Kummissjoni Ewropea > NGE > Professjonijiet legali > Spanja

L-aħħar aġġornament: 02-04-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Professjonijiet legali - Spanja

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Xi jfisser it-terminu “professjoni legali” fi Spanja? 1.
2. X’inhuma r-rekwiżiti biex tipprattika professjoni legali? 2.
3. X’inhuma l-oqsma prinċipali li fihom il-professjonijiet legali jkunu pprattikati? 3.
4. X’inhuma l-professjonijiet legali prinċipali fi Spanja? 4.
5. Hemm professjonijiet legali oħra? 5.
6. Min jamministra l-ġustizzja? 6.
7. X’inhuma l-funzjonijiet tas-Servizzi ta’ Prosekuzzjoni Pubblika? 7.
8. X’inhi l-funzjoni ta’ l-iskrivani tal-qorti? 8.
9. X’inhi l-proċedura biex tikkwalifika bħala skrivan tal-qorti? 9.
10. Min hu responsabbli għall-kontroll u s-sorveljanza ta’ l-iskrivani tal-qorti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom? 10.
11. Hemm xi ħlas għas-servizz provdut mill-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja? 11.
12. X’inhi l-funzjoni tan-nutara? 12.
13. X’inhi l-proċedura biex issir nutar? 13.
14. Min hu responsabbli għall-kontroll u s-sorveljanza tan-nutara f’eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom? 14.
15. Kif jitħallsu s-servizzi tan-nutara? 15.
16. X’inhuma l-funzjonijiet tar-reġistraturi tal-kummerċ u tal-proprjetà? 16.
17. Min hu responsabbli mill-koordinament u s-sorveljanza tar-reġistraturi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom? 17.
18. Kif jitħallsu s-servizzi tar-reġistraturi tal-proprjetà? 18.
19. X’inhi l-funzjoni ta’ l-avukati? 19.
20. X’inhi l-proċedura biex issir avukat? 20.
21. Liema leġiżlazzjoni ġiet adottata minn Spanja biex tiżgura li l-avukati jkunu liberi li jipprattikaw, u biex tipprovdi għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki? 21.
22. Min hu responsabbli għall-koordinament u s-sorveljanza ta’ l-avukati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom? 22.
23. Kif jitħallsu s-servizzi ta’ l-avukati? 23.
24. X’inhi l-funzjoni ta’ l-avukati li jippratikaw fil-qrati? 24.
25. X’inhi l-proċedura biex issir avukat tal-qorti? 25.
26. Min hu responsabbli għall-koordinament u s-sorveljanza ta’ l-avukati tal-qorti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom? 26.
27. Kif jitħallsu s-servizzi ta’ l-avukati tal-qorti? 27.

 

1. Xi jfisser it-terminu “professjoni legali” fi Spanja?

Professjoni legali hi professjoni involuta fit-tħejjija u l-infurzar tal-liġi u għalhekk titlob taħriġ legali speċjali. Professjonista legali jeħtieġ kwalifika li tipprova għarfien legali speċjalizzat.

2. X’inhuma r-rekwiżiti biex tipprattika professjoni legali?

Il-professjonisti legali kollha jeħtieġu kwalifika akkademika (normalment lawrja fil-liġi) li tipprova l-għarfien neċessarju tal-liġi. Iridu wkoll ikunu membri ta’ assoċjazzjoni legali professjonali li tiżgura li dawk impenjati fil-professjoni jipprattikawha korrettament, kemm fl-interess pubbliku u kemm f’dak tal-membri.

B’mod ġenerali, kull waħda mill-professjonijiet legali għandha monopolju ta’ l-attivitajiet li timpenja ruħha fihom, għalkemm uħud minn dawn l-attivitajiet jistgħu ukoll jitwettqu minn professjonijiet oħra jekk ikunu kkwalifikati biżżejjed.

3. X’inhuma l-oqsma prinċipali li fihom il-professjonijiet legali jkunu pprattikati?

Il-professjonijiet legali huma mpenjati f'żewġ oqsma prinċipali: il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ tilwim.

Il-professjonijiet prinċipali fil-qasam tal-prevenzjoni ta’ tilwim huma dawk li jiżguraw ċertezza legali permezz ta’ pariri, servizzi ta’ dokumentazzjoni jew reġistrazzjoni.

Il-professjonijiet prinċipali impenjati fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim huma dawk involuti fil-litigazzjoni. Uħud minn dawn (normalment il-professjonijiet liberali) jiddirieġu u jirrappreżentaw lill-partijiet, waqt li oħrajn, membri tal-ġudikatura li jiffurmaw parti mill-amministrazzjoni pubblika, jiddirieġu proċeduri legali u jiddeċiedu dwar tilwim.

FuqFuq

4. X’inhuma l-professjonijiet legali prinċipali fi Spanja?

Il-professjonijiet li ġejjin jipprattikaw fil-qasam tal-prevenzjoni ta’ tilwim:

  • L-avukati (abogados), li jipprovdu pariri legali.
  • In-nutara, li jipprovdu dokumentazzjoni, servizzi ta’ ċertifikazzjoni u konsulenza.
  • Ir-reġistraturi tal-proprjetà u tal-kummerċ, li jżommu r-reġistri pubbliċi li jirreġistraw atti legali importanti li jistgħu jaffettwaw terzi persuni, jiċċekkjaw li dokumenti mdaħħlin fir-reġistru jikkonformaw mar-rekwiżiti legali u jagħtu pariri lil persuni li jixtiequ jagħmlu noti fir-reġistru.

Il-professjonisti li ġejjin jippratikaw fil-qasam tar-riżoluzzjoni ta’ tilwim:

  • L-avukati, li jiddirieġu lill-partijiet għal-litigazzjoni u jsolvu tilwim permezz ta’ sistemi alternattivi eżistenti.
  • L-avukati tal-qorti (procuradores), li jirrappreżentaw lill-partijiet fil-qorti.
  • L-iskrivani tal-qorti (Secretarios Judiciales), li huma responsabbli għad-dokumentazzjoni u biex iħaffu l-proċeduri legali.
  • L-imħallfin (Jueces u Magistrados - magistrados huma imħallfin li jservu fi qrati superjuri), li jiddeċiedu dwar tilwim.

5. Hemm professjonijiet legali oħra?

Barra l-professjonijiet elenkati aktar ‘il fuq, hemm professjonisti oħra li jridu jittrattaw kwistjonijiet leġiżlattivi u li għalhekk huma meħtieġa li jkollhom kwalifika speċjali (mhux neċessarjament lawrja fil-liġi) f’qasam partikolari tal-liġi u jkunu membri ta’ assoċjazzjoni ta’ professjonisti.

FuqFuq

Din il-kategorija tinkludi dawk li għandhom ċerti diplomi eż. “graduados sociales” (konsulenti dwar kwistjonijiet ta’ xogħol u s-sigurtà soċjali li jieħdu ħsieb dawn il-kwistjonijiet għal kumpaniji, individwi, eċċ.) Dawk li jkollhom dawn il-kwalifiki li jappartjenu lill-assoċjazzjonijiet rilevanti ta’ professjonisti jistgħu jirrappreżentaw lill-partijiet fi proċeduri dwar il-liġi tax-xogħol.

6. Min jamministra l-ġustizzja?

Il-ġustizzja toħroġ mill-poplu u tiġi amministrata f’isem il-monarka mill-imħallfin li jikkostitwixxu l-poter ġudizzjarju. L-imħallfin biss jistgħu jamministraw il-ġustizzja, jiġifieri huma biss jistgħu jagħtu deċiżjonijiet u jiżguraw li jiġu infurzati. L-imħallfin huma indipendenti mill-poteri l-oħra ta’ l-istat u huma suġġetti biss għall-kostituzzjoni u l-liġi.

L-imħallfin huma impjegati taċ-ċivil. Hemm tliet kategoriji: Jueces, Magistrados (imħallfin ta’ qrati superjuri) u Magistrados del Tribunal Supremo (imħallfin tal-Qorti Suprema). Kandidati għall-kategorija ta’ juez iridu jgħaddu minn eżami kompetittiv ħafna u jieħdu kors ta’ ftit inqas minn sentejn fil-kulleġġ ta’ taħriġ Escuela Judicial de Barcelona. Il-promozzjoni għall-kategorija ta’ magistrado hi bl-anzjanità għalkemm hu possibbli wkoll li tagħmel eżami f’ċerti oqsma speċjalizzati tal-liġi (amministrattiva, ta’ l-impjiegi u tal-kummerċ). Barra dan, kwart mill-postijiet għall-imħallfin huma riservati għal avukati b’almenu 10 snin esperjenza, li terz minnhom iridu jkunu skrivani tal-qorti. Ħafna mill-postijiet ta’ Magistrado tal-Qorti Suprema, li l-promozzjonijiet għalihom isiru mill-Consejo General del Poder Judicial (Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura), jimtlew b’magistrados b’almenu 15-il sena esperjenza (inklużi 10 bħala magistrado), għalkemm wieħed minn ħamsa huma riservati għal avukati ta’ livell rikonoxxut b’almenu 15-il sena esperjenza (ara l-fuljett dwar l-Organizzazzjoni tal-Ġustizzja).

FuqFuq

7. X’inhuma l-funzjonijiet tas-Servizzi ta’ Prosekuzzjoni Pubblika?

Il-prosekuturi pubbliċi (fiscales) huma impjegati taċ-ċivil. Biex issir fiscal hu neċessarju li jkollok lawrja fil-liġi jew dottorat u tgħaddi minn eżami kompetittiv. Il-prosekuturi pubbliċi jaħdmu mal-Fiscalía General del Estado (Servizz ta’ Prosekuzzjoni tal-Kuruna) u ma’ l-uffiċċji tal-prosekuturi li jaħdmu ma’ kull waħda mill-qrati superjuri.

Il-funzjonijiet tal-prosekuturi pubbliċi huma kif ġej:

  1. Huma jiżguraw li l-funzjoni ġudizzjarja topera b’mod effiċjenti u b’konformità mal-liġi u fil-perjodi ta’żmien stipulati permezz ta’ l-azzjonijiet neċessarji, il-proċeduri ta’ l-appell u miżuri oħra.
  2. Huma jwettqu l-funzjonijiet assenjati lilhom mil-liġi għall-ħarsien ta’ l-indipendenza ta’ l-imħallfin u l-qrati.
  3. Huma jiżguraw ir-rispett għall-istituzzjonijiet kostituzzjonali u għad-drittijiet fundamentali u libertajiet pubbliċi bi kwalunkwe miżuri meħtieġa biex jiddefenduhom.
  4. Huma responsabbli mill-azzjonijiet kriminali u ċivili li jinħolqu bħala konsegwenza ta’ offiżi kriminali u fejn ikun neċessarju jopponu dawk miġjuba minn oħrajn.
  5. Huma jaġixxu fi proċeduri kriminali billi jitolbu lill-awtorità ġuridika biex tieħu l-miżuri ta’ prekawzjoni neċessarji u l-proċeduri neċessarji biex ikunu aċċertati l-fatti.
  6. Huma jipparteċipaw fi proċeduri li jikkonċernaw l-istatus ċivili u kwalunkwe proċeduri oħra meħtieġa legalment fid-difiża tal-legalità u ta’ l-interess pubbliku jew soċjali.
  7. Huma jaġixxu fi kwalunkwe proċeduri ċivili meħtieġa mil-liġi li jolqtu l-interess pubbliku jew l-interessi tal-minorenni, ta’ persuni b’diżabilità jew l-iżvantaġġati sakemm il-mekkaniżmi ta’ rappreżentanza normali jkunu pprovduti.
  8. Huma jiżguraw l-integrità tal-ġurisdizzjoni u l-kompetenza tal-qrati u t-tribunali billi jqajjmu kwistjonijiet ta’ konflitti ta’ ġurisdizzjoni jew, fejn ikun applikabbli, ta’ kompetenza, u jintervjenu f’każijiet ta’ konflitti ta’ ġurisdizzjoni miġjuba ‘l quddiem minn oħrajn.
  9. Huma jiżguraw li deċiżjonijiet tal-qorti li jolqtu l-interess pubbliku u soċjali jkunu eżegwiti.
  10. Huma jiżguraw li l-vittmi jiġu mħarsa fil-proċeduri tal-qorti billi jagħtu bidu għall-proċess li jipprovdihom b’għajnuna effettiva u assistenza.
  11. Huma jintervjenu fi proċeduri ta’ protezzjoni.
  12. Huma jippreżentaw appelli għall-protezzjoni tad-drittijiet kostituzzjonali u jaġixxu kif rikjest mil-liġi fi proċeduri riferuti lill-Qorti Kostituzzjonali fid-difiża tal-legalità.
  13. Huma jwettqu l-funzjonijiet assenjati lilhom mil-leġiżlazzjoni rilevanti fir-rigward tar-responsabbiltà kriminali tal-minorenni, fl-aħjar interess tal-minorenni.
  14. Huma jaġixxu, fejn u kif meħtieġ mil-liġi, fi proċeduri miġjuba quddiem il-Qorti ta’ l-Awdituri, u jiddefendu l-legalità tal-proċeduri tal-qorti amministrattiva u ta’ l-impjiegi f’każijiet li fihom il-liġi tipprovdi għall-involviment tagħhom.
  15. Huma jiżguraw illi l-protezzjoni tal-qorti internazzjonali tkun provduta kif meħtieġ mil-liġijiet internazzjonali, trattati u ftehimiet, jekk ikun neċessarju mill-prosekuturi pubbliċi.
  16. Huma jwettqu kwalunkwe funzjonijiet oħra assenjati lilhom mil-liġi nazzjonali.

8. X’inhi l-funzjoni ta’ l-iskrivani tal-qorti?

L-iskrivani tal-qorti (secretarios judiciales) jassistu lill-imħallfin fil-funzjonijiet tagħhom. Huma jiġġestixxu id-dokumentazzjoni tal-proċeduri tal-qorti, iżommu rekords ta’ l-istadji kollha tal-proċeduri (udjenzi, proċessi, eċċ.), u jinformaw lill-imħallef bi kwalunkwe atti ppreżentati u biż-żmien stabbilit għad-diversi proċeduri. L-iskrivan jissorvelja l-impjegati tal-qrati u tat-tribunali.

FuqFuq

9. X’inhi l-proċedura biex tikkwalifika bħala skrivan tal-qorti?

L-iskrivani tal-qorti jrid ikollhom lawrja fil-liġi u jgħaddu minn eżami kompetittiv, segwit minn kors fil-kulleġġ ta’ taħriġ Centro de Estudios Judiciales. Biex tkun garantita l-indipendenza assoluta tagħhom, huma suġġetti għal prattikament l-istess reġim ta’ inkompatibbiltajiet u projbizzjonijiet bħall-imħallfin.

10. Min hu responsabbli għall-kontroll u s-sorveljanza ta’ l-iskrivani tal-qorti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom?

L-iskrivani tal-qorti jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja u s-Segretarji tal-Gvern ta’ kull waħda mill-qrati superjuri tal-ġustizzja.

11. Hemm xi ħlas għas-servizz provdut mill-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja?

Ma hemm l-ebda ħlas għal dan is-servizz ta’ l-Istat ħlief fil-każ ta’ persuni legali bi dħul ‘il fuq minn ċertu livell, li jkunu meħtieġa jħallsu.

Madankollu, il-litiganti jridu jħallsu d-drittijiet ta’ l-avukati, ta’ l-avukati tal-qorti u ta’ professjonisti oħra involuti fi proċeduri legali ħlief jekk jistgħu jipprovdu evidenza li m’għandhomx il-mezzi neċessarji (ara l-Artikolu 15(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2001).

12. X’inhi l-funzjoni tan-nutara?

In-nutara huma professjonisti legali li l-funzjoni prinċipali tagħhom hi li jwettqu s-servizz pubbliku li jikkonferixxu l-awtentiċità fuq dokumenti fi transazzjonijiet legali privati. Huma jgħinu ukoll biex jabbozzaw dawn id-dokumenti korrettament u jifformalizzawhom bl-awtorità u l-firma tagħhom. Il-Liġi tan-Nutara tiddefinixxi n-nutar bħala impjegat taċ-ċivil awtorizzat biex jawtentika kuntratti u dokumenti estraġudizzjarji oħra skond il-liġi. In-nutara għandhom rwol doppju: jagħtu pariri lil individwi dwar l-aħjar mezzi legali biex jiksbu dak li jridu u jiċċertifikaw fatti, atti jew transazzjonijiet eżegwiti fil-preżenza tagħhom f’dokumenti abbozzati minnhom. Din iċ-ċertifikazzjoni għandha valur pubbliku. L-individwi għandhom id-dritt li jagħżlu lin-nutar li jridu ħlief f’każijiet eċċezzjonali fejn il-liġi tispeċifika nutar partikulari. In-nutara jawtentikaw dokumenti fid-distretti li fihom ikunu maħtura, ħlief fejn tkun ingħatat awtorizzazzjoni speċjali. It-taħriġ legali u l-esperjenza prattika tagħhom jagħmluha possibbli għalihom li jipprovdu lil individwi b’ċertezza legali. Dan it-taħriġ u l-esperjenza jiggarantixxu l-preċiżjoni tad-dokumenti notarili, li huma infurzabbli u huma trattati bħala evidenza preferenzjali f’kawzi. Wieħed mill-funzjonijiet l-aktar importanti tagħhom hu l-ħruġ tad-dokumenti meħtieġa biex isiru reġistrazzjonijiet fir-Reġistru tal-Proprjetà jew tal-Kummerċ. Id-dokumenti li jistgħu jkunu awtorizzati minn nutar huma diversi ħafna u jaqgħu fi tnax-il kategorija: atti relatati ma’ l-istatus ċivili; testmenti; kuntratti taż-żwieġ; kuntratti in ġenerali; dikjarazzjonijiet u talbiet mill-werrieta; il-formazzjoni, l-alterazzjoni u x-xoljiment ta’ sħubija u intrapriżi kummerċjali; self u rikonoxximent ta’ djun sempliċi, garantiti u ipotekati; rilaxxi u ħelsien mid-dejn; prokuri ta’ kull xorta; protesti kambjarji, dikjarazzjonijiet ta’ eredi meta m’hemmx testment; u dokumenti legali b’mod ġenerali.

FuqFuq

Ir-reġistri notarili huma partikolarment importanti. L-oriġinali jew protokolli tad-dokumenti awtorizzati min-nutara jinżammu minnhom għal 25 sena mid-data tal-ħruġ. Dawn il-protokolli mbagħad jintbagħtu lir-Reġistri tad-Distrett rilevanti, li jinżammu wkoll minn nutara. Wara 100 sena jintbagħtu lir-Reġistri Storiċi tal-Provinċja tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u l-Kultura. Dokumenti konsulari notarili jinżammu fl-Arkivji tal-Protokolli Ġenerali f’Madrid.

13. X’inhi l-proċedura biex issir nutar?

Skond ir-Regolament Notarili tat-2 ta’ Ġunju 1944, biex issir nutar hu neċessarju li tgħaddi f’kompetizzjoni miftuħa għal kulħadd. Hu neċessarju wkoll li tkun ta’ nazzjonalità Spanjola, ikollok iktar snin mill-età legalment meħtieġa u jkollok lawrja jew dottorat fil-liġi.

14. Min hu responsabbli għall-kontroll u s-sorveljanza tan-nutara f’eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom?

L-organizzazzjoni tal-professjoni ta’ nutar, il-funzjonijiet tan-nutara u s-servizzi li jistgħu jipprovdu lill-individwi huma regolati mil-Liġi Organika dwar is-Sistema tan-Nutara tat-28 ta’ Mejju 1962 u r-Regolament Notarili (Digriet tat-2 ta’ Ġunju 1944), li japprovaw u jimplimentaw l-organizzazzjoni u s-sistema notarili. Hemm ukoll provvedimenti addizzjonali, bħad-Digriet Irjali 1426/1989 tas-17 ta’ Novembru 1989 li jistabbilixxi l-iskala tad-drittijiet tan-nutara. In-nutara huma kkontrollati direttament mill-Ministeru tal-Ġustizzja u mid-Direttorat-Ġenerali għar-Reġistri u s-Servizzi tan-Nutara.

Dan id-Direttorat-Ġenerali għandu f'idejh il-ġestjoni, l-ispezzjoni u s-sorveljanza tal-korp tan-nutara u jsolvi kwalunkwe problema jew mistoqsijiet li jinqalgħu dwar l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni notarili, il-ħatra tan-nutara, is-sistema notarili u r-regolament tal-professjoni. Jieħu ħsieb ukoll u jiddeċiedi appelli tal-gvern dwar kwistjonijiet relatati man-nutara.

FuqFuq

In-Nutara jappartjenu lill-assoċjazzjonijiet professjonali (Colegios Notariales), li jappoġġjawhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom u jissorveljaw l-attivitajiet tagħhom. Kull waħda minn dawn l-assoċjazzjonijiet għandha poteri f’reġjun partikolari. Hemm 16 minnhom fi Spanja lokalizzati f’Albacete, Palma de Mallorca, Barcelona, Bilbao, Burgos, Cáceres, La Coruña, Granada, Las Palmas de Gran Canaria, Oviedo, Pamplona, Seville, Valencia, Valladolid u Zaragoza. Kull reġjun hu mbagħad maqsum f’distretti li kull wieħed minnhom għandu assenjat lilu numru ta’ nutara, li jvarja skond id-distrett in kwistjoni.

Il-Colegios Notariales huma mmexxija u koordinati minn Kunsill Ġenerali (Consejo General del Notariado) li jaqa’ taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja.

In-nutara Spanjoli huma membri ta’ l-Unión Internacional del Notariado Latino Deutsch - English - español - français - italiano, assoċjazzjoni li tgħaqqad flimkien prattikament in-nutara kollha fil-pajjiżi Ewropej (il-Ġermanja, Franza, l-Italja, eċċ.), inklużi dawk fl-Ewropa ċentrali u tal-lvant (ir-Russja, il-Litwanja, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u Slovakka, is-Slovenja). In-Nutara li għadhom ma jiffurmax parti mill-assoċjazzjoni qegħdin fil-proċess li jkunu inkorporati.

FuqFuq

15. Kif jitħallsu s-servizzi tan-nutara?

Fi Spanja hemm libertà assoluta fl-għażla ta’ nutar, ħlief f’ċerti każijiet stabbiliti mil-liġi, bħad-dikjarazzjonijiet mill-eredi.

L-iskala tad-drittijiet tan-nutara, li hi l-istess għan-nutara kollha, hi ffissata mill-Gvern fid-Digriet Irjali 1426/1989 tas-17 ta’ Novembru 1989. Dawn id-drittijiet huma obbligatorji, jiġifieri la n-nutara u lanqas l-assoċjazzjonijiet tagħhom ma jistgħu ibiddluhom u n-nutara huma obbligati li japplikawhom b’mod strett għall-attivitajiet professjonali kollha tagħhom.

Il-konsultazzjonijiet preliminari huma bla ħlas. In-nutara jridu jagħtu parir imparzjali bla ħlas dwar kwalunkwe kwistjoni tal-liġi privata, ċivili u kummerċjali li fuqha jkunu kkonsultati, inklużi kwistjonijiet relatati mat-taxxa, anki jekk id-dokument propost sussegwentement ma jiġix eżegwit.

Hemm tnaqqis fid-drittijiet imposti għal ċerti dokumenti. Per eżempju, hemm tnaqqis ta’ 25% fil-bażi dwar self (id-djun totali ggarantit b’ipoteki) u tnaqqis ta’ 50% għal atti u kuntratti li jorbtu l-Istat, Komunitajiet Awtonomi, gvernijiet provinċjali jew muniċipali jew l-aġenziji tagħhom u dawk relatati ma’ djar protetti uffiċjalment. F’każijiet oħra, per eżempju voti bil-prokura, is-servizzi tan-nutara huma bla ħlas.

Il-VAT bir-rata ta’ 16% tkun imposta fuq dawn id-drittijiet (4.5% taxxa ġenerali indiretta fil-Gżejjer Kanarji) bl-eċċezzjoni ta’ protest ta’ kambjali, il-biċċa l-kbira ta’ l-għoti b'self u ċerti kuntratti ta’ bejgħ (eż. għall-bejgħ ta’ ishma fejn min jittrasferixxi jkun suġġett għall-VAT), li fuqhom ma hi imposta l-ebda taxxa.

FuqFuq

Is-sistema tad-distretti notarili stabbilita mill-Gvern tfisser li kull fejn tgħix ikun hemm nutar qrib id-dar tiegħek.

16. X’inhuma l-funzjonijiet tar-reġistraturi tal-kummerċ u tal-proprjetà?

Biex issir reġistratur huwa neċessarju li jkollok lawrja fil-liġi u tgħaddi minn eżami kompetittiv.

Ir-reġistraturi jwettqu l-funzjonijiet li ġejjin:

jikklassifikaw id-dokumenti preżentati għar-reġistrazzjoni fir-reġistri li għalihom huma responsabbli;

jagħtu pariri lill-pubbliku dwar kwistjonijiet relatati mar-reġistri (d-dħul ta’ atti legali jew kuntratti fir-reġistru, l-effetti tar-reġistrazzjoni, eċċ.);

jagħtu aċċess lill-pubbliku għal data mdaħħla, billi jivverifikaw, fejn neċessarju li l-persuni li jitolbu l-aċċess ikollhom interess leġittmu u jipproteġu data sensittiva b’mod xieraq.

Ir-Reġistri tal-Proprjetà, tal-Kummerċ u tal-Proprjetà Mobbli jipprovdu reġistru pubbliku ta’ kwistjonijiet sostantivi jew legali, b’hekk jevitaw konflitti u jiffrankaw spejjeż legali. L-entrati fir-reġistru huma salvagwardati mill-qrati, u l-Istat jistabbilixxi preżunzjoni ta’ awtentiċità fir-rigward tal-kontenut tagħhom. Dan ifisser li d-drittijiet u l-fatti reġistrati għandhom ċerta utilità proċedurali u sostantiva.

Atti importanti relatati ma’ proprjetà rurali jew urbana jiġu mdaħħla fir-Reġistru tal-Proprjetà. Billi jagħmel entrata fir-Reġistru tal-Proprjetà, ir-Reġistratur jassenja titlu lil proprjetà.

Atti relatati ma’ kumpaniji u ma’ individwi jew assi (eż. mutual funds jew fondi tal-pensjoni) involuti fin-negozju jiġu mdaħħla fir-Reġistru tal-Kummerċ. Doveri oħra tar-reġistraturi huma relatati ma’ l-awtentikazzjoni ta’ kotba tan-negozju, id-depożitu ta’ kontijiet tan-negozju u l-aċċess tal-pubbliku għalihom u f’ċerti każijiet il-ħatra ta’ esperti u awdituri.

FuqFuq

Is-sjieda ta’ u piżijiet fuq bastimenti, inġenji ta’ l-ajru, makkinarju industrijali u proprjetà mobbli identifikabbli oħra, kif ukoll il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kiri, jiġu mdaħħla fir-Reġistru tal-Proprjetà Mobbli.

F’ħafna Komunitajiet Awtonomi, ir-reġistraturi anki jivvalutaw u jiġbru ċerti taxxi fuq atti li jridu jiġu mdaħħla fir-reġistri (taxxa fuq l-wirt, taxxa tal-bolla, eċċ.).

17. Min hu responsabbli mill-koordinament u s-sorveljanza tar-reġistraturi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom?

Ir-Reġistraturi tal-Proprjetà, tal-Kummerċ u tal-Proprjetà Mobbli huma impjegati taċ-ċivil assenjati mal-Ministeru tal-Ġustizzja mid-Direttorat-Ġenerali għar-Reġistri u s-Servizzi tan-Nutara, li hu l-korp responsabbli għall-ispezzjoni u l-kontroll tar-reġistri.

Ir-Reġistraturi huma wkoll membri ta’ l-Assoċjazzjoni Nazzjonali Spanjola tar-Reġistraturi, li fuqha l-Istat ikkonferixxa ċerti funzjonijiet ta’ sorveljanza.

18. Kif jitħallsu s-servizzi tar-reġistraturi tal-proprjetà?

Id-drittijiet tar-reġistraturi huma stabbiliti mill-Istat u jitħallsu direttament mill-membri tal-pubbliku li jitolbu s-servizzi tagħhom. Is-servizz tar-reġistru huwa ffinanzjat kompletament minn dawn id-drittijiet, u s-salarji tar-reġistraturi jitħallsu mill-ammont li jibqa’ wara li jitħallsu s-salarji ta’ l-impjegati tagħhom u l-ispejjeż u l-investimenti meħtieġa biex jinżamm is-servizz.

19. X’inhi l-funzjoni ta’ l-avukati?

Taħt l-Artikolu 436 tal-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura u l-Artikolu 8 ta’ l-Istatut ta’ l-Avukati approvat bid-Digriet Irjali 658/2001 tat-22 ta’ Ġunju 2001, l-avukati (abogados) iwettqu l-funzjonijiet li ġejjin:

FuqFuq

  • Jagħtu pariri u jiddefendu lill-partijiet:
    • f’kull xorta ta’ proċedura legali (ċivili, kriminali, amministrattivi, ta’ l-impjiegi u militari);
    • vis-à-vis korpi amministrattivi, assoċjazzjonijiet, korporazzjonijiet u aġenziji pubbliċi ta’ kull xorta;
    • vis-à-vis kwalunkwe entità privata jew individwu fejn ikun neċessarju fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.
  • Pariri legali u konsulenza.
  • Ir-rappreżentanza tal-klijent ħlief jekk din tkun riservata mil-liġi għal professjonijiet oħra.

20. X’inhi l-proċedura biex issir avukat?

Ir-rekwiżiti biex tikkwalifika bħala abogado fi Spanja huma is-segwenti:

  • Tkun ċittadin Spanjol jew ċittadin ta’ Stat Membru ieħor ta’ l-UE jew ta’ pajjiż li hu parti mill-Ftehim ta’ l-1992 li ħoloq iż-Żona Ekonomika Ewropea.
  • Ikollok l-età legali u ma tkunx skwalifikat għal kwalunkwe raġuni milli tipprattika ta’ avukat.
  • Ikollok lawrja Spanjola fil-liġi jew lawrja barranija ekwivalenti li tkun ġiet approvata uffiċjalment.
  • Tkun membru tal-Colegio de Abogados (l-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati) tad-distrett li fih ikun jinsab id-domiċilju professjonali uniku jew prinċipali, biex tipprattika kullimkien fi Spanja.

21. Liema leġiżlazzjoni ġiet adottata minn Spanja biex tiżgura li l-avukati jkunu liberi li jipprattikaw, u biex tipprovdi għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki?

Taħt l-Istatut ta’ l-Avukati, avukati minn pajjiżi oħra jistgħu jipprovdu servizzi professjonali fi Spanja skond il-leġiżlazzjoni kurrenti, li tiddistingwi bejn żewġ gruppi differenti:

FuqFuq

  • Ċittadini ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE u, taħt il-Ftehim li joħloq iż-Żona Ekonomika Ewropea ffirmat f’Oporto fit-2 ta’ Mejju 1992 u ratifikat minn Spanja fis-26 ta’ Novembru 1993, ċittadini ta’ l-Istati taż-ŻEE. Skond il-prinċipju ta’ ċirkolazzjoni libera ta' persuni u servizzi fl-Istati Membri, fil-preżent hemm diversi alternattivi differenti:
    • Id-dritt li tipprattika għal perjodu indefinit bil-kwalifika miksuba fil-pajjiż ta’ oriġini, bil-possibbiltà ta’ inkorporazzjoni fil-professjoni wara tliet snin ta’ prattika effettiva u regolari. español
    • Ir-rikonoxximent tal-kwalifika professjonali miksuba fil-pajjiż ta’ oriġini, li tagħti d-dritt li tipprattika fuq l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li jkollhom kwalifika Spanjola. español
    • L-għoti okkażjonali ta’ servizzi professjonali bl-użu tal-kwalifika miksuba fil-pajjiż ta’ oriġini. español
    • Barra minn hekk, persuni mhux kwalifikati biex jipprattikaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom imma li jkollhom il-kwalifika barranija meħtieġa għad-dħul fil-professjoni jistgħu japplikaw għar-rikonoxximent ta’ din il-kwalifika fi Spanja u sussegwentement jidħlu f’Assoċjazzjoni Spanjola ta’ l-Avukati. español
  • Persuni li ma jkunux ċittadini ta’ Stat Membru ta’ l-UE jew taż-ŻEE:
    • Biex isiru membri ta’ Assoċjazzjoni Spanjola ta’ l-Avukati, iridu l-ewwel ikollhom il-kwalifiki tagħhom rikonoxxuti uffiċjalment u wara japplikaw għal dispensa legal de nacionalidad (eżenzjoni abbażi tan-nazzjonalità).

22. Min hu responsabbli għall-koordinament u s-sorveljanza ta’ l-avukati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom?

L-avukati huma membri indipendenti ta’ professjoni liberali li jipprovdu servizz lis-soċjetà. M’humiex impjegati taċ-ċivil u jipprattikaw abbażi ta’ kompetizzjoni libera u ġusta (Artikolu 1 ta’ l-Istatut ta’ l-Avukati).

FuqFuq

L-avukati jridu jikkonformaw ruħhom ma’:

  • l-liġijiet u l-istatuti,
  • il-kodiċi ta’ etika u mġiba għall-professjoni.

Il-korpi li ġejjin huma responsabbli biex jiżguraw li l-avukati jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom korrettament:

  • fuq livell nazzjonali, il-Kunsill Ġenerali ta’ l-Avukati,
  • f’kull Komunità Awtonoma, il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjonijiet ta’ l-Avukati f’dik il-Komunità,
  • f’kull provinċja, l-Assoċjazzjonijiet ta’ l-Avukati tal-provinċja jew tad-distrett.

23. Kif jitħallsu s-servizzi ta’ l-avukati?

Id-drittijiet ta’ l-avukati jitħallsu għas-servizzi provduti u jistgħu jitħallsu fil-forma ta’ dritt fiss, ħlasijiet perjodiċi jew drittijiet bis-siegħa. Drittijiet kontinġenti huma pprojbiti, jiġifieri ftehim bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom qabel il-konklużjoni ta’ proċedura fejn il-klijent jintrabat li jħallas lill-avukat persentaġġ biss mill-benefiċċju miksub għall-klijent meta tispiċċa l-proċedura, irrispettivament minn jekk dan ikunx somma flus jew xi tip ieħor ta’ benefiċċju, assi jew valur.

L-ammont tad-dritt jista’ jiġi stabbilit liberament mill-klijent u l-avukat sakemm ma jiksirx il-kodiċi professjonali ta’ l-etika jew ir-regoli tal-kompetizzjoni ġusta. Jekk l-avukat u l-klijent ma jiftehmux fuq id-dritt hemm proċedura kontenzjuża, li tiġi deċiża mill-imħallef li lilu jkun riferut il-każ.

Ħlief jekk ikun intlaħaq xi ftehim ieħor jew jekk il-klijent ikun ġie ordnat iħallas l-ispejjeż, id-drittijiet ikunu bbażati fuq id-drittijiet approssimattivi stabbiliti mill-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati tal-provinċja in kwistjoni, applikati skond ir-regoli, il-prattika u d-drawwiet ta’ l-Assoċjazzjoni (Artikolu 44 ta’ l-Istatut ta’ l-Avukati).

FuqFuq

Klijenti li ma jkollhomx il-mezzi neċessarji biex iħallsu għas-servizzi ta’ l-avukati u ta’ l-avukati tal-qorti jistgħu jitolbu l-għajnuna legali b’xejn (ara l-fuljett dwar L-Għajnuna Legali).

24. X’inhi l-funzjoni ta’ l-avukati li jippratikaw fil-qrati?

L-avukati tal-qorti (procuradores) jirrappreżentaw id-drittijiet u l-interessi tal-partijiet fil-qrati permezz ta’ prokura mogħtija għal dan l-iskop, u jiżguraw li l-kommunikazzjonijiet bejn il-qrati u l-partijiet jiġu debitament awtenikati.

25. X’inhi l-proċedura biex issir avukat tal-qorti?

Biex tikkwalifika bħala avukat tal-qorti huwa neċessarju li tkun ta’ nazzjonalità Spanjola, tkun ta’ età legali, jkollok lawrja fil-liġi u tkun akkwistajt it-titlu ta’ procurador, li jingħata mill-Ministeru tal-Ġustizzja lill-applikanti li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti.

Biex tipprattika bħala procurador hu neċessarju li tirreġistra mal-Colegio de Procuradores, tiddepożita garanzija u tieħu ġurament jew wegħda lill-qorti.

26. Min hu responsabbli għall-koordinament u s-sorveljanza ta’ l-avukati tal-qorti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom?

Il-Korp Regolatur tal-Colegios de Procuradores huwa responsabbli biex jiżgura li l-membri jwettqu sewwa d-dmirijiet tagħhom.

27. Kif jitħallsu s-servizzi ta’ l-avukati tal-qorti?

Id-drittijiet ta’ l-avukati tal-qorti huma stabbiliti mill-Ministeru tal-Ġustizzja.

Aktar tagħrif

  • IS-SERVIZZI TA’ PROSEKUZZJONI PUBBLIKA English - español
  • L-ISKRIVANI TAL-QORTI español
  • L-AVUKATI español
  • L-AVUKATI TAL-QORTI español
  • IN-NUTARA español
  • IR-REĠISTRATURI TAL-PROPRJETÀ Deutsch - English - español - français

« Professjonijiet legali - Informazzjoni Ġenerali | Spanja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 02-04-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit