Kummissjoni Ewropea > NGE > Talbiet ta’manteniment > Belġju

L-aħħar aġġornament: 30-08-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Talbiet ta’manteniment - Belġju

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Skond il-liġi Belġjana, x’jiġbru fihom il-kunċetti ta’ “manteniment” u ta’ “obbligi tal-manteniment”? 1.
2. Il-wild sakemm idum igawdi mill-manteniment? 2.
3. F’liema każijiet hija applikabbli l-liġi Belġjana? 3.
4. Jekk mhix applikabbli l-liġi Belġjana, liema liġi japplikaw il-Qrati ta’ dan il-pajjiż? 4.
5. Min jitlob il-manteniment irid jagħmel talba lil xi entità partikolari, lill-gvern jew lill-Qrati tal-Ġustizzja biex jiksbu? 5.
6. Hu possibbli li t-talba tiġi magħmula għan-nom ta’ membru tal-familja, qarib jew minuri? 6.
7. Jekk min jitlob il-manteniment irid iressaq il-każ tiegħu l-Qorti, kif jista’ jsir jaf liema hi l-Qorti kompetenti? 7.
8. Min jagħmel it-talba għandu bżonn juża s-servizzi ta’ intermedjarju biex iressaq il-każ quddiem il-Qorti? Jekk mhux hekk, liema proċedura trid tiġi osservata? 8.
9. X’inhuma l-ispejjeż tal-proċedura ġudizzjarja? Jekk hemm spejjeż, kemm huma? Jekk min jagħmel it-talba m’għandux biżżejjed mezzi ekonomiċi, jista’ jikseb għajnuna finanzjarja biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-kawża? 9.
10. X’tip ta’ ħlas jiġi stabbilit mill-Qorti? Jekk tkun somma li titħallas perjodikament, kif tiġi kkalkulata? Ladarba tiġi stabbilita s-somma, kif tiġi riveduta jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi? 10.
11. Kif u lil min jitħallas il-manteniment? 11.
12. Jekk id-debitur ma jħallasx minn jeddu, liema mezzi jeżistu għall-eżekuzzjoni forzata? 12.
13. Teżisti xi istituzzjoni li tista’ tgħin lill-kreditur jiġbor il-manteniment dovut? 13.
14. Teżisti xi istituzzjoni li tista’ tħallas fl-intjier jew parzjalment il-manteniment dovut minflok id-debitur? 14.
15. Min qed jagħmel it-talba jista’ jikseb l-għajnuna mingħand xi istituzzjoni jew entità governamentali Belġjana ? 15.
16. Fil-każ affermattiv, x’inhu l-isem u l-indirizz ta’ dik l-istituzzjoni jew dik l-entità governamentali? Kif jista’ wieħed jikkuntattjahom? 16.
17. X’tip ta’ għajnuna ser jirċievi min jitlobha mingħand dik l-istituzzjoni jew dik l-entità governamentali? 17.
18. Min qed jagħmel it-talba jista’ jirrikorri direttament għand istituzzjoni jew awtorità governamentali Belġjana? 18.
19. Fil-każ affermattiv, x’inhu l-isem u l-indirizz ta’ dik l-istituzzjoni jew dik l-entità governamentali? Kif jista’ wieħed jikkuntattjahom? 19.
20. X’tip ta’ għajnuna ser jirċievi min jitlobha mingħand dik l-istituzzjoni jew dik l-entità governamentali? 20.

 

1. Skond il-liġi Belġjana, x’jiġbru fihom il-kunċetti ta’ “manteniment” u ta’ “obbligi tal-manteniment”?

L-“obbligu tal-manteniment” jista’ jiġi definit bħala dak impost mil-liġi lil persuna biex din tforni lil persuna oħra li tinsab fil-bżonn u li bejniethom teżisti relazzjoni ta’ “familja determinata” l-għajnuna meħtieġa għall-għixien. Il-“manteniment” ma jkoprix biss l-ikel iżda dak kollu meħtieġ għall-għixien: l-ikel, il-ħwejjeġ, l-abitazzjoni, il-kura medika eċċ.

Min għandu “l-obbligi tal-manteniment” lejn persuna oħra:

Il-manteniment hu bbażat fuq relazzjoni ta’ parentela jew unjoni jew fuq obbligu ta’ sostituzzjoni meta din ir-relazzjoni tinkiser. L-obbligu għall-manteniment jeżisti bejn xi ġenituri u qraba, bejn il-miżżewġin u bejn il-ko-abitanti skond il-liġi. Hu bbażat fuq xorta ta’ “solidarjetà” li f’xi każi tista’ tkun aktar qawwija.

- il-ġenituri fir-rigward ta’ wliedhom?

F’dan il-każ hemm żewġ tipi ta’ manteniment:

  • manteniment akbar li fil-qafas tiegħu il-missier u l-omm huma responsabbli, skond il-mezzi tagħhom, mill-abitazzjoni, iż-żamma, is-sorveljanza, l-edukazzjoni u t-tagħlim ta’ wliedhom. Jekk it-tagħlim ma jkunx għadu tkompla, il-manteniment jibqa’ jingħata wara l-età maġġorenni tal-wild. Dan l-obbligu hu marbut ma’ l-awtorità tal-ġenituri iżda jibqa’ jgħodd anki wara li l-wild isir maġġorenni jew jemanċipa ruħu. Hu jeżisti indipendentement mill-mezzi tal-ġenitur u mill-istat ta’ bżonn tal-wild. Hu akbar fis-sens li minbarra l-għixien tal-wild, hu jinkludi wkoll l-edukazzjoni, it-tagħlim tiegħu, eċċ. (Artikolu 203 tal-Kodiċi Ċivili).
  • manteniment ibbażat fuq il-filjazzjoni, marbut ma’ l-istat tal-bżonn tal-wild u mal-mezzi tal-ġenitur (Artikoli 205, 207 u 208 tal-Kodiċi Ċivili).
- l-ulied fir-rigward tal-ġenituri tagħhom?

Il-manteniment validu għall-ġenituri fir-rigward ta’ wliedhom (Artikolu 205 tal-Kodiċi Ċivili) hu reċiproku. Għalhekk l-ulied għandhom imantnu lill-ġenituri tagħhom f’każ ta’ bżonn.

FuqFuq

- il-miżżewġin?

Il-manteniment bejn il-miżżewġin hu bbażat fuq id-dmir ta’ għajnuna u fuq id-dmir ta’ kontribuzzjoni għall-ispejjeż taż-żwieġ stipulati mill-Kodiċi Ċivili (Artikolu 213 u 221 tal-Kodiċi Ċivili). Dawn id-dmirijiet, marbuta mad-dmir ta’ ko-abitazzjoni li wkoll hu impost fuq il-miżżewġin, huma reċiproċi. Jekk ma jkunux irrispettati, jistgħu jagħtu lok għal kawża biex jiġu eżegwiti, taħt forma ta’ azzjoni għall-manteniment jew delegazzjoni ta’ l-ammonti – ara l-mistoqsija nru 12- (Artikoli 213, 221 u 223 tal-Kodiċi Ċivili).

- il-miżżewweġ iddivorzjat fir-rigward ta’ l-ex-konjuġi?

Trid issir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ divorzju: divorzju għal kawża determinata jew divorzju b’kunsens reċiproku:

§ Divorzju għal raġuni determinata

Matul il-kawża ta’ divorzju għal raġuni determinata (divorzju minħabba adulterju, minħabba eċċess, swat jew inġurja gravi u minħabba separazzjoni de facto għal aktar minn sentejn), kull wieħed mill-konjuġi jista’ jitlob il-manteniment lill-imħallef kompetenti dwar miżuri provviżorji, u dan mingħajr konsiderazzjoni dwar min hu responsabbli (Artikolu 1280 tal-Kodiċi tal-Proċedura).

Wara divorzju minħabba adulterju, eċċess, swat jew inġurja gravi, il-parti innoċenti tista’ titlob lill-imħallef kompetenti, manteniment maħsub biex tippermettilha tgħix f’kondizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li kellha matul il-perjodu ta’ ħajja komuni (Artikolu 301 tal-Kodiċi Ċivili).

Wara d-divorzju minħabba separazzjoni ta’ aktar minn sentejn, il-parti li għamlet it-talba titqies responsabbli mis-separazzjoni. Għalhekk il-parti l-oħra biss tista’ tippretendi l-manteniment. Madankollu l-parti li għamlet it-talba tista’ tirribatti l-preżunzjoni li hemm kontriha (Artikoli 306 tal-Kodiċi Ċivili).

FuqFuq

§ Divorzju b’kunsens reċiproku.

Il-konjuġi li jiddeċiedu li jiddivorzjaw b’kunsens reċiproku għandhom jiddeċiedu jistipulawx jew le, fil-ftehim preliminari tad-divorzju tagħhom, l-ammont ta’ xi manteniment eventwali li wieħed mill-konjuġi jħallas lill-ieħor matul il-proċedura u warajha (Artikolu 1288 tal-Kodiċi tal-Proċedura).

- Oħrajn?

F’liema każi?

L-obbligu tal-manteniment jeżisti bejn il-qraba f’relazzjoni diretta, kemm axxendenti kif ukoll dixxendenti (ġenituri/ulied, ulied/ġenituri iżda wkoll neputijiet/nanniet u bil-kontra - Artikolu 205 u 207 tal-Kodiċi Ċivili).

Bejn il-qraba, hemm żewġ każi:

  • F’ċerti limiti, is-superstiti għandu l-obbligu li jmantni lill-ulied tal-konjuġi l-mejjet li kienu twieldu minn żwieġ preċedenti (l-Artikolu 203, § 2 tal-Kodiċi Ċivili).
  • Il-ħtien u l-ħtiniet għandhom obbligu lejn il-kunjati tagħhom u viċi-versa. Dan l-obbligu jintemm jekk il-kunjatu jew il-kunjata jerġgħu jiżżewwġu, jekk il-miżżewweġ (li joħloq il-parentela) u l-ulied imwielda mill-unjoni jmutu (l-Artikolu 206 tal-Kodiċi Ċivili).

L-eredità tal-konjuġi l-mejjet, f’ċerti ċirkostanzi, hija obbligata għall-manteniment tas-superstiti jew ta’ l-axxendenti tal-mejjet (Artikolu 205 bis tal-Kodiċi Ċivili).

Il-wild li l-paternità tiegħu ma ġietx stabbilita jista’ jitlob il-manteniment biex jgħix, jistudja u jitgħallem mingħand ir-raġel li kellu relazzjoni ma’ ommu matul il-perjodu legali tal-konċepiment tiegħu (l-Artikolu 336 tal-Kodiċi Ċivili).

Jekk il-ħajja normali bejn ko-abitanti legali hija serjament imfixkla, parti tista’ titlob il-manteniment quddiem it-tribunal tat-talbiet żgħar, fil-qafas tal-miżuri provviżorji li hu għandu poter jieħu. Dan iseħħ ukoll fil-każ ta’ waqfien tal-ko-abitazzjoni legali, fil-qafas tal-miżuri proviżorji (l-Artikolu 1479 tal-Kodiċi Ċivili).

FuqFuq

2. Il-wild sakemm idum igawdi mill-manteniment?

Normalment, l-obbligu tal-manteniment jieqaf malli l-wild isir maġġorenni jew jiġi emanċipat. Madankollu, jista’ jkompli jekk il-wild għadu ma lestiex l-formazzjoni tiegħu (Artikoli 203 u 336 tal-Kodiċi Ċivili).

3. F’liema każijiet hija applikabbli l-liġi Belġjana?

Il-Belġju iffirma l-Konvenzjoni ta’ The Hague ta’ l-24 ta’ Ottubru 1956 dwar il-liġi applikabbli għall-manteniment ta’ l-ulied. Din il-Konvenzjoni, li tgħodd biss fl-Istati li ffirmawha, fil-prinċipju tirregola l-obbligu tal-manteniment ta’ l-ulied skond il-liġi tar-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment (l-Ewwel Artikolu).

Madankollu l-Belġju jista’ jiddikjara l-liġi tiegħu bħala applikabbli jekk ir-residenza tal-wild barra mill-pajjiż tkun l-uniku element estranju tar-relazzjoni (Artikolu 2). Għalhekk il-liġi Belġjana tippermetti kawża fil-Belġju minn wild Belġjan residenti barra mill-pajjiż kontra missier residenti fil-Belġju.

Il-liġi Belġjana tapplika wkoll jekk il-liġi tal-pajjiż ta’ residenza tal-wild ma tagħtih l-ebda dritt għall-manteniment (Artikolu 3).

Minbarra l-każijiet ikkontemplati mill-Konvenzjoni msemmija, japplikaw ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat Belġjan (l-ewwel jew it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 3 tal-Kodiċi Ċivili). Il-liġi Belġjana tapplika kemm jekk il-kreditur tal-manteniment jinsab fuq it-territorju Belġjan, kif ukoll jekk l-obbligu tal-manteniment jiddependi mil-liġi nazzjonali tal-persuni involuti (suġġett għall-ordni pubblika internazzjonali jew għall-urġenza li tingħata sentenza).

FuqFuq

4. Jekk mhix applikabbli l-liġi Belġjana, liema liġi japplikaw il-Qrati ta’ dan il-pajjiż?

Jekk il-persuna li titlob il-“manteniment” u dik li għandha tħallsu jinsabu t-tnejn fuq it-territorju Belġjan:

F’xi każijiet tista’ tiġi applikata l-liġi barranija, skond ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat Belġjan. F’xi każijiet oħra, tiġi applikata l-liġi Belġjana.

5. Min jitlob il-manteniment irid jagħmel talba lil xi entità partikolari, lill-gvern jew lill-Qrati tal-Ġustizzja biex jiksbu?

Id-debitur jista’ jiddeċiedi li jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-kreditur b’mod volontarju. Jekk dan ma jkunx il-każ, jekk ikun hemm kwistjoni, nuqqas ta’ ftehim jew waqfien tal-ħlas, tkun meħtieġa azzjoni legali.

6. Hu possibbli li t-talba tiġi magħmula għan-nom ta’ membru tal-familja, qarib jew minuri?

Il-kawża tmiss lill-kreditur tal-manteniment biss. It-talba titressaq quddiem l-imħallef mill-persuna jew minn avukat tiegħu (b’mod partikolari l-Artikoli 1253 ter, 1254 u 1320 tal-Kodiċi tal-Proċedura).

Jekk ma jkunx kapaċi, ir-rappreżentant legali jieħu azzjoni f’ismu (il-missier, l-omm, it-tutur eċċ).

7. Jekk min jitlob il-manteniment irid iressaq il-każ tiegħu l-Qorti, kif jista’ jsir jaf liema hi l-Qorti kompetenti?

It-tribunal tat-talbiet żgħar għandu kompetenza ġenerali dwar il-kwistjonijiet li jinvolvu l-manteniment (l-Artikolu 591, 7° tal-Kodiċi tal-Proċedura) iżda hemm xi eċċezzjonijiet.

FuqFuq

Kawża miftuħa minn wild kontra dak li kellu relazzjoni ma’ ommu matul il-perjodu legali tal-konċepiment tiegħu (Artikolu 336 tal-Kodiċi Ċivili) taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Qorti tal-Prim’ Istanza (Artikolu 338 tal-Kodiċi Ċivili).

Matul l-kawża ta’ divorzju jew separazzjoni tal-korpi għal raġuni determinata, il-miżuri provviżorji relatati mal-persuna, ma’ l-alimenti u mal-beni tal-konjuġi u ta’ l-ulied jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Qorti tal-Prim’ Istanza taħt proċedura sommarja (l-Artikolu 1280 tal-Kodiċi tal-Proċedura). Fl-udjenza preliminari tal-proċedura tad-divorzju, l-imħallef jista’ jwassal lill-konjuġi għal ftehim parzjali jew sħiħ dwar il-miżuri provviżorji relatati mal-manteniment u/jew relatati mal-manteniment ta’ l-ulied (l-Artikolu 1258, § 2, tal-Kodiċi tal-Proċedura). Jekk ma jkunx hemm aktar modifiki, il-miżuri provviżorji meħuda dwar it-tfal jibqgħu fis-seħħ wara d-divorzju (l-Artikolu 302 tal-Kodiċi Ċivili).

Biex jiġi ffissat il-manteniment wara d-divorzju (l-Artikoli 301, 306, 307 u 307 bis tal-Kodiċi Ċivili), il-qorti kompetenti hija t-tribunal tat-talbiet zgħar jew il-Qorti li quddiemha tkun tressqet it-talba tad-divorzju skond l-istadju tad-divorzju. Wara s-sentenza definittiva tad-divorzju, it-tribunal tat-talbiet zgħar biss hu kompetenti.

F’każ ta’ divorzju b’kunsens reċiproku jew separazzjoni personali b’kunsens reċiproku, il-partijiet jiddeċiedu permezz ta’ ftehim preliminari dwar il-manteniment ta’ l-ulied u dwar il-manteniment li eventwalment wieħed mill-konjuġi jrid iħallas lill-ieħor. It-tribunal tat-talbiet zgħar hu kompetenti biex jiddeċiedi dwar tibdil fil-manteniment ta’ l-ulied. Iżda l-Qorti tal-Minorenni tista’ tordna jew tibdel kull dispożizzjoni relattiva għall-awtorità tal-ġenituri (l-Artikolu 387 bis tal-Kodiċi Ċivili), u tista’ fl-istess ħin tiddeċiedi dwar il-manteniment ta’ l-ulied.

FuqFuq

8. Min jagħmel it-talba għandu bżonn juża s-servizzi ta’ intermedjarju biex iressaq il-każ quddiem il-Qorti? Jekk mhux hekk, liema proċedura trid tiġi osservata?

Ara l-mistoqsija nru 6. Skond il-kawża li trid tiġi proposta, il-kawża titressaq jew permezz ta’ ċitazzjoni jew b’rikors. L-intervent ta’ avukat mhux obbligatorju.

9. X’inhuma l-ispejjeż tal-proċedura ġudizzjarja? Jekk hemm spejjeż, kemm huma? Jekk min jagħmel it-talba m’għandux biżżejjed mezzi ekonomiċi, jista’ jikseb għajnuna finanzjarja biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-kawża?

Hemm bżonn ta’ ħlas għall-proċedura ġudizzjarja. Mhux possibli li jsir magħruf l-ammont ta’ spejjeż li se jkunu involuti, peress li dan jiddependi fuq il-kawża li qed tiġi proposta, l-ispejjeż ġudizzjarji u l-ispejjeż tad-difiża legali jekk jintuża s-servizz ta’ avukat. Fir-rigward ta’ l-għajnuna legali japplikaw ir-regoli tal-liġi ordinarja (Ara “Għajnuna Legali - il-Belġju”).

10. X’tip ta’ ħlas jiġi stabbilit mill-Qorti? Jekk tkun somma li titħallas perjodikament, kif tiġi kkalkulata? Ladarba tiġi stabbilita s-somma, kif tiġi riveduta jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi?

- Dwar it-tip tal-benefiċċju

Il-benefiċċju jingħata taħt forma ta’ manteniment. F’xi każijiet, dan il-manteniment jista’ jiġi kkapitalizzat (Artikolu 301, § 5, tal-Kodiċi Ċivili).

FuqFuq

- Dwar l-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna u l-indiċjar.

Ma jeżisti l-ebda indiċi. Il-manteniment jingħata skond il-bżonn ta’ dak li jitolbu u skond il-mezzi finanzjarji ta’ dak li għandu jagħtih (l-Artikoli 208 u 209 tal-Kodiċi Ċivili).

Il-manteniment dovut mill-missier u mill-omm (l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Ċivili) hu ffissat skond il-mezzi finanzjarji tagħhom u dan l-obbligu għandu jinkludi l-abitazzjoni, iż-żamma, il-kontroll, l-edukazzjoni u l-formazzjoni ta’ l-ulied (sakemm it-tagħlim jitlesta). Dan il-benefiċċju jingħata taħt forma ta’ kontribuzzjoni fissa kull xahar lill-ġenitur “kustodju”. Il-missier jew l-omm jistgħu jieħdu azzjoni f’isimhom stess biex jitolbu lill-parti l-oħra biex tikkontribwixxi għall-ispejjeż ta’ abitazzjoni, żamma eċċ (Artikolu 203 bis tal-Kodiċi Ċivili).

L-ammont ta’ manteniment li għandu jitħallas minn dak li kellu relazzjoni sesswali ma’ omm il-wild matul il-perjodu legali tal-konċepiment tiegħu hu stipulat skond il-bżonnijiet tal-wild u r-riżorsi, mezzi u sitwazzjoni soċjali tad-debitur (l-Artikolu 336 tal-Kodiċi Ċivili).

Il-manteniment wara divorzju minħabba raġuni determinata għandu jippermetti lill-benefiċjarju, meta jitqies id-dħul tiegħu, il-possibbiltà li jgħix f’kondizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li kien jibbenefika minnhom matul il-ħajja miżżewwġa (l-Artikolu 301, § 1, tal-Kodiċi Ċivili). Skond il-liġi l-manteniment jiġi adattat skond l-indiċi tal-prezzijiet tal-konsum (l-Artikolu 301, § 2) u ma jistax jeċċedi terz tad-dħul tal-parti miżżewwġa li għandha tħallas. Għal manteniment miftiehem wara divorzju għar-raġuni ta’ separazzjoni ta’ aktar minn sentejn, l-Artikolu 307 bis tal-Kodiċi Ċivili jistipula li l-manteniment ma jistax jeċċedi terz tad-dħul tad-debitur (contra, id-deċiżjonijiet 48/2000 u 163/2001 meħuda mill-Qorti ta’ l-Arbitraġġ). Fil-qafas tad-divorzju b’kunsens reċiproku, huma l-konjuġi li jiftiehmu dwar il-manteniment li wieħed għandu jħallas lill-ieħor u kif dan se jiġi adattat għall-għoli tal-ħajja (l-Artikolu 1288 (4) tal-Kodiċi tal-Proċedura).

FuqFuq

Bħalma ntqal fir-risposta għall-mistoqsija numru 1, il-manteniment bejn il-konjuġi hu bbażat fuq id-dmir ta’ appoġġ u għajnuna u fid-dmir ta’ kontribuzzjoni fl-ispejjeż taż-żwieġ stipulati mill-Kodiċi Ċivili (l-Artikoli 213 u 221 tal-Kodiċi Ċivili).

11. Kif u lil min jitħallas il-manteniment?

Il-manteniment jitħallas lill-kreditur tal-manteniment jew lir-rappreżentant tiegħu. Hu jitħallas kull xahar. F’xi każi jista’ jkun anki kkapitalizzat.

12. Jekk id-debitur ma jħallasx minn jeddu, liema mezzi jeżistu għall-eżekuzzjoni forzata?

Il-kreditur li għandu ttitolu eżekuttiv jista’ jġiegħel lid-debitur biex jagħtih il-manteniment. F’xi kondizzjonijiet, jista’ isir qbid ta’ beni mobbli jew immobbli tad-debitur tal-manteniment li ma jirrispettax sentenza li biha ġie ordnat iħallas il-manteniment (l-Artikolu 1494 tal-Kodiċi tal-Proċedura). Jista’ jinħareġ ukoll sekwestru f’idejn terza persuna, per eżempju min iħaddem lid-debitur (l-Artikolu 1539 tal-Kodiċi tal-Proċedura). Fl-aħħar, taħt ċerti kondizzjonijiet, il-kreditur tal-manteniment li għad m’għandux titolu eżekuttiv jista’ jikseb qbid kawtelatorju, sabiex jiggaranitixxi d-drittijiet tiegħu li jiġbor il-manteniment fil-futur (l-Artikolu 1413 tal-Kodiċi tal-Proċedura).

Inħoloq ukoll mekkaniżmu semplifikat ta’ eżekuzzjoni. Dan huwa d-delegazzjoni tal-ħlas, jiġifieri l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-kreditur tal-manteniment biex jirċievi l-ħlas direttament, f’ċerti limiti, mid-dħul tad-debitur jew minn kull somma oħra dovuta minn terza persuna. Id-delegazzjoni tal-ħlas tapplika għall-manteniment bejn il-konjuġi jew ex-konjuġi (l-Artikoli 220, §3, 221, 223, 301 bis tal-Kodiċi Ċivili, 1280 u 1306 tal-Kodiċi tal-Proċedura), għall-obbligu taż-żamma, ta’ l-edukazzjoni u tal-formazzjoni fir-rigward ta’ l-ulied – anki għat-talbiet bejn missier u omm kif stipulat mill-Artikolu 203 bis tal-Kodiċi Ċivili - u għall-manteniment bejn l-axxendenti u d-dixxendenti (l-Artikolu 203 ter tal-Kodiċi Ċivili).

FuqFuq

Il-Kodiċi Penali jinkludi Artikolu dwar l-abbandun tal-familja (l-Artikolu 369 bis)  li permezz tiegħu persuna li tkun obbligata tipprovdi l-manteniment tista’ tiġi mħarrka jekk tonqos milli tħallas dan il-manteniment għal aktar minn xahrejn.

13. Teżisti xi istituzzjoni li tista’ tgħin lill-kreditur jiġbor il-manteniment dovut?

Jekk il-kreditur tal-manteniment ma jirnexxilux jikseb il-ħlas, minkejja l-mezzi mfissra fir-risposta għall-mistoqsija 12, hu jista’ jikkuntattja lis-Servizz dwar il-Manteniment (fi ħdan is-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi), meta dan is-Servizz ikun inħoloq. Dan is-servizz se jkun responsabbli biex iħallas bil-quddiem skadenza waħda jew aktar ta’ manteniment u biex jiġbor jew jirkupra l-ħlasijiet mogħtija bil-quddiem kif ukoll il-bilanċ u l-arretrati tal-manteniment mid-debitur tal-manteniment. 

Sadanittant, il-kreditur tal-manteniment għandu jikkuntattja liċ-Ċentru Pubbliku ta’ l-Għajnuna Soċjali (CPAS) li jista’ jipprovdilu ħlas bil-quddiem ta’ skadenza waħda jew aktar ta’ manteniment (l-Artikolu 68 bis tal-Liġi tat-8 ta’ Lulju 1976 li twaqqaf is-CPAS). Madankollu dan japplika biss għall-manteniment ta’ wild u dan irid ikun residenti fil-Belġju.

14. Teżisti xi istituzzjoni li tista’ tħallas fl-intjier jew parzjalment il-manteniment dovut minflok id-debitur?

Is-CPAS jissostitwixxi lid-debitur sabiex iħallas il-manteniment, jew parti minnu, minfloku bħala forma ta’ għajnuna soċjali. Il-ġbir lura ta’ dawn l-ammonti jsir mingħand id-debitur ħlief jekk dan ma jkollux il-mezzi finanzjarji.

FuqFuq

15. Min qed jagħmel it-talba jista’ jikseb l-għajnuna mingħand xi istituzzjoni jew entità governamentali Belġjana ?

Jekk min jagħmel it-talba jinsab fil-Belġju u d-debitur jgħix f’pajjiż ieħor, u min jagħmel it-talba għandu sentenza li tistabbilixxi l-manteniment favur tiegħu, hu jista’ jikseb l-għajnuna mingħand l-amministrazzjoni Belġjana:

Service Public Fédéral Justice - Direction générale de la Législation et des Libertés et Droits fondamentaux:

Din l-amministrazzjoni tintervjeni taħt il-provvedimenti tal-Konvenzjoni ta’ New York ta’ l-20 ta’ Ġunju 1956 English - français dwar il-ġbir tal-manteniment barra mill-pajjiż, approvata mil-Liġi tas-6 ta’ Mejju 1966, bħala l-Awtorità intermedjarja tal-Belġju.

16. Fil-każ affermattiv, x’inhu l-isem u l-indirizz ta’ dik l-istituzzjoni jew dik l-entità governamentali? Kif jista’ wieħed jikkuntattjahom?

S.P.F. Justice

Convention de New York

Boulevard de Waterloo, 115

1000 Bruxelles

Belgique.

Tél. : +32 (0)2/542.65.11

Fax : +32 (0)2/542.70.06

17. X’tip ta’ għajnuna ser jirċievi min jitlobha mingħand dik l-istituzzjoni jew dik l-entità governamentali?

Jekk min jagħmel it-talba jinsab f’pajjiż ieħor u l-persuna obbligata li tagħti l-manteniment tinsab fil-Belġju, il-Konvenzjoni ta’ New York tistipula li l-Istituzzjoni intermedjarja (f’dan il-każ, Belġjana), tieħu, f’isem il-kreditur, il-miżuri kollha xierqa biex tiżgura li jinġabar il-manteniment. Għall-ewwel ikun meħtieġ li jinstab id-debitur u jsir tentattiv biex jintlaħaq ftehim bonarju, u dan bl-għajnuna tal-Qrati. Jekk dan il-ftehim ma jinkisbx jew ma jkun irrispettat, l-Istituzzjoni intermedjarja tniedi u tkompli, f’isem il-kreditur u wara li eventwalment tkun talbet għalih l-għajnuna legali mingħajr ħlas, kawża għall-manteniment, u teżegwixxi s-sentenza miksuba.

18. Min qed jagħmel it-talba jista’ jirrikorri direttament għand istituzzjoni jew awtorità governamentali Belġjana?

L-applikant residenti barra mill-Belġju għandu jikkuntattja lill-Awtorità ċentrali ta’ pajjiżu responsabbli mill-Konvenzjoni hawn fuq imsemmija. Hu ma jistax jikkuntattja direttament xi organizzazzjoni jew amministrazzjoni fil-Belġju.

19. Fil-każ affermattiv, x’inhu l-isem u l-indirizz ta’ dik l-istituzzjoni jew dik l-entità governamentali? Kif jista’ wieħed jikkuntattjahom?

Ir-risposta hi le, ara l-mistoqsija 18 .

20. X’tip ta’ għajnuna ser jirċievi min jitlobha mingħand dik l-istituzzjoni jew dik l-entità governamentali?

Ir-risposta hi le, ara l-mistoqsija 18 .

« Talbiet ta’manteniment - Informazzjoni Ġenerali | Belġju - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 30-08-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit