Kummissjoni Ewropea > NGE > Professjonijiet legali > Isvezja

L-aħħar aġġornament: 29-08-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Professjonijiet legali - Isvezja

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. L-Imħallfin 1.
2. L-Avukati 2.
3. Il-Prosekuturi 3.
4. Il-Marixxalli 4.

 

Il-Preżentazzjoni tal-professjonijiet

1. L-Imħallfin

Il-maġġoranza ta’ l-imħallfin (domare) jaħdmu f’waħda miż-żewġ strutturi tal-qorti ordinarja. Min-naħa waħda hemm il-qrati ordinarji (allmänna domstolar), li jikkonsistu minn numru kbir ta’ qrati distrettwali (tingsrättar), sitt qrati ta’ l-appell (hovrättar) u l-Qorti Suprema (Högsta domstolen), u min-naħa l-oħra hemm il-qrati amministrattivi ordinarji (allmänna förvaltningsdomstolar), li jikkonsistu minn numru kbir ta’ qrati amministrattivi tal-kontea (länsrättar), erba’ qrati amministrattivi ta’ l-appell (kammarrättar) u l-Qorti Amministrattiva Suprema (Regeringsrätten). Imħallef għajr il-president ta’ qorti jew ta’ taqsima tal-qorti jissejjaħ rådman fil-qrati distrettwali u fil-qrati amministrattivi tal-kontea, hovrättsråd fil-qrati ordinarji ta’ l-appell, u kammarrättsråd fil-qrati amministrattivi ta’ l-appell. Imħallef li jippresjedi taqsima ta’ qorti jissejjaħ chefsrådman fil-qrati distrettwali u fil-qrati amministrattivi tal-kontea, hovrättslagman fil-qrati ordinarji ta’ l-appell, u kammarrättslagman fil-qrati amministrattivi ta’ l-appell. Il-president tal-qorti jissejjaħ lagman fil-qrati distrettwali u fil-qrati amministrattivi tal-kontea, u president fil-qrati ordinarji ta’ l-appell u fil-qrati amministrattivi ta’ l-appell. L-imħallfin tal-Qorti Suprema jissejħu justitieråd.

Imħallef irid ikun ċittadin Svediż. Dan irid ikollu wieħed mill-gradi universitarji Svediżi ta’ Bakkalawrjat tal-Liġi (juris kandidatexamen) jew ta’ Masters fil-Liġi (juristexamen). Fuq ċerti kondizzjonijiet, it-taħriġ legali f’pajjiż Nordiku ieħor jista’ jitqies bħala ekwivalenti għal dawn il-gradi universitarji. Persuna li tkun falluta jew li l-affarijiet tagħha jkunu taħt il-kura ta’ amministratur (förvaltarskap) ma tistax issir imħallef.

FuqFuq

L-imħallfin jinħatru mill-Gvern skond proċedura ta’ applikazzjonijiet. Din is-sistema ma tgħoddx għall-ogħla karigi ġudizzjarji. Essenzjalment, l-imħallfin jinħatru fuq il-bażi ta’ kemm ikunu kapaċi u tajbin għal dik il-professjoni. Fl-għażliet tiegħu, il-Gvern ikun megħjun minn kummissjoni speċjali tal-ħatriet ġudizzjarji. Il-funzjoni ewlenija ta’ din il-kummissjoni hija li tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Gvern dwar kif għandhom isiru l-ħatriet.

L-Imħallfin jiġu impjegati mill-Istat, u għandhom l-istat ta’ ħaddiema tas-servizz pubbliku. Dawn jistgħu jitneħħew mill-kariga biss jekk juru li ma jkunux kapaċi, jekk jonqsu serjament jew ripetutament mid-dmirijiet tagħhom, jekk jikkommettu reat kriminali, jew meta jilħqu l-età ta’ l-irtirar. Il-Kostituzzjoni tiggarantixxi l-awtonomija ta’ l-imħallfin fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

Fl-Isvezja, dawk li jkunu qed jaspiraw li jilħqu imħallfin is-soltu jitħarrġu b’mod speċifiku għal dik il-professjoni. Persuni li jkunu tħarrġu bħala imħallfin jkunu dawk l-aktar li japplikaw biex isiru imħallfin professjonali. Dan it-taħriġ mhuwiex meħtieġ b’mod formali. Kull persuna li jkollha kwalifika fil-Liġi tista’ tapplika għall-kariga ta’ imħallef. Madankollu, l-applikanti li jkunu ħadu t-taħriġ bħala imħallfin normalment jitqiesu li jkollhom aktar vantaġġ.

Biex ikun aċċettat għal dan it-taħriġ, dak li jkun jixtieq jieħu dan it-taħriġ irid ikollu kemm grad ta’ Bakkalawrjat fil-Liġi kif ukoll kwalifika bħala skrivan tal-qorti (notarie), jiġifieri dawn iridu jkunu ħadmu għal sentejn bħala skrivan ta’ qorti distrettwali jew ta’ qorti amministrattiva tal-kontea. Persuna li tiġi aċċettata biex titħarreġ għal imħallef tiġi l-ewwel impjegata bħala skrivan tar-rappurtaġġ legali (hovrättsfiskal or kammarrättsfiskal) f’qorti ta’ l-appell, ordinarja jew amministrattiva, fuq prova ta’ sitt xhur. Jekk matul dan il-perjodu ta’ prova l-kapaċità tiegħu jew tagħha tkun approvata, dak li jkun qed jieħu t-taħriġ jiġi impjegat bħala skrivan tar-rappurtaġġ legali fil-qorti ta’ l-appell taħt ċerti kondizzjonijiet. Wara mill-inqas sentejn f’din il-kariga, dan imbagħad jibda jservi bħala assistent imħallef (tingsfiskal jew länrättsfiskal) f’qorti distrettwali jew f’qorti amministrattiva tal-kontea għal sentejn oħra. Dawn l-assistenti imħallfin ikunu imħallfin tal-qorti u jittrattaw il-każijiet li jkollhom quddiemhom bħall-imħallfin regolari.

FuqFuq

Fl-aħħar parti tat-taħriġ, l-assistent imħallef imur lura lejn il-qorti ordinarja jew il-qorti ta’ appell ta’ l-amministrattiv biex iservi bħala imħallef għal mill-inqas sena. Ladarba dak il-perjodu ta’ servizz jintemm b’suċċess, dan jinħatar bħala imħallef assoċjat (assessor) tal-qorti ordinarja jew tal-qorti amministrattiva ta’ l-appell, u b’hekk jiġi fi tmiemu dan l-apprendistat.

L-Imħallfin assoċjati li jkunu jixtiequ jinħatru imħallfin regolari normalment jaħdmu barra mill-ġudikatura għal numru ta’ snin wara li jkunu temmew dan it-taħriġ, biex b’hekk ikunu jistgħu jiksbu esperjenza vasta u biex itejbu l-ħiliet tagħhom meta jiġu biex jikkompetu għall-kariga ta’ imħallef regolari.

Id-drittijiet legali ta’ l-individwu u l-konfidenza pubblika fis-sistema legali jeħtieġu li l-imħallfin jiddeċiedu dwar il-każijiet li jitressqu quddiemhom bla ma jqisu l-ebda influwenza barranija. Ir-regoli għall-imħallfin jiddeterminaw numru ta’ prinċipji ġenerali li jikkontrollaw il-mod kif dawn għandhom iġibu ruħhom fil-qadi ta’ dmirjiethom ta’ kuljum. Dawn ir-regoli jirriflettu wkoll id-domandi differenti li jkun hemm fuq l-imħallef, bħalma huma l-oġġettività, l-imparzjalità u l-ħila li dan jittratta lil kulħadd l-istess. Dawn jipprovdu wkoll b’mod speċifiku għall-iskwalifika ta’ l-imħallfin minn każijiet partikolari.

Bħala regola, l-imħallfin li jservu fil-qrati ordinarji u fil-qrati amministrattivi ordinarji ma jkunux persuni speċjalizzati, u għalhekk dawn jittrattaw il-każijiet kollha li jitressqu quddiemhom fil-qorti.

Kif issemma diġà, iċ-ċittadinanza Svediża hija kriterju biex wieħed jilħaq imħallef fl-Isvezja. M’hemm l-ebda provvediment biex ċittadini barranin ikunu jistgħu japplikaw għal din il-kariga.

FuqFuq

2. L-Avukati

Fl-Isvezja l-avukati kollha (advokater) jaħdmu fil-prattika privata; l-uffiċċji pubbliċi tal-liġi (allmänna advokatbyråer) li kienu jeżistu qabel ġew aboliti. B’kuntrast ma’ dak li jiġri f’ħafna sistemi legali barranin, fl-Isvezja persuna tista’ hija stess tiddefendi l-każ tagħha quddiem il-qorti. Parti m’għandha l-ebda obbligu li tkun rappreżentata minn jew li tqabbad avukat. Persuna li tirrappreżenta jew li tagħti parir lil parti dwar proċeduri legali m’hemmx għalfejn tkun avukat. Persuna li tkun tixtieq tirrappreżenta lil ħaddieħor fil-qorti jkollha toqgħod għal ċerti kriterji, iżda dawn ma jinkludux il-pussess tat-titolu professjonali ta’ avukat: dawn għandhom x’jaqsmu iżjed ma’ materji oħra bħalma huma r-residenza, il-profiċjenza fil-lingwa u kemm dik il-persuna tkun adegwata. Madankollu, f’ċerti aspetti l-avukati huma privileġġjati. Ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet, per eżempju, l-avukati biss jistgħu jaġixxu bħala avukat difensur li jinħatar mill-qorti. Kull persuna li tilħaq il-kriterji tar-rappreżentanti legali tista’ taġixxi bħala avukat maħtur mill-konvenut. Madankollu, kontra dak li jiġri f’ħafna pajjiżi oħra, ġeneralment m’hemm l-ebda differenza fil-kwalità bejn avukat li jinħatar mill-konvenut u avukat difensur li jinħatar mill-qorti, għaliex f’ħafna mill-każijiet dawn iż-żewġ tipi ta’ persuni huma t-tnejn avukati. Fl-Isvezja, “avukat” (advokat) huwa persuna li jkun membru ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati ta’ l-Isvezja (Sveriges advokatsamfund). Il-membri jridu jilħqu ċerti kriterji formali u jkollhom il-kompetenza, l-esperenza u l-kwalifiki meħtieġa.

FuqFuq

Persuna li tkun tixtieq issir avukat, jew fi kliem ieħor li tissieħeb fl-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati, għandha:

  • tkun residenti fl-Isvezja, fl-UE, fiż-ŻEE jew fl-Isvizzera;
  • ikollha Bakkalawrjat fil-Liġi jew grad ta’ Masters fil-Liġi;
  • tkun għamlet ħames snin xogħol legali wara li tkun kisbet il-grad tagħha fil-liġi, li mill-inqas matul tlieta minnhom trid tkun ħadmet bħala assistent avukat f’ditta legali jew f’waħda li tkun tmexxi l-prattika legali tal-membru prospettiv stess;
  • tkun għaddiet mill-eżami ta’ l-avukati; u
  • tkun ta’ karattru tajjeb u tajba f’kull aspett għall-professjoni ta’ avukat (il-membru prospettiv ma jistax ikun imħallef, prosekutur jew impjegat ieħor tas-servizz pubbliku) u ma jkollha l-ebda problemi finanzjarji (persuna li tkun falluta jew li l-affarijiet tagħha jkunu taħt il-kustodja ta’ amministratur ma tiġix aċċettata).

Il-kriterji tal-kompetenza huma maħsuba biex jiżguraw li dawk li jsiru avukati jkollhom l-għarfien meħtieġ u jkunu tajbin għal dik il-professjoni: it-titolu ta’ avukat huwa garanzija ta’ kwalità. Persuna li tiddikjara lilha nfisha bħala avukat awtorizzat mingħajr ma jkun veru tkun qed twettaq reat li jġorr miegħu multa.

Kulħadd jista’ jwaqqaf ditta legali. M’hemm bżonn l-ebda taħriġ jew esperjenza speċifiċi biex wieħed jissejjaħ konsulent legali (jurist) u biex jagħti konsulenza legali fuq bażi professjonali.

L-unika projbizzjoni statutarja kontra li wieħed jaġixxi bħala konsulent legali hija dik li tista’ tiġi imposta fuq persuni li jkunu wettqu reat kriminali, għajr xi wieħed żgħir, meta dawn ikunu qed jagħtu l-għajnuna legali. Persuna bħal din tista’ tiġi mwaqqfa milli tkompli tagħti għajnuna legali għal perjodu ta’ mhux iktar minn 10 snin. Persuna li minħabba negliġenza kbira waqt li tkun qed tipprovdi l-għajnuna legali tagħha twassal biex jitwettaq reat kriminali, tista’ teħel multa jew priġunerija ta’ mhux aktar minn sentejn. Iżda fil-każ ta’ avukat, i.e. avukat li jkun membru ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati, li juri negliġenza ta’ dan it-tip tkun tista’ tittieħed azzjoni kontrih biss wara li tkun ġiet ikkonsultata l-Assoċjazzjoni.

FuqFuq

Ix-xogħol ta’ l-avukati huwa rregolat l-ewwelnett bil-liġi (il-Kapitolu 8 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja). Il-leġiżlazzjoni tirregola l-kriterji għall-ammissjoni ta’ membri fl-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati, ir-reġistrazzjoni tagħhom, kif ix-xogħol għandu jsir, il-pussess konġunt fi sħubiji, is-superviżjoni eċċ. Barra mil-leġiżlazzjoni, il-prattika tajba hija wkoll irregolata bil-karta (stadgar) ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati kif ukoll bil-linji ta’ gwida li din stess toħroġ. Il-karta ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati hija stabbilita mill-Gvern, li jfisser li l-Assoċjazzjoni hija entità tal-liġi privata b’natura tal-liġi pubblika, u mhix awtorità pubblika. Il-karta hija ekwivalenti daqs ordni tal-Gvern (förordning).

Wieħed mill-pedamenti tar-regoli li jirregolaw il-prattika legali huwa l-indipendenza. Ir-regoli li jikkonċernaw l-indipendenza huma maħsuba l-aktar biex jitħarsu l-interessi tas-soċjetà li jkollha professjoni legali li tkun taqa’ tabilħaqq taħt l-iktar segretezza stretta tal-professjoni, u li tkun tista’ tipprovdi parir u għajnuna legali mingħajr ma jkun hemm influwenza barranija u waqt li jitqiesu l-aħjar interessi tal-klijent. Jeżistu wkoll kriterji estensivi li jirregolaw l-imġiba etika; l-avukati jaqgħu taħt is-superviżjoni dixxiplinarja biex jinżammu l-kriterji etiċi għolja li kienu ġew iddeterminati. Ir-regoli għall-avukati li jipprattikaw il-professjoni tagħhom – b’mod speċjali ir-regoli għall-organizzazzjoni, il-kwalifiki, l-etika professjonali, il-kontroll u r-responsabbiltà – jiżguraw li dawn ikollhom l-awtonomija, l-integrità u l-esperjenza li l-klijenti tas-servizzi legali jkollhom id-dritt għalihom, u huma l-kondizzjonijiet meħtieġa biex ikun hemm tabilħaqq amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

FuqFuq

Ħafna mill-avukati jispeċjalizzaw jew fil-liġi li tirregola lill-individwu – il-liġi tal-familja, il-liġi kriminali eċċ. – jew fil-liġi kummerċjali. L-avukati difensuri ħafna drabi jispeċjalizzaw f’ċerti tipi ta’ każijiet kriminali, eż. reati finanzjarji, id-droga, reati kontra n-nisa jew reati li jkunu saru mill-minorenni. Ċerti avukati jispeċjalizzaw f’każijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem. Dawn ħafna drabi jirrappreżentaw lil dawk il-partijiet li jressqu każijiet quddiem il-Qorti Ewropea.

Minħabba li ma teżisti l-ebda ħtieġa biex persuna tkun rappreżentata minn jew tqabbad avukat, qatt ma hu obbligatorju li jintuża rappreżentant legali.

Il-prattika ta’ l-avukat u l-ħatra ta’ l-avukati huma ttrattati b’mod speċjali fid-Direttiva 77/249/KEE li tiffaċilita l-eżerċizzju effettiv mill-avukati biex dawn ikunu jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom (id-“Direttiva ta’ l-Avukati”) u fid-Direttiva 98/5/KE li tiffaċilita l-prattika tal-professjoni ta’ l-avukat fuq bażi permanenti fi Stat Membru għajr dak li fih tkun inkisbet il-kwalifika (id-“Direttiva ta’ l-Istabbiliment”).

Kif rajna diġà, persuna li tkun tixtieq issir avukat, jew fi kliem ieħor li ssir membru ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati, għandha tkun residenti fl-Isvezja, fl-UE, fiż-ŻEE jew fl-Isvizzera; din għandha jkollha grad universitarju ta’ Bakkalawrjat fil-Liġi jew ta’ Masters fil-Liġi mill-Isvezja; trid tkun għaddiet mill-eżami ta’ l-avukati; u trid tkun ta’ karattru tajjeb u idonea fl-aspetti kollha għall-professjoni ta’ avukat. Persuna li tkun għamlet it-taħriġ meħtieġ kollu biex issir avukat fi Stat fl-UE jew fiż-ŻEE jew fl-Isvizzera, u li tgħaddi mill-eżami fl-Isvezja fejn turi li għandha tabilħaqq għarfien biżżejjed dwar is-sistema legali ta’ l-Isvezja, għandha titqies li tkun laħqet il-kriterji tat-taħriġ Svediż u ta’ l-eżami ta’ l-avukati ta’ l-Isvezja. Jekk dawn il-persuni jinstabu li jkunu tajbin fl-aspetti kollha meħtieġa, dawn għandhom jiġu aċċettati bħala membri ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati u jkunu jistgħu jipprattikaw il-professjoni taħt it-titolu Svediż ta’ advokat. L-istess jgħodd għal dik il-persuna li tkun ġiet irreġistrata ma’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati u li wara tkun ipprattikat b’mod effettiv u regolari bħala avukat fl-Isvezja, b’aċċenn fuq il-liġi Svediża, jew li b’xi mod tkun kisbet għarfien u esperjenza biżżejjed biex tiġi aċċettata bħala membru.

FuqFuq

M’hemm l-ebda kriterji Svediżi speċjali li jirregolaw il-kwalifiki professjonali ta’ dawk il-persuni li jkunu jixtiequ jissoktaw bil-prattika ta’ avukat taħt it-titolu professjonali tal-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom.

B’mod ġenerali, ma jeżistu l-ebda ostakli għall-avukati barranin li jkunu jridu jissoktaw bil-prattika tagħhom fl-Isvezja mingħajr ma jkunu stabbiliti hemmhekk. Madankollu, hemm eċċezzjoni jekk il-prattika tkun tinkludi r-rappreżentanza ta’ parti f’qorti Svediża. Dan għaliex biex avukat jirrappreżenta parti, jew biex dan jaġixxi bħala avukat maħtur mill-konvenut, iridu jintlaħqu ċerti kriterji li jikkonċernaw l-adattabilità tal-persuna, inkluż il-karattru tajjeb u l-għarfien dwar is-sistema legali Svediża, kif ukoll ir-residenza tiegħu fl-Isvezja, fiż-ŻEE jew fl-Isvizzera. L-avukati li jkunu jridu jistabbilixxu lilhom infushom fl-Isvezja jridu jirreġistraw ruħhom fl-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati, biex b’hekk ikunu jaqgħu taħt is-superviżjoni ta’ din. Meta jkunu qed jipprattikaw fl-Isvezja, l-avukati awtorizzati fi Stat ieħor fl-UE jew fiż-ŻEE jew fl-Isvizzera jkunu jaqgħu prattikament taħt l-istess regoli li jgħoddu għall-avukati Svediżi.

Avukat m’hemmx għalfejn ikun stabbilit fl-Isvezja biex jissokta bil-prattika tiegħu ta’ avukat f’dak il-pajjiż. Iżda l-avukati awtorizzati f’pajjiż ieħor fl-UE li jkunu jixtiequ jipprattikaw fuq bażi permanenti fl-Isvezja, i.e. li jistabbilixxu lilhom infushom fl-Isvezja, waqt li jagħmlu użu mit-titolu professjonali ta’ pajjiżhom, iridu jkunu reġistrati fl-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati ta’ l-Isvezja. B’hekk dawn ikunu jaqgħu taħt is-superviżjoni ta’ l-Assoċjazzjoni.

FuqFuq

Iċ-ċittadinanza Svediża mhix meħtieġa biex wieħed jipprattika bħala avukat fl-Isvezja. Avukat barrani jista’ jaħdem fl-Isvezja taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu, iżda għandu jirreġistra ruħu biex jipprattika din il-professjoni fuq bażi permanenti. Mill-1 ta’ Lulju 2002 ma kien hemm l-ebda provvediment ta’ ċittadinanza biex wieħed jissieħeb fl-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati ta’ l-Isvezja. Dan ifisser li wara tliet snin ta’ prattika effettiva u regolari li tinvolvi l-aktar il-liġi ta’ l-Isvezja, avukat barrani jista’ jiġi kkunsidrat biex jilħaq il-kriterji tat-taħriġ u ta’ l-esperjenza prattika ħalli jkun jista’ jissieħeb fl-Assoċjazzjon ta’ l-Avukati ta’ l-Isvezja. Jekk imbagħad jilħaq dawn il-kriterji, dan għandu jsir membru ta’ l-Assoċjazzjoni u minn hemm ’il quddiem jibda jipprattika l-professjoni tiegħu taħt it-titolu Svediż ta’ advokat.

Id-ditti barranin ta’ l-avukati m’hemmx għalfejn ikollhom awtorizzazzjoni minn qabel biex jistabbilixxu lilhom infushom fl-Isvezja.

Il-prattika legali m’hemmx għalfejn ikollha xi forma legali speċifika. Fil-fatt, jintużaw diversi tipi ta’ sħubiji. Tabilħaqq, lanqas m’hemm għalfejn li sħubija jkollha l-forma ta’ sħubija.

Per eżempju, persuna li tkun għadha ma saritx avukat prattikanti u tkun tixtieq tikseb grad fil-liġi minn università barranija li tkun rikonoxxuta fl-Isvezja, biex taħdem bħala assistent avukat f’ditta legali tkun trid tagħmel test speċjali dwar l-għarfien tagħha, partikolarment jekk il-kors segwit ikun differenti ħafna mill-korsijiet Svediżi kemm fit-tul kif ukoll fis-sustanza.

Fejn l-avukati jaħdmu bi sħab, is-sid konġunt jew is-sieħeb irid ikun bilfors avukat, sakemm ma jkunx hemm xi awtorizzazzjoni mill-bord ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati (ara l-Kapitolu 8, it-Taqsima 4, is-sotto-taqsima 2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja u t-Taqsima 3, is-sotto-taqsima 4 fil-linji ta’ gwida ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati ta’ l-Isvezja fuq il-prattika tajba). Sakemm ma jkunx hemm xi awtorizzazzjoni mill-bord ta’ l-Assoċjazzjoni, avukat ma jistax ikun impjegat minn individwu li ma jkunx ukoll avukat (il-Kapitolu 8, it-Taqsima 2, is-sotto-taqsima 6 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja). Dan ifisser li biex jipprattika bi sħab ma’ xi ħadd ieħor avukat irid ikun residenti fl-UE, fiż-ŻEE jew inkella fl-Isvizzera. Madankollu m’hemm l-ebda provvediment ta’ ċittadinanza għaliex m’għadu jeżisti l-ebda kriterju taċ-ċittadinanza biex wieħed jiġi reġistrat bħala avukat.

FuqFuq

Minn dawn ir-regoli wieħed jista’ jikkonkludi li avukat ma jistax imexxi negozju bi sħab ma’ persuni li jkunu ġejjin minn professjonijiet oħra, per eżempju ma’ kontabilisti. Il-projbizzjoni fuq is-sħubiji multi-dixxiplinarji kienet tqieset u ġiet aċċettata mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-każ Nova.

3. Il-Prosekuturi

L-avukati prosekuturi għandhom sehem importanti ħafna fis-sistema ġudizzjarja u fil-ġurijiet kriminali. L-avukat prosekutur imexxi l-investigazzjonijiet tar-reati, jiddeċiedi jekk għandhomx jitmexxew il-proċeduri, u jiddefendi l-każ fil-qorti. Fil-prinċipju, il-prosekutur għandu l-istess stat indipendenti bħal imħallef, u huwa l-prosekutur stess li jiddeċiedi, per eżempju, jekk titmexxiex il-prosekuzzjoni.

Avukat prosekutur irid ikun ċittadin Svediż. Biex jinħatar avukat prosekutur, dan irid ikollu l-grad ta’ Bakkalawrjat fil-Liġi jew ta’ Masters fil-Liġi mill-Isvezja u jkun serva bħala skrivan għal sentejn f’qorti distrettwali jew f’qorti amministrattiva tal-kontea. Taħt ċerti kondizzjonijiet, it-taħriġ legali li jingħata f’pajjiż Nordiku ieħor jista’ jitqies bħala ekwivalenti għal dawn il-gradi universitarji Svediżi.

Il-prosekuturi pubbliċi jinħatru b’deċiżjoni tal-Prosekutur-Ġenerali.

Il-prosekuturi jiġu organizzati f’distretti u jissejħu prosekuturi distrettwali (kammaråklagare). Il-kap ta’ distrett jissejjaħ il-kap prosekutur (chefsåklagare). Prosekutur Anzjan (överåklagare) is-soltu jmexxi awtorità ta’ prosekuzzjoni pubblika li tkun magħmula minn ħafna distretti. L-ogħla prosekutur fil-pajjiż huwa l-Prosekutur-Ġenerali (Riksåklagaren).

FuqFuq

Il-prosekuturi pubbliċi kollha jistgħu jressqu l-prosekuzzjonijiet tagħhom quddiem il-qorti distrettwali jew quddiem il-qorti ta’ l-appell. Iżda l-Prosekutur-Ġenerali biss jista’ jiddefendi l-każijiet fil-Qorti Suprema.

Fl-Isvezja dawk li jkunu se jilħqu prosekuturi s-soltu jieħdu taħriġ li jkun speċifiku għal dik il-professjoni. L-aktar persuni li japplikaw għal din il-kariga meta jkun hemm postijiet battala jkunu fil-fatt persuni li jkunu tħarrġu bħala prosekuturi. Madankollu, dan it-taħriġ mhuwiex meħtieġ b’mod formali. Kull minn għandu kwalifika legali u jkun għamel is-servizz meħtieġ bħala skrivan tal-qorti jista’ japplika għall-kariga ta’ prosekutur.

Biex jiġi aċċettat għat-taħriġ, l-apprendista prospettiv irid ikollu grad ta’ Bakkalawrjat fil-Liġi jew ta’ Masters fil-Liġi, u jrid ikun serva bħala skrivan tal-qorti. Persuna li tiġi aċċettata tiġi imjegata bħala prosekutur apprendista (åklagaraspirant). L-apprendista jitpoġġa f’tim ta’ prosekuturi, u jwettaq dmirijiet sempliċi taħt il-kura ta’ kontrollur. Wara disa’ sa tnax-il xahar l-apprendista jagħmel eżami biex ikun iddeterminat jekk dan jingħatax il-kariga ta’ assistent prosekutur b’ċerti kondizzjonijiet (assistentåklagare). Wara sentejn bħala assistent, il-prosekutur prospettiv jagħmel eżami ieħor li jwasslu għall-ħatra ta’ prosekutur distrettwali. Jeżisti taħriġ speċifiku għal dawk il-prosekuturi li jkunu jixtiequ jispeċjalizzaw f’forom differenti ta’ reati, bħalma huma dawk relatati mad-droga, reati ambjentali jew reati finanzjarji.

Il-prosekutur imexxi l-investigazzjonijiet preliminari, fejn jiddeċiedi kif dawn għandhom jitmexxew, liema atti għandhom jiġu investigati, liema miżuri forzużi jkollhom jittieħdu, eċċ. Huwa importanti li l-prosekutur iwettaq dmirjietu b’mod indipendenti b’tali mod li l-każ ikun amministrat kif xieraq u b’mod legali tajjeb. Il-prosekutur għandu jmexxi l-investigazzjonijiet preliminari b’mod oġġettiv: iridu jitqiesu wkoll dawk iċ-ċirkostanzi li jistgħu jkun favur il-persuna suspettata. Jeżistu regoli li bihom il-persuna suspettata tkun tista’ tikkonsulta l-fajl ta’ l-investigazzjonijiet. Il-Prosekutur-Ġenerali ħareġ numru ta’ linji ta’ gwida li jikkonċernaw l-amministrazzjoni ta’ tipi differenti ta’ reati kriminali. Hemm ukoll regoli speċifiċi biex il-prosekuturi jiġu skwalifikati minn każijiet partikolari.

FuqFuq

Fis-sistema tal-prosekuzzjoni pubblika hemm prosekuturi li jispeċjalizzaw f’ċerti oqsma bħalma huma r-reati ambjentali, ir-reati finanzjarji jew dawk relatati mad-droga. Ħafna minn dawn il-prosekuturi jservu f’timijiet ta’ prosekuzzjoni pubblika ordinarja. Madankollu, il-prosekuturi li jkunu speċjalizzaw fir-reati finanzjarji jaħdmu f’awtorità speċjali, magħrufa bħala l-Awtorità tar-Reati Finanzjarji; hawnhekk dawn jaħdmu flimkien ma’ pulizija u ekonomisti speċjalizzati.

Kif issemma diġà, iċ-ċittadinanza Svediża hija kriterju biex wieħed jilħaq prosekutur fl-Isvezja. M’hemm l-ebda provvediment biex ċiitadini barranin ikunu jistgħu japplikaw għal din il-kariga.

4. Il-Marixxalli

Il-Marixxall (kronofogde) huwa impjegat tas-servizz pubbliku li jaħdem f’Uffiċċju ta’ l-Infurzar (kronofogdemyndighet). Dan jittratta każijiet ta’ infurzar u ta’ ġbir ta’ flus privati u pubbliċi li ma jkunux tħallsu (ara l-factsheet fuq l-“Infurzar”). Barra minn hekk, l-Istat ikun rappreżentat regolarment minn marixxal fil-proċeduri tal-qorti li jkollhom x’jaqsmu ma’ fallimenti, il-kompożizzjoni jew ir-riorganizzazzjoni tad-dejn.

Dak li jmexxi dipartiment jew taqsima fl-Uffiċċju ta’ l-Infurzar għandu, bħala regola, jkun marixxall. Iżda ma jeżisti l-ebda kriterju li l-kap ta’ Uffiċċju ta’ l-Infurzar irid ikun bilfors marixxall.

Hemm taħriġ speċifiku għall-marixxalli. Biex ikun aċċettat għat-taħriġ, l-apprendista prospettiv għandu jkollu ċittadinanza Svediża, għandu jkollu l-grad ta’ Bakkalawrjat fil-Liġi jew grad ieħor ekwivalenti, u għandu jkun ikkwalifika bħala skrivan tal-qorti. Tipi speċifiċi ta’ esperjenza prattika jistgħu jitqiesu minflok ix-xogħol ta’ skrivan tal-qorti, u l-apprendista prospettiv jista’ jkun awtorizzat biex jiġi eżentat minn dan ta’ l-aħħar.

Persuna li tkun ġiet aċċettata tiġi impjegata bħala marixxall apprendista (kronofogdeaspirant). It-taħriġ idum madwar 40 ġimgħa, li matulhom ikun hemm żmien ta’ xogħol prattiku u żmien ta’ studju akkademiku. L-apprendista imbagħad joqgħod għall-eżami li jwassal għall-ħatra ta’ marixxall.

Ir-regoli li jikkonċernaw l-iskwalifika ta’ marixxalli minn każijiet partikolari huma simili għal dawk li jgħoddu għall-imħallfin.

Bħala regola, marixxall li jkun qed jaħdem f’taqsima ta’ ġbir ma jkunx persuna speċjalizzata. Madankollu, jeżistu għażliet partikolari biex il-marixxalli jkunu jistgħu jispeċjalizzaw, per eżempju, fil-bejgħ tal-proprjetà jew fis-superviżjoni tal-falliment.

Kif issemma fuq, iċ-ċittadinanza Svediża hija kriterju biex wieħed isir marixxall fl-Isvezja. M’hemm l-ebda provvediment biex ċittadini barranin ikunu jistgħu japplikaw għal din il-kariga.

« Professjonijiet legali - Informazzjoni Ġenerali | Isvezja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 29-08-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit