preċiża u adegwata. L-obbligu tar-raġuni għad-deċiżjonijiet, l-istess bħall-indipendenza ta’ l-imħallef, tiggarantixxi lir-rikorrent kontra d-deċiżjoni eventwali tal-Qorti u tippermettilu, fir-rigward tar-raġuni, li jevalwa jekk jappellax quddiem Imħallef ta’ l-Appell jew quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni.

FuqFuq

Kemm l-indipendenza ta’ l-imħallfin fit-twettiq tal-kompetenzi ġuridiċi tagħhom kif ukoll tas-servizz tal-prosekuzzjoni fit-twettiq ta’ investigazzjonijiet u proċeduri individwali, bla ħsara għad-dritt tal-prosekutur kompetenti li jordna proċeduri u li jwaqqaf direttivi li jillimitaw politika kriminali, inklużi fil-qasam tal-politika ta’ investigazzjoni u proċedura, huma miġbura fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 151 tal-Kostituzzjoni.

Skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-istess disposizzjoni, l-Imħallfin tat-Talbiet żgħar, l-Imħallfin tal-qrati, il-Konsulenti tal-qrati u l-Qorti tal-Kassazzjoni huma nominati mir-Re skond il-kondizzjonijiet u bil-mod ipprovdut mil-liġi.

L-Imħallfin huma nnominati għal għomorhom. Jirtiraw meta jaslu f’età li hija ddeterminata mil-liġi u jibbenefikaw mill-pensjoni provduta mil-liġi. L-ebda Mħallef ma jista’ jiċċaħħad jew jitkeċċa mill-pożizzjoni tiegħu, ħlief b’sentenza. It-trasferiment ta’ Mħallef tista’ ssir biss b’nomina ġdida u bil-kunsens tiegħu (l-Artikolu 152 tal-Kostituzzjoni). Ir-Re jaħtar ukoll, u jirrevoka, lill-uffiċjali tas-servizz tal-prosekuzzjoni tal-Qrati u tat-Tribunali (l-Artikolu 153 tal-Kostituzzjoni).

Il-pagi tal-membri ta’ l-Ordni Ġudizzjarju huma ffissati bil-liġi (l-Artikolu 154 tal-Kostituzzjoni).

Għaldaqstant, l-ebda Mħallef ma jista’ jaċċetta inkarigi bi ħlas mill-Gvern, sakemm ma jokkupax dawn il-karigi mingħajr ma jitħallas u ħlief fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ kompatibilità stabbiliti mil-liġi (l-Artikolu 155 tal-Kostituzzjoni). 

b) Kelmtejn dwar il-Qorti ta’ l-Arbitraġġ [2]

L-introduzzjoni ta’ strutturi federali fil-Belġju wassal għall-ħolqien tal-Qorti ta’ l-Arbitraġġ fl-1983.  

Għall-Belġju kollu teżisti Qorti ta’ l-Arbitraġġ waħda, li l-għamla, il-kompetenza u l-funzjonament tagħha huma ddeterminati mil-liġi (l-ewwel inċiż ta’ l-Art. 142 tal-Kostituzzjoni.

Il-Qorti ta’ l-Arbitraġġ hija kompetenti fejn għandhom x’jaqsmu (it-tieni inċiż ta’ l-Art. 142 tal-Kostituzzjoni):

  • in-nuqqas ta’ ftehim imsemmi fl-Artikolu 141 tal-Kostituzzjoni, jiġifieri kwistjonijiet ta’ kompetenza bejn il-liġi, id-digriet u l-ordinanza, kif ukoll bejn digrieti bejniethom u bejn l-ordinanzi bejniethom minħabba ksur ta’ regoli li huma stabbiliti mill-Kostituzzjoni jew sabiex jiġu determinati l-kompetenzi rispettivi ta’ l-Istat, tal-Komunitajiet u tar-Reġjuni;
  • il-ksur ta’ liġi, digriet jew ordinanza, ta’ l-Artikoli 10, 11 u 24 tal-Kostituzzjoni, jiġifieri d-dispożizzjonijiet Kostituzzjonali li fihom hemm miġbura l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza, il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-libertà fl-edukazzjoni.

Tista’ titressaq kawża quddiemha mill-Kunsill tal-Ministri, mill-Gvernijiet tal-Komunitajiet u tar-Reġjuni, mill-Presidenti tal-Kmamar leġiżlattivi federali, mill-Parlamenti Komunitarji u Reġjonali (fuq talba ta’ żewġ terzi tal-membri tagħhom) li wieħed jippreżumi li għandhom xi interess u minn kull persuna (fiżika jew legali) li għandha interess, jew, minħabba att interlokutorju, mill-korpi tal-ġustizzja kollha (it-tielet inċiż ta’ l-Art. 142 tal-Kostituzzjoni u l-Art. 2 tal-liġi speċjali tas-6 ta’ Jannar 1989 dwar il-Qorti ta’ l-Arbitraġġ).

FuqFuq

Għaldaqstant, kwalunkwe persuna (privata jew pubblika) minħabba xi interess tista’ tressaq rikors għal annullament, quddiem il-Qorti ta’ l-Arbitraġġ, għal kull norma meqjusa bħala diskriminatorja jew li tmur kontra l-libertà fl-edukazzjoni. Il-prinċipji ta’ l-ugwaljanza u tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni japplikaw mhux biss għad-drittijiet u għal-libertajiet rikonoxxuti mil-legiżlazzjoni interna iżda wkoll għad-drittijiet u għal-libertajiet miġbura fit-trattati internazzjonali applikabbli b’mod dirett fl-ordni ġuridiku Belġjan, b’mod partikolari fil-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ta’ l-1950.

2. L-iżvilupp relatat mal-korpi tal-ġustizzja

a) Il-prinċipji relatati ma’ l-organizzazzjoni tal-Qrati u tat-Tribunali.

Il-Qrati u t-Tribunali tas-sistema legali huma organizzati skond struttura ġerarkika.

Fil-quċċata ta’ din l-istruttura tinsab il-Qorti tal-Kassazzjoni. Il-Qorti tal-Kassazzjoni, korp tal-ġustizzja suprem, qiegħda fuq il-korpi tal-ġustizzja tar-Renju. Ma tkunx taf id-dettalji tal-każijiet iżda teżamina l-verdetti ddiferiti lilha biex ma jkunux qed jiksru l-liġi jew xi regoli ta’ proċedura (l-Art. 608 tal-Kodiċi tal-Proċedura). Il-kompetenza tagħha testendi fuq it-territorju kollu.

Fuq livell aktar baxx mill-Qorti tal-Kassazzjoni (fuq grad ta’ appell), jinsabu l-qrati ta’ l-appell imsemmija mill-Kostituzzjoni. Il-Qrati ta’ l-Appell huma ħamsa u l-kompetenza territorjali tagħhom hija ddeterminata mill-Kostituzzjoni. Dawn il-ħames Qrati ta’ l-Appell huma dawn li ġejjin: il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Brussel, għall-provinċji ta’ Brabant wallon, ta’ Brabant Flamand u tar-reġjun bilingwi Bruxelles-Capitale ; dik ta’ Gand, għall-provinċji ta’ Flandre occidentale u ta’ Flandre orientale ; dik ta’ Anversa, għall-provinċji ta’ Anversa u ta’ Limbourg ; dik ta’ Liège għall-provinċji ta’ Liège, ta’ Namur u tal-Lussemburgu u, fl-aħħarnett, dik ta’ Mons għall-provinċja ta’ Hainaut.

Fi grad ta’ appell u fuq l-istess livell bħall-Qrati ta’ Appell, jeżistu t-Tribunali Industrijali li jinstabu fil-ġuriżdizzjonijiet tal-Qrati ta’ Appell imsemmija aktar ’il fuq.

Fuq livell aktar baxx ta’ din l-istruttura, jinsabu l-Qorti tal-Prim Istanza, it-Tribunal tal-Kummerċ, it-Tribunal Industrijali u l-Qorti tal-Maġistrati. Il-kompetenza territorjali ta’ dawn il-korpi tal-ġustizzja tibbaża ruħha fuq il-ġuriżdizzjoni tad-distretti. Jeżistu seba’ u għoxrin distrett fil-Belġju. Fil-parti l-kbira tad-distretti legali, teżisti Qorti tal-Maġistrati għal kull distrett u f’xi wħud minnhom, b’mod partikolari fi Brussell, hemm aktar minn Qorti tal-Maġistrati waħda [3].

FuqFuq

Fl-aħħar tarġa tal-piramida, jinsab l-Imħallef tat-Talbiet żgħar. Fil-Belġju hemm seba’ u tmenin Imħallef tat-Talbiet żgħar. Il-kompetenza ta’ dawn il-korpi tal-ġustizzja tiddependi mid-distrett awtonomu (canton) li jkunu fih. Hemm Imħallef tat-Talbiet żgħar għal kull distrett awtonomu legali.

Minbarra r-regoli kostituzzjonali tal-Kapitolu VI dwar is-“setgħa proċedurali”, l-organizzazzjoni tal-Qrati hija rregolata mit-tieni parti tal-Kodiċi tal-Proċedura, u b’mod aktar partikolari, mill-Artikoli 58 sa 555quater ta’ l-istess Kodiċi.

L-ewwel ktieb ta’ din it-tieni parti jiġbor fih il-“Korpi tas-setgħa proċedurali”. It-tieni ktieb huwa dwar il-“Funzjonijiet proċedurali”, is-suġġett relatat ma’ l-“Avukatura” huwa trattat fit-tielet ktieb u, fl-aħħarnett, id-dispożizzjonijiet relatati mal-“Marixxalli tal-Qorti” jinsabu fir-raba’ u l-aħħar ktieb ta’ din it-tieni parti.

Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet relatati ma’ l-organizzazzjoni ta’ l-Imħallef tat-Talbiet żgħar, tal-Qorti tal-Maġistrati, tat-Tribunal Distrettwali [4], tat-Tribunal tal-Prim Istanza, tat-Tribunal Industrijali, tat-Tribunal tal-Kummerċ, tal-Qorti ta’ l-Appell, tal-Qorti Industrijali, tal-Qorti tas-Sisa u tal-Qorti tal-Kassazzjoni huma provduti minn Artikoli speċifiċi tal-Kodiċi tal-Proċedura (l-Art. 58 tal-Kodiċi tal-Proċedura). 

Għalhekk, ta’ min jinnota li jitressqu quddiem il-Kmamar korrezzjonali tal-Qorti ta’ l-Appell, tal-Qorti tas-Sisa [5], il-Kmamar korrezzjonali tat-Tribunal tal-Prim Istanza (tribunal korrezzjonali) u tal-Qorti tal-Maġistrati (li quddiemha jitressqu każi penali) u tal-Qorti tal-Maġistrati (li quddiemha jitressqu każi penali) ukoll, flimkien ma’ korpi tal-ġustizzja ċivili, kwistjonijiet ċivili (essenzjalment dwar danni u interessi) imressqa minn partijiet ċivili, jiġifieri vittmi ta’ ksur tal-liġi penali fis-sens wiesa’ tat-terminu.

Hawn taħt wieħed jista’ jara l-istruttura f’forma ta’ piramida tal-korpi tal-ġustizzja (ċivili) :

Il-Qorti tal-Kassazzjoni

Qorti ta' l-AppellIl-Qorti Industrijali
  • It-Tribunal tal-Prim Istanza
  • It-Tribunal Kummerċjali
  • It-Tribunal Industrijali
L-Imħallef tat-Talbiet ŻgħarIl-Qorti tal-Maġistrati

b) Ir-rwol tas-servizz tal-prosekuzzjoni fil-qasam ċivili

Quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Qorti ta' l-Appell u l-Qorti Industrijali, il-funzjonijiet tas-servizz tal-prosekuzzjoni jinqdew mill-Prosekutur Ġenerali. Quddiem it-Tribunal tal-Prim Istanza, it-Tribunal tal-Kummerċ, il-Qorti tal-Maġistrati u l-Imħallef tat-Talbiet żgħar, dawn l-istess funzjonijiet jinqdew mill-Prosekutur tar-Re u quddiem it-Tribunal Industrijali mill-Awditur Industrijali. 

Fil-qasam ċivili, is-servizz tal-prosekuzzjoni jintervjeni permezz ta' azzjoni, rekwiżizzjoni jew avviż. Jinħatar għall-każi speċifikati mil-liġi u barra minn hekk kull darba li l-ordni pubbliku jeħtieġ l-intervent tiegħu (it-tielet inċiż ta' l-Art. 138, tal-Kodiċi tal-Proċedura.

Għaldaqstant, is-servizz tal-prosekuzzjoni jaqdi dmirijietu fil-każi mressqa quddiem il-Qorti ta' l-Appell, il-Qorti Industrijali, it-Tribunal tal-Prim Istanza, it-Tribunal Industrijali, it-Tribunal tal-Kummerċ, il-Qorti tal-Maġistrati u l-Imħallef tat-Talbiet żgħar.

Wieħed mill-kompiti l-aktar importanti tas-servizz tal-prosekuzzjoni fi kwistjoni ċivili huwa l-avviż. Is-servizz tal-prosekuzzjoni jirċievi b'mod obbligatorju komunikazzjoni bħala avviż tal-każi marbuta ma' kwistjonijiet partikolari, enumerati fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 764 tal-Kodiċi tal-Proċedura. Jista' jirċievi wkoll komunikazzjoni bħala avviż għall-kawżi l-oħra kollha jekk huwa jkun l-Imħallef xieraq u jista’ jinħatar ukoll mill-uffiċċju, mit-Tribunal jew mill-Qorti (it-tieni inċiż ta' l-Art. 764 tal-Kodiċi tal-Proċedura).

Numru ta’ dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura imma wkoll dispożizzjonijiet legali oħra jimponu l-komunikazzjoni ta' ċerti każi lis-servizz tal-prosekuzzjoni permezz ta' avviż. L-Artikolu 764 tal-Kodiċi tal-Proċedura, fejn hija diskussa din il-kwistjoni, jipprovdi li jrid ikun hemm komunikazzjoni bħala avviż, fi kwistjonijiet relatati ma' l-istat ta’ persuni, meta jkunu involuti fil-każ minuri jew persuni bi bżonnijiet speċjali, fi kwistjonijiet relatati ma' atti ta' l-istat ċivili, fi kwistjonijiet ta' għajnuna legali u fi kwistjonijiet simili, f’dikjarazzjoni ta' falliment, f’rapport dwar id-data tal-waqfien mill-ħlas kif ukoll fi proċeduri ta' revoka ta' ħlas li qed idum biex isir jew ta' għeluq minħabba falliment, biex id-deċiżjoni ma titħassarx.

Fil-Qorti tal-Kassazzjoni, is-servizz tal-prosekuzzjoni jiddeċiedi fil-kawżi kollha (it-tieni inċiż ta' l-Art. 1105 tal-Kodiċi tal-Proċedura). 

c) Spjegazzjonijiet dettaljati dwar il-korpi tal-ġustizzja PDF File (PDF File 171 KB)

3. Iċ-ċârts

a) Osservazzjonijiet preliminari

Fil-liġi, il-mezzi biex isir rikors, jiġifieri l-proċeduri provduti mil-liġi li jippermettu lill-partijiet f’xi kawża jew f’ċerti każi biex terzi persuni jiksbu deċiżjoni ġdida fi kwistjoni li korp tal-ġustizzja diġà jkun ta deċiżjoni dwarha, jinqasmu f’żewġ kategoriji: il-mezzi ta’ rikors ordinarji u l-mezzi ta’ rikors straordinarji.

FuqFuq

Il-mezzi ta’ rikors ordinarji huma tnejn : l-oppożizzjoni u l-appell (l-ewwel inċiż ta’ l-Art.21 tal-Kodiċi tal-Proċedura). Fil-prinċipju, dawn ir-rikorsi ordinarji huma dejjem miftuħin għall-partijiet.

Minbarra r-rikorsi ordinarji, jeżistu mezzi ta’ rikors “straordinarji”, bil-mezz ewlieni huwa l-appell f’kassazzjoni imressaq quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni (it-tieni inċiż ta’ l-Art.21 tal-Kodiċi tal-Proċedura). L-appell straordinarju mressaq quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni mhux it-tielet istanza jew it-tielet grad ta’ ġuriżdizzjoni. Il-Qorti tal-Kassazzjoni tikkontrolla r-rispett tal-legalità u ma teżaminax il-fatti tal-kawża mressqa quddiemha.

L-oppożizzjoni (Art. 1047 sa 1049 tal-Kodiċi tal-Proċedura)

Kwalunkwe verdett li jinqata’ fil-kontumaċja (f’każ li l-imħarrek ma jidhirx quddiem il-Qorti) jista’ jkun il-pern ta’ oppożizzjoni. Din tkun innotifikata mill-marixxall permezz ta’ ċitazzjoni biex persuna tidher quddiem l-imħallef li tkun ta l-verdett fil-kontumaċja. Il-partijiet jistgħu jiddeċiedu li jidhru quddiem l-imħallef wkoll b’mod volontarju (l-inċiżi 1 sa 3 ta’ l-Art.1047 tal-Kodiċi tal-Proċedura) - ara “Kif tressaq każ quddiem il-Qorti - il-Belġju” . L-uniku korp tal-ġustizzja kompetenti biex jiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni huwa dak li jkun ta l-verdett fil-kontumaċja (it-tieni inċiż ta’ l-Art.1047 tal-Kodiċi tal-Proċedura).

Il-limitu taż-żmien għal oppożizzjoni huwa ta’ xahar, li jibda mill-komunikazzjoni jew min-notifika tal-verdett. Dan il-limitu taż-żmien ta’ xahar jitwal jekk dak li kien f’kontumaċja m’għandux id-domiċilju, ir-residenza jew id-domiċilju temporanju fil-Belġju (l-Art.1048 u 55 tal-Kodiċi tal-Proċedura).

L-appell (l-Art.1050 sa 1072A tal-Kodiċi tal-Proċedura) 

Permezz ta’ proċedura ta’ appell il-parti li tqis lilha nfisha bħala offiża minn deċiżjoni tista’ titlob li din terġa’ tingħata minn korp tal-ġustizzja superjuri. Permezz tiegħu, l-Imħallfin ta’ korpi tal-ġustizzja superjuri jistgħu jikkoreġu l-iżbalji eventwali li setgħu saru mill-ewwel Imħallfin iżda wkoll isewwu l-iżbalji li jkunu saru fil-Prim Istanza fid-difiża ta’ l-interessi tagħhom. Il-proċedura ta’ l-appell hija istanza ġdida li hija distinta u awtonoma meta mqabbla ma’ dak li jkun sar quddiem l-ewwel imħallef u li jkun intemm bid-deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ l-appell. L-appell jista’ jsir fi kwalunkwe qasam wara li jinqata’ l-verdett, anki jekk dan kien preliminari jew inqata’ fil-kontumaċja (l-Art.1050 tal-Kodiċi tal-Proċedura).

FuqFuq

Il-limitu għall-appell huwa ta’ xahar li jibda jgħodd mill-komunikazzjoni jew min-notifika tal-verdett. Bħal fil-każ ta’ l-oppożizzjoni, dan il-limitu ta’ xahar jitwal jekk waħda mill-partijiet li lilha ġie kkomunikat, innotifikat jew fuq talba tagħha ġie kkomunikat il-verdett m’għandiex id-domiċilju, ir-residenza jew id-domiċilju temporanju fil-Belġju (l-ewwel, it-tielet u r-raba’ inċiżi ta’ l-Art.1051 u l-Art. 55 tal-Kodiċi tal-Proċedura).

L-appell fil-kassazzjoni (l-Art.1073 sa 1121 tal-Kodiċi tal-Proċedura)

L-appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni isir kontra deċiżjonijiet definittivi, fil-kwistjonijiet kollha, mogħtija mingħajr appell (l-art 608 u 609 tal-Kodiċi tal-Proċedura). Id-deċiżjonijiet dwar ksur tal-liġi jew ksur ta’ forom, kemm sostanzjali, kif ukoll dawk li ma kienux konvalidati huma differiti quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni.

Ħlief fil-każi fejn il-liġi tistabbilixxi limitu ta’ żmien iqsar, il-limitu taż-żmien biex jitressaq appell fil-kassazzjoni huwa ta’ tliet xhur li jibda jgħodd mill-jum tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni relatata jew tan-notifika tagħha. Jekk min jagħmel it-talba ma jkollux id-domiċilju, ir-residenza jew id-domiċilju temporanju fil-Belġju, il-limitu taż-żmien jitwal b’konformità ma’ l-Artikolu 55 tal-Kodiċi tal-Proċedura (l-ewwel u t-tieni inċiżi, Art.1073 tal-Kodiċi tal-Proċedura).

b) Iċ-ċârts

1) Iċ-ċârt nru 1 PDF File (PDF File 74 KB)

Xi jsir meta deċiżjoni li mhix definittiva ta’ l-Imħallef tat-Talbiet żgħar jew tal-Qorti tal-Maġistrati segwita minn appell quddiem il-Qorti tal-Prim Istanza jew mit-Tribunal tal-Kummerċ u, wara u eventwalment, minn appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni:

Is-deċiżjonijiet ta’ l-Imħallef tat-Talbiet żgħar jew tal-Qorti tal-Maġistrati

L-appell minn verdetti li mhumiex definittivi li jinqatgħu mill-Imħallef tat-Talbiet żgħar u, fil-każi provduti fl-Artikolu 601bis, mill-Qorti tal-Maġistrati, għandu jitressaq quddiem it-Tribunal tal-Prim Istanza (l-Art. 577 tal-Kodiċi tal-Proċedura).

L-appell mid-deċiżjonijiet li mhumiex definittivi li jinqatgħu mill-Imħallef tat-Talbiet żgħar dwar kwistjonijiet bejn negozjanti u li huma relatati ma’ l-atti meqjusa bħala kummerċjali mil-liġi jew dwar kwistjonijiet relatati ma’ kambjali jitressaq quddiem it-Tribunal tal-Kummerċ (l-Art. 577 tal-Kodiċi tal-Proċedura).

FuqFuq

Il-verdetti maqtugħa mill-Imħallef tat-Talbiet żgħar u dawk tal-Qorti tal-Maġistrati, f’każ ta’ talba biex jissewew id-danni minħabba aċċident tat-traffiku, anki jekk dan ikun seħħ f’post li mhux aċċessibbli għall-pubbliku, jingħataw b’mod definittiv jekk il-kwistjoni ma tinvolvix ammont li jaqbeż l-1.240 Ewro. Fi kliem ieħor, dan ifisser li għat-talbiet li jinvolvu ammonti li ma jaqbżux l-1.240 Ewro, id-deċiżjonijiet ta’ l-Imħallef tat-Talbiet żgħar u tal-Qorti tal-Maġistrati fl-oqsma msemmija qabel, mhumiex suġġetti għal appell.

Madankollu, il-verdetti definittivi maqtugħa mill-Imħallef tat-Talbiet żgħar u mill-Qorti tal-Maġistrati jistgħu jkunu appellati quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni.

2) Iċ-ċârt nru 2 PDF File (PDF File 70 KB)

Xi jsir meta deċiżjoni li mhix definittiva li tingħata mit-Tribunal tal-Kummerċ jew mit-Tribunal tal-Prim Istanza tkun segwita minn appell quddiem il-Qorti ta’ l-Appell u, wara u eventwalment, minn appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni:

Id-deċiżjonijiet mogħtija mit-Tribunal tal-Prim Istanza u mit-Tribunal tal-Kummerċ:

L-appelli għad-deċiżjonijiet li mhumiex definittivi mogħtija mit-Tribunal tal-Prim Istanza u mit-Tribunal tal-Kummerċ kif ukoll id-deċiżjonijiet li mhumiex definittivi mogħtija mill-President tat-Tribunal tal-Prim Istanza u mill-President tat-Tribunal tal-Kummerċ jitressqu quddiem il-Qorti ta’ l-appell (l-Art. 602, 1° et 2°, tal-Kodiċi tal-Proċedura).

3) Iċ-ċârt nru 3 PDF File (PDF File 68 KB)

Xi jsir meta deċiżjoni li mhix definittiva mogħtija mit-Tribunal Industrijali tkun segwita minn appell quddiem il-Qorti Industrijali u, wara u eventwalment, minn appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni:

Id-deċiżjonijiet mogħtija mit-Tribunal Industrijali

Id-deċiżjonijiet li mhumiex definittivi mogħtija mit-Tribunal Industrijali u mill-President tat-Tribunal Industrijali jitressqu, fit-tieni grad ta’ ġuriżdizzjoni, quddiem il-Qorti Industrijali. (l-Art. 607 tal-Kodiċi tal-Proċedura).

Links utli

  • Paġna Service Public Fédéral JUSTICE Deutsch - français - Nederlands
  • Paġna ta’ pouvoir judiciaire de Belgique français - Nederlands

--------------------------

[1] Ir-referenza għall-Kostituzzjoni f’dan id-dokument tirreferi għat-test emendat tal-Kostituzzjoni tas-17 ta’ Frar 1994 (Moniteur belge tas-17 ta’ Frar 1994)

[2] Ara wkoll il-liġi speċjali tas-6 ta’ Jannar 1989 dwar il-Qorti ta’ l-Arbitraġġ, ippubblikata fil- Moniteur belge tas-7 ta’ Jannar 1989 u l-websajt tal-Cour d'arbitrage Deutsch - English - français - Nederlands (tal-Qorti ta’ l-Arbitraġġ)

[3] l-Art.3 ta’ l-Anness tal-Kodiċi tal-Proċedura dwar il-limiti territorjali u dwar fejn jinsabu l-Qrati u t-Tribunali

[4] It-Tribunal Distrettwali huwa magħmul mill-President tat-Tribunal tal-Prim Istanza, mill-President tat-Tribunal Industrijali u mill-President tat-Tribunal tal-Kummerċ jew minn Imħallfin li jissostitwuhom f’kull wieħed minn dawn it-Tribunali (l-Art. 74 tal-Kodiċi tal-Proċedura). Jiddeċiedi fl-ewwel grad biex jinstab ftehim dwar il-kompetenza tal-Qorti, jekk din tkun ikkuntestata (l-Art. 639 tal-Kodiċi tal-Proċedura).

[5] Il-Qorti tas-Sisa tisma’ l-kawżi dwar il-ksur tal-liġi penali li huma l-aktar gravi bħal per eżempju qtil, omiċidju eċċ.

« Organizzazzjoni tal-Ġustizzja - Informazzjoni Ġenerali | Belġju - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 02-08-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit