Kummissjoni Ewropea > NGE > Professjonijiet legali > Olanda

L-aħħar aġġornament: 28-02-2008
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Professjonijiet legali - Olanda

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. L-Imħallef 1.
2. Id-deputat 2.
3. Il-prosekutur pubbliku 3.
4. L-Avukat 4.
5. In-nutar tal-liġi ċivili (notaris5.
6. Il-Marixxall (gerechtsdeurwaarder6.

 

1. L-Imħallef

Il-funzjoni ta' l-imħallef hi li jagħti deċiżjoni ġusta fit-tilwimiet legali, jiġifieri wkoll f'każijiet fejn il-gvern huwa parti. Biex tiġi ggarantita l-imparzjalità fir-rigward tal-gvern, hemm sistema speċjali ta' għażla u ħatra u l-istat legali ta' l-imħallfin huwa differenti minn dak ta' uffiċjali oħrajn tal-gvern.

Kull min irid isir imħallef jeħtieġ għall-inqas seba' snin esperjenza professjonali. Din l-esperjenza tista' tinkiseb permezz ta' kors intern ta' taħriġ mal-ġudikatura jew billi tinkiseb esperjenza legali post ieħor. Is-sistema tal-ġudikatura tipprovdi t-taħriġ meħtieġ.

L-imħallfin jinħatru mill-Kuruna, taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru tal-Ġustizzja. Persuni ta' nazzjonalità Olandiża biss jistgħu jinħatru bħala mħallfin. Barra minn dan, il-kandidati għandhom ikunu ggradwaw fil-liġi minn università Olandiża.

L-individwi jistgħu jiġu nnominati għall-ħatra fil-ġudikatura biss wara rakkomandazzjoni minn kumitat nazzjonali ta' l-għażla, kompost minn membri tal-qrati differenti, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u individwi li huma attivi fis-soċjetà. L-imħallef jinħatar biex jamministra l-ġustizzja f'qorti speċifika. Din il-ħatra mhijiex possibbli, kemm-il darba l-qorti in kwistjoni ma tkunx innominat l-imħallef prospettiv. Grazzi għal dawn il-kondizzjonijiet, is-sistema tal-ħatra hija oġġettiva kemm jista' jkun. L-imħallef huwa uffiċjal tal-gvern bi status speċjali. Wara l-ħatra inizzjali, l-imħallef m'għandux għalfejn jaċċetta ħatra f'post ieħor.

L-imħallfin jistgħu jibqgħu fl-inkarigu sa l-età ta' 70 sena. F'età iżgħar, jistgħu biss jitneħħew mill-kariga kontra r-rieda tagħhom mill-ogħla qorti fl-Olanda, il-Qorti Suprema Olandiża (Hoge Raad der Nederlanden), bl-istigazzjoni tal-Prokuratur Ġenerali (procureur-general) ta' din il-Qorti. Din is-sistema tipprovdi protezzjoni xierqa kontra l-influwenza politika dwar il-ħatra u t-tneħħija mill-kariga.

FuqFuq

Il-Kostituzzjoni Olandiża tistruwixxi lill-ġudikatura tagħti d-deċiżjonijiet dwar it-tilwimiet u fiha dispożizzjonijiet dwar l-istatus legali tal-membri tal-ġudikatura.

B'osservazzjoni xieraq tal-leġiżlazzjoni prevalenti, l-imħallfin jistgħu, fid-diskrezzjoni tagħhom, jisimgħu l-każijiet; huma jiddeterminaw ukoll, fil-parti l-kbira, il-progress prattiku fil-proċeduri, pereżempju t-tul ta' xi partijiet tal-proċeduri. Jekk parti fil-proċeduri għandha d-dubji dwar l-imparzjalità ta' l-imħallef matul il-proċeduri, il-liġi tipprovdi għall-possibbiltajiet li ssir oġġezzjoni għal dak l-imħallef partikolari li qed jisma' l-kawża.

Xi kultant, parti f'kawża ma tkunx sodisfatta bix-xogħol ta' l-imħallef. Issir distinzjoni bejn id-deċiżjoni mogħtija mill-qorti u d-deċiżjoni ta' mħallef. Jekk in-nuqqas ta' sodisfazzjon ikollu x'jaqsam mas-sentenza, il-parti li tilmenta normalment għandha l-għażla li tressaq appell. L-ilmenti dwar l-imġiba ta' imħallef jistgħu jiġu ppreżentati mal-bord tal-qorti fejn l-imħallef ikkonċernat għandu l-inkarigu. Kull qorti għandha proċedura ta' lmenti li tipprovdi r-regoli dwar kif jiġu ttrattati l-ilmenti.

Hemm dispożizzjonijiet statutorji dwar l-imġiba ta' l-imħallfin. L-għan ta' dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jiggarantixxu li l-imħallfin jagħmlu xogħolhom b'mod imparzjali.

L-imħallfin jaħdmu fil-Qrati tad-Distrett (rechtbanken). Il-Qrati tad-Distrett għandhom erba' setturi: is-settur tad-dritt ċivili, is-settur tad-dritt kriminali, is-settur tad-dritt amministrattiv u s-settur tal-qorti tas-sub-distrett. L-imħallfin li jaħdmu f'dan is-settur ta' l-aħħar jissejħu: kantonrechter, l-oħrajn jissejħu rechter. L-imħallfin li jaħdmu fil-qrati ta' l-appell u fil-Qorti Suprema jissejħu raadsheer.

FuqFuq

Normalment l-imħallfin għandhom jisimgħu l-każijiet f'qasam wieħed f'daqqa, u mbagħad jaqilbu għal qasam ieħor. Għandu jkollhom l-għarfien espert f'mhux inqas minn żewġ oqsma. Din ir-regola hija maħsuba biex l-imħallfin ma jiffokawx għal żmien twil wisq fuq qasam wieħed ta' għarfien espert.

Il-Kantonrechters jisimgħu l-każijiet waħedhom. L-imħallfin tal-Qorti tad-Distrett normalment jisimgħu l-każijiet waħedhom, iżda xi każijiet iridu jinstemgħu minn kulleġġ ta' tliet imħallfin. L-imħallfin fil-qorti ta' l-appell jisimgħu l-każijiet bħala kulleġġ ta' tlieta, kemm-il darba dan il-każ ma jistax jinstema' minn imħallef wieħed. Il-liġi tipprovdi regoli dwar dan. Il-Qorti Suprema tisma' kull każ bħala kulleġġ ta' ħames imħallfin.

2. Id-deputat

L-imħallfin huma dejjem assistiti minn deputat (griffier). Parti mix-xogħol tad-deputati hi l-ġestjoni tad-dokumenti tal-każijiet. Parti oħra, b'aktar taħriġ legali, tgħin lill-imħallef jipprepara s-seduta, jippreparaw ir-rapport uffiċjali tas-smigħ u jabbozzaw id-deċiżjonijiet dwar l-istruzzjonijiet ta' l-imħallef.

Aktar tagħrif prattiku dwar il-ġudikatura jinsab fuq www.rechtspraak.nl English - Nederlands. Dan huwa l-websajt uffiċjali tas-sistema tal-ġudikatura. Is-sit jinkludi data dwar fejn għandha tintbagħat il-korrispondenza, l-indirizz fiżiku tal-qorti, id-dettalji tal-posta elettronika, il-ħinijiet ta' xogħol, kif tasal hemmhekk, il-proċedura ta' l-ilmenti eċċ.

FuqFuq

3. Il-prosekutur pubbliku

Il-funzjoni ewlenija tal-prosekutur pubbliku (Officier van Justitie) hija li jiftaħ il-proċeduri kriminali kontra n-nies. Iżda l-prosekutur pubbliku jista' wkoll jaġixxi f'każijiet ċivili, pereżempju fir-rigward ta' petizzjonijiet biex xi ħadd jitqiegħed taħt tutela, l-ammissjoni obbligatorja ta' ċittadin fi sptar psikjatriku, jew applikazzjonijiet għall-emenda ta' dokumenti uffiċjali mir-reġistru tat-twelid, taż-żwiġijiet u tal-mewt. Il-prosekutur pubbliku huwa parti mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku. Il-Ministru tal-Ġustizzja huwa responsabbli. Id-Dipartiment tal-Prosekuzzjoni Pubblika (Openbaar Ministerie jew OM) għandu Uffiċċju Nazzjonali (parket-generaal) li huwa l-bord nazzjonali u kull qorti għandha l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku tagħha (parket), fejn jaħdmu l-prosekuturi pubbliċi. Fil-qrati ta' l-appell u fil-Qorti Suprema, il-prosekuturi pubbliċi jissejħu Advocaat-Generaal. L-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku tal-Qorti Suprema għandu pożizzjoni indipendenti u l-maniġer tagħha jissejjaħ Procureur-Generaal.

Ara wkoll www.om.nl Nederlands (bl-Olandiż biss).

4. L-Avukat

Il-funzjoni ta' l-avukat hija li jiggarantixx li l-pożizzjoni legali tal-klijenti tiegħu mhijiex preġudikata. Għal dan l-iskop, l-avukati jipprovdu l-opinjonijiet legali u jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom fit-tilwimiet legali u fil-qorti.

FuqFuq

L-avukati għandhom obbligu li josservaw il-kunfidenzjalità vis-à-vis l-klijenti tagħhom u jistgħu jitolbu privileġġ. Fi kliem ieħor: l-avukati m'għandhomx għalfejn jiżvelaw informazzjoni miksuba mill-klijenti lill-qorti. Primarjament l-avukati jaħdmu fid-distrett fejn huma rreġistrati, iżda huma awtorizzati jaħdmu f'kull qorti tad-distrett u qorti ta' l-appell.

Persuni li għandhom każjiiet ċivili mismugħa mill-qorti tas-sub-distrett (kantonrechter) m'għandhomx għalfejn jitolbu s-servizzi ta' avukat. Fil-każijiet l-oħrajn kollha ċivili (quddiem qorti tad-distrett, qorti ta' l-appell jew il-Qorti Suprema), iċ-ċittadini għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat. Din tissejjaħ rappreżentanza legali obbligatorja (verplichte procesvertegenwoordiging).

Persuni li għandhom dħul relativament baxx jikkwalifikaw għall-għajnuna legali (ara l-iskeda dwar l-għajnuna legali). Avukat jiġi assenjat għalihom. Dan ifisser li t-tariffa ta' l-avukat titħallas mill-gvern. Il-persuna li qed titlob il-ġustizzja sempliċement tħallas kontribuzzjoni, u l-ammont jiddependi fuq id-dħul tal-persuna u l-assi l-oħrajn.

Kull min ikun iggradwa fil-liġi minn università Olandiża jista' jaħdem il-qorti.

Matul l-ewwel tliet snin minn meta jibdew jaħdmu l-qorti, l-avukati huma obbligati jipprattikaw il-liġi bħala apprendisti taħt is-superviżjoni ta' avukat ieħor. Dan ifisser li ma tistax issir avukat kemm-il darba ma ssibx avukat ieħor li jkun ippreparat iħarrġek. L-avukati minn pajjiżi oħrajn ta' l-UE jistgħu japplikaw biex jaħdmu fil-Qorti Olandiża, jekk iħarsu d-direttivi Ewropej rilevanti. L-avukati minn Stat Membru ieħor li kultant jagħtu s-servizzi tagħhom fi Stat Membru ieħor jistgħu jagħmlu dan, kemm-il darba jaħdmu flimkien ma' avukat lokali.

FuqFuq

L-avukat huwa professjonist indipendenti (vrije beroepsbeoefenaar).

Ir-regoli dwar il-professjoni, il-poteri tiegħu, il-ħatra tiegħu u ttneħħija mill-professjoni huma pprovduti fil-Liġi Olandiża dwar l-Avukati (Advocatenwet) u bosta digrieti u liġijiet sekondarji, inkluża l-Liġi Sekondarja ta' l-1998 dwar iż-Żamma tal-Kotba (Boekhoudverordening 1998), il-Liġi Sekondarja dwar il-Kontribuzzjoni Finanzjarja (Verordening op de financiële bijdrage) u l-Liġi Sekondarja dwar il-Prattika Professjonali (Verordening op de praktijkuitoefening).

Skond il-liġi, kull avukat li jipprattika fl-Olanda huwa membru tal-Kamra ta' l-Avukati Olandiża (Nederlandse Orde van Advocaten jew NOvA). L-avukati huma soġġetti għal proċeduri dixxiplinarji.

Il-funzjonijiet ta' din l-organizzazzjoni professjonali ddefiniti mil-liġi huma li tiġi żgurata l-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-membri tagħha. Dan jinkludi:

  • Programm ta' taħriġ estensiv għall-membri tal-kamra
  • L-abbozzar ta' liġijiet sekondarji u regoli oħrajn li jorbtu għall-avukati
  • Proċeduri dixxiplinarji
  • Informazzjoni u servizzi għall-membri tagħha
  • Rakkomandazzjonijiet lill-gvern dwar il-pjani ta' politika u l-abbozzi

Minbarra l-isħubija fil-Kamra ta' l-Avukati Olandiża, ħafna avukati huma wkoll membri ta' organizzazzjoni professjonali li tispeċjalizza f'qasam legali speċifiku. Dawn l-avukati speċjalizzaw f'qasam legali partikolari, bħal-liġi tal-familja, il-liġi tas-sigurtà soċjali, il-liġi dwar l-impjiegi, il-liġi kriminali jew il-liġi dwar il-kera.

Dawn l-esperti normalment jingħaqdu f'assoċjazzjoni, li tista' tinsab fuq www.advocatenorde.nl/advocaten/adressen_en_ledenlijst.asp Nederlands.

FuqFuq

Aktar tagħrif dwar il-professjoni legali jinsab fuq www.advocatenorde.nl English - Nederlands.

Jekk tgħix barra u għandek problemi biex issib avukat fl-Olanda, tista' tikkuntattja lill-Kunsill dwar l-Għajnuna Legali (Raad voor rechtsbijstand) fl-Aja. Id-dettalji huma elenkati fid-dokument tal-fatti taħt 6.

5. In-nutar tal-liġi ċivili (notaris)

Il-funzjoni tan-nutar tal-liġi ċivili hija li jfassal dokumenti, imsejħa atti (akten), li ċ-ċittadini u l-prattikanti legali jistgħu joqogħdu fuqhom minħabba l-preċiżjoni tagħhom. In-nutar tal-liġi ċivili jiżgura li dawn l-atti huma rappreżentazzjoni preċiża tal-fatti rilevanti u jirriflettu l-ftehimiet li jkunu saru bejn il-partijiet b'mod korrett. Taħt il-liġi Olandiża, l-atti mfassla minn nutar tal-liġi ċivili jingħataw piż probatorju speċjali.

In-nutara tal-liġi ċivili jaħdmu b'mod partikolari fl-oqsma tal-liġi tal-familja, il-liġi tal-kumpaniji u l-liġi tal-proprjetà (immobbli). Il-liġi pprovdiet li għadd kbir ta' atti maħsuba li jkollhom effett legali jistgħu biss jiġu stabbiliti minn att eżegwit quddiem nutar tal-liġi ċivili: l-inkorporazzjoni ta' l-entitajiet legali, bħall-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet, il-kumpanniji limitati privati u pubbliċi u l-emenda ta' l-artikoli ta' l-assoċjazzjoni jew l-istatut tagħhom, it-trasferiment tal-proprjetà rreġistrata bħall-proprjetà immobbli u l-bastimenti rreġistrati, it-tfassil ta' l-aħħar testmenti u l-ftehimiet taż-żwieġ.

FuqFuq

In-nutar tal-liġi ċivili huwa l-kustodju tal-kopji oriġinali ta' l-atti mfassla minnu, sabiex dejjem jistgħu jiġu kkonsultati f'data aktar tard. Il-partijiet jiksbu kopji ċċertifikati mingħand in-nutar tal-liġi ċivili. Eżempju tajjeb huwa l-aħħar testment. Wara l-mewt ta' persuna, in-nutar tal-liġi ċivili jagħti kopja tat-testment oriġinali lill-eredi. In-nutar tal-liġi ċivili jista' wkoll iwettaq ċerti funzjonijiet fil-bejgħ tal-patromonju.

In-nutar tal-liġi ċivili huwa uffiċjal pubbliku, u minħabba din il-kariga għandu l-awtorità jfassal atti uffiċjalment iċċertifikati (authentieke akten). Dawn l-atti għandhom aktar valur probatorju mill-atti privati. Għalkemm in-nutari tal-liġi ċivli li jipprattikaw fl-Olanda huma uffiċjali pubbliċi, huma liberi jiddeterminaw ir-rati tagħhom. Huma jġorru r-riskju finanzjarju tad-ditta tagħhom, filwaqt li xi ftit jew wisq, huma professjonisti indipendenti. Taħt u skond il-liġi Olandiża, hemm regoli li jippermettu lin-nutar tal-liġi ċivili jeżerċita l-kariga tiegħu b'mod indipendenti u imparzjali u bir-reqqa xierqa jippromwovi l-interessi tal-partijiet interessati.

In-nutara tal-liġi ċivili jinħatru mill-Kuruna taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru tal-Ġustizzja. Iċ-ċittadini Olandiżi biss huma eliġibbli għall-ħatra. Barra minn dan, il-kandidati għandhom ikunu ggradwaw fil-liġi notarili minn università Olandiża jew ikunu lestew taħriġ li jitqies simili skond id-direttivi ta' l-UE implimentati. Qabel ma persuna tista' tinħatar għall-kariga ta' nutar tal-liġi ċivili, il-ġurista fil-liġi notarili għandu jkun wettaq għall-inqas sitt snin ta' apprendistat bħala nutar tal-liġi ċivili ma' uffiċċju ta' nutar tal-liġi ċivili stabbilit fl-Olanda. Matul l-ewwel tliet snin ta' dan l-apprendistat, l-apprendist nutar tal-liġi ċivili għandu jsegwi korsijiet ta' taħriġ professjonali. L-applikazzjoni għall-ħatra lill-Ministru tal-Ġustizzja għandha tkun akkumpanjata minn pjan kummerċjali.

FuqFuq

Ir-regoli dwar il-kariga, il-poteri, il-ħatra u t-tneħħija mill-kariga jinsabu fl-Att dwar in-Nutara (Wet op het notarisambt jew Wna) u f'bosta digrieti u liġijiet sekondarji, bħad-Digriet dwar ir-Rekwiżiti Professjonali ta' l-Apprendist Nutar tal-Liġi Ċivili (Besluit beroepsvereisten kandidaat-notaris), il-Liġi Sekondarja dwar ir-regoli professjonali u r-regoli tal-kondotta (Verordening beroeps- en gedragsregels) u l-Liġi Sekondarja dwar il-Kollaborazzjoni bejn dixxiplini differenti (Verordening interdisciplinaire samenwerking).

Min-naħa l-waħda, in-nutar tal-liġi ċivili huwa obbligat li jwettaq ix-xogħol kollu assenjat lilu bil-liġi jew mitlub minn kwalunkwe parti, iżda min-naħa l-oħra huwa wkoll obbligat jirrifjuta li jagħti s-servizzi fejn dan ikun inkompatibbli mal-liġi jew l-ordni pubblika, fejn dan jirriżulta f'atti li apparentement ikollhom għan jew konsegwenza illegali jew fejn ikollu raġunijiet validi oħra biex jagħmel dan.

L-obbligu li jagħtu s-servizzi ma jipprekludix lin-nutara tal-liġi ċivili milli jispeċjalizzaw f'qasam partikolari. Hemm bosta assoċjazzjonijiet ta' nutara tal-liġi ċivili u ta' apprendisti nutara tal-liġi ċivili li għandhom għarfien espert speċifiku f'aspett wieħed jew aktar tal-prattika tal-liġi notarili: l-Assoċjazzjoni ta' l-Esperti tal-Liġi Notarili dwar in-Negozji Agrikoli (Vereniging voor Agrarisch Specialisten in het Notariaat jew VASN), l-Assoċjazzjoni ta' dawk li Jippjanaw il-Patrimonju (Vereniging van Estate Planners jew VEP), l-Assoċjazzjoni tal-Medjaturi tal-Liġi Ċivili (Vereniging van Mediators in het Notariaat jew VMSN) u l-Assoċjazzjoni tal-Liġi Ċivili ta' l-IT (Vereniging voor Notariaat en Informatietechnologie jew VNI).

FuqFuq

Skond il-liġi, kull nutar tal-liġi ċivili u kull apprendist nutar tal-liġi ċivili li jipprattika fl-Olanda huwa membru ta' l-Organizzazzjoni Professjonali Notarili (Koninklijke Notariële Beroepsorganisatie jew KNB), organizzazzjoni pubblika inkorporata taħt il-liġi Olandiża. Il-funzjoni ewlenija ta' din l-organizzazzjoni hija li tippromwovi l-eżerċizzju xieraq tal-kariga. Barra minn dan, l-organizzazzjoni toffri varjetà kbira ta' prodotti u servizzi lill-membri tagħha.

Id-dmirjijet statutorji ta' l-organizzazzjonijiet huma:

  • it-tfassil ta' liġijiet sekondarji u regolamenti;
  • il-promozzjoni ta' l-eżerċizzju xieraq tal-kariga;
  • il-promozzjoni tal-kompetenza professjonali;
  • il-ħarsien ta' l-unur u l-prestiġju tal-kariga.

In-nutara tal-liġi ċivili u l-apprendisti nutara tal-liġi ċivili huma soġġetti għal regoli dixxiplinarji statutorji, li huma applikati mill-Bordijiet Dixxiplinari (li jkopru l-istess żona ġeogorafika bħad-distretti tal-qrati), kull wieħed b'ħames membri, li minnhom iċ-chairman huwa l-president tal-qorti tad-distrett. Id-deċiżjonijiet li jagħtu dawn il-Bordijiet Dixxiplinari jistgħu jiġu appellati quddiem il-Qorti ta' l-Appell ta' Amsterdam.

Aktar informazzjoni dwar il-prattika notarili tinsab fuq: www.notaris.nl Nederlands.

6. Il-Marixxall (gerechtsdeurwaarder)

Il-marixxall Olandiż huwa fdat b'funzjonijiet uffiċjali li ma jistgħu jiġu fdati lil ħaddieħor. B'mod partikolari huma fdati b'dawn:

FuqFuq

In-notifika ta' ċitazzjonijiet u dokumenti oħrajn, biex jinbdew il-proċeduri legali jew jipprovdu struzzjonijiet fil-każijiet;

In-notifika ta' ordnijiet tal-qorti, tħabbiriet, protesti u ċitazzjonijiet oħrajn;

L-iżgumbramenti, il-qbid, il-bejgħ tal-proprjetà b'ordni tal-qorti, ir-rabtiet għal nuqqas ta' ħarsien ta' ordni tal-qorti u atti oħrajn li huma parti minn jew meħtieġa għall-infurzar ta' mandat ta' eżekuzzjoni jew biex jiggarantixxu d-drittijiet;

Is-superviżjoni uffiċjali tal-bejgħ volontarju tal-proprjetà mobbli f'irkant pubbliku.

Minħabba l-liġi, dawn il-funzjonijiet, sa fejn jirrelataw għal-liġi ċivili, għandhom jitwettqu mill-marixxalli.

Il-marixxall huwa uffiċjal pubbliku mingħajr salarju, maħtur mill-kuruna. Il-marixxalli għandhom ir-riskju finanzjarju tad-ditta tagħhom. Minbarra l-funzjonijiet uffiċjali tagħhom, il-marixxalli huma wkoll awtorizzati jwettqu attivitajiet sekondarji, kemm-il darba dan ma jagħmilx ħsara jew ma jrażżanx l-eżekuzzjoni tajba u indipendenti tal-kariga tagħhom jew ir-reputazzjoni tagħha. Il-marixxalli li jipprattikaw fl-Olanda ngħataw l-awtorità jaġixxu bħala rappreżentanti ad litem quddiem il-qorti tas-sub-distrett, jew jaġixxu bħala riċevituri jew amministraturi, jew jagħmlu inventarji u valwazzjonijiet, jiġbru l-flus għal terzi u jfasslu rapporti uffiċjali li jaċċertaw il-fatti.

Ir-rati li bihom għandu jitħallas ix-xogħol uffiċjali tal-marixxall mid-debitur huma stabbiliti fid-Digriet dwar it-Tariffi tal-Marixxalli (Besluit tarieven ambtshandelingen gerechtsdeurwaarders). L-ispejjeż tat-tariffi li l-marixxall jitlob mingħand il-klijenti tiegħu għandhom jiġu deċiżi mill-marixall u għandhom jiġu stabbiliti b'konsultazzjoni reċiproka bejn il-marixxall u l-klijent tiegħu. Dan jgħodd ukoll għal xogħol li l-marixxall jirċievi minn barra l-pajjiż.

FuqFuq

Ir-regoli dwar il-kariga, il-poteri, il-ħatra u t-tneħħija mill-kariga huma pprovduti fl-Att dwar il-Marixxalli (Gerechtsdeurwaarderswet) u f'bosta digrieti u liġijiet sekondarji, bħad-Digriet dwar it-taħriġ u l-apprendistat tal-marixxalli (Besluit opleiding en stage gerechtsdeurwaarder), id-Digriet dwar il-Pjan Kummerċjali (Besluit ondernemingsplan), il-Liġi Sekondarja dwar iż-Żamma tal-Kotba (Administratieverordening) u l-Liġi Sekondarja dwar regoli professjonali u r-regoli tal-kondotta (Verordening beroeps- en gedragsregels).

Skond il-liġi, kull marixxall u kull marixxall apprendist li jipprattikaw fl-Olanda huma membri ta' l-Organizzazzjoni Professjonali tal-Marixxalli (Koninklijke Beroepsorganisatie van Gerechtsdeurwaarders or KBvG). Il-funzjoni ewlenija ta' din l-organizzazzjoni hija li tippromwovi l-eżerċizzju xieraq tal-kariga u l-ħidma tajba u l-kompetenza tal-membri tagħha. F'dawn l-oqsma, tista' timponi obbligi jew regoli fuq il-membri tagħha. Bord Dixxiplinarju jiddeċiedi dwar il-miżuri dixxiplinarji; l-appelli mid-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jitressqu mal-Qorti ta' l-Appell ta' Amsterdam.

Jekk tixtieq tikseb is-servizzi ta' marixxall, l-aħjar li għandek tagħmel hu tagħżel wieħed fil-muniċipalità fejn għandu jsir ix-xogħol. L-atlas ġudizzjarju Ewropew fuq il-websajt (http://ec.europa.eu/justice_home/judicialatlascivil) jelenka l-indirizzi tal-marixxalli kollha fil-pajjiżi Ewropej kollha taħt l-intestatura “in-notifika tad-dokumenti” u mbagħad taħt “marixxalli”.

Aktar tagħrif u indirizzi jistgħu jinstabu fuq il-websajt ta' l-Organizzazzjoni Professjonali tal-Marixxalli: www.kbvg.nl Deutsch - English - français - Nederlands.

« Professjonijiet legali - Informazzjoni Ġenerali | Olanda - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 28-02-2008

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit