Kummissjoni Ewropea > NGE > Talbiet ta’manteniment > Spanja

L-aħħar aġġornament: 28-03-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Talbiet ta’manteniment - Spanja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Skond il-liġi Spanjola, x’jiġbru fihom il-kunċetti ta’ “manteniment” u ta’ “obbligi tal-manteniment”? 1.
2. Kemm iddum tgawdi mill-manteniment persuna minuri ? 2.
3. F’liema każijiet hija applikabbli l-liġi Spanjola? 3.
4. Jekk mhix applikabbli l-liġi Spanjola, liema liġi japplikaw il-Qrati ta’ dan il-pajjiż? 4.
5. Min jitlob il-manteniment irid jagħmel talba lil xi entità partikolari, lill-gvern jew lill-Qrati tal-Ġustizzja biex jiksbu? 5.
6. Hu possibbli li t-talba tiġi magħmula għan-nom ta’ membru tal-familja, qarib jew minuri? 6.
7. Jekk min jitlob il-manteniment irid iressaq il-każ tiegħu l-Qorti, kif tista’ issir taf liema hi l-Qorti kompetenti? 7.
8. Min jagħmel it-talba għandu bżonn juża s-servizzi ta’ intermedjarju biex iressaq il-każ quddiem il-Qorti? Jekk mhux hekk, liema proċedura trid tiġi osservata? 8.
9. X’inhuma l-ispejjeż tal-proċedura ġudizzjarja? Jekk hemm spejjeż, kemm huma? Jekk min jagħmel it-talba m’għandux biżżejjed mezzi ekonomiċi, jista’ jikseb għajnuna finanzjarja biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-kawża? 9.
10. X’tip ta’ ħlas jiġi stabbilit mill-Qorti? Jekk tkun somma li titħallas perjodikament, kif tiġi kkalkulata? Ladarba tiġi stabbilita s-somma, kif tiġi riveduta jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi? 10.
11. Kif u lil min jitħallas il-manteniment? 11.
12. Jekk id-debitur ma jħallasx minn jeddu, liema mezzi jeżistu għall-eżekuzzjoni forzata? 12.
13. Teżisti xi istituzzjoni li tista’ tgħin lill-kreditur jiġbor il-manteniment dovut? 13.
14. Teżisti xi istituzzjoni li tista’ tħallas fl-intjier jew parzjalment il-manteniment dovut minflok id-debitur? 14.
15. Min qed jagħmel it-talba jista’ jikseb l-għajnuna mingħand xi istituzzjoni jew entità governattiva Spanjola? 15.
16. Fil-każ affermattiv x’inhu l-isem u l-indirizz ta’ dik l-istituzzjoni? Kif tista’ tikkuntattja dik l-istituzzjoni ċentrali jew lokali? 16.
17. X’tip ta’ għajnuna ser jirċievi min jitlobha mingħand dik l-istituzzjoni? 17.
18. Min qed jagħmel it-talba jista’ jirrikorri direttament għand istituzzjoni jew awtorità tal-gvern Spanjola? 18.
19. Fil-każ affermattiv, x’inhu l-isem u l-indirizz ta’ dawk l-istituzzjonijiet? Kif jista’ wieħed jasal għandhom? 19.
20. X’tip ta’ għajnuna ser jirċievi min jitlobha mingħand dik l-istituzzjoni? 20.

 

1. Skond il-liġi Spanjola, x’jiġbru fihom il-kunċetti ta’ “manteniment” u ta’ “obbligi tal-manteniment”?

Fil-liġi Spanjola il-manteniment jinkludi dak kollu li hu meħtieġ għall-għixien, l-ilbies, l-abitazzjoni, is-saħħa u l-edukazzjoni, jew fi kliem ieħor, il-bżonnijiet bażiċi u elementari tal-persuna li għandha dritt għall-manteniment.

Il-persuni obbligati biex iħallsu huma:

  1. Il-ġenituri fil-konfront ta’ uliedhom sakemm dawn jakkwistaw l-indipendenza ekonomika;
  2. L-ulied fil-konfront tal-ġenituri fil-bżonn;
  3. Il-konjuġi fil-konfront ta’ xulxin anki wara s-separazzjoni jew id-divorzju;
  4. Il-membri ta’ koppja permanenti fil-konfront ta’ xulxin, kemm jekk il-membri jkunu eterosesswali kemm jekk omosesswali (f’dawk it-territorji u reġjuni fejn hemm leġiżlazzjoni xierqa li tirregola l-materja);
  5. L-axxendenti fil-linja kollaterali sat-tieni grad, jekk m’hemmx axxendenti fi grad anqas.

Il- fatt li l-persuna li qed titlob il-manteniment tinsab fi stat ta’ bżonn huwa rekwiżit inderogabbli. Għall-benefiċjarji maġġorenni huwa meħtieġ li n-nuqqas ta’ mezzi ekonomiċi ma jkunx riżultat ta’ raġuni li għalihom m’għandhomx tort.

2. Kemm iddum tgawdi mill-manteniment persuna minuri ?

L-ulied li mhumiex maġġorenni, li fi Spanja tfisser sa taħt it-18-il sena, ħlief meta l-minuri jiddisponi minn redditi suffiċjenti tiegħu stess.

Wara li jagħlqu t-18-il sena jibqa’ l-obbligu jekk l-ulied ma jkollhomx mezzi ekonomiċi suffiċjenti, ma telqux mill-iskola u ma jsibux xogħol għal raġuni li għaliha m’għandhomx tort.

FuqFuq

3. F’liema każijiet hija applikabbli l-liġi Spanjola?

Il-Kodiċi Ċivili Spanjol (Artikolu 9.7) jistabbilixxi prinċipju ta’ diskriminazzjoni pożittiva, b’mod li tapplika l-liġi l-aktar favorevoli għal min jitlob jew għandu bżonn il-manteniment, minn fost dawn li ġejjin: fl-ewwel lok, il-liġi nazzjonali komuni ta’ min qed jitlob il-manteniment u min hu obbligat jagħtih, fit-tieni lok il-liġi tar-residenza abitwali ta’ dawk li għandhom bżonn il-manteniment u, residwalment u alternattivament, il-liġi tal-ġurisdizzjoni fejn qed jinstema’ l-każ (il-lex fori). Jekk ikun hemm bidla fin-nazzjonalità komuni jew fir-residenza, il-liġi applikabbli l-ġdida tibda tgħodd mill-mument tal-bidla.

4. Jekk mhix applikabbli l-liġi Spanjola, liema liġi japplikaw il-Qrati ta’ dan il-pajjiż?

Jekk teżisti nazzjonalità komuni bejn min jitlob il-manteniment u min obbligat jagħtih, tiġi applikati l-liġi ta’ pajjiżhom.  F’każijiet oħra, dik tar-residenza abitwali ta’ min jitlob il-manteniment, dejjem jekk l-applikazzjoni ta’ dik il-liġi twassal biex jinkiseb il-manteniment.

Il-fatt li ż-żewġ partijiet ikunu fuq it-territorju Spanjol ma jbiddilx l-ordni ta’ l-għażla tal-liġi applikabbli msemmi fil-mistoqsija preċedenti.

5. Min jitlob il-manteniment irid jagħmel talba lil xi entità partikolari, lill-gvern jew lill-Qrati tal-Ġustizzja biex jiksbu?

It-talba trid tiġi ppreżentata quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja ta’ natura ġenerali.

FuqFuq

Minkejja dan, fil-każ ta’ minuri, wieħed jista’ jirrikorri mingħajr l-ebda formalità (5ª.) quddiem l-Avukat Ġenerali responsabbli mill-minuri jew l-Entità Pubblika għall-protezzjoni tal-minuri, u jkunu dawn l-istituzzjonijiet li jifformulaw it-talba.

6. Hu possibbli li t-talba tiġi magħmula għan-nom ta’ membru tal-familja, qarib jew minuri?

It-talba trid tiġi ppreżentata personalment mill-parti interessata, ħlief jekk din tkun minuri, f’liema każ trid tippreżenta t-talba l-persuna li għandha r-rappreżentanza (kustodja) legali tal-minuri, l-Avukat Ġenerali jew l-Entità Pubblika għall-protezzjoni tal-minuri.

Minkejja dan, it-talba tista’ tiġi ppreżentata minn rappreżentant, dejjem jekk il-poter mogħti lir-rappreżentant jingħatalu quddiem nutar, segretarju ġudizzjarju jew konslu ta’ missjoni diplomatika Spanjola barra mill-pajjiż.

7. Jekk min jitlob il-manteniment irid iressaq il-każ tiegħu l-Qorti, kif tista’ issir taf liema hi l-Qorti kompetenti?

Ir-regola ġenerali hija li l-kompetenza tmiss lill-Qorti tad-domiċilju tad-debitur. Jekk hemm diversi debituri obbligati flimkien (l-omm u l-missier), hija kompetenti l-Qorti tad-domiċilju ta’ kull wieħed jew waħda minnhom. Jekk id-debitur mhux domiċiljat fi Spanja, hija kompetenti l-Qorti tal-post fejn dan għex l-aħħar fi Spanja. Fin-nuqqas ta’ dawn il-kriterji preċedenti, il-kompetenza tmiss lill-Qorti tad-domiċilju tal-persuna li qed titlob il-manteniment.

8. Min jagħmel it-talba għandu bżonn juża s-servizzi ta’ intermedjarju biex iressaq il-każ quddiem il-Qorti? Jekk mhux hekk, liema proċedura trid tiġi osservata?

Mhux meħtieġ li l-persuna interessata jew ir-rappreżentant legali tagħha dejjem personalment tippreżenta t-talba u tidher fil-proċeduri, li jsiru bil-fomm.

FuqFuq

Jekk it-talba ma ssirx personalment, bilfors huwa meħtieġ Prokuratur Legali għan-nom ta’ min jagħmel it-talba.

Anki fejn mhux obbligatorju, ta’ min madankollu jqabbad Avukat.

9. X’inhuma l-ispejjeż tal-proċedura ġudizzjarja? Jekk hemm spejjeż, kemm huma? Jekk min jagħmel it-talba m’għandux biżżejjed mezzi ekonomiċi, jista’ jikseb għajnuna finanzjarja biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-kawża?

Fi Spanja ma jeżistux spejjeż ġudizzjarji għal din il-kategorija ta’ proċeduri billi l-aċċess għall-ġustizzja hu mingħajr ħlas, bl-eċċezzjoni tad-drittijiet ta’ l-avukati, prokuraturi legali u periti tal-Qorti, meta hemm bżonn tas-servizzi tagħhom.

Id-drittijiet ta’ l-avukati u tal-prokuraturi legali huma relatati ma’ l-ammont li qed jintalab. Fil-każ li jintalbu ħlasijiet perjodiċi, dan l-ammont jitqies b’referenza għal għaxar snin, (regola 7ª t’a l-Artikolu 251 tal-Liġi tal-Proċedura Ċivili), u jiġi mmoderat skond kemm jiġi stmat li se jdum il-manteniment. Jekk jintalab ammont determinat ta’ arretrati, dik iċ-ċifra sservi ta’ bażi tal-kalkolu. Fuq l-ammont li jirriżulta mill-kalkolu, d-drittijiet ta’ l-avukati u tal-prokuraturi legali huwa ta’ 8% fuq l-ammont totali.

L-għajnuna ekonomika għall-ispejjeż tal-proċedura hija prevista f’dawk il-każijiet li fihom min jagħmel it-talba jew kontra min issir m’għandhomx mezzi ekonomiċi suffiċjenti u jistgħu jitolbu l-benefiċċju ta’ l-għajnuna legali (jekk jaqilgħu anqas minn 1000 Euro fix-xahar). L-għajnuna tikkonsisti fis-servizz ta’ avukat u prokuratur legali ta’ l-elenku (imħallsin mill-istat), biex jippreżentaw it-talba, u l-ispejjeż proċesswali, bħalma huma l-ħlasijiet lill-periti tal-Qorti u l-pubblikazzjoni ta’ l-editti, huma wkoll imħallsa mill-amministrazzjoni.

FuqFuq

10. X’tip ta’ ħlas jiġi stabbilit mill-Qorti? Jekk tkun somma li titħallas perjodikament, kif tiġi kkalkulata? Ladarba tiġi stabbilita s-somma, kif tiġi riveduta jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi?

Fil-maġġoranza tal-każijiet jiġi ffissat ħlas perjodiku li, skond kif tiddisponi l-liġi, irid ikun ħlas bil-quddiem darba fix-xaħar. Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li tiġi ffissata somma waħda globali li titħallas bil-quddiem: dan jiġri fil-każ ta’ l-arretrati tal-manteniment, fejn ma jkunx possibbli li l-ħlas futur jiġi żgurat minħabba l-biża’ li d-debitur ma jinstabx aktar, jew bi ftehim bejn il-partijiet.

Il-kalkolu biex jiġi stabbilit l-ammont tal-ħlas perjodiku jsir mill-Qorti skond regola legali astratta li tibbaża ruħha fuq tlett elementi:

  1. Il-bżonnijiet ta’ min jitlob il-manteniment;
  2. Il-mezzi ta’ min obbligat jagħti l-manteniment u
  3. Il-mezzi ta’ persuni oħra li huma wkoll obbligati jikkontribwixxu għall-manteniment (ko-debituri) fl-istess grad ta’ dak li mingħandu qiegħed jintalab.

Fid-determinazzjoni ġudizzjarja tingħata attenzjoni biex jiġu stabbiliti l-prinċipji tar-reviżjoni. Din ir-reviżjoni sseħħ b’mod awtomatiku bis-sempliċi kors taż-żmien u trid tiġi applikata minn min obbligat iħallas. Jekk min obbligat iħallas il-manteniment ma japplikax ir-reviżjoni, din issir mill-Qorti fuq talba ta’ min jirċievi l-manteniment.

L-ammont tal-ħlas perjodiku tal-manteniment jista’ jiġi varjat (dejjem fuq talba tal-persuna interessata), meta jinbidlu b’mod sostanzjali l-bażijiet li ntużaw biex jiġi ffissat billi:

FuqFuq

  1. Jiżdied meta titjieb il-pożizzjoni ekonomika ta’ min obbligat iħallas jew meta jiżdiedu l-bżonnijiet ta’ min jirċievi l-ħlas (per eżempju, marda li taggrava ruħha);
  2. Jitnaqqas meta tiħżien is-sitwazzjoni ta’ min obbligat iħallas jew meta jiżdiedu l-mezzi ta’ min jirċievi l-ħlas.

Fl-aħħarnett, l-ammont perjodiku jista’ jiġi revokat meta ma tibqax teżisti r-raġuni li fuqha ġie bbażat.

11. Kif u lil min jitħallas il-manteniment?

Normalment il-ħlas isir fi flus. Minkejja dan, jeżistu xi eċċezzjonijiet:

  1. Id-debitur jista’ jagħżel li jaqdi dmiru billi jieħu f’daru u jitma lill-persuna li qed titlob il-manteniment, iżda din il-possibbiltà ġiet ferm limitata mill-ġurisprudenza meta m’hemmx garanzija ta’ relazzjonijiet tajbin;
  2. Il-ħlas permezz tat-trasferiment ta’ beni jew drittijiet jingħata f’każijiet eċċezzjonali u biss biex jitħallsu l-arretrati, meta hemm riskju li dawk il-benu jgħibu jew li l-ħlas jiġi żgurat.

Il-ħlas perjodiku jsir direttament lill-kreditur. Il-forma l-aktar komuni hija permezz ta’ trasferiment fil-kont bankarju. Meta l-persuna li tirċievi l-ħlas hija minuri jew inkapaċi, il-ħlas isir lir-rappreżentant legali tagħha.

12. Jekk id-debitur ma jħallasx minn jeddu, liema mezzi jeżistu għall-eżekuzzjoni forzata?

Fi Spanja jeżistu l-mezzi ta’ eżekuzzjoni li ġejjin:

  1. Tnaqqis mis-salarju (bl-eċċezzjoni tal-minimu għall-bżonnijiet tal-ħajja li l-Qorti tistabbilixxi);
  2. Tnaqqis minn rimborsi ta’ taxxi;
  3. Sekwestru fuq il-kontijiet bankarji;
  4. Tnaqqis tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali;
  5. Qbid tal-beni u l-bejgħ tagħhom bis-subbasta;
  6. Il-ħabs f’ċerti każijiet partikolari.

13. Teżisti xi istituzzjoni li tista’ tgħin lill-kreditur jiġbor il-manteniment dovut?

Le, ħlief fil-każ tal-manteniment dovut lill-minuri, f’liema każ jista’ jmexxi l-prosekutur pubbliku.

FuqFuq

14. Teżisti xi istituzzjoni li tista’ tħallas fl-intjier jew parzjalment il-manteniment dovut minflok id-debitur?

Fil-mument m’hemmx provvediment fil-liġi dwar dan. Għaddej dibattitu dwar it-twaqqif ta’ fond għall-manteniment iżda dan sallum ma jeżistix.

15. Min qed jagħmel it-talba jista’ jikseb l-għajnuna mingħand xi istituzzjoni jew entità governattiva Spanjola?

Iva, iżda biss fil-każ li min jitlob il-manteniment m’għandux mezzi suffiċjenti u eliġibbli għall-benefiċċju ta’ l-għajnuna legali. F’dan il-każ l-Istat jipprovdi b’xejn is-servizz ta’ avukat u prokuratur legali biex imexxu l-każ il-Qorti.

16. Fil-każ affermattiv x’inhu l-isem u l-indirizz ta’ dik l-istituzzjoni? Kif tista’ tikkuntattja dik l-istituzzjoni ċentrali jew lokali?

L-istituzzjoni hija il-“COMISIÓN DE ASISTENCIA JUSTICIA GRATUITA” (Il-Kummissjoni ta’ l-Għajnuna Legali), li tista’ tiġi kkuntattjata permezz tal-Kamra ta’ l-Avukati f’kull belt jew permezz ta’ kwalunkwe Qorti. Jista’ wkoll jintalab ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt fi kwalunkwe konsulat Spanjol barra mill-pajjiż.

Kull min jixtieq jista’ wkoll jikkuntattja lill-Kummissjoni Lokali ta’ l-Għajnuna Legali ta’ xi belt partikolari biex jippreżenta talba informali bil-miktub li tindika ċ-ċirkostanzi personali u l-indirizz u li fiha jintalab li jiġi appuntat avukat u prokuratur legali biex jippreżentaw it-talba.

It-talba għall-għajnuna legali ssir fuq formola español PDF File (PDF File).

17. X’tip ta’ għajnuna ser jirċievi min jitlobha mingħand dik l-istituzzjoni?

Il-Kummissjoni ta’ l-Għajnuna Legali tappuntalek avukat u prokuratur legali biex jirrappreżentawk u jiddefenduk quddiem il-Qrati. L-avukat jinformak dwar id-drittijiet tiegħek u jieħu ħsieb l-atti proċesswali għan-nom tiegħek sakemm tingħata s-sentenza.

18. Min qed jagħmel it-talba jista’ jirrikorri direttament għand istituzzjoni jew awtorità tal-gvern Spanjola?

M’hemmx provvediment fil-liġi dwar dan. Il-persuna interessata trid tirrikorri quddiem il-Qorti kompetenti.

19. Fil-każ affermattiv, x’inhu l-isem u l-indirizz ta’ dawk l-istituzzjonijiet? Kif jista’ wieħed jasal għandhom?

M’hemmx provvediment fil-liġi dwar dan.

20. X’tip ta’ għajnuna ser jirċievi min jitlobha mingħand dik l-istituzzjoni?

M’hemmx provvediment fil-liġi dwar dan.

« Talbiet ta’manteniment - Informazzjoni Ġenerali | Spanja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 28-03-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit