Kummissjoni Ewropea > NGE > Talbiet ta’manteniment > Lussemburgu

L-aħħar aġġornament: 04-04-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Talbiet ta’manteniment - Lussemburgu

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

1. Skond il-liġi tal-Lussemburgu, x’jiġbru fihom il-kunċetti ta’ “manteniment” u ta’ “obbligi tal-manteniment”? 

Bħala espressjoni tas-solidarjetà tal-familja, l-obbligu tal-manteniment jirreferi għall-obbligu impost mil-leġiżlatur li tingħata għajnuna materjali lil ċerti qraba. Dan huwa b’mod partikolari l-obbligu tal-ġenituri li jitimgħu, jieħdu ħsieb u jrabbu t-tfal tagħhom. Huma wkoll previsti l-manteniment perjodiku li għandu jitħallas bejn il-miżżewġin fil-każ ta’ divorzju u wkoll l-obbligi ta’ manteniment f’każ ta’ adozzjoni ta’ tifel jew tifla.

Ir-regola « l-manteniment ma jingħatax b’lura » tfisser li l-manteniment huwa destinat li jissodisfa bżonnijiet preżenti u futuri, mhux biex jitħallasu l-ispejjeż li għaddew. Din ir-regola għandha l-valur ġuridiku ta’ preżunzjoni sempliċi, jiġifieri r-regola tista’ titwarrab jekk id-debitur iġib provi kemm li kellu jidħol f’dejn biex jista’ jgħix, u kemm li ma kienx inattiv jew li kien f’pożizzjoni fejn kien impossibbli għalih li jaġixxi.

Ammont dovut għall-manteniment m’hux suxxettibbli għal kumpens, sakemm l-ammont dovut li dan ser jikkumpensa m’huwiex ukoll ta’ natura ta’ manteniment.

Min hu responsabbli għall-ħlas tal-“manteniment” fir-rigward wieħed ta’ l-ieħor:

  • il-ġenituri fir-rigward ta’ wliedhom

Il-missier u l-omm għandhom l-obbligu li jitimgħu u jrabbu lil uliedhom. Dawn ta’ l-aħħar għandhom id-dritt li jitolbu l-ammont dovut għall-manteniment tagħhom ikun f’liema żmien ikun u kemm kontra missierhom jew kontra ommhom u għall-ammont kollu.

FuqFuq

  • l-ulied fil-konfront tal-ġenituri tagħhom

L-ulied għandhom imantnu lil missierhom u lil ommhom meta jkunu fil-bżonn.

L-obbligazzjoni tal-manteniment bejn il-konjuġi jiġi qabel dak ta’ debituri ta’ manteniment ieħor. B’hekk, l-ulied komuni m’humiex marbuta mill-obbligu tal-manteniment lejn ommhom sakemm missierhom m’hux fl-impossibbiltà li jagħtiha l-manteniment.

  • persuna li ddivorzjat fir-rigward tal-konjuġi li kellha

Il-Qorti li tippronunzja d-divorzju tista’ timponi lill-waħda mill-partijiet l-obbligu li tagħti lill-oħra manteniment perjodiku. Dan il-manteniment għandu jkun skond il-bżonnijiet tal-kreditur u jrid ikun fi proporzjon mal-mezzi tad-debitur.

M’hu dovut l-ebda manteniment perjodiku lill-parti li minħabba t-tort esklussiv tagħha ġie ppronunċjat id-divorzju għal raġuni determinata jew li qed tgħix flimkien ma’ terza persuna. Huma meqjusa li jgħixu flimkien dawk il-persuni li jgħixu flimkien fl-istess dar.

Il-manteniment perjodiku dejjem jista’ jiġi rivedut u revokat. Dan jiġi revokat fil-każ fejn dan ma jibqax neċessarju. Dan ma jibqax dovut, b’mod awtomatiku, fi żmien xahar minn meta l-kreditur jerġa’ jiżżewweġ. Dan ma jibqax dovut, fuq talba, fil-każ li l-kreditur ikun qed jgħix flimkien ma’ terza persuna. Barra dan, id-dejn tal-manteniment jista’ jkun is-suġġett ta’ transazzjoni jew ta’ rinunzja. Il-ftehim li jintlaħaq bejn il-konjuġi jibqa validu sakemm il-kreditur jew id-debitur jibqgħu fl-istess sitwazzjoni li fuqha l-ftehim kien konkluż.

  • oħrajn

Hemm ukoll l-obbligu tal-manteniment :

FuqFuq

    • tal-konjuġi matul iż-żwieġ, inkluż matul il-proċedura tad-divorzju u fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ separazzjoni personali;
    • ta’ l-ulied fil-konfront tan-nanniet tagħhom jew axxendenti oħra;
    • ta’ l-eredità tal-parti miżżewġa li tmut, anke jekk separata personalment, fir-rigward tal-parti li tibqa’ ħajja ;
    • tal-ħtien fir-rigward tal-kunjati kif ukoll reċiprokament.

L-obbligi tal-manteniment huma reċiproki. Madankollu, meta l-kreditur jonqos serjament mill-obbligi tiegħu lejn id-debitur, l-imħallef jista’ jeħilsu mid-dejn tal-manteniment fl-intjier jew parzjalment.

F’liema każijiet? 

Il-manteniment huwa marbut ma’ l-istat tal-bżonn. Kull persuna hija meqjusa li tista’, ta’ l-anqas permezz ta’ l-impjieg tagħha, tipprokura l-mezzi, b’tali mod li huwa l-kompitu tad-debitur li jistabbilixxi, kemm għal liema raġuni huwa ma jistax imur jaħdem jekk huwa mingħajr impjieg, u kemm għal liema raġuni ma jistax, anke jekk għandu impjieg bi ħlas, iħallas il-manteniment li qed jitlob mingħand il-kreditur. Is-somma tal-manteniment perjodiku hija determinata skond il-bżonnijiet tal-kreditur u l-mezzi tad-debitur.

Matul il-proċeduri tad-divorzju, il-manteniment perjodiku jqis il-livell ta’ l-għajxien tal-koppja matul iż-żwieġ, u dan sabiex il-persuna miżżewweġa li tirċievi manteniment perjodiku tingħata l-possibilità li żżomm stil ta’ ħajja simili għal dak li kellha matul il-ħajja komuni.

Wara li jkun iddikjarat id-divorzju, is-sitwazzjoni tinbidel b’mod fondamentali. Fil-fatt, huwa minn dan il-mument li ma jibqax fis-seħħ id-dmir ta’ assistenza li l-konjuġi għandhom lejn xulxin matul iż-żwieġ u kull wieħed minnhom għandu, safejn dan ikun possibbli, jaħseb għall-bżonnijiet tiegħu u jieħu sehem attiv fl-elaborazzjoni tal-futur ekonomiku tiegħu nnifsu. Il-manteniment perjodiku għandu karattru ta’ manteniment u mhux ta’ kumpens. L-għan uniku tiegħu huwa li jiġi żgurat l-għajxien tal-persuna divorzjata.

FuqFuq

Għalhekk, il-persuna divorzjata għandha tipprova li m’għandhiex il-kapaċità li jkollha impjieg bi ħlas u li m’għandhiex il-mezzi u dħul biżżejjed biex tgħajjex lilha nnifisha hi stess. Il-manteniment perjodiku jrid jiġi determinat, fil-limitu tal-kapaċità finanzjarja tad-debitur tal-manteniment, skond il- kriterju uniku ta’ nuqqas ta’ suffiċjenza tal-mezzi għal għajxien personali tal-kreditur tal-manteniment.

2. Il-wild sakemm idum igawdi mill-manteniment?

Sakemm ikun minorenni, il-wild jibbenefika f’kull każ mill-manteniment.

Meta jsir maġġorenni, il-wild jibbenefika mill-manteniment sakemm dan ikun għadu ma sarx finanzjarjament awtonomu, b’mod partikolari fil-każ li jkompli jistudja jew jieħu taħriġ professjonali. L-għan hu li dan ta’ l-aħħar jitħalla jilħaq l-indipendenza finanzjarja tiegħu billi jeżerċita professjoni. Minħabba li l-prosegwiment ta’ l-istudji m’huwiex dritt assolut, iż-żamma tal-manteniment perjodiku hija soġġetta mhux biss għall-attendenza regolari għall-istudji, imma wkoll għas-suċċess fl-eżamijiet.

Wara t-tmiem ta’ l-obbligu tal-trobbija u ta’ l-edukazzjoni, hija applikabbli s-sistema ġenerali ta’ l-obbligu għall-manteniment, fuq il-kondizzjoni li min qed jagħmel it-talba jagħti prova ta’ l-istat tal-bżonn tiegħu.

3. F’liema każijiet hija applikabbli l-liġi tal-Lussemburgu?

Il-Konvenzjoni ta’ l-Aja tat-2 ta’ Ottubru 1973 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi tal-manteniment hija fis-seħħ fil-Lussemburgu u tikkostitwixxi d-dritt ordinarju fil-kunflitti ta’ liġi fil-qasam ta’ l-obbligazzjoni tal-manteniment li jiġi mir-relazzjonijiet tal-familja, tal-konnessjoni tal-familja, taż-żwieġ jew ta’ rabta, inklużi l-obbligi tal-mantemiment fil-konfront ta’ l-ulied li jitwieldu barra miż-żwieġ. Din il-konvenzjoni tissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-24 ta’ Ottubru 1956 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi tal-manteniment għall-ulied li taħseb b’mod esklussiv għall-obbligi tal-manteniment fil-konfront ta’ l-ulied minorenni, u li tibqa’ applikabbli fir-relazzjonijiet ma’ l-Istati partijiet li ma rratifikawx il-Konvenzjoni ġenerali sussegwenti.

FuqFuq

Il-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1973 tistipula regola ġenerali, regoli sussidjarji u derogi. Fil-prinċipju, il-liġi applikabbli hija l-liġi fil-post tar-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment. Meta din il-liġi ma tagħraf l-ebda dritt ta’ manteniment għall-kreditur, hija applikabbli l-liġi nazzjonali komuni għall-kreditur u għad-debitur. Jekk din il-liġi tirrifjuta wkoll kull dritt għall-manteniment, tapplika l-liġi tal-post li fih qed jinstema’ l-każ. Hemm xi derogi għall-qraba kollaterali u qraba oħra, fil-każ ta’ tmiem taż-żwieġ (divorzju, separazzjoni personali, annulament taż-żwieġ), fil-każ li wieħed joqgħod esklussivament fil-Lussemburgu jew jekk istituzzjoni pubblika hija l-kreditur.

Il-liġi tal-Lussembuirgu għandha l-iskop li tapplika l-obbligazzjoni tal-manteniment fuq kollox fil-każijiet li ġejjin :

  • meta d-debitur u l-kreditur huma t-tnejn mil-Lussemburgu u meta d-debitur joqgħod fil-Lussemburgu ;
  • meta l-kreditur joqgħod fil-Lussemburgu 
  • meta jitressaq il-każ quddiem Qorti tal-Lussemburgu u l-liġi tar-residenza tal-kreditur jew il-liġi tan-nazzjonalità komuni ma tippermettix lill-kreditur li jikseb il-manteniment;
  • meta l-kreditur hija istituzzjoni pubblika tal-Lussemburgu, bħall-Fond Nazzjonali tas-Solidarjetà;

f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-obbligazzjoni tal-manteniment bejn il-konjuġi waqt proċedura ta’ tmiem taż-żwieġ, il-liġi applikabbli għad-deċiżjoni tat-tmiem taż-żwieġ hija l-liġi tal-Lussemburgu;

4. Jekk mhix applikabbli l-liġi tal-Lussemburgu, liema liġi japplikaw il-Qrati ta’ dan il-pajjiż?

Jekk il-kreditur u d-debitur it-tnejn għandhom residenza abitwali fit-territorju tal-Lussemburgu, allura fil-prinċipju tapplika l-liġi tal-Lussemburgu, ħlief jekk il-kreditur, bl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1973, jinvoka l-liġi tan-nazzjonalità komuni jekk it-tnejn li huma m’humiex imwielda l-Lussemburgu. Hija din il-liġi barranija komuni li allura għandha tiġi applikata mill-Qrati tal-Lussemburgu.

FuqFuq

Il-liġi applikabbli kif maħsuba mill-Konvenzjoni msemmija qabel tirregola l-kwistjonijiet li ġejjin, jiġifieri l-eżistenza ta’ obbligu tal-manteniment, iż-żmien ta’ l-azzjoni, il-kapaċità u l-kwalità biex wieħed jaġixxi u wkoll il-mod li bih tiġi stabbilita s-somma tal-manteniment perjodiku. Tkun xi tkun it-tifsira tal-liġi applikabbli, is-somma tal-benefiċċju tal-manteniment għandha dejjem tiġi stabbilita skond il-bżonnijiet tal-kreditur u l-meżżi tad-debitur.

5. Min jitlob il-manteniment irid jagħmel talba lil xi entità partikolari, lill-gvern jew lill-Qrati tal-Ġustizzja biex jiksbu?

Min qed jagħmel it-talba għall-manteniment inizjalment għandu jressaq it-talba tiegħu quddiem it-Tribunal tat-talbiet żgħar. Jekk it-talba għall-manteniment perjodiku hi marbuta ma’ proċedura ta’ divorzju jew separazzjoni personali, allura l-Qorti tad-distrett, li qed tisma’ il-kawża tad-divorzju jew tas-separazzjoni personali, tiddeċiedi wkoll it-talba għall-manteniment.

6. Hu possibbli li t-talba tiġi magħmula għan-nom ta’ membru tal-familja, qarib jew minuri? 

Il-ġenitur li jassumi r-responsabbilità ta’ ġenitur ta’ wild minorenni, kif ukoll ta’ wild maġġorenni, jista’ jitlob lill-Qorti tordna kontribuzzjoni għat-trobbija u għall-edukazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar. Meta l-kreditur qiegħed taħt tutela, huwa t-tutur biss li jista’ jaġixxi għan-nom tal-kreditur. 

7. Jekk min jitlob il-manteniment irid iressaq il-każ tiegħu l-Qorti, kif jista’ jsir jaf liema hi l-Qorti kompetenti?

Għat-talbiet tal-ħlas jew ta’ reviżjoni tal-manteniment perjodiku, min qed jagħmel it-talba jista’ jressaq il-każ skond l-għażla tiegħu jew quddiem il-Qorti tal-post tad-domiċilju tiegħu jew quddiem dik tad-domiċilju tad-difensur.

FuqFuq

8. Min jagħmel it-talba għandu bżonn juża s-servizzi ta’ intermedjarju biex iressaq il-każ quddiem il-Qorti? Jekk mhux hekk, liema proċedura trid tiġi osservata?

Jekk mhux involuta proċedura ta’ divorzju jew separazzjoni personali, min qed jagħmel it-talba jista’ jressaq il-każ quddiem it-Tribunal tat-Talbiet żgħar permezz ta’ taħrika li għandha tintbagħat lill-parti avversarja minn uffiċjal tal-Qorti. Il-partijiet tal-kawża mhux bil-fors iridu jqabbdu avukat fil-Qorti.

Jekk il-manteniment perjodiku jintalab waqt proċedura ta’ divorzju jew ta’ separazzjoni personali, il-każ jitressaq quddiem il-Qorti tad-distrett b’ċitazzjoni li għandha tiġi notifikata lill-parti avversarja permezz tal-marixxall. Il-preżenza ta’ avukat fil-Qorti hija obbligatorja.

Fi kwalunkwe każ, min qed jagħmel it-talba jipprovdi lill-imħallef bid-dokumenti kollha li jagħtu prova ta’ l-istat ta’ bżonn tiegħu. Dawn jinkludu per eżempju ir-rendikonti tas-salarju, iċ-ċertifikati ta’ eżenzjoni mit-taxxa, iċ-ċertifikat tan-nuqqas ta’ impjieg jew ta’ perjodu twil ta’ lîf minħabba mard, il-kirjiet, l-ulied li tagħhom ikun responsabbli u l-ispejjeż tat-trobbija u ta’ l-edukazzjoni tagħhom, il-krediti, eċċ.

9. X’inhuma l-ispejjeż tal-proċedura ġudizzjarja? Jekk hemm spejjeż, kemm huma? Jekk min jagħmel it-talba m’għandux biżżejjed mezzi ekonomiċi, jista’ jikseb għajnuna finanzjarja biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-kawża?

Fost l-ispejjeż li wieħed għandu jaħseb għalihom fil-każ li jkun hemm kawża, wieħed għandu jsemmi l-ispejjeż tal-Qorti u l-kumpens tal-proċedura li għalihom il-parti, meta tkun tilfet il-każ, tista’ tiġi kkundannata fl-intjier tagħhom jew parzjalment. Jaqbel li wieħed jaħseb, jekk ikun il-każ, għad-drittijiet ta’ l-avukat. 

FuqFuq

Il-persuni li jitqiesu li għandhom dħul insuffiċjenti skond il-liġi tal-Lussemburgu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna legali. Għal dan il-għan, huma jridu jimlew kwestjonarju disponibbli mingħand is-servizz ċentrali ta’ l-assistenza soċjali u jibgħatuh lill-President tal-Kamra ta’ l-avukati skond it-territorju kompetenti fejn tittieħed id-deċiżjoni.

L-għajnuna legali testendi għall-ispejjeż kollha relattivi għas-smigħ, il-proċeduri jew l-atti li għalihom din ġiet mogħtija. Din testendi per eżempju għad-drittijiet tal-boll u tar-reġistrazzjoni, l-ispejjeż tar-reġistratur, id-drittijiet ta’ l-avukati, id-drittijiet u l-ispejjeż tal-marixxalli, l-ispejjeż u l-ħlas tan-nutara, l-ispejjeż u l-ħlas ta’ l-esperti tekniċi, l-ħlas tat-tradutturi u l-interpreti, l-ispejjeż għaċ-ċertifikati li normalment jinħarġu, l-ispejjeż tat-trasport, id-drittijiet u l-ispejjeż tal-formalitajiet ta’ reġistrazzjoni, l-ipoteki u tal-garanziji kif ukoll l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni fil-ġazzetti jekk ikun hemm bżonn.

10. X’tip ta’ ħlas jiġi stabbilit mill-Qorti? Jekk tkun somma li titħallas perjodikament, kif tiġi kkalkulata? Ladarba tiġi stabbilita s-somma, kif tiġi riveduta jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi?

  • Dwar it-tip ta’ l-għajnuna.

Matul il-proċedura u wara d-deċiżjoni tad-divorzju jew tas-separazzjoni personali, l-għajnuna ħafna drabi tieħu l-forma ta’ manteniment perjodiku mogħti kull xahar. Madankollu, din tista’ wkoll tingħata f’forma ta’ kapital li jista’ jikkonsisti kemm f’somma ta’ flus, u kemm f‘beni mhux fi flus.

FuqFuq

F’dak li għandu x’jaqsam mal-kontribuzzjoni għat-trobbija u l-edukazzjoni tal-wild, l-għajnuna tista’ tieħu forma kemm ta’ manteniment perjodiku mogħti kull xahar, u kemm, fl-intjier jew parzjalment, billi tittieħed responsabbilità diretta ta’ l-ispejjeż imħallsa għall-wild. Fl-aħħarnett, din tista’ tingħata taħt forma ta’ dritt ta’ użu u abitazzjoni.

Jekk il-persuna li trid tagħti l-manteniment iġġib prova li hi ma tistax tħallas il-manteniment perjodiku, il-Qorti tista’ tordna li tieħu għandha, titma u trabbi lill-persuna li għandha tirċievi l-manteniment. 

  • Dwar l-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna

Ma teżistix tabella ta’ referenza. Is-somma totali ta’ l-għajnuna hija evalwata skond il-mezzi tad-debitur u l-bżonnijiet tal-kreditur.

  • Dwar l-indiċjar

Sabiex l-għajnuna tiġi adattata għall-iżviluppi fl-għoli tal-ħajja, l-imħallef jista’, mingħajr l-ebda konsultazzjoni, jiddeċiedi li l-manteniment perjodiku jintrabat ma’ indiċi permezz ta’ klawsola ta’ varjazzjoni stabbilita fis-sentenza.

  • Dwar ir-reviżjoni

F’każ ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi, il-manteniment perjodiku li jkun stabbilit jista’ jiġi rivedut billi jiżdied jew jitnaqqas jew anki jitwaqqaf. Jekk ma jkunx hemm qbil bejn il-partijiet, ir-reviżjoni ssir mill-Qorti.

Il-prinċipju tal-varjabilità tal-manteniment perjodiku skond il-bżonnijiet tal-kreditur u l-mezzi tad-debitur huwa materja ta’ l-ordni pubbliku. Dan il-prinċipju jimplika li l-imħallef għandu d-dritt li jimmodifika s-somma totali tal-manteniment perjodiku li ġiet iffissata fi ftehim bejn il-partijiet. Dan id-dritt ma jeżistix biss jekk ikun hemm bdil fis-sitwazzjonijiet rispettivi tal-kreditur u tad-debitur, imma wkoll fin-nuqqas ta’ kwalunkwe bidla, jekk l-imħallef jagħraf li s-somma totali mhix suffiċjenti jew hija eċċessiva.

FuqFuq

11. Kif u lil min jitħallas il-manteniment?

Matul il-proċedura u wara d-deċiżjoni tad-divorzju jew tas-separazzjoni personali, il-manteniment perjodiku jingħata lill-konjuġi benefiċjarju.

Il-kontribuzzjoni għat-trobbija u għall-edukazzjoni tal-wild tingħata kemm minn wieħed mill-ġenituri lill-ieħor, u kemm lill-persuna li għandha r-responsabbilità tal-wild. Meta l-wild jilħaq l-età maġġorenni, l-imħallef jista’ jiddeċiedi jew il-ġenituri jistgħu jiftiehmu li din il-kontribuzzjoni ser tingħata, fit-total jew parti minnha, direttament lill-wild.

12. Jekk id-debitur ma jħallasx minn jeddu, liema mezzi jeżistu għall-eżekuzzjoni forzata?

Il-kreditur jiddisponi minn diversi metodi biex iġiegħel lid-debitur li qed jopponi biex iħallas il-manteniment perjodiku :

Fil-livell ċivili :

Il-kreditur jiddisponi minn diversi possibilitajiet :

  • Jista’ jressaq il-każ quddiem l-imħallef sabiex ikun awtorizzat li jirċievi, minflok il-konjuġi li kellu qabel u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ terzi persuni, id-dħul ta’ dan, id-dħul mix-xogħol tiegħu kif ukoll ir-renti u kirjiet li jirċievi u kull somma oħra dovuti lilu minn terzi persuni, fil-proporzjonijiet u taħt il-kondizzjonijiet iffissati mill-imħallef. Din id-deċiżjoni hija suġġetta għal reviżjoni fil-każ ta’ bidla fiċ-ċirkostanzi.
  • Hu jista’ jirrikorri għall-mezzi ta’ eżekuzzjoni tad-dritt ordinarju, - jiġifieri s-sekwestru (per eżempju fuq kont bankarju), il-qbid ta’ beni materjali (karrozza, ġojjelli, eċċ.) u wkoll il-qbid ta’ beni immobbli (dar, art, eċċ).

Fil-livell penali :

FuqFuq

Il-kreditur jista’ jippreżenta kwerela (rapport lill-pulizija) għall-offiżi li ġejjin:

  • L-offiża ta’ l-abbandun tal-familja tista’ tiġi kkastigata bi priġunerija minn xahar sa sena u b’multa ta’ bejn 251 euro u 2.500 euro jew minn waħda biss minn dawn il-pieni. Din tapplika meta d-debitur qiegħed jonqos fir-rigward tal-kreditur, fl-obbligu tal-ħlas tal-manteniment jew parti minnu, li għaliħ hu marbut skond il-liġi, kemm jekk dan irrifjuta li jissodisfa dawn l-obbligi meta kien f’kondizzjoni li jista’, kemm jekk jinstab f’sitwazzjoni li ma jistax jissodisfahom minħabba tort tiegħu. Din l-offiża tapplika għall-obbligu tal-manteniment tal-ġenituri fil-konfront tal-wild tagħhom, dak tal-konjuġi lil xulxin u wkoll dak ta’ min jadotta fil-konfront ta’ l-adottat. L-offiża tikkontempla wkoll il-kundanna għal danni bħala kumpens ta’ preġudizzju materjali jew morali kaġunata mix-xoljiment taż-żwieġ.
  • Loffiża ta’ falliment frodulenti tista’ tiġi kkastigata bi priġunerija minn sitt xhur sa tliet snin u b’multa ta’ bejn 500 euro u 12.500 euro jew minn waħda biss minn dawn il-pieni. Din tapplika meta d-debitur, anki qabel ma tkun ittieħdet id-deċiżjoni ġudizzjarja, organizza jew aggrava l-falliment tiegħu, kemm b’żjieda fid-dejn jew bi tnaqqis ta’ l-assi fil-patrimonju tiegħu, kemm bil-ħabi ta’ xi beni tiegħu, bil-ħsieb li jevita sentenza tal-ġurisdizzjoni ċivili fil-qasam tal-manteniment. L-istess piena tgħodd fil-każ ta’ sentenza jew ftehim awtorizzati mill-Qorti li jobbligaw il-ħlas ta’ benefiċċji, sussidji jew kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż taż-żwieġ kif ukoll meta l-manteniment ikun miftiehem qabel id-divorzju bil-kunsens tal-miżżewwġin.

Biex jinbdew proċeduri penali l-ewwel issir interpellanza, magħmula permezz ta’ stqarrija tad-debitur tal-manteniment quddiem uffiċjal tal-pulizija tal-Gran Dukat. Jekk ir-residenza tad-debitur tal-manteniment mhix magħrufa, l-interpellanza mhux meħtieġa.

FuqFuq

13. Teżisti xi istituzzjoni li tista’ tgħin lill-kreditur jiġbor il-manteniment dovut?

Fuq talba tal-kreditur, il-Fond Nazzjonali tas-Solidarjetà jista’ jipproċedi għall-ġbir ta’ kull manteniment perjodiku dovut lil wieħed mill-konjuġi, lil axxendent jew lil dixxendent. Il-Fond jiġi surrogat fid-drittijiet, l-azzjonijiet u l-garanziji tal-kreditur tal-manteniment. Malli jiġi notifikat dwar is-somma li qed tintalab, id-debitur irid iħallas lill-President tal-Fond Nazzjonali tas-Solidarjetà.

14. Teżisti xi istituzzjoni li tista’ tħallas fl-intjier jew parzjalment il-manteniment dovut minflok id-debitur?

Il-Fond Nazzjonali tas-Solidarjetà jista’, taħt ċerti kondizzjonijiet, jagħti l-manteniment perjodiku minflok id-debitur. It-talba tal-ħlas tiġi indirizzata mill-kreditur jew mir-rappreżentant legali tiegħu lill-President tal-Fond Nazzjonali tas-Solidarjetà.

Din it-talba tintlaqa’ mill-President jew mid-delegat tiegħu jekk il-kreditur jġib prova:

  1. li huwa għandu d-domiċilju legali tiegħu fi-pajjiż u li hu jew ir-rappreżentant legali tiegħu ilhom joqgħodu hemm ħames snin;
  2. li l-manteniment perjodiku huwa ffissat minn sentenza eżekuttiva mogħtija fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu;
  3. li l-ġbir totali jew parzjali tal-manteniment perjodiku ma setax jinkiseb permezz tal-mezzi ta’ eżekuzzjoni tad-dritt privat, liema mezzi ġew effettivament użati;
  4. li huwa jinstab f’sitwazzjoni ekonomika diffiċli.

Anke jekk il-kondizzjoni msemmija taħt c) mhix sodisfatta, it-talba tiġi milqugħa, jekk l-użu tal-mezzi ta’ eżekuzzjoni jidher li mhux ser jirnexxu jew jekk id-debitur jgħix barra mill-pajjiż. Il-kontestazzjonjiet eventwali jaqgħu taħt il-kompetenza tat-tribunal tat-talbiet żgħar fil-post tad-domiċilju tal-kreditur, li quddiemu għandha titressaq il-kawża fi żmien erbgħin jum min-notifika tad-deċiżjoni tal-President.

FuqFuq

Il-kredituri jgawdu bi dritt il-benefiċċji kollha ta’ l-għajnuna legali. Mill-mument li tintlaqa’ t-talba sa meta l-Fond jieqaf iħallas, il-kreditur ma jista’ jeżerċita l-ebda azzjoni kontra d-debitur biex jiġbor il-manteniment perjodiku tiegħu.

Jekk min qed jagħmel it-talba jinstab fil-Lussemburgu u l-persuna marbuta bl-“obbligu tal-manteniment” toqgħod f’pajjiż ieħor:

15. Min qed jagħmel it-talba jista’ jikseb l-għajnuna mingħand xi istituzzjoni jew entità governamentali tal-Lussemburgu?

Skond il-Konvenzjoni ta’ New York ta’ l-20 ta’ Ġunju 1956 rigward il-ġbir tal-manteniment barra mill-pajjiż, jekk min qed jagħmel it-talba jinsab fil-Lussemburgu hu jista’, minħabba li d-debitur jinsab barra l-pajjiż, jindirizza t-talba tiegħu għall-manteniment lill-Avukat Ġenerali ta’ l-Istat.

16. Fil-każ affermattiv x’inhu l-isem u l-indirizz ta’ dik l-istituzzjoni jew dik l-entità governamentali? Kif jista’ wieħed jikkuntattjahom?

Il-kreditur tal-manteniment jindirizza t-talba lill-awtorità li qed tibgħat, jiġifieri lill-Avukat Ġenerali ta’ l-Istat. Mat-talba jridu jiġi mehmuża d-dokumenti kollha meħtieġa, bħal per eżempju prokura li tawtorizza l-azzjoni għan-nom tal-kreditur, ritratt tal-kreditur u, jekk ikun possibbli, ritratt tad-debitur.

L-Avukat Ġenerali ta’ l-Istat

Parquet Général

12, Côte d’Eich

L-1450 Lussemburgu

17. X’tip ta’ għajnuna ser jirċievi min jitlobha mingħand dik l-istituzzjoni jew minn dik l-entità governamentali?

L-Avukat Ġenerali ta’ l-Istat jgħaddi l-fajl lill-awtorità barranija, sakemm ma jqisx li t-talba hija frivola. Huwa jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu dwar kemm hi fondata t-talba lill-awtorità barranija bbażata. Barra minn hekk, huwa jista jirrakkomanda lil din ta’ l-aħħar li l-kreditur jibbenefika mill-għajnuna legali u li jkun eżenti mill-ispejjeż.

Jekk min qed jagħmel it-talba jinsab f’pajjiż ieħor u l-persuna marbuta bl-“obbligu tal-manteniment” toqgħod f’pajjiż ieħor:

18. Min qed jagħmel it-talba jista’ jirrikorri direttament għand istituzzjoni jew awtorità governamentali tal-Lussemburgu?

Jekk min qed jagħmel it-talba jinsab f’pajjiż ieħor li mhux il-Lussemburgu hu għandu jindirizza lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż li fih qiegħed. Huwa ma jistax jindirizza direttament lil xi entità jew awtorità governamentali tal-Lussemburgu.

19. Fil-każ affermattiv, x’inhu l-isem u l-indirizz ta’ dik l-istituzzjoni jew dik l-entità governamentali? Kif jista’ wieħed jikkuntattjahom?

Mhux applikabbli.

20. X’tip ta’ għajnuna ser jirċievi min jitlobha mingħand dik l-istituzzjoni jew dik l-entità governamentali?

Mhux applikabbli.

Aktar tagħrif

  • Il-portal ġuridiku tal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu français

« Talbiet ta’manteniment - Informazzjoni Ġenerali | Lussemburgu - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 04-04-2006

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Skond il-liġi tal-Lussemburgu, x’jiġbru fihom il-kunċetti ta’ “manteniment” u ta’ “obbligi tal-manteniment”? 1.
2. Il-wild sakemm idum igawdi mill-manteniment? 2.
3. F’liema każijiet hija applikabbli l-liġi tal-Lussemburgu? 3.
4. Jekk mhix applikabbli l-liġi tal-Lussemburgu, liema liġi japplikaw il-Qrati ta’ dan il-pajjiż? 4.
5. Min jitlob il-manteniment irid jagħmel talba lil xi entità partikolari, lill-gvern jew lill-Qrati tal-Ġustizzja biex jiksbu? 5.
6. Hu possibbli li t-talba tiġi magħmula għan-nom ta’ membru tal-familja, qarib jew minuri? 6.
7. Jekk min jitlob il-manteniment irid iressaq il-każ tiegħu l-Qorti, kif jista’ jsir jaf liema hi l-Qorti kompetenti? 7.
8. Min jagħmel it-talba għandu bżonn juża s-servizzi ta’ intermedjarju biex iressaq il-każ quddiem il-Qorti? Jekk mhux hekk, liema proċedura trid tiġi osservata? 8.
9. X’inhuma l-ispejjeż tal-proċedura ġudizzjarja? Jekk hemm spejjeż, kemm huma? Jekk min jagħmel it-talba m’għandux biżżejjed mezzi ekonomiċi, jista’ jikseb għajnuna finanzjarja biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-kawża? 9.
10. X’tip ta’ ħlas jiġi stabbilit mill-Qorti? Jekk tkun somma li titħallas perjodikament, kif tiġi kkalkulata? Ladarba tiġi stabbilita s-somma, kif tiġi riveduta jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi? 10.
11. Kif u lil min jitħallas il-manteniment? 11.
12. Jekk id-debitur ma jħallasx minn jeddu, liema mezzi jeżistu għall-eżekuzzjoni forzata? 12.
13. Teżisti xi istituzzjoni li tista’ tgħin lill-kreditur jiġbor il-manteniment dovut? 13.
14. Teżisti xi istituzzjoni li tista’ tħallas fl-intjier jew parzjalment il-manteniment dovut minflok id-debitur? 14.
Jekk min qed jagħmel it-talba jinstab fil-Lussemburgu u l-persuna marbuta bl-“obbligu tal-manteniment” toqgħod f’pajjiż ieħor: Jekk min qed jagħmel it-talba jinstab fil-Lussemburgu u l-persuna marbuta bl-“obbligu tal-manteniment” toqgħod f’pajjiż ieħor:
15. Min qed jagħmel it-talba jista’ jikseb l-għajnuna mingħand xi istituzzjoni jew entità governamentali tal-Lussemburgu? 15.
16. Fil-każ affermattiv x’inhu l-isem u l-indirizz ta’ dik l-istituzzjoni jew dik l-entità governamentali? Kif jista’ wieħed jikkuntattjahom? 16.
17. X’tip ta’ għajnuna ser jirċievi min jitlobha mingħand dik l-istituzzjoni jew minn dik l-entità governamentali? 17.
Jekk min qed jagħmel it-talba jinsab f’pajjiż ieħor u l-persuna marbuta bl-“obbligu tal-manteniment” toqgħod f’pajjiż ieħor: Jekk min qed jagħmel it-talba jinsab f’pajjiż ieħor u l-persuna marbuta bl-“obbligu tal-manteniment” toqgħod f’pajjiż ieħor:
18. Min qed jagħmel it-talba jista’ jirrikorri direttament għand istituzzjoni jew awtorità governamentali tal-Lussemburgu? 18.
19. Fil-każ affermattiv, x’inhu l-isem u l-indirizz ta’ dik l-istituzzjoni jew dik l-entità governamentali? Kif jista’ wieħed jikkuntattjahom? 19.
20. X’tip ta’ għajnuna ser jirċievi min jitlobha mingħand dik l-istituzzjoni jew dik l-entità governamentali? 20.
 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit