Kummissjoni Ewropea > NGE > Professjonijiet legali > Slovenja

L-aħħar aġġornament: 30-11-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Professjonijiet legali - Slovenja

 

LISTA TAL- KONTENUT

Mħallfin Mħallfin
Assistant legali Assistant legali
Prosekutur ta’ l-Istat Prosekutur ta’ l-Istat
Avukat ta’ l-Istat Avukat ta’ l-Istat
L-Avukatura L-Avukatura
Il-Professjoni Nutarili Il-Professjoni Nutarili

 

Avukat bi grad universitarju fir-Repubblika tas-Slovenja jista’ jipprattika għadd ta’ professjonijiet, inklużi dawk ta’ mħallef, assistent legali, prosekutur, avukat ta’ l-Istat, avukat u nutar, liema professjonijiet jagħmlu parti mill-amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Mħallfin

L-istatus ta' l-imħallfin huwa regolat mill-Artikoli 125 sa 134 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja u mill-Att dwar is-Servizz Ġudizzjarju. L-imħallfin jiġu eletti mill-Assemblea Nazzjonali fuq proposta tal-Kunsill Ġudizzjarju. Il-kariga ta' mħallef hija waħda permanenti. Rekwiżi ta' età u kondizzjonijiet oħra għall-għażla ta' mħallef huma stabbiliti mil-liġi. Persuna tista' tapplika għall-post ta' mħallef jekk tkun ċittadina Slovena u jkollha għarfien akkurat tal-lingwa Slovena, ikollha l-kapaċità professjonali u saħħitha tkun ġeneralment tajba, ikollha mill-anqas 30 sena, tkun kisbet it-titlu professjonali ta' avukat bi grad universitarju fis-Slovenja jew tkun kisbet grad rikonoxxut minn fakultà legali barra l-pajjiż, tkun għaddiet mill-eżami tal-liġi ta' l-Istat u jkollha dispożizzjoni adatta biex taqdi kariga ġudizzjarja. Is-salarji ta' l-imħallfin huma stabbiliti mill-Att dwar is-Servizz Ġudizzjarju fuq l-istess bażi bħal dawk tal-membri ta' l-Assemblea Nazzjonali. L-imħallfin għandhom l-istatus ta' uffiċjal pubbliku, iżda huma marbutin mill-Kostituzzjoni u mill-atti legali fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom. Kariga ġudizzjarja mhix kompatibbli ma' kariga f'korpi oħra ta' l-Istat, ma' korpi ta' gvern awtonomu lokali u ma' korpi ta' partiti politiċi, u ma' karigi u attivitajiet oħra kif stabbilit mil-liġi. M'hemmx speċjalizzazzjoni edukattiva formali fost l-imħallfin. Il-qasam legali li fih l-imħallef jaħdem l-aktar huwa definit fl-organizzazzjoni interna tal-qorti partikolari li, biex tirriżolvi tipi partikolari ta' tilwim, għandha diversi dipartimenti legali li lilhom ikunu assenjati mħallfin skond il-programm ta' ħidma annwali tagħha. Il-Kunsill Ġudizzjarju jiddeċiedi dwar l-avanz għal pożizzjoni ġudizzjarja ogħla u avanz fl-iskala tas-salarju. Dan il-korp jista' wkoll jagħmel proposta lill-Assemblea Nazzjonali biex ineħħi mħallef mil-kariga ġudizzjarja tiegħu jekk, fil-qadi ta' dmirijietu, dan jikser il-Kostituzzjoni jew jikser b'mod gravi l-liġi jew jekk ikun deliberatament ikkommetta reat kriminali għax ikun abbuża mill-kariga tiegħu. Il-livelli ta' avanz għall-imħallfin huma stabbiliti fl-organizzazjoni tal-qrati tas-Slovenja. L-imħallfin jistgħu jkunu mħallfin lokali, mħallfin ċirkolari, mħallfin superjuri jew imħallfin supremi. L-imħallfin jappartjenu lis-Soċjetà tad-Dritt li tagħmel parti mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tad-Dritt.

FuqFuq

Assistant legali

Assistent legali huwa mpjegat tal-qorti bl-istatus ta’ uffiċjal pubbliku. Id-dmirijiet tiegħu huma stabbiliti mill-Att dwar il-Qrati u mir-regolamenti ġudizzjarji, u b’mod iżjed partikolari, mir-regoli ta’ proċedura għal setturi legali individwali. Ix-xogħol ewlieni ta’ assistant legali (avukat bi grad universitarju li jkun għadda mill-eżami tal-liġi ta’ l-Istat) huwa li jassisti mħallef. Assistenti legali, għalhekk, iħejju l-kawżi, jagħmlu mistoqsijiet lill-partijiet, jilqgħu applikazzjonijiet għall-verbali u jabbozzaw deċiżjonijiet dwar eżekuzzjonijiet, ir-reġistru ta’ l-artijiet u proċeduri bonarji u sospiżi. Assistenti legali jirċievu salarju stabbilit mil-liġi u jinħatru f’pożizzjoni uffiċjali adattata, definita mill-Att dwar l-Impjegati Ċivili.

Prosekutur ta’ l-Istat

Skond l-Artikolu 135 tal-Kostituzzjoni, il-Prosekuturi ta’ l-Istat jirreġistraw u jippreżentaw akkużi kriminali u għandhom poteri oħra stabbiliti mill-liġi. L-organizzazzjoni u l-poteri tal-kariga ta’ Prosekutur ta’ l-Istat huma stabbiliti bl-Att dwar il-Prosekuturi ta’ l-Istat. F’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet li joriġinaw mill-kariga ta’ uffiċjal pubbliku fis-Slovenja, il-Prosekutur ta’ l-Istat għandu l-istess status ta’ mħallef ħlief fejn huwa pprovdut mod ieħor fl-Att dwar il-Prosekuturi ta’ l-Istat. Is-salarju ta’ Prosekutur ta’ l-Istat huwa relatat mas-salarju tal-Membri ta’ l-Assemblea Ġenerali. Il-Prosekutur ta’ l-Istat huwa uffiċjal li jaqdi d-dmirijiet tiegħu fl-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ l-Istat. Il-Prosekutur ta’ l-Istat jinħatar mill-Gvern Sloven fuq proposta tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Il-Ministru jipproponi l-kandidat wara li jkun sema’ l-opinjoni tal-Kunsill tal-Prosekutur ta’ l-Istat. Il-kondizzjonijiet li jridu jissodisfaw il-kandidati meta japplikaw għal-kariga ta’ Prosekutur ta’ l-Istat huma relatati mal-kondizzjonijiet meħtieġa għall-ħatra f’kariga ġudizjarja. L-ispeċjalizzazzjoni tal-Prosekutur ta’ l-Istat tiddependi mill-organizzazzjoni interna ta’ l-Uffiċju tal-Prosekutur ta’ l-Istat partikolari. Il-Prosekutur ta’ l-Istat jaqdi d-dmirjiet tiegħu skond il-Kostituzzjoni u l-atti legali. Il-kariga ta’ Prosekutur ta’ l-Istat mhix kompatibbli ma’ kariġa f’korpi oħra tal-Gvern, ma’ korpi ta’ gvern awtonomu lokali, u ma’ korpi ta’ partiti politiċi, jew ma’ karigi u attivitajiet oħra stabbiliti mil-liġi. Il-Karigi ta’ Prosekuturi ta’ l-Istat huma organizzati f’Karigi Distrettwali ta’ Prosekutur ta’ l-Istat, f’Karigi Ogħla ta’ Prosekutur ta’ l-Istat u f’Karigi Supremi ta’ Prosekutur ta’ l-Istat; dan jitqies ukoll bħala l-bażi għall-iskala ta’ promozzjonijiet tal-Prosekuturi ta’ l-Istat. Il-Prosekuturi ta’ l-Istat għandhom ukoll assistenti li huma ekwivalenti għal imħallfin lokali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ status u kondizzjonijiet tal-ħatra.

FuqFuq

Avukat ta’ l-Istat

Ir-rwol ta' Avukat ta' l-Istat huwa definit mill-Att dwar l-Avukati ta' l-Istat. L-Uffiċċju ta' l-Avukat-Ġenerali ta' l-Istat jirrapreżenta quddiem il-qorti lill-Istat, lill-korpi tiegħu u lill-aġenziji uffiċjali tiegħu magħmula minn persuni legali u jaqdi dmirijiet oħra skond il-liġi. Il-ħidma ta' l-Uffiċċju ta' l-Avukat-Ġenerali ta' l-Istat titwettaq mill-Avukat-Ġenerali ta' l-Istat, mill-avukati ta' l-Istat u mill-assistenti ta' l-avukati ta' l-Istat. L-avukati ta' l-Istat u l-assistenti tagħhom jinħatru mill-Gvern Sloven li jaġixxi fuq proposta tal-Ministeru tal-Ġustizzja wara konsultazzjoni ma' l-Avukat-Ġenerali ta' l-Istat. Dawn jinħatru għal perjodu ta' tmien snin bil-possibbiltà ta' tiġdid tat-terminu. Il-kondizzjonijiet tal-ħatra tal-kariga ta' avukat ta' l-Istat huma l-istess bħal dawk meħtieġa għal kariga ġudizzjarja flimkien ma' rekwiżiti oħra relatati ma' esperjenza prattika. L-avukat ta' l-Istat jaqdi d-dmirijiet tiegħu skond il-Kostituzzjoni u l-atti legali. Huwa għandu jirrapreżenta lill-Istat ex officio. Is-salarju ta' avukat ta' l-Istat huwa relatat mas-salarju tal-Membri ta' l-Assemblea Ġenerali. Id-dispożizzjonijiet dwar l-inkompatibbiltà tad-dmirijiet ta' mħallef japplikaw mutatis mutandis għad-dmirijiet ta' avukat ta' l-Istat.

L-Avukatura

L-artikolu 137 tal-Kostituzzjoni jipprovdi li l-Avukatura hija servizz indipendenti fi ħdan is-sistema tal-ġustizzja u li hija regolata mil-liġi. L-Att dwar l-Avukati jgħid li, fil-qadi ta' dmirijietu, avukat jagħti pariri legali, jirrappreżenta u jiddefendi lil partijiet fil-qrati kif ukoll quddiem korpi Statali oħra, iħejji dokumenti u jirrappreżenta lil partijiet fir-relazzjonijiet legali tagħhom. Sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, huwa biss avukat li jista' jirrappreżenta lil partijiet bi ħlas. Avukat għandu jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

FuqFuq

  1. għandu jkun ċittadin Sloven,
  2. għandu jkollu l-kapaċità professjonali u jkun f'kondizzjoni ta' saħħa ġenerali tajba,
  3. għandu jkun kiseb it-titlu professjonali ta' avukat bi grad universitarju fis-Slovenja jew ikun kiseb grad minn fakultà legali minn barra l-pajjiż li tkun rikonoxxuta mir-Repubblika tas-Slovenja,
  4. għandu jkun għadda mill-eżami tal-liġi ta' l-Istat,
  5. għandu jkollu erba' snin esperjenza fil-prattika legali, li mill-anqas sena minnhom għandha tkun ma' avukat,
  6. għandu jkun jaf sewwa l-lingwa Slovena,
  7. għandu jitqies li jkun affidabbli biex jaqdi d-dmirijiet ta' avukat,
  8. għandu jkollu t-tagħmir xieraq u l-uffiċċju meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet ta' avukat.

Avukat barrani li jkun kiseb id-dritt li jipprattika l-karriera ta' avukat f'art twelidu jista' jagħmel dan li ġej fir-Repubblika Slovena skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġi:

  • jagħti servizzi bħala avukat,
  • isegwi karriera bħala avukat skond it-titlu tal-karriera f'art twelidu,
  • isegwi l-karriera bħala avukat taħt it-titlu ta' “avukat”.

'Art twelidu' tfisser il-pajjiż li fih avukat ikollu d-dritt jipprattika l-karriera ta' avukat skond it-titlu tal-karriera miksub skond ir-regoli ta' dak il-pajjiż.

Għall-finijiet ta' dan l-Att, avukati minn Stati Membri oħra ta' l-Unjoni Ewropea huma dawk li għandhom id-dritt jipprattikaw il-karriera ta' avukat f'kull Stat Membru skond it-titlu tal-karriera skond ir-regoli ta' dak il-pajjiż.

Il-karriera ta' avukat mhix kompatibbli ma' dan li ġej:

  1. attivitajiet ta' karrieri oħra, ħlief dawk fil-qasam xjentifiku, edukattiv, artistiku jew tar-reklamar;
  2. impjieg imħallas mill-Istat;
  3. servizzi notarili;
  4. dmirijiet maniġerjali f'kumpanija;
  5. xogħol ieħor f'kunflitt mar-rispettabbiltà u l-imparzjalitá ta' avukat.

Avukat ma jistax jirreklama l-attivitajiet tiegħu. Jista' jipprattika l-karriera tiegħu b'mod indipendenti jew fi prattika ma' avukati oħra. Id-dritt li wieħed jipprattika l-karriera ta' avukat jinkiseb permezz ta' reġistrazzjoni fil-lista ta' avukati miżmuma mill-Assoċjazzjoni ta' l-Avukati. Avukati li jilħqu l-livell jew id-direzzjoni meħtieġa ta' taħriġ speċjalizzat jistgħu, taħt kondizzjonijiet speċifiċi, japplikaw ma' l-Assoċjazzjoni ta' l-Avukati biex ikun rikonoxxut l-istatus ta' avukat speċjalizzat. L-Assoċjazzjoni ta' l-Avukati hija l-organizzazzjoni ewlenija ta' l-avukati u għandha d-drittijiet u l-istatuti tagħha. Avukati minn pajjiżi oħra għandhom jgħaddu minn eżami dwar l-għarfien tar-regolamenti ġudizzjarji Sloveni qabel ma jiddaħħlu fir-reġistru ta' l-avukati. Id-Digriet dwar l-eżami ta' prova għal avukati minn pajjiżi oħra jistabbilixxi l-kontenut u l-proċedura aktar preċiżi biex isir l-eżami. Il-ħlas għas-servizzi ta' avukat huwa regolat mit-tariffa ta' drittijiet maħruġa mill-Assoċjazzjoni ta' l-Avukati bil-kunsens tal-Ministru tal-Ġustizzja.

FuqFuq

Il-Professjoni Nutarili

L-Artikolu 137(2) tal-Kostituzzjoni jistabilixxi li l-professjoni nutarili hija servizz pubbliku regolat mil-liġi. L-Att dwar in-Nutara jgħid illi skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Att, in-nutara, bħala persuni li jgawdu l-fiduċja pubblika, jifformulaw dokumenti pubbliċi dwar kwistjonijiet legali, dikjarazzjonijiet ta' intenzjoni u fatti li jinvestu drittijiet; iżommu fil-kustodju żgura tagħhom dokumenti, flus, u titoli biex jgħadduhom lill-terzi jew lill-korpi ta' l-Istat; fuq struzzjoni tal-Qorti, iwettqu d-dmirijiet li jistgħu ikunu delegati lilhom skond il-liġi. Biex jinħatar, nutar għandu jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

  1. għandu jkun ċittadin Sloven,
  2. għandu jkollu l-kapaċità professjonali meħtieġa u jkun f'kundizzjoni ta' saħħa ġenerali tajba,
  3. għandu jkun kiseb t-titlu professjonali ta' avukat b'digriet universitarju mis-Slovenja jew ikun kiseb grad minn fakultà legali barra l-pajjiż li jkun rikonoxxut mir-Repubblika tas-Slovenja,
  4. għandu jkun għadda mill-eżami tal-liġi ta' l-Istat,
  5. għandu jkollu ħames snin esperjenza prattika fil-qasam legali, li mill-anqas sena minnhom għandha tkun f'qorti jew ma' avukat jew ma' avukat ta' l-Istat,
  6. għandu jitqies li jkun affidabblibiex jaqdi d-dmirijiet ta' nutar,
  7. għandu jkun jaf sewwa l-lingwa Slovena,
  8. għandu jkollu tagħmir xieraq u l-uffiċċju meħtieġ biex jaqdi d-dmirijiet ta' nutar,
  9. għandu jkollu età li tkun inqas minn 64 sena

Minkejja l-punt 1 tal-paragrafu ta' qabel, ċittadini ta' pajjiżi barranin li jissodisfaw il-ħtiġijiet l-oħra stipulati f'dak il-paragrafu jistgħu wkoll jinħatru nutara mingħajr preġudizzju għar-reċiproċità attwali u legali.

FuqFuq

Id-dmirijiet ta' nutar huma inkompatibbli ma' dawk ta' avukat jew ma' xogħol jew funzjoni oħra bi ħlas.

In-nutar mhux awtorizzat li jaqdi dmirijiet li huma inkompatibbli mar- rispettabbiltà u l-integrità meħtieġa għal qadi tad-dmirijiet ta' nutar jew li jistgħu jdgħajfu l-fiduċja fl-imparzjalità jew fil-kredibbiltà tad-dokumenti li jifformula.

Nutar jinħatar mill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja biex jimla post battal. Il-Kamra tan-Nutara tas-Slovenja tintalab tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-kandidati nominati qabel ma jinħatar nutar. L-għadd ta' nutara li jistgħu jinħatru huwa ristrett u huwa determinat abbażi ta' limiti stabbiliti mill-Ministeru tal-Ġustizzja. Bħala regola, il-limitu huwa dak ta' nutar wieħed għal kull żona ta' qorti lokali, jew, meta d-densità tal-popolazzjoni jew l-attività ekonomika tkun akbar, nutar wieħed għal kull 20,000 abitant. Qabel ma jidħol fil-qadi ta' dmirijietu, in-nutar jieħu ġurament quddiem il-president tal-qorti għolja kompetenti. F'każ ta' irregolarità definita mil-liġi, in-nutar jitneħħa mill-Ministru tal-Ġustizzja. Il-Kamra tan-Nutara hija l-organizzazzjoni ewlenija tan-nutara.

Fis-Slovenja, l-obbligazzjonijiet u r-rekwiżiti dwar rappreżentanza minn avukati speċjalizzati huma stabbiliti separatament fir-regoli ta' proċedura. Bażikament, f'qorti lokali, il-partijiet jistgħu jkunu rappreżentati wkoll minn persuna li ma tkunx avukat jew minn persuna li ma tkunx għamlet l-eżami tal-liġi ta' l-Istat. Madankollu, f'qorti ċirkolari jew f'qorti ta' istanza ogħla, ir-rappreżentazzjoni hija ristretta għal avukat jew persuna oħra li tkun għaddiet mill-eżami ta' l-Istat u tagħti prova ta' dan lill-qorti. Għas-settur kriminali japplikaw arranġamenti speċjali minħabba li l-Att ta' Proċedura Kriminali jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għar-rappreżentazzjoni tal-partijiet minn avukat li jaġixxi ex officio.

« Professjonijiet legali - Informazzjoni Ġenerali | Slovenja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 30-11-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit