Kummissjoni Ewropea > NGE > Talbiet ta’manteniment > Greċja

L-aħħar aġġornament: 18-05-2005
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Talbiet ta’manteniment - Greċja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Il-kunċetti ta' "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" xi jkopru skond il-liġi Griega? 1.
2. Sa liema età jistgħu t-tfal igawdu minn ħlas ta' manteniment? 2.
3. F'liema każijiet hija applikabbli l-liġi Griega? 3.
4. Jekk il-liġijiet tal-Greċja m'humiex applikabbli, liema liġi hija applikabbli mill-qrati fil-Greċja? 4.
5. L-applikant għandu japplika għand organizzazzjoni speċifika, dipartiment tal-gvern jew qorti biex jieħu l-manteniment? 5.
6. Tista' ssir talba f'isem tifel jew tifla ta' taħt l-età minn organizzazzjoni, dipartiment tal-gvern jew mill-qrati? 6.
7. Jekk l-applikant irid iressaq il-każ quddiem il-qorti, kif jista' jkun jaf liema qorti għandha ġuriżdizzjoni? 7.
8. L-applikant irid iqabbad intermedjarju biex iressaq il-kawża quddiem il-qorti (e.ż. avukat, organizzazzjoni speċifika jew dipartiment tal-gvern, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri għandhom jiġu segwiti? 8.
9. L-applikant irid iħallas xi spejjeż biex iressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, dawn xi kemm ikunu? Jekk l-applikant ma jkollux biżżejjed mezzi finanzjarji, jista' jingħata għajnuna legali biex ikopri l-ispejjeż tal-proċedura? 9.
10. X'tip ta' manteniment jista' jingħata mill-qorti? Jekk tingħata konċessjoni din kif tinħadem? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta b'mod illi jiġu kkunsidrati l-bidliet fl-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkostanzi tal-familja? 10.
11. Kif u lil min jitħallas il-manteniment? 11.
12. Jekk id-debitur tal-manteniment ma jħallasx minn rajh, x'azzjoni tista' tittieħed biex jiġi mġiegħel iħallas? 12.
13. Hemm xi organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern li tista' tgħin biex jinġabar il-manteniment? 13.
14. Jistgħu jieħdu post id-debitur u jħallsu l-manteniment huma stess jew parti mill-manteniment minnfloku? 14.
15. L-applikant jista' jikseb l-għajnuna ta' organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern fil-Greċja? 15.
16. Jekk iva, kif jistgħu jiġu kkuntattjati din l-organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern? 16.
17. X'tip ta' għajnuna jista' jirċievi l-applikant minn din l-organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern jekk ikun jinsab f'pajjiż differenti u d-debitur tal-manteniment jkun jinsab fil-Greċja? 17.
18. L-applikant jista' jindirizza talba direttament lil organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern fil-Greċja? 18.

 

1. Il-kunċetti ta' "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" xi jkopru skond il-liġi Griega?

  1. ‘Manteniment’ tfisser l-ammont ta' flus jew benefiċċji oħrajn li xi ħadd jagħti lil persuna oħra biex ikopru l-ispejjeż ta' l-għajxien ta' kuljum.
  2. Il-manteniment obbligatorju jitħallas fil-kuntest ta' familja, fi kliem ieħor minn membru ta' familja lil membru ieħor, jieħu l-forma ta' obbligu u huwa relatat mal-ħajja, id-dinjità u s-sopravivenza tal-benefiċjarju tal-manteniment.

Min hu obbligat li jħallas il-manteniment?

Il-ġenituri lil uliedhom?

L-ulied lill-ġenituri tagħhom?

Ir-raġel li jkun qed jiddivorzja minn martu jew viċe-versa?

Oħrajn?

F'liema każijiet?

Id-debituri tal-manteniment huma biss dawk il-qraba mid-demm fil-linja diretta, u l-aħwa biss fil-linja indiretta, u ġenituri adottivi li huma obbligati li jħallsu l-manteniment lit-tfal adottati. Barra minn hekk, l-omm ta' wild li jitwieled barra miż-żwieġ hija intitolata għal manteniment mingħand il-missier ta' dak il-wild. Id-debituri tal-manteniment għaldaqstant huma l-ġenituri fir-rigward tat-tfal tagħhom skond il-kapaċitajiet tagħhom, kemm jekk ikollhom il-kustodja tat-tfal tagħhom jew jekk dak id-dritt ikun tneħħielhom għal kollox jew parzjalment (bħal fil-każ ta' divorzju, separazzjoni, nuqqas ta' kura jew meta tkun ġiet ippreżentata petizzjoni minnhom); it-tfal fir-rigward tal-ġenituri tagħhom; it-tfal tat-tfal meta t-tfal ikunu mietu jew it-tfal tat-tfal tat-tfal meta t-tfal jew it-tfal tat-tfal ikunu mietu fir-rigward tan-nanniet jew il-bużnanniet; il-konjugi jew dawk li kienu konjugi fil-konfront ta' xulxin; u kif issemma' aktar 'il fuq il-missier ta' wild barra ż-żwieġ fir-rigward ta' l-omm. Barra minn hekk, l-obbligu li jitħallas il-manteniment jaqa' wkoll fuq id-dixxendenti fl-ordni applikabbli għas-suċċessjoni ab intestato. Dan l-obbligu huwa kbir daqs is-sehem tagħhom mill-wirt. F'każ illi ma jkun hemm ebda dixxendenti, l-obbligu li jitħallas il-manteniment jaqa' fuq l-eqreb axxendenti li għandhom dan l-obbligu f'ishma indaqs meta jkun hemm aktar minn axxendent wieħed ta' l-istess grad. Meta jkun hemm aktar minn debitur tal-manteniment wieħed u dik il-parti ma tkunx kapaċi tħallas il-manteniment lill-benefiċċjarji kollha, id-dixxendenti jkollhom prijorità skond l-ordni applikabbli għas-suċċessjoni ab intestato. Jekk il-maġġoranza tal-benefiċċjarji jkunu axxendenti, l-eqreb axxendenti jkollhom prijorità. Barra minn hekk, fir-rigward tad-drittijiet ta' manteniment, il-mara jew ir-raġel għandu jiġi ttrattat bl-istess mod bħal dixxendenti minorenni u għandu jiġi segwit minn dixxendenti u qraba oħrajn, u dan għandu japplika wkoll għal persuna divorzjata meta tkun intitolata għall-manteniment.

FuqFuq

Barra minn hekk, għandha dritt għall-manteniment biss dik il-parti li ma tistax tmantni lilha nnifisha bl-assi tagħha jew minn xogħol adattat għall-età, l-istat ta' saħħa u bżonnijiet bażiċi oħrajn waqt li jiġu meqjusa l-ħtiġijiet edukattivi, ħlief għal tifel jew tifla taħt l-età, li anki jekk ikunu jippossjedu assi, huma intitolati għal manteniment mingħand il-ġenituri jekk id-dħul, assi jew qligħ mix-xogħol ma jkunux biżżejjed għall-manteniment tagħhom. Madanakollu, persuna li minħabba obbligi oħrajn li jkollha ma tkunx f'pożizzjoni li tħallas il-manteniment mingħajr ma tipperikola l-manteniment tagħha stess m'hijiex obbligata li tħallas il-manteniment. Din ir-regola iżda ma tapplikax fil-każ ta' manteniment imħallas mill-ġenituri għal tfal taħt l-età, ħlief jekk it-talba għall-manteniment tista' tinġieb kontra parti oħra jew jekk dak it-tifel jew tifla tista' tingħata manteniment mill-assi tagħha stess.

F'każ ta' persuni li kienu miżżewġin, meta wieħed jew waħda minnhom ma tistax tmantni lilha nnifisha mid-dħul jew l-assi tagħha, hija intitolata li titlob manteniment mingħand il-parti l-oħra:

  1. jekk malli jingħata d-digriet ta' divorzju tkun ta' ċerta età jew fi stat ta' saħħa li ma jkunx permessibbli li tiġi mġiegħla biex tibda jew tkompli taħdem sabiex tmantni lilha nnifisha;
  2. jekk tkun qed tieħu ħsieb tifel jew tifla taħt l-età u minħabba f'hekk ma tkunx tista' taqbad xogħol adattat;
  3. jekk ma tistax issib xogħol adattat u stabbli, jew jekk tkun teħtieġ taħriġ vokazzjonali, fiż-żewġ każijiet għal perjodu ta' mhux aktar minn tlett snin minn meta jingħata d-digriet tad-divorzju; u
  4. f'kull każ ieħor meta l-għoti tal-manteniment ma' l-għoti tad-digriet ta' divorzju jkun meħtieġ għal raġunijiet ta' klemenza.

Madanakollu, il-ħlas ta' manteniment jista' jiġi eskluż jew limitat jekk dan ikun meħtieġ għal raġunijiet serji, b'mod partikolari meta ż-żwieġ kien wieħed qasir jew meta l-benefiċċjarju kien responsabbli għad-divorzju jew ikkawża volontarjament il-faqar tiegħu jew tagħha stess.

FuqFuq

Id-dritt għall-manteniment jispiċċa meta l-persuna li tkun qed tirċevih terġa' tiżżewweġ jew jekk tkun qed tgħix b'mod permanenti ma' persuna oħra b'mod daqs li kieku kienet miżżewġa, jew malli tmut din l-istess persuna li tkun qed tirċievi l-manteniment, ħlief jekk dak id-dritt ikun relatat ma' perjodi fl-imgħoddi jew ħlasijiet li kienu diġà dovuti fil-ħin tal-mewt. Barra minn hekk, kull waħda mill-partijiet divorzjati hija obbligata li tipprovdi lill-parti l-oħra b'informazzjoni preċiża dwar l-assi u d-dħul tagħha, meta dan ikun utli biex jiġi stabbilit il-livell ta' manteniment. Barra minn hekk, fuq talba minn waħda mill-partijiet divorzjati li tinbagħat permezz tal-Prosekutur Pubbliku kompetenti, il-persuna li tkun tħaddem, is-servizzi pubbliċi kompetenti u l-ispetturi tat-taxxa kompetenti huma obbligati li jipprovdu kull informazzjoni utli dwar l-assi tal-parti l-oħra u fuq kollox dwar id-dħul tiegħu jew tagħha. L-ammont ta' manteniment jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-ħtiġijiet tal-benefiċċjarju, skond il-kondizzjonijiet ta' l-għajxien. Il-benefiċċjarji tal-manteniment huma intitolati biss għal mantentiment bażiku li jkopri biss il-flus li huma assolutament neċessarji għall-manteniment tagħhom jekk ikunu wettqu xi offiża fil-konfront tad-debitur tal-manteniment li tkun tiġġustifika d-diżeredazzjoni tagħhom.

2. Sa liema età jistgħu t-tfal igawdu minn ħlas ta' manteniment?

Sa l-età ta' 18-il sena t-tfal huma intitolati għal ħlas ta' manteniment mingħand il-ġenituri tagħhom kemm jekk ikollom dħul minn assi jew xogħol u kemm jekk le, waqt li wara dik l-età l-ġenituri huma obbligati li jagħtu manteniment lit-tfal adulti tagħhom jekk it-tfal ma jkunux kapaċi jmantnu lilhom infushom minn assi jew xogħol adattati għall-età tagħhom, l-istat ta' saħħa, u bżonnijiet essenzjali oħrajn, skond il-ħtiġijiet edukattivi li tfal jista' jkollhom.

FuqFuq

3. F'liema każijiet hija applikabbli l-liġi Griega?

F'każijiet ta' manteniment li jrid jitħallas mill-miżżewġin jew minn persuni li kienu miżżewġin, il-liġi sostantiva tal-Greċja tapplika jekk matul iż-żwieġ tagħhom l-aħħar ċittadinanza komuni tagħhom kienet Griega u wieħed minnhom ikun żamm iċ-ċittadinanza Griega, jew meta l-aħħar domiċilju komuni normali matul iż-żwieġ kien il-Greċja, jew meta dawn il-persuni jkollhom rabtiet mill-qrib mal-Greċja. F'każijiet ta' manteniment li jrid jitħallas mill-ġenituri lit-tfal u axxendenti oħrajn lid-dixxendenti, il-liġi Griega tapplika jekk l-aħħar ċittadinanza komuni kienet Griega jew l-aħħar domiċilju komuni normali kien il-Greċja, jew meta t-tfal ikollhom ċittadinanza Griega. Jekk it-tfal jtwieldu barra ż-żwieġ, f'każijiet ta' manteniment li jinvolvu l-omm u l-missier ta' dawn it-tfal, il-liġi Griega tapplika jekk l-aħħar ċittadinanza komuni kienet Griega jew l-aħħar domiċilju komuni normali kien il-Greċja, jew meta l-omm jew il-missier ikunu Griegi. F'każijiet ta' manteniment li jinvolvu l-omm ta' tfal imwielda barra ż-żwieġ u l-missier ta' dawn it-tfal, il-liġi Griega tapplika jekk l-aħħar ċittadinanza komuni matul it-tqala kienet Griega jew l-aħħar domiċilju komuni normali jew ordinarju kien il-Greċja. Il-liġi Griega tapplika wkoll meta xi persuna hawn fuq imsemmija jkollha ċittadinanza kemm Griega kif ukoll barranija. Barra minn hekk, il-liġi Griega hija applikabbli wkoll fil-każ ta' manteniment meta d-debitur tal-manteniment ikun residenti fil-Greċja u l-benefiċjarju jkun residenti f'xi wieħed mill-pajjiżi kontraenti tal-Konvenzjoni ta' New York dwar l-Irkupru tal-Manteniment minn Pajjiż Barrani (Digriet Leġislattiv 4421/1964). Il-liġi proċedurali applikabbli hija l-liġi proċedurali Griega skond il-prinċipju ta' lex fori.

FuqFuq

4. Jekk il-liġijiet tal-Greċja m'humiex applikabbli, liema liġi hija applikabbli mill-qrati fil-Greċja?

Jekk il-liġijiet tal-Greċja m'humiex applikabbli, il-qrati għandom japplikaw il-liġijiet li ġejjin fl-ordni li tinsab hawn isfel:

  1. fil-każ ta' manteniment li jinvolvi konjugi jew persuni li kienu miżżewġin, il-liġi ta' l-aħħar ċittadinanza komuni tagħhom matul iż-żwieġ meta xi wieħed minnhom ikun żamm dik iċ-ċittadinanza, jew il-liġi tad-domiċilju normali tagħhom matul iż-żwieġ tagħhom, jew il-liġi tal-pajjiż li miegħu għandhom l-eqreb rabtiet;
  2. f'każijiet ta' manteniment li jinvolvu ġenituri u tfal u axxendenti u dixxendenti, il-liġi ta' l-aħħar ċittadinanza komuni, jew il-liġi ta' l-aħħar domiċilju komuni normali jew il-liġi ta' l-istat li tiegħu t-tfal huma ċittadini.
  3. f'każijiet ta' manteniment li jinvolvu tfal imwielda barra miż-żwieġ u l-ġenituri tagħhom, il-liġi ta' l-aħħar ċittadinanza komuni, jew il-liġi ta' l-aħħar domiċilju komuni normali jew il-liġi ta' l-istat ta' ċittadinanza tal-missier jew l-omm rispettivament.
  4. fil-każ ta' manteniment li jinvolvi l-omm ta' tfal imwielda barra ż-żwieġ u l-missier ta' dawn it-tfal, il-liġi ta' l-aħħar ċittadinanza komuni tagħhom matul it-tqala jew il-liġi ta' l-aħħar domiċilju normali jew ordinarju. Jekk xi waħda mill-persuni hawn fuq imsemmija jkollha aktar minn ċittadinanza waħda, tapplika l-liġi ta' l-istat li miegħu jkollha l-eqreb rabta.

5. L-applikant għandu japplika għand organizzazzjoni speċifika, dipartiment tal-gvern jew qorti biex jieħu l-manteniment?

L-applikant għandu japplika għand il-qorti biex jitlob manteniment mingħand id-debitur tal-manteniment. Barra minn hekk, f'każijiet fejn tapplika l-Konvenzjoni ta' New Yord dwar l-irkupru tal-Manteniment f'Pajjiż Barrani (Digriet Leġislattiv 4421/1964), l-Aġenzija li tittrasmetti l-applikazzjoni ta' applikant residenti fi stat li jkun parti kontraenti għandha titlob mill-Aġenzija li tirċievi tal-parti kontraenti l-oħra li fiha jkun jgħix id-debitur tal-manteniment, u fil-każ tal-Greċja mill-Ministeru tal-Ġustizzja, li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-ħlas tal-manteniment lill-applikant.

FuqFuq

6. Tista' ssir talba f'isem tifel jew tifla ta' taħt l-età minn organizzazzjoni, dipartiment tal-gvern jew mill-qrati?

Il-ġenituri ta' tfal taħt l-età jew l-omm ta' tfal mwielda barra miż-żwieġ li jkollhom il-kustodja ta' dawn it-tfal biss jistgħu jitolbu lill-qorti f'isem it-tfal li jingħata l-manteniment. F'każ illi l-ġenturi tkun tneħħitilhom il-kustodja, l-azzjoni għall-manteniment f'isem it-tfal taħt l-età tista' titressaq mill-persuna li jkollha l-kustodja jew it-tutela tat-tfal. Jekk l-applikant ikun taħt il-protezzjoni tal-qorti jew ma jkunx kapaċi jidħol għal transazzjonijiet legali, din l-azzjoni għandha tiġi ppreżentata minn min ikollu l-kustodja jew it-tutela temporanja jew permanenti rispettivament.

7. Jekk l-applikant irid iressaq il-każ quddiem il-qorti, kif jista' jkun jaf liema qorti għandha ġuriżdizzjoni?

Il-qorti kompetenti għall-preżentazzjoni ta' talbiet ta' manteniment mill-applikant kontra d-debitur tal-manteniment hija l-Qorti ta' l-Ewwel Grad ta' Membru Wieħed, u eċċezzjonalment il-Qorti ta' l-Ewwel Grad ta' Diversi Membri meta l-azzjoni għall-manteniment tkun magħquda ma' tilwima dwar żwieġ bħal kawża ta' divorzju, annullament ta' żwieġ, jew ir-rikonixximent ta' l-eżistenza jew in-nuqqas ta' eżistenza ta' żwieġ, jew ma' xi azzjoni oħra relatata ma' paternità kkontestata, azzjonijiet dwar il-kustodja, ir-rikonixximent tal-paternità ta' tfal li twieldu barra ż-żwieġ, ir-rikonoxximent ta' jekk hemmx jew le rikonoxximent volontarju ta' tfal li twieldu barra ż-żwieġ jew jekk ikunx invalidu, jew jekk it-tfal għandhomx jiġu leġittimitati bi żwieġ tal-ġenituri tagħhom li jsir wara u sfidi għar-rikonoxximent volontarju, rikonoxximent li ma kien hemm ebda adozzjoni jew terminazzjoni tiegħu u rikonoxximent li hemm tutela jew li m'hemmx. Il-qorti lokali kompetenti hija l-qorti fil-post ta' residenza jew domiċilju tal-konvenut u meta l-azzjoni tkun magħquda ma' tilwim matrimonjali, hija wkoll il-qorti tad-domiċilju normali tal-konjugi jew l-aħħar domiċilju normali tal-konjugi kemm-il darba xi wieħed minnhom ikun għadu jgħix hemm, jew fejn xi wieħed mill-konjugi ikun għad għandu d-domiċilju normali tiegħu f'każ ta' petizzjoni konġunta, jew l-attur ikollu d-domiċilju normali tiegħu hemm ta' mill-inqas sena qabel il-kawża jew sitt xhur meta jkollu ċittadinanza jew nazzjonalità Griega. F'każijiet urġenti jew każijiet ta' riskju imminenti, l-applikant jista' jippreżenta petizzjoni quddiem il-Qorti ta' l-Ewwel Grad ta' Membru Wieħed għal inġunzjoni li tordna l-ħlas ta' konċessjoni temporanja ta' manteniment.

FuqFuq

8. L-applikant irid iqabbad intermedjarju biex iressaq il-kawża quddiem il-qorti (e.ż. avukat, organizzazzjoni speċifika jew dipartiment tal-gvern, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri għandhom jiġu segwiti?

Iva l-applikant għandu jqabbad avukat awtorizzat li jieħu ħsieb biex jippreżenta t-talba ta' manteniment quddiem il-qorti lokali kompetenti.

9. L-applikant irid iħallas xi spejjeż biex iressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, dawn xi kemm ikunu? Jekk l-applikant ma jkollux biżżejjed mezzi finanzjarji, jista' jingħata għajnuna legali biex ikopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-proċedura quddiem il-qorti titlob li jitħallsu ċerti spejjeż flimkien mad-drittijiet ta' l-avukat. Il-parti li tippreżenta l-kawża ta' manteniment għandha tħallas l-ispejjeż stabbiliti mill-qorti bil-quddiem, li ma jistgħux ikunu ta' aktar minn € 147, waqt li l-livell ta' spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu jiddependi fuq l-ammont ta' manteniment mitlub, l-għadd ta' dokumenti li jridu jiġu notifikati u l-għadd ta' differimenti tas-seduta. Jekk xi wieħed mill-partijiet ikollu dħul baxx, il-liġi tistabbilixxi li l-għajnuna legali tista' titħallas bla ħsara għal ċerti kondizzjonijiet.

10. X'tip ta' manteniment jista' jingħata mill-qorti? Jekk tingħata konċessjoni din kif tinħadem? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta b'mod illi jiġu kkunsidrati l-bidliet fl-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkostanzi tal-familja?

Il-qorti tistabbilixxi l-livell ta' manteniment billi tikkunsidra l-ħtiġijiet ta' kwalità ta' ħajja diċenti u ta’ l-edukazzjoni ta' l-applikant u l-kapaċitajiet finanzjarji tad-debitur tal-manteniment. Dan l-ammont huwa stabbilit għal perjodu ta' sentejn. Wara sentejn jekk jinbidlu l-kondizzjonijiet ikkunsidrati mill-qorti meta l-ħlas ta' manteniment ikun ġie stabbilit, il-partijiet, jiġifieri kemm l-applikant kif ukoll id-debitur tal-manteniment, jistgħu jitolbu li l-livell ta' manteniment jiġi stabbilit għal sentejn oħra u mat-tieni aġġustament tad-deċiżjoni l-livell ta' ħlas ta' manteniment jista' jiġi eżaminat mill-ġdid.

FuqFuq

11. Kif u lil min jitħallas il-manteniment?

Il-manteniment jitħallas lill-applikant u fil-każ ta' tfal taħt l-età, persuna li ma tkunx kapaċi tidħol għal transazzjonijiet legali jew li tkun taħt il-protezzjoni tal-qorti, huwa pagabbli lill-ġenitur, lit-tutur jew lill-kuratur li jkun ippreżenta l-azzjoni relevanti f'isem l-applikant.

12. Jekk id-debitur tal-manteniment ma jħallasx minn rajh, x'azzjoni tista' tittieħed biex jiġi mġiegħel iħallas?

F'każ illi d-debitur tal-manteniment jirrifjuta li jħallas l-applikant jista' jipprova jenforza d-dritt tiegħu billi juża l-proċedura ta' infurzar obbligatorju kontra l-assi tad-debitur meta dan ikollu xi assi.

13. Hemm xi organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern li tista' tgħin biex jinġabar il-manteniment?

Le

14. Jistgħu jieħdu post id-debitur u jħallsu l-manteniment huma stess jew parti mill-manteniment minnfloku?

Le

15. L-applikant jista' jikseb l-għajnuna ta' organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern fil-Greċja?

Iva

16. Jekk iva, kif jistgħu jiġu kkuntattjati din l-organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern?

Jekk l-applikant ikun jgħix fi stat li jkun parti kontraenti tal-Konvenzjoni ta' New York dwar l-Irkupru ta' Manteniment minn Pajjiż Barrani li tapplika fil-Greċja skond id-Digriet Leġiżlattiv 4421/64, jew jekk ikun hemm ftehim bilaterali bejn l-istat u l-Greċja, u d-debitur tal-manteniment ikun residenti tal-Greċja, f'dak il-każ ikun responsabbli s-Servizz Ċentrali tal-Ministeru tal-Ġustizzja, li l-indirizz tiegħu huwa 96 Mesogeion Ave., Ateni, Greċja GR-11527, Tel. +30.210.7714186. Il-mod kif tista' tikkuntattja dan is-servizz huwa speċifikat fil-Konvenzjoni.

17. X'tip ta' għajnuna jista' jirċievi l-applikant minn din l-organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern jekk ikun jinsab f'pajjiż differenti u d-debitur tal-manteniment jkun jinsab fil-Greċja?

L-għajnuna stipulata fil-Konvenzjoni.

18. L-applikant jista' jindirizza talba direttament lil organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern fil-Greċja?

Le, ħlief fil-każ hawn fuq imsemmi.

« Talbiet ta’manteniment - Informazzjoni Ġenerali | Greċja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 18-05-2005

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit