Kummissjoni Ewropea > NGE > Talbiet ta’manteniment > Latvja

L-aħħar aġġornament: 10-04-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Talbiet ta’manteniment - Latvja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Xi jkopru l-kunċetti ta’ “manteniment” u “obbligu tal-manteniment” skond il-liġi tal-Latvja? 1.
2. Sa liema età jista’ wild jibbenefika mill-manteniment? 2.
3. F’liema każijiet hija applikabbli l-liġi tal-Latvja? 3.
4. Jekk din il-liġi mhix applikabbli, liema liġi japplikaw il-qrati tal-Latvja? Jekk kemm il-persuna li titlob il-manteniment u kemm id-debitur ikunu fil-Latvja? 4.
5. L-applikant għandu japplika lil organizzazzjoni, lil dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali) jew lil qorti speċifika biex jikseb il-manteniment? 5.
5.A. Kif napplika għall-manteniment mingħand din l-organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali), u xi proċeduri japplikaw? 5.A.
6. Talba tista’ ssir f’isem qarib, membru tal-familja, jew wild taħt l-età? 6.
7. Jekk l-applikant bi ħsiebu jressaq il-każ il-qorti kif isir/issir jaf/taf liema qorti għandha l-ġurisdizzjoni? 7.
8. L-applikant ikollu jqabbad intermedjarju biex iressaq il-każ il-qorti (eż. avukat, organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali) speċifiku eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri? 8.
9. L-applikant irid iħallas xi spejjeż biex iressaq kawża l-qorti? Jekk hu hekk, kemm x’aktarx li jkunu? Jekk il-mezzi finanzjarji ta’ l-attur mhumiex suffiċjenti, hu/hi jista’/tista’ tikseb għajnuna legali biex tkopri l-ispejjeż tal-proċedura? 9.
10. X’tip ta’ manteniment x’aktarx jingħata mill-qorti? Jekk tingħata allowance kif tiġi evalwata? Id-deċiżjoni tal-qorti tista’ tiġi riveduta biex tieħu kont ta’ tibdil fl-għoli tal-ħajja jew fiċ-ċirkostanzi tal-familja? 10.
11. Kif u lil min jitħallas il-manteniment? 11.
12. Jekk id-debitur tal-manteniment ma jħallasx minn jeddu, x’azzjoni tista’ tittieħed sabiex iġġegħlu jħallas? 12.
13. Hemm organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali) li tista’ tgħini nirkupra l-manteniment? 13.
14. Jistgħu jieħdu post id-debitur u jħallsu l-manteniment huma stess jew parti mill-manteniment minfloku/minflokha? 14.
15. Jista’ min jagħmel il-petizzjoni jikseb l-assistenza ta’ organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali) fil-Latvja? 15.
16. Jekk hu hekk, kif tista’ tiġi kkuntattjata dik l-organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali)? 16.
17. X’tip ta’ assistenza jista’ jirċievi min jagħmel il-petizzjoni, mingħand din l-organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali)? 17.
18. Min jagħmel il-petizzjoni jista’ jindirizza talba direttament lil organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali) fil-Latvja? 18.
19. Jekk hu hekk, kif tista’ tiġi kkuntattjata dik l-organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali)? 19.
20. X’tip ta’ assistenza jista’ jirċievi dak li jressaq petizzjoni mingħand din l-organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali) ? 20.

 

1. Xi jkopru l-kunċetti ta’ “manteniment” u “obbligu tal-manteniment” skond il-liġi tal-Latvja?

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Latvja ma tipprovdix definizzjoni komprensiva tal-manteniment u ta’ l-obbligu tal-manteniment, madankollu, jeżisti qbil komuni dwar ċerti punti relatati ma’ kwistjonijiet ta’ manteniment. Per eżempju, il-manteniment għal wild ifisser għajnuna lill-wild – spejjeż li kull ġenitur huwa obbligat jipprovdi lill-wild tkun xi tkun is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, liema ammont minimu huwa stabbilit mill-Kabinett tal-Ministri. Id-definizzjoni tal-manteniment tal-wild hija mogħtija fil-Liġi tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment. Madankollu bl-iżvilupp tal-ġurisprudenza jeżisti qbil komuni dwar ċerti punti relatati ma’ kwistjonijiet ta’ manteniment mingħajr referenza għat-titlu tagħhom (il-manteniment, l-obbligu tal-manteniment, jew mezzi ta’ sussistenza). Per eżempju, jeżisti wkoll qbil komuni dwar kwistjonijiet ta’ manteniment li jikkonċernaw il-konjuġi, jiġifieri: il-manteniment ifisser għajnuna finanzjarja għat-tul ipprovduta minn konjuġi lill-ieħor minħabba sitwazzjoni finanzjarja li qed tiħżien.

Liema persuni jridu jħallsu “l-manteniment” lil persuna oħra?

- il-ġenituri lil uliedhom?

Il-ġenituri ta’ wild huma obbligati li jipprovdu l-manteniment għall-wild sa meta l-wild ikun kapaċi jmantni lilu nnifsu. Għalhekk, l-obbligu li tipprovdi l-manteniment għal wild mhux limitat sa meta l-wild isir maġġorenni. Jekk, madankollu, l-wild diġà jkun maġġorenni, il-qorti tista’ tevalwa jekk it-talba għall-manteniment għandhiex tiġi sodisfatta jew le, speċjalment meta l-wild li jkun sar maġġorenni ma jkunx kompla jistudja jew segwa taħriġ professjonali jew meta l-wild jista’ jikseb il-mezzi permezz tax-xogħol tiegħu jew tagħha, iżda jevita li jagħmel hekk. Għandu jiġi kkonsidrat li l-obbligu tal-ġenituri li jipprovdu l-manteniment għal uliedhom għandu jkun proporzjonat mas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull ġenitur. Kull ġenitur huwa obbligat, madankollu, li jipprovdi l-ammont minimu ta’ manteniment stabbilit mill-Kabinett tal-Ministri, tkun xi tkun is-sitwazzjoni finanzjarja tal-ġenituri. L-obbligu tal-manteniment tal-wild jorbot kemm jekk il-wild joqgħod ma’ wieħed mill-ġenituri u kemm jekk jgħix għalih.

FuqFuq

Li tipprovdi l-manteniment lil wild ifisser li tipprovdilu/tipprovdilha l-ikel, l-ilbies, l-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa; li tieħu kura, teduka u trabbi l-wild (billi tipprovdi kemm żvilupp mentali u kemm żvilupp fiżiku, bl-attenzjoni mistħoqqa lill-personalità individwali tiegħu/tagħha, il-ħiliet u l-interessi, u li tipprepara lill-wild għal attività pubblika vantaġġuża).

- l-ulied lill-ġenituri tagħhom?

L-obbligu ta’ l-ulied li jipprovdu l-manteniment għall-ġenituri jmiss lill-ulied kollha ugwalment. Jekk is-sitwazzjonijiet finanzjarji rispettivi ta’ l-ulied ma jkunux ugwali, l-qorti tista’ tistabbilixxi l-obbligu tagħhom li jipprovdu l-manteniment għall-ġenituri proporzjonalment mas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull wild.

- il-konjuġi ddivorzjat lill-ex-konjuġi?
  1. jekk żwieġ ikun annullat u wieħed mill-ex-konjuġi kien jaf, fil-mument taż-żwieġ, bl-eventwali annullament tiegħu, allura l-konjuġi l-ieħor huwa intitolat jitlob mingħand l-ex-konjuġi mezzi proporzjonalment mas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu/tagħha jekk tali mezzi jkunu neċessarji biex jinżamm il-livell ta’ benesseri ta’ qabel jew li jipprovdi sussistenza
  2. mad-divorzju jew warajh, l-ex-konjuġi jista’ jitlob mingħand il-konjuġi l-ieħor proporzjonalment mas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dan ta’ l-aħħar jekk dan ta’ l-aħħar ikun ikkontribwixxa għall-falliment taż-żwieġ bl-azzjonjiet tiegħu/tagħha il-mezzi neċessarji biex jinżamm il-livell ta’ benesseri ta’ qabel jew li jipprovdi sussistenza.
- oħra
- in-nanniet lill-ulied?

Jekk m’hemmx ġenituri jew ma jistgħux jipprovdu l-manteniment għall-wild, dan l-obbligu jmiss lin-nanniet ugwalment. Jekk is-sitwazzjoni finanzjarja rispettiva tan-nanniet ma tkunx ugwali, l-qorti tista’ tistabbilixxi l-obbligu tagħhom proporzjonalment mas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull wieħed min-nanniet.

FuqFuq

- l-ulied lin-nanniet tagħhom?

L-obbligu li tipprovdi l-manteniment anke għan-nanniet, jekk ikun neċessarju, imiss lill-ulied kollha ugwalment. Jekk is-sitwazzjoni finanzjarja rispettiva ta’ l-ulied ma tkunx ugwali, l-qorti tista’ tistabbilixxi l-obbligu tagħhom proporzjonalment mas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull wild.

- konjuġi lill-konjuġi l-ieħor?

Jekk il-konjuġi joqgħodu separatament, konjuġi jista’, jekk ikun neċessarju:

  1. jitlob mingħand il-konjuġi l-ieħor, li jkun ippromwova l-ħajja separata, proporzjonalment mas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu/tagħha, il-mezzi biex iżomm livell ekwivalenti ta’ benesseri; jew
  2. jitlob mingħand il-konjuġi l-ieħor, li jkun ippromwova l-ħajja separata, proporzjonalment mas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu/tagħha, il-mezzi ta’ sussistenza, jiġifieri l-ikel, l-ilbies, l-akkomodazzjoni u, f’każ ta’ bżonn, il-kura personali.
- l-obbligi tal-manteniment li joħorġu mill-obbligi kontrattwali tal-manteniment?

Il-partijiet jistgħu jiftehmu dwar il-manteniment (l-obbligi) u l-mod ta’ ħlas tiegħu f’kuntratt tal-manteniment. Bis-saħħa ta’ kuntratt tal-manteniment, parti waħda tipprovdi lill-parti l-oħra, sew jekk b’pagament fi flus jew b’tip ieħor ta’ benefiċċju finanzjarju, li għalih il-parti l-oħra għandha tipprovdi l-manteniment lill-parti matul il-ħajja ta’ min jirċievi l-manteniment, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor dwar it-tul ta’ tali obbligazzjoni. Il-manteniment għandu jinkludi, ħlief jekk jiġi miftiehem mod ieħor, l-ikel, l-akkomodazzjoni, l-ilbies u l-kura, iżda jekk min jirċievi l-manteniment ikun minorenni, it-trobbija u l-edukazzjoni fi stabbilimenti ta’ l-edukazzjoni primarja wkoll.

FuqFuq

- l-obbligi tal-manteniment li joħorġu minn korriment ta' persuna?

L-obbligi tal-manteniment jistgħu ukoll jinqalgħu bħala obbligazzjonijiet li joħorġu minn korriment ta' persuna. Tali obbligu tal-manteniment jitqies bħala parti minn obbligazzjoni bħala kumpens għal danni kkaġunati bil-korriment ta' persuna oħra. Għalhekk, f’sitwazzjonijiet meta l-persuna korruta, li jkollha l-obbligu tal-manteniment lejn xi ħadd, tmut mill-ġrieħi, l-obbliġu jgħaddi għand il-persuna li jkollha t-tort għall-mewt tiegħu/tagħha. L-ammont ta’ tali kumpens għandu jiġi stabbilit fid-diskrezzjoni ta’ qorti, waqt li tkun ikkonsidrata l-età tal-persuna mejta, il-kapaċità tagħha li tipprovdi sussistenza meta kienet għadha ħajja, u, fl-aħħarnett, il-bżonn tal-persuna li tiġi provduta bil-manteniment. Jekk il-persuna li għandha tiġi provduta bil-manteniment ikollha mezzi suffiċjenti, l-obbligu tal-manteniment jispiċċa.

2. Sa liema età jista’ wild jibbenefika mill-manteniment?

Il-ġenituri huma obbligati jipprovdu l-manteniment għall-wild tagħhom proporzjonalment mas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, sakemm il-wild ikun kapaċi jmantni lilu nnifsu. Għalhekk, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Latvja (il-Liġi Ċivili), l-obbligi tal-manteniment fir-rigward ta’ wild mhumiex limitati sa meta l-wild isir maġġorenni.

3. F’liema każijiet hija applikabbli l-liġi tal-Latvja?

Il-liġi tal-Latvja hija applikabbli għall-kwistjonijiet ta’ obbligi tal-manteniment, li jieħdu in konsiderazzjoni l-qbil komuni msemmi hawn fuq dwar ċerti kwistjonijiet relatati mal-manteniment u t-tipi differenti ta’ relazzjonijiet legali. Per eżempju:

FuqFuq

  1. ir-relazzjonijiet legali bejn l-ulied u n-nanniet huma regolati mil-liġi tal-Latvja meta l-post tar-residenza ta’ wild ikun fil-Latvja. Fir-rigward ta’ tali proprjetà li tkun qiegħda fil-Latvja, il-ġenituri u l-ulied ikunu soġġetti għal-liġi tal-Latvja minkejja l-fatt li l-post tar-residenza stabbilit għall-wild ma jkunx fil-Latvja.
  2. ir-relazzjonijiet personali u ta’ proprjetà tal-konjuġi huma regolati mil-liġi tal-Latvja meta l-post tar-residenza tal-konjuġi jkun fil-Latvja. Jekk il-proprjetà tal-konjuġi tkun fil-Latvja, huma, fir-rigward ta’ tali proprjetà, jkunu soġġetti għall-liġi tal-Latvja minkejja l-fatt li huma nfushom ma jkollhomx post tar-residenza fil-Latvja.
  3. dwar drittijiet u obbligazzjonijiet kuntrattwali, ir-relazzjoni reċiproka tal-partijiet kontraenti tkun soġġetta għal-liġi tal-Latvja meta l-partijiet kontraenti jiftiehmu hekk (eż. fir-rigward ta’ obbligi tal-manteniment li joħorġu minn obbligazzjonijiet kuntrattwali tal-manteniment).
  4. obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali, fir-rigward tas-sustanza u l-konsegwenzi tagħhom, huma soġġetti għal-ligi tal-Latvja, jekk ir-raġuni li tagħti lok għall-obbligazzjoni, kienet fil-Latvja (per eżempju obbligi ta’ manteniment li joħorġu minn korriment ta' persuna).

4. Jekk din il-liġi mhix applikabbli, liema liġi japplikaw il-qrati tal-Latvja? Jekk kemm il-persuna li titlob il-manteniment u kemm id-debitur ikunu fil-Latvja?

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-liġi barranija mhix applikabbli fir-rigward ta’ obbligi tal-manteniment, madankollu f’diversi każijiet liġi barranija tista’ tiġi applikata, jekk tkun ikkontemplata fi trattati internazzjonali li jorbtu l-Latvja. Il-liġi ta’ pajjiż barrani tkun applikabbli sakemm ma tkunx inkompatibbli ma’ normi mandatarji jew imperattivi tal-liġi tal-Latvja.

FuqFuq

Jekk kemm il-persuna li titlob il-manteniment u kemm id-debitur ikunu fil-Latvja, konsegwentement tkun applikabbli l-liġi tal-Latvja.

5. L-applikant għandu japplika lil organizzazzjoni, lil dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali) jew lil qorti speċifika biex jikseb il-manteniment?

Sabiex jikseb il-manteniment (l-obbligu tal-manteniment jew il-mezzi ta’ sussistenza) l-applikant għandu japplika lil qorti skond il-proċedura stipulata fil-Liġi tal-Proċedura Ċivili.

Il-Latvja stabbiliet il-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment imfassal biex jipprovdi manteniment għal tfal minuri mill-assi tal-baġit ta’ l-Istat. L-assi jinżammu mill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment. L-Amministrazzjoni tal-Fond hija subordinata għall-Ministeru għall-Affarijiet tat-Tfal u tal-Familja.

Il-manteniment jista’ jinkiseb mill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment bil-kondizzjoni minn qabel li l-ewwel isir tentattiv biex il-manteniment jiġi rkuprat permezz ta’ proċeduri fil-qorti; imbagħad, fil-każ ta’ falliment ta’ l-infurzar, l-applikant ikun intitolat li japplika lill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment.

L-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment takkorda l-manteniment biss meta l-infurzar ta’ deċiżjoni tal-qorti dwar l-irkupru tal-manteniment skond il-proċedura ċivili applikabbli, jiġifieri l-Liġi tal-Proċedura Ċivili, ikun ġie dikjarat li falla jew jekk id-debitur jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni tal-qorti li takkorda l-manteniment, iżda jonqos li jipprovdi l-ammont minimu ta’ manteniment stabbilit.

FuqFuq

5.A. Kif napplika għall-manteniment mingħand din l-organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali), u xi proċeduri japplikaw?

Biex tapplika għall-manteniment mingħand l-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment:

  1. l-applikant jista’ japplika direttament lill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment u jippreżenta l-applikazzjoni u d-dokumenti li ġejjin:
    • traskrizzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti li takkorda l-manteniment;
    • ċertifikat maħruġ mill-marixxall li jikkonferma li l-infurzar kontra d-debitur ta’ deċiżjoni li takkorda l-manteniment ikun falla, jew li d-debitur ikkonforma ruħu mad-deċiżjoni tal-qorti li takkorda l-manteniment, iżda naqas milli jipprovdi l-ammont minimu ta’ manteniment stabbilit. Dan iċ-ċertifikat huwa validu biex jiġi ppreżentat lill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment fi żmien xahar mid-data li jinħareġ;
    • kopja taċ-ċertifikat tat-twelid tal-wild (l-oriġinal għandu jiġi ppreżentat);
    • prokura jew kopja tagħha (l-oriġinali għandha tiġi ppreżentata) f’każ li l-manteniment jintalab minn rappreżentant awtorizzat.
  2. l-applikant jista’ wkoll jibgħat l-applikazzjoni bil-posta suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
    • il-firma ta’ l-applikant fuq l-applikazzjoni trid tkun iċċertifikata minn nutar;
    • id-dokumenti li ġejjin għandhom jintbagħtu ma’ l-applikazzjoni:
      • traskrizzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti li takkorda l-manteniment;
      • ċertifikat maħruġ mill-marixxall li jikkonferma li l-infurzar kontra d-debitur ta’ deċiżjoni li takkorda l-manteniment ikun falla jew li d-debitur ikkonforma ruħu mad-deċiżjoni tal-qorti li takkorda l-manteniment, iżda naqas li jipprovdi l-ammont minimu ta’ manteniment stabbilit;
      • kopja taċ-ċertifikat tat-twelid tal-wild bl-awtentiċità tagħha ċertifikata minn nutar;
      • prokura jew kopja tagħha bl-awtentiċità tagħha ċertifikata minn nutar meta l-manteniment jintalab minn rappreżentant awtorizzat.

6. Talba tista’ ssir f’isem qarib, membru tal-familja, jew wild taħt l-età?

Iva, rappreżentant awtorizzat jista’ jagħmel talba f’isem qarib jew membru tal-familja.

FuqFuq

Fil-każ ta’ tfal minorenni, it-talba tista’ ssir f’isimhom mill-ġenituri tagħhom jew minn min ikollu d-drittijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-wild.

7. Jekk l-applikant bi ħsiebu jressaq il-każ il-qorti kif isir/issir jaf/taf liema qorti għandha l-ġurisdizzjoni?

It-talbiet għall-irkupru tal-manteniment (l-obbligu tal-manteniment jew il-mezzi ta’ sussistenza) jkunu eżaminati mill-qorti kompetenti tad-distrett (belt) skond id-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni.

Fil-Latvja, il-qorti tad-distrett (belt) għandha l-ġurisdizzjoni biex teżamina t-talbiet għall-irkupru tal-manteniment (l-obbligu tal-manteniment jew il-mezzi ta’ sussistenza):

  • skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali;
  • skond id-dispożizzjonijiet ta’ trattati internazzjonali bilaterali jew multilaterali li jorbtu lir-Repubblika tal-Latvja;
  • skond il-Liġi tal-Proċedura Ċivili ħlief jekk japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 44/2001 jew id-dispożizzjonijiet tat-trattati internazzjonali bilaterali jew multilaterali li jorbtu lir-Repubblika tal-Latvja:
    • azzjoni kontra konvenut tista’ tittieħed f’qorti skond il-post tar-residenza tiegħu/tagħha;
    • azzjoni kontra konvenut li l-post tar-residenza tiegħu mhux magħruf, jew li m’għandu ebda post permanenti ta’ residenza fil-Latvja, tista’ tittieħed f’qorti skond il-lok tal-proprjetà immobbli tiegħu/tagħha jew l-aħħar post tar-residenza magħruf tiegħu/tagħha;
    • azzjoni dwar l-irkupru tal-manteniment tista’ wkoll tittieħed skond il-post tar-residenza ta’ l-attur;
    • azzjoni li toħroġ mill-obbligi tal-manteniment li joħorġu minn korriment ta' persuna (reati privati) li jkunu rriżultaw f’mutilazzjoni jew danni oħra lis-saħħa, jew il-mewt ta’ persuna, jistgħu wkoll isiru skond il-post tar-residenza ta’ l-attur jew il-lok fejn l-offiżi jkunu ġew inflitti.

8. L-applikant ikollu jqabbad intermedjarju biex iressaq il-każ il-qorti (eż. avukat, organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali) speċifiku eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri?

Le, l-applikant mhux obbligat isegwi proċeduri ta’ rikonċiljazzjoni qabel ma t-talba tiġi eżaminata fil-qorti.

FuqFuq

Madankollu, meta jipprepara l-kawża għall-qorti, l-imħallef għandu jagħmel ħiltu biex jirrikonċilja lill-partijiet. Għalhekk il-partijiet huma mħeġġa li jibqgħu ifittxu s-soluzzjoni tat-talbiet tagħhom qabel l-eżami tat-talba fil-qorti.

Irid jiġi enfasizzat ukoll li l-partijiet jistgħu jiftehmu fuq il-kwistjonijiet tal-manteniment mingħajr ma jressqu t-talba l-qorti.

9. L-applikant irid iħallas xi spejjeż biex iressaq kawża l-qorti? Jekk hu hekk, kemm x’aktarx li jkunu? Jekk il-mezzi finanzjarji ta’ l-attur mhumiex suffiċjenti, hu/hi jista’/tista’ tikseb għajnuna legali biex tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

L-atturi huma eżentati mill-ħlas ta’ spejjeż tal-qorti (drittijiet ta’ l-istat, drittijiet u spejjeż ta’ l-uffiċċju relatati mal-ġudizzju ta’ kwistjoni) lill-Istat f’talbiet rigward l-irkupru ta’ ħlasijiet tal-manteniment.

L-atturi huma eżentati mill-ħlas ta’ spejjeż tal-qorti (drittijiet ta’ l-istat, drittijiet u spejjeż ta’ l-uffiċċju relatati mal-ġudizzju ta’ kwistjoni) lill-Istat fir-rigward ta’ talbiet li joħorġu minn inġurji personali li jirriżultaw f’mutilazzjoni jew dannu ieħor għas-saħħa, jew il-mewt ta’ persuna.

Il-konvenuti jkunu eżentati fi kwistjonijiet li jirrigwardaw it-tnaqqis ta’ ħlasijiet tal-manteniment mogħtija minn qorti, u t-tnaqqis ta’ tali ħlasijiet billi l-qorti tkun evalwat it-talbiet li joħorġu minn inġurji personali li jirriżultaw f’mutilazzjoni jew dannu ieħor għas-saħħa, jew il-mewt ta’ persuna.

B’mod ġenerali, l-istat jipprovdi għajnuna legali jekk is-sitwazzjoni partikolari, s-sitwazzjoni finanzjarja u l-livell ta’ dħul totali tal-persuna jikkawżaw diffikultajiet oġġettivi biex dik il-persuna tiżgura l-protezzjoni adattata tad-drittijiet tiegħu/tagħha. L-għajnuna legali tingħata skond id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali Provduta mill-Istat.

FuqFuq

B’mod ġenerali, l-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż relatati mal-preparazzjoni tad-dokumenti proċedurali, pariri legali waqt il-proċedimenti, u r-rappreżentazzjoni quddiem il-qorti. F’kawżi transkonfinali l-persuna tkun intitolata wkoll li tirċevi għajnuna legali sabiex tkopri l-ispejjeż għas-servizzi ta’ interpretu, it-traduzzjoni ta’ ċerti dokumenti ġudizzjarji u ekstra-ġudizzjarji, kif ukoll tad-dokumenti preżentati mill-persuna kkonċernata, jekk tali dokumenti jkunu neċessarji għall-kawża; u f’ċerti sitwazzjonijiet anki spejjeż ta’ l-ivvjaġġar relatati mal-parteċipazzjoni fil-proċedimenti.

L-Istat ma jkoprix l-ispejjeż tal-qorti, li l-persuna trid tħallas skond id-deċiżjoni tal-qorti. L-ispejjeż tal-qorti huma d-drittijiet ta’ l-Istat, id-drittijiet u l-ispejjeż ta’ l-uffiċċju relatati ma’ l-aġġudikazzjoni ta’ kwistjoni, per eżempju, ammonti li jridu jitħallsu lix-xhieda u lill-esperti, spejjeż relatati ma’ l-eżami tax-xhieda, spejjeż relatati man-notifika u l-ħruġ, ta’ kopji veri ta’ dikjarazzjonijiet ta’ talbiet, u ta’ taħrikiet tal-qorti, eċċ.

Ara t-tema “L-għajnuna legali - Il-Latvja”.

10. X’tip ta’ manteniment x’aktarx jingħata mill-qorti? Jekk tingħata allowance kif tiġi evalwata? Id-deċiżjoni tal-qorti tista’ tiġi riveduta biex tieħu kont ta’ tibdil fl-għoli tal-ħajja jew fiċ-ċirkostanzi tal-familja?

Meta l-qorti takkorda l-manteniment għal wild, tista’ takkordah fil-forma ta’ ammont definit ta’ mezzi, iżda meta l-qorti takkorda l-obbligazzjoni tal-manteniment jew il-mezzi ta’ sussistenza, tista’ takkordahom f’valuri oħra, bħal ikel, ilbies, akkomodazzjoni, eċċ., jew it-tnejn.

FuqFuq

Sabiex tevalwa u takkorda ammont definit ta’ ħlasijiet tal-manteniment (l-obbligu tal-manteniment jew il-mezzi ta’ sussistenza), il-qorti għandha l-ewwel tqis is-sitwazzjoni finanzjarja tal-partijiet kif ukoll taċ-ċirkostanzi tal-ħajja u tal-familja, waqt li tagħti l-konsiderazzjoni mistħoqqa lill-evidenza pprovduta mill-partijiet.

Tibdil fl-ammont u fil-perjodu ta’ rkupru tal-ħlasijiet ta’ manteniment akkordati (l-obbligu tal-manteniment jew il-mezzi ta’ sussistenza), kif ukoll l-eżenzjoni mill-ħlasijiet tal-manteniment huma disponibbli biss għal raġunijiet ta’ talba ġdida magħmula mill-parti kkonċernata. Għalhekk, il-qorti tista’, fuq il-bażi tat-tibdil fl-għoli tal-ħajja jew fiċ-ċirkostanzi tal-familja, ssegwi proċedimenti ġodda biex tirrevedi l-ammont ta’ manteniment akkordat.

11. Kif u lil min jitħallas il-manteniment?

Id-debitur għandu jħallas il-manteniment lill-kreditur tal-manteniment. Meta ġenitur iressaq talba f’isem wild minorenni jew min ikollu d-drittijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-wild iressaq tali talba, il-manteniment jitħallas lil tali ġenitur jew min ikollu d-drittijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-wild minflok lill-wild innifsu. Tradizzjonalment, il-manteniment jitħallas fuq bażi perjodika f’ċerti ammonti, eż. bħal tnaqqis mis-salarju; inqas spiss jieħu l-forma ta’ valuri oħra.

12. Jekk id-debitur tal-manteniment ma jħallasx minn jeddu, x’azzjoni tista’ tittieħed sabiex iġġegħlu jħallas?

Jekk id-debitur jonqos li jħallas il-manteniment fuq bażi volontarja lill-persuna li favur tagħha jkun ġie akkordat, trid tinħareġ taħrika ta’ l-eżekuzzjoni mill-qorti li tkun tat is-sentenza jew deċiżjoni. Imbagħad, it-taħrika ta’ l-eżekuzzjoni għandha tiġi ppreżentata għall-infurzar lill-marixxall fi żmien 10 snin minn meta tidħol fis-seħħ legalment id-deċiżjoni tal-qorti, ħlief fejn japplikaw perjodi oħra ta’ preskrizzjoni. Il-marixxall għandu jibda l-infurzar obbligatorju wara applikazzjoni bil-miktub minn persuna li favur tagħha ġew akkordati l-ħlasijiet ta’ manteniment. Il-marixxall huwa obbligat li jaċċetta t-taħrika ta’ l-eżekuzzjoni għall-infurzar jekk jew il-post tar-residenza tad-debitur jew il-lok tal-proprjetà tiegħu jew tagħha, jew il-post tax-xogħol jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tar-reġjun ta’ l-uffiċċju tal-marixxall.

FuqFuq

13. Hemm organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali) li tista’ tgħini nirkupra l-manteniment?

  1. Il-persuna tista’ tapplika lill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment biex tirkupra l-manteniment għal wild minorenni meta l-infurzar tad-deċiżjoni tal-qorti dwar l-irkupru tal-manteniment skond il-proċedura ċivili applikabbli ikun ġie dikjarat li falla jew jekk id-debitur jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni tal-qorti dwar il-manteniment, iżda jonqos li jipprovdi l-ammont minimu ta’ manteniment stabbilit.
  2. Fejn il-persuna tinħtieġ li tirrikonoxxi u tinforza barra mill-pajjiż deċiżjoni jew sentenza mogħtija mill-qorti fil-Latvja jew li tirrikonoxxi u tinforza fil-Latvja deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ pajjiż barrani, il-Ministeru tal-Ġustizzja huwa disponibbli biex jipprovdi assistenza u informazzjoni dwar il-proċedura kif tiġi ppreżentata d-deċiżjoni jew is-sentenza tal-qorti tar-rikonoxximent u l-infurzar.

14. Jistgħu jieħdu post id-debitur u jħallsu l-manteniment huma stess jew parti mill-manteniment minfloku/minflokha?

L-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment tista’ tieħu post id-debitur jekk l-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment tkun irkuprat il-manteniment għal wild minorenni (ara Mistoqsijiet 5 u 5A). Meta l-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment tkun irkuprat il-manteniment, tkun intitolata li ssegwi l-irkupru ta’ l-ammonti mħallsa.

Jekk min jagħmel il-petizzjoni jkun fil-Latvja u d-debitur tal-manteniment ikollu r-residenza tiegħu/tagħha f’pajjiż ieħor:

FuqFuq

Jekk min jagħmel il-petizzjoni jkun fil-Latvja u d-debitur tal-manteniment ikollu r-residenza tiegħu/tagħha f’pajjiż ieħor, min jagħmel il-petizzjoni xorta jista’ japplika lill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment, meta l-infurzar tad-deċiżjoni tal-qorti dwar l-irkupru tal-manteniment skond il-proċedura ċivili applikabbli ikun ġie dikjarat li falla, jew jekk id-debitur jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni tal-qorti dwar il-manteniment, iżda jonqos li jipprovdi l-ammont minimu ta’ manteniment stabbilit. Qabel japplika lill- Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment, min jagħmel il-petizzjoni għandu jippreżenta d-deċiżjoni tal-qorti għar-rikonoxximent u l-infurzar lill-pajjiż l-ieħor rispettiv jekk id-debitur joqgħod f’tali pajjiż ieħor u hu jew hi m’għandhom ebda proprjetà fil-Latvja li tista’ tkun soġġetta għall-infurzar. Jekk l-infurzar tad-deċiżjoni f’pajjiż ieħor mhux disponibbli jew falla wkoll, min jagħmel il-petizzjoni jista’ japplika lill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment.

15. Jista’ min jagħmel il-petizzjoni jikseb l-assistenza ta’ organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali) fil-Latvja?

Persuna tista’ tapplika lill-Ministeru tal-Ġustizzja u lill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment għal għajnuna dwar l-applikazzjoni rilevanti (ara Mistoqsijiet 5 u 5.A.).

16. Jekk hu hekk, kif tista’ tiġi kkuntattjata dik l-organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali)?

Ministry of Justice of the Republic of Latvia

FuqFuq

Brivibas blvd. 36, Riga,

LV-1536

Telefon: +371 7036801, +371 7036716

Fax: +371 7210823, +371 7285575

E-mail: tm.kanceleja@tm.gov.lv

Administration of the Maintenance Guarantee Fund

Pulkveža Brieža street 115, Riga,

LV-1010

Telefon: +371 7830626

Fax: +371 7830636

E-mail: pasts@ugf.gov.lv

17. X’tip ta’ assistenza jista’ jirċievi min jagħmel il-petizzjoni, mingħand din l-organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali)?

Jekk min jagħmel il-petizzjoni qed ifittex ir-rikonoxximent barra mill-pajjiż ta’ deċiżjoni meħuda fil-Latvja jew ir-rikonoxximent fil-Latvja ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ pajjiż barrani, il-Ministeru tal-Ġustizzja huwa disponibbli biex jipprovdi assistenza lil tali persuna biex tiġi ppreżentata lill-qorti d-deċiżjoni jew sentenza rispettiva għar-rikonoxximent u l-infurzar. Barra minn hekk, assistenza ta’ natura informattiva li tikkonċerna l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq tista’ tinkiseb mill-Ministeru tal-Ġustizzja.

L-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment tista’ tieħu post id-debitur u tħallas il-manteniment għal wild minorenni kif ukoll tagħti assistenza informattiva fi kwistjonijiet tal-manteniment (Ara Mistoqsijiet 5 u 5A).

Jekk min jagħmel il-petizzjoni ikun f’pajjiż ieħor u d-debitur tal-manteniment ikun fil-Latvja:

Jekk min jagħmel il-petizzjoni ikun f’pajjiż ieħor u d-debitur tal-manteniment ikun fil-Latvja, mhux dejjem ikun possibbli li tiġi provduta l-assistenza imsemmija hawn fuq, partikolarment, meta persuna trid tapplika għall-manteniment għal wild minorenni mingħand l-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment.

18. Min jagħmel il-petizzjoni jista’ jindirizza talba direttament lil organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali) fil-Latvja?

Jekk min jagħmel petizzjoni jfittex ir-rikonoxximent barra mill-pajjiż ta’ deċizjoni jew sentenza mogħtija minn qorti fil-Latvja jew ir-rikonoxximent fil-Latvja ta’ deċiżjoni jew sentenza ta’ qorti barranija, hu/hi jistgħu jippreżentaw lill-Ministeru tal-Ġustizzja d-dokumenti kollha neċessarji għar-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjoni tal-qorti.

Biex jiġi rkuprat il-manteniment għal wild minorenni mill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment, l-applikant jista’ japplika direttament lill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment u jippreżenta l-applikazzjoni u d-dokumenti meħtieġa.

19. Jekk hu hekk, kif tista’ tiġi kkuntattjata dik l-organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali)?

Ara Mistoqsija 16.

20. X’tip ta’ assistenza jista’ jirċievi dak li jressaq petizzjoni mingħand din l-organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern (ċentrali jew lokali) ?

Ara Mistoqsija 17.

Aktar tagħrif

  • Il-Portal tal-Qrati tal-Latvja latviešu valoda
  • Il-gwida għal-liġi tal-Latvja English
  • Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni u tat-Terminoloġija English - latviešu valoda
  • Il-Ministeru għall-Affarijiet tat-Tfal u tal-Familja English - latviešu valoda
  • Uzturlidzekļu Garantiju fonda administrācija English - latviešu valoda

« Talbiet ta’manteniment - Informazzjoni Ġenerali | Latvja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 10-04-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit