Kummissjoni Ewropea > NGE > Talbiet ta’manteniment > Litwanja

L-aħħar aġġornament: 20-11-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Talbiet ta’manteniment - Litwanja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X'jinvolvi l-kunċett ta' l-obbligu tal-manteniment? 1.
2. F'liema ċirkustanzi tkun persuna obbligata tħallas manteniment lil persuna oħra? 2.
3. Sa liema età huma l-ulied intitolati għall-manteniment? 3.
4. Mnejn nista' nikseb għajnuna għalija nnifsi jew għal uliedi? Hemm xi entitajiet speċjali li għandi nikkuntattja jew nista' ningħata għajnuna mill-awtoritajiet jew mill-qrati? 4.
5. Jekk irrid intella' lil xi ħadd il-qorti biex inġiegħlu jħallas il-manteniment, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni? 5.
6. Nista' nressaq każ f'isem ħaddieħor, jiġifieri f'isem qarib jew tifel jew tifla fil-bżonn? Għandi għalfejn ninqeda b'intermedjarju biex intella' l-każ il-qorti? Jekk le, xi proċeduri għandi nuża? 6.
7. Jekk m'għandix fondi biżżejjed, nista' ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż biex inressaq każ? 7.
8. X'manteniment jista' jingħata b'deċiżjoni tal-qorti? Jekk jingħata benefiċċju, dan kemm ikun? Kif ikun aġġustat sabiex jittieħed kont tat-tibdil fl-għoli tal-ħajja jew tibdil fiċ-ċirkustanzi? 8.
9. Kif jitħallas il-manteniment u lil min jitħallas? 9.
10. Jekk dak li għandu jagħti l-manteniment ma jħallasx min jeddu, x'azzjoni tista' tittieħed sabiex dan/din i/tkun imġiegħel/imġiegħla tħallas? 10.
11. Nista' nikseb għajnuna minn xi organizzazzjoni jew awtorità speċifika biex nirkupra l-manteniment? 11.
12. Jistgħu jħallsu parti mill-manteniment jew il-manteniment kollu, huma stess flok id-debitur? 12.
13. Nista' nitlob l-għajnuna minn xi organizzazzjoni speċjali jew awtoritajiet f'pajjiżi jew barra minnu? 13.
14. X'inhu l-indirizz tagħkom? Kif nista' nikkuntattjakom? Minn fejn nista' nikseb il-formoli li jkolli bżonn nimla? X'dokumenti rrid nissottometti mat-talba tiegħi? Għandi bżonn nittraduċihom? Id-dokumenti jridu jiġu ċċertifikati bħala awtentiċi? 14.
15. X'għajnuna jistgħu jieħdu istituzzjonijiet barranin? 15.
16. Hija meħtieġa ordni tal-qorti sabiex istituzzjoni jew awtorità Litwana jew barranija tagħtini l-għajnuna? Jekk iva, f'liema pajjiż trid tittieħed id-deċiżjoni? Jekk f'pajjiż barrani, x'għajnuna tista' tingħata? Jekk ma nkunx niflaħ inħallas id-drittijiet, xorta nista' nirċievi għajnuna legali? 16.

 

1. X'jinvolvi l-kunċett ta' l-obbligu tal-manteniment?

Il-kunċett ta' l-obbligu tal-manteniment ma jidhirx fil-liġi tal-Litwanja. Madankollu, hija raġonevoli l-konklużjoni mill-regoli tal-manteniment li l-obbligu jestendi għal: l-obbligu ta' ġenitur li jipprovdi manteniment materjali għal uliedu jew uliedha li jkunu minorenni; l-obbligu ta' manteniment li għandha persuna ddivorzjata lejn sieħeb jew sieħba minn żwieġ preċedenti fil-bżonn (sakemm dan jew din ma kinux responsabbli għall-isfaxxar taż-żwieġ); l-obbligu ta' manteniment li għandha persuna sseparata lejn sieħeb jew sieħba minn żwieġ fil-bżonn (sakemm dan jew din ma kinux responsabbli għas-separazzjoni); l-obbligu ta' manteniment ta' wild adult lejn ġenituri li ma jistgħux jaħdmu u li huma fil-bżonn; l-obbligu ta' ħu jew oħt adulti li kapaċi jaħdmu li jipprovdu manteniment lil ħu jew oħt minorenni; l-obbligu ta' neputijiet li kapaċi jaħdmu li jipprovdu manteniment lil nanniethom li ma jistgħux jaħdmu u li jkunu fil-bżonn; l-obbligu ta' nanniet li kapaċi jaħdmu li jipprovdu manteniment lil nuputijiethom minorenni li jkunu fil-bżonn.

2. F'liema ċirkustanzi tkun persuna obbligata tħallas manteniment lil persuna oħra?

  • Il-ġenituri huma obbligati jmantnu lil uliedhom minorenni. Jekk il-ġenituri ta' wild minorenni ma jissodisfawx dan l-obbligu, il-qrati jagħtu l-manteniment fuq il-bażi ta' talba mill-ġenituri tal-wild, it-tutur (fiduċjarju), jew l-entità pubblika responsabbli għall-ħarsien tad-drittijiet ta' l-ulied. Ġenituri li jiddivorzjaw b'kunsens komuni jew li jisseparaw għandhom ifasslu ftehim li bih jikkommettu ruħhom li jipprovdu mantenimenti materjali għal ulied minorenni. Dan il-ftehim irid ikun approvat minn qorti. Jekk xi ħadd mill-ġenituri ma jikkonformax mal-ftehim ladarba jkun ġie approvat, il-ġenitur l-ieħor jew l-oħra jistgħu japplikaw lill-qorti għal mandat ta' eżekuzzjoni. Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw mingħajr ma jkunu laħqu ftehim dwar il-manteniment għal uliedhom minorenni, il-manteniment jiġi deċiż minn qorti. La l-ftim ta' l-ulied minn mal-ġenituri u anqas l-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-awtorità paterna ma jħollu lill-ġenituri mill-obbligu tagħhom għall-manteniment ta' wliedhom.
  • Jekk, f'każ ta' divorzju, il-kwistjoni ta' manteniment ma tiġix ittrattata bi ftehim ta' kunsens reċiproku bejn l-imsieħba miżżewġa, il-qrati jagħtu manteniment lill-parti li tkun teħtieġu, sakemm hu jew hi ma jkunux responsabbli għat-tkissir taż-żwieġ. Is-sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ mhumiex intitolati għal-manteniment jekk l-assi jew id-dħul tagħhom ikunu biżżejjed biex imantnuhom. Huwa preżunt li sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ ikunu jeħtieġu manteniment jekk ikunu qed irabbu wild minorenni li jkun tagħhom, u jekk ma jkunux jistgħu jaħdmu minħabba x-xjuħija jew problemi tas-saħħa.
  • Fil-każ ta' mewt ta' xi ħadd (sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ preċedenti jew ġenitur) li jkun ingħata ordni li jħallas il-manteniment, ir-responsabbiltà għall-ħlas tal-manteniment tgħaddi għas-suċċessuri ta' dik il-persuna, safejn jippermettu l-beni li jintirtu.
  • Meta qorti tieħu deċiżjoni dwar is-separazzjoni ta' koppja miżżewġa, il-manteniment jingħata lill-parti li tkun teħtieġu, biex jitħallas mill-parti responsabbli għas-separazzjoni.
  • L-ulied adulti huma meħtieġa jipprovdu manteniment lill-ġenituri tagħhom li ma jkunux jistgħu jaħdmu u li jkunu fil-bżonn. Il-manteniment jitħallas fuq il-bażi jew ta' ftehim reċiproku jew ta' deċiżjoni tal-qorti.
  • Aħwa adulti li jkunu kapaċi jaħdmu għandhom jipprovdu manteniment lil ħuthom subien u bniet minorenni jekk dawn jisfaw orfni jew li għal xi raġuni oħra ma jkunux jistgħu jiksbu l-manteniment mingħand il-ġenituri tagħhom. Il-manteniment jingħata volontarjament jew fuq il-bażi ta' deċiżjoni ta' qorti.
  • L-ulied adulti li huma kapaċi jaħdmu huma meħtieġa jipprovdu manteniment lin-nanniet tagħhom li ma jkununx jistgħu jaħdmu u li jkunu fil-bżonn. Il-manteniment jingħata volontarjament jew fuq il-bażi ta' deċiżjoni ta' qorti.
  • In-nanniet li jkunu kapaċi jaħdmu għandhom jipprovdu manteniment lil neputijiethom minorenni li jkunu jinsabu fil-bżonn jekk dawn jisfaw orfni jew li għal xi raġuni oħra ma jkunux jistgħu jiksbu l-manteniment mingħand il-ġenituri tagħhom. Il-manteniment jingħata volontarjament jew fuq il-bażi ta' deċiżjoni ta' qorti.

3. Sa liema età huma l-ulied intitolati għall-manteniment?

Il-ġenituri għandhom jipprovdu manteniment materjali lil uliedhom sakemm dawn jilħqu l-età ta' maġġorenni, jiġifieri sa l-età ta' 18-il sena, ħlief fil-każ meta wild ma jkunx jista' jaħdem minħabba diżabbiltà li b'riżultat tagħha hu jew hi ma j/tkunx meqjusa bħala li jkunu laħqu l-età ta' maġġorenni. Barra minn hekk, l-obbligu ta' mantentiment materjali lejn l-ulied ma jintemmx meta dawn jilħqu l-età ta' maġġorenni u jkunu għadhom qed jattendu l-klassijiet matul il-jum fi skola sekondarja, istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja jew kulleġġ tas-snajja', ikunu għadhom ma laħqux l-età ta' 24 sena u jkunu fil-bżonn. Il-manteniment jingħata lil ulied li jkunu jattendu l-klassijiet matul il-jum fi skola sekondarja, istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja jew kulleġġ tas-snajja' sakemm itemmu l-istudji tagħhom jew sakemm jagħlqu l-24 sena, liema minnhom isseħħ l-ewwel.

FuqFuq

4. Mnejn nista' nikseb għajnuna għalija nnifsi jew għal uliedi? Hemm xi entitajiet speċjali li għandi nikkuntattja jew nista' ningħata għajnuna mill-awtoritajiet jew mill-qrati? 

It-talbiet għall-manteniment għandhom isiru permezz tal-qrati.

5. Jekk irrid intella' lil xi ħadd il-qorti biex inġiegħlu jħallas il-manteniment, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni? 

Il-kawżi ċivili dejjem jinstemgħu mill-qrati tad-distrett fil-prim'istanza, bl-eċċezzjoni ta' każ wieħed jew tnejn, kif imsemmi fil-Kodiċi Ċivili tal-Litwanja. Bħala regola, l-post fejn tkun il-qorti jiddependi minn fejn ikun joqgħod il-konvenut. Madankollu, it-talbiet għall-manteniment jistgħu wkoll jiġu ttrattati mill-qorti b'ġurisprudenza fuq il-post fejn ikun joqgħod l-attur. Għalhekk, it-talbiet jistgħu jsiru jew fil-qorti fejn ikun joqgħod il-konvenut jew fil-qorti fejn ikun joqgħod l-attur. Il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qrati tad-distrett hija rregolata mil-Liġi tal-15 ta' Ġunju 1994 li tistabbilixxi l-Qorti Suprema tal-Litwanja, il-Qorti ta' l-Appell tal-Litwanja u l-qrati reġjonali, li tiddetermina l-ġurisdizzjoni territorjali tal-qrati reġjonali u distrettwali u li tirriforma l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Litwanja.

6. Nista' nressaq każ f'isem ħaddieħor, jiġifieri f'isem qarib jew tifel jew tifla fil-bżonn? Għandi għalfejn ninqeda b'intermedjarju biex intella' l-każ il-qorti? Jekk le, xi proċeduri għandi nuża?

It-talbiet għall-għoti ta' manteniment lit-tfal jistgħu jintgħamlu lill-qorti mill-omm jew il-missier, it-tutur (fiduċjarju) jew l-entità pubblika responsabbli għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal.

FuqFuq

F'każi oħra, it-talbiet jintgħamlu mill-persuna nnifisha li tkun teħtieġ il-manteniment.

7. Jekk m'għandix fondi biżżejjed, nista' ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż biex inressaq każ?

Skond il-Kodiċi Ċivili tal-Litwanja, l-ispiża biex jitressaq każ tikkonsisti fil-miżati uffiċjali u l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-qorti. Skond l-Artikolu 83(1) tal-Kodiċi, f'każi relatati mal-manteniment, ir-rikjedenti huma eżentati mill-ħlas tad-dritt uffiċjali. Skond il-Liġi tal-Litwanja dwar l-għajnuna legali pubblika, iċ-ċittadini Litwani, iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri l-oħra ta' l-UE u persuni naturali oħra li huma residenti legali fil-Litwanja jew fi Stat Membru ieħor ta' l-UE huma intitolati għal għajnuna legali sekondarja, li tkopri wkoll l-ispejjeż tat-tressiq ta' kawżi mismugħa skond il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, sakemm l-assi u d-dħul annwali tagħhom ma jaqbżux il-limiti ffissati mill-Gvern Litwan għall-għoti ta' l-għajnuna legali. Madankollu, ċittadini ta' Stati Membri oħra ta' l-UE, u persuni naturali legalment residenti fi Stati Membri oħra ta' l-UE jkunu eliġibbli għall-għajnuna legali biss fil-każ ta' tilwim transkonfinali. Tista' wkoll tintalab għajnuna legali sekondarji, ikun xi jkun il-livell ta' l-assi u tad-dħul iffissati mill-Gvern tal-Litwanja għall-għoti ta' għajnuna legali, minn persuni li jkunu eliġibbli għal benefiċċju soċjali skond il-Liġi Litwana dwar assistenza soċjali fi flus għal familji bi dħul baxx (residenti mhux miżżewġa) lietuviu kalba, u minn persuni li jistgħu jagħtu prova li ma jistgħux jiddisponu mill-proprjetà u mill-fondi tagħhom għal raġunijiet oġġettivi u li l-proprjetà u d-dħul annwali li minnu jistgħu jiddisponu bil-libertà ma jkunx għalhekk aktar mill-livell ta' assi u ta' dħul kif stabbilit mill-Gvern tal-Litwanja għall-għoti ta' għajnuna legali. (Għal aktar tagħrif, ara www.teisinepagalba.lt English - lietuviu kalba).

FuqFuq

8. X'manteniment jista' jingħata b'deċiżjoni tal-qorti? Jekk jingħata benefiċċju, dan kemm ikun? Kif ikun aġġustat sabiex jittieħed kont tat-tibdil fl-għoli tal-ħajja jew tibdil fiċ-ċirkustanzi?

Il-manteniment mogħti lil eks-sieħeb fi żwieġ li jkun inħall jista' jieħu l-forma ta' pagament ta' darba, pagament regolari fix-xahar jew ta' trasferiment ta' assi. Meta koppja tiddivorzja jew tissepara u l-qorti tiddeċiedi jekk għandux jingħata manteniment lill-parti li tkun tinħtieġu u, jekk ikun hekk, kemm għandha tieħu, għandha tieħu f'kunsiderazzjoni ta' kemm ikun dam iż-żwieġ, tal-ħtieġa għall-manteniment, tas-sitwazzjoni finanzjarja, tas-saħħa, ta' l-età u l-ħila għax-xogħol taż-żewġ partijiet, ta' l-abbiltà li sieħeb qiegħed li jsib xogħol, u ta' fatturi sinifikanti oħra. Jekk il-manteniment ikun ingħata fil-forma ta' pagamenti regolari, kull wieħed jew waħda minn dawk li kienu msieħba fiż-żwieġ jista'/tista', wara bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi, japplika/tapplika sabiex l-ammont ta' manteniment jiżdied jew jonqos jew inkella ma jitħallas xejn aktar.

Wild minorenni jista' jingħata manteniment fil-forma ta' pagament regolari fix-xahar, somma ta' flus jew trasferiment ta' assi. L-ammont ta' manteniment irid ikun proporzjonat mal-bżonnijiet tal-wild u mas-sitwazzjoni finanzjarja tal-ġenituri u jrid ikun biżżejjed biex jipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp tal-wild. Jekk, b'konsegwenza ta' deċiżjoni tal-qorti dwar manteniment, ikun hemm bidla fundamentali fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-partijiet, il-qorti tkun tista', fuq talba tal-wild, tal-missier, ta' l-omm, ta' entità pubblika responsabbli li tiddefendi d-drittijiet tal-wild, jew tal-prosekutur pubbliku, tnaqqas jew iżżid l-ammont ta' manteniment u tibdel il-forma tal-manteniment. Ir-raġunijiet possibbli biex issir talba sabiex l-ammont ta' manteniment jinbidel jinkludu titjib jew deterjorament fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-missier jew ta' l-omm, jew bidla fil-bżonnijiet tal-wild, pereżempju. L-ammont ta' manteniment jista' jiżdied bħala riżultat ta' aktar spejjeż għall-kura tat-tfal (jekk il-wild jimrad jew iweġġa' jew ikun jinħtieġ kura jew superviżjoni kontinwa). Jekk ikun meħtieġ, il-qorti tista' tordna li jitħallsu l-ispejjeż ta' kwalunkwe trattament li jkun jinħtieġ il-wild.

FuqFuq

9. Kif jitħallas il-manteniment u lil min jitħallas?

Il-qorti għandha tiddeċiedi kif jitħallas il-manteniment: bħala somma flus ta' darba, bħala pagament regolari fix-xahar jew permezz tat-trasferiment ta' assi. Il-manteniment jitħallas lill-eks-sieħeb/sieħba fiż-żwieġ li jkun jinħtieġu (is-sieħeb jew is-sieħba ta' bħalissa fil-każ ta' separazzjoni).

Fejn jidħol il-manteniment għal wild minorenni, il-Qorti għandha tagħti l-manteniment lill-wild iżda wkoll taħtar lil missier il-wild, lil ommu jew lit-tutur (fiduċjarju), li jkun responsabbli sabiex jieħu ħsieb l-interessi tal-wild, bħala l-amministratur tal-fondi. Missier il-wild, jew l-omm, ikollu/ha l-użufrutt tal-manteniment tal-wild. Jekk il-wild ikollu tutur (fiduċjarju), il-manteniment jingħata lill-wild. It-tutur (fiduċjaarju) jinħatar bħala l-amministrattur tal-fondi u ta' l-assi.

10. Jekk dak li għandu jagħti l-manteniment ma jħallasx min jeddu, x'azzjoni tista' tittieħed sabiex dan/din i/tkun imġiegħel/imġiegħla tħallas? 

Jekk il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-manteniment ma timxix mad-deċiżjoni tal-Qorti li tkun tat il-manteniment, il-persuna benefiċjarja tad-deċiżjoni (jiġifieri dik li tressaq it-talba) tista' titlob lill-Qorti bil-miktub sabiex jinħareġ mandat ta' eżekuzzjoni. Jekk wieħed mill-ġenituri ma jimxix ma' ftehim dwar il-manteniment ta' wild meta dan ikun approvat, il-ġenitur l-ieħor jew l-oħra j/tista' j/tagħmel rikors għal ordni ta' eżekuzzjoni. Min iressaq it-talba jaħtar marixxal biex jinforza l-mandat jew l-ordni tal-Qorti. Ara t-tweġiba għall-mistoqsija Nru 11.

FuqFuq

Jekk ikun meħtieġ, il-qorti tista', flimkien ma' deċiżjoni ta' għoti ta' manteniment lil wild, tordna lill-ġenituri tal-wild (jew lil xi ħadd minnhom) sabiex jipotekaw il-proprjetà tagħhom. Jekk ma tkunx obduta deċiżjoni tal-qorti sabiex jingħata l-manteniment, dan jiġi rkuprat mill-proprjetà li tkun ġiet ipotekata skond il-liġijiet rilevanti. L-istess proċedura tintuża' għall-manteniment ta' eks-imsieħba fiż-żwieġ fil-każ ta' divorzju jew fil-każ ta' msieħba li jisseparaw.

11. Nista' nikseb għajnuna minn xi organizzazzjoni jew awtorità speċifika biex nirkupra l-manteniment?

Fit-twettiq ta' deċiżjonijiet tal-qorti għandu jgħinek marixxall, li jieħdu l-miżuri ta' l-infurzar jekk dawn ikunu meħtieġa. Marixxall huwa persuna maħtura mill-Istat u mogħtija s-setgħa li twettaq l-infurzar obbligatorju ta' titoli ta' eżekuzzjoni, sabiex jaċċerta l-fatt, iwassal dokumenti u jwettaq dmirijiet oħra stipulati fil-liġi.

Meta jirċievi mandat jew ordni mill-Qorti, il-marixxall jibda' l-infurzar, skond il-proċeduri stipulati fil-liġi. Huwa jista' jsejjaħ għad-debitur, u għal min għandu jieħu, jitlobhom jipproponu modi ta' kif se jikkonformaw ruħhom mad-deċiżjoni tal-qorti, u jibgħat lid-debitur noti ta' tfakkira. Jekk id-debitur ma jwettaqx id-deċiżjoni tal-qorti fi ħdan il-limitu ta' żmien stipulat fin-nota ta' tfakkira, il-marixxall jibda' l-infurzar mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara tmiem il-limitu ta' żmien għall-konformità. Il-manteniment jiġi rkuprat mis-salarju tad-debitur u minn kwalunkwe forma oħra ta' dħul. Jekk persuna ma tħallasx il-pagamenti regolari tal-manteniment li hu jew hi j/tkun ġie/t ordnat/a i/tħallas, iżda ma tkun taħdem jew ma jkollha l-ebda sors ieħor ta' dħul, il-manteniment jiġi rkuprat mill-assi tagħha.  

FuqFuq

12. Jistgħu jħallsu parti mill-manteniment jew il-manteniment kollu, huma stess flok id-debitur?

Le. Madankollu, l-istat imanti tfal minorenni li, għal perjodu ta' żmien ta' aktar minn xahar, ma jirċevux manteniment minn missierhom, ommhom jew xi qarib tagħhom li jkun kapaċi jmantnihom. Il-kontribuzzjoni ta' l-istat għall-manteniment tal-wild tieħu l-forma ta' assistenza soċjali.

JEKK IL-PERSUNA RESPONSABBLI LI TĦALLAS IL-MANTENIMENT TGĦIX BARRA:

13. Nista' nitlob l-għajnuna minn xi organizzazzjoni speċjali jew awtoritajiet f'pajjiżi jew barra minnu?

Sabiex deċizjoni tal-Qorti tal-Litwanja tkun tista' tiġi eżekwita barra mill-pajjiż, trid tingħata rikonoxximent u tiġi dikjarata infurzabbli mill-qrati rilevanti fil-pajjiż inkwistjoni. Il-proċedura għall-għarfien u l-infurzar ta' deċiżjonijiet tal-qorti fl-Istati Membri ta' l-UE hija stipulata fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali. Kulmin jixtieq li jkollu deċiżjoni tal-Qorti Litwana magħrufa barra mill-pajjiż irid jissottometti talba fil-qorti jew istituzzjoni barranija rilevanti stess, flimkien ma' kwalunkwe dokument li jistgħu jkunu meħtieġa.

Skond il-Liġi Litwana dwar l-għajnuna legali, l-għajnuna legali primarja (jiġifieri pariri legali u konsultazzjonijiet, eċċ), tista' tingħata lil partijiet interessati. Id-dritt li tingħata għajnuna legali primarja jgawdu minnu ċ-ċittadini Litwani kollha, iċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra ta' l-UE, persuni naturali oħra li jkunu legalment residenti fil-Litwanja jew Stat Membru ieħor ta' l-UE, u persuni oħra msemmija fi trattati internazzjonali li fihom il-Litwanja hija parti.

FuqFuq

Talbiet għall-għajnuna legali jistgħu jiġu sottomessi direttament lill-istituzzjoni rilevanti fl-Istat Membru ta' l-UE li min jagħmel it-talba jkun irid li jagħraf id-deċiżjoni tal-qorti. Jistgħu wkoll jintbagħtu t-talbiet permezz tal-Ministeru Litwan tal-Ġustizzja, bħala l-istituzzjoni li tibgħat. It-talba trid tkun tradotta fil-lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membri ta' l-UE lietuviu kalba, jew f'waħda mill-lingwi uffiċjali ta' dak il-pajjiż li tkun ukoll lingwa uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità jew lingwa oħra li tkun aċċettabbli għall-Istat Membru l-ieħor u tkun notifikata bħala tali lill-Kummissjoni. (Għal aktar informazzjoni, ara l-Artikolu 29 tal-Liġi Litwana dwar l-għajnuna legali pubblika, pereżempju fil-websajt li ġejja: www.teisinepagalba.lt English - lietuviu kalba.

14. X'inhu l-indirizz tagħkom? Kif nista' nikkuntattjakom? Minn fejn nista' nikseb il-formoli li jkolli bżonn nimla? X'dokumenti rrid nissottometti mat-talba tiegħi? Għandi bżonn nittraduċihom? Id-dokumenti jridu jiġu ċċertifikati bħala awtentiċi?

It-talba trid tiġi sottomessa lill-qorti jew istituzzjoni rilevanti li jkollha ġuriżdizzjoni fuq il-post ta' reżidenza tad-debitur barra mill-pajjiż. Il-qrati u l-istituzzjonijiet rilevanti huma speċifikati fl-Anness II tar-Regolament imsemmi fit-tweġiba għall-Mistoqsija 13 u fl-Atlas Ġudizzjarju Ewropew dwar kwistjonijiet ċivili (http://europa.eu.int/comm/justice_home/judicialatlascivil/). It-talba jrid ikollha magħha kopja tad-deċiżjoni tal-Qorti Litwana li għaliha jkun qed jintalab l-għarfien, u l-formola standard mill-Qorti ta' l-Ewwel Istanza li tkun tat dik id-deċiżjoni. (Il-formola tista' titniżżel bil-Litwan mill-websajt tal-Ministeru Litwan tal-Ġustizzja. Ikklikkja fuq il-buttuna "Bendradarbiavimas" fuq il-paġna prinċipali www.tm.lt English - lietuviu kalba, imbagħad fuq "dokumentų formos" mill-menu tal-ġenb. Jekk il-qorti jew l-awtorità kompetenti tkun hekk teħtieġ, għandha tiġi ppreżentata traduzzjoni ta' dawk id-dokumenti. It-traduzzjoni għandha tkun iċċertifikata minn persuna kwalifikata biex tagħmel dan f'wieħed mill-Istati Membri. Il-formoli mimlija, u d-dokumenti maħruġa mill-qorti jridu jiġi awtentikati bit-timbru uffiċjali tal-qorti.

Jekk tkun tixtieq titlob għajnuna legali primarja mill-għajnuna mill-istat fil-Litwanja, inti trid tapplika lill-istituzzjoni eżekuttiva tal-muniċipalità ta' fejn inti dikjarat li toqgħod, jew jekk ma jkollokx post dikjarat ta' reżidenza, lill-istituzzjoni eżekuttiva tal-muniċipalità fejn toqgħod.

15. X'għajnuna jistgħu jieħdu istituzzjonijiet barranin?

Istituzzjonijiet kompetenti fi Stati Membri ta' l-UE oħra se jipprovdu informazzjoni dwar il-proċedura tat-talba, tar-rekwiżiti fejn tidħol il-forma tat-talba u informazzjoni oħra marbuta ma' l-għarfien u l-infurzar ta' deċiżjonijiet tal-qorti tal-Litwanja fl-Istati Membri inkwistjoni.

16. Hija meħtieġa ordni tal-qorti sabiex istituzzjoni jew awtorità Litwana jew barranija tagħtini l-għajnuna? Jekk iva, f'liema pajjiż trid tittieħed id-deċiżjoni? Jekk f'pajjiż barrani, x'għajnuna tista' tingħata? Jekk ma nkunx niflaħ inħallas id-drittijiet, xorta nista' nirċievi għajnuna legali?

M'hi meħtieġa l-ebda ordni tal-qorti biex tingħata għajnuna legali lin-nies fil-Litwanja. Għajnuna legali primarja trid tingħata immedjatament hekk kif issir talba minn persuna lill-istituzzjoni eżekuttiva ta' muniċipalità. Jekk ma tkunx tista' tingħata minnufih, min jagħmel it-talba għandu jingħata indikazzjoni ta' meta, tul il-ħamest ijiem ta' wara, din se tingħatalu. L-għajnuna legali tingħata bla ħlas.

« Talbiet ta’manteniment - Informazzjoni Ġenerali | Litwanja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 20-11-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit