Kummissjoni Ewropea > NGE > Professjonijiet legali > Irlanda

L-aħħar aġġornament: 20-06-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Professjonijiet legali - Irlanda

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. L-Imħallfin 1.
2. L-Avukat Ġenerali u d-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi 2.
3. L-Iskrivani tal-Qorti 3.
4. Ix-Xeriff 4.
5. L-Avukati fil-Qrati Inferjuri (Solicitors5.
6. L-Avukati fil-Qrati Superjuri (Barristers6.
7. In-Nutara 7.

 

1. L-Imħallfin

Il-Bord Konsultattiv tal-Ħatriet Ġudizzjarji jidentifika u jinforma lill-Gvern dwar persuni li jkunu adattati għall-ħatra ta’ imħallef. L-imħallfin jinħatru mill-President fuq il-parir tal-Gvern.  L-imħallfin huma awtonomi u jaqgħu biss taħt il-Kostituzzjoni u l-Liġi. Skond il-Kostituzzjoni, in-numru ta’ l-imħallfin jiġi ffissat bil-liġi minn żmien għall-ieħor.

Il-Qorti Suprema tinkludi l-Prim Imħallef, li huwa l-President tal-Qorti, u seba’ imħallfin ordinarji li jissejħu ‘Imħallef tal-Qorti Suprema’. Il-President tal-Qorti Superjuri huwa wkoll membru ex officio tal-Qorti Suprema.  Il-Qorti Superjuri tinkludi l-President tal-Qorti Superjuri li huwa responsabbli mill-organizzazzjoni ġenerali tax-xogħol tal-Qorti Superjuri u imħallfin ordinarji li jissejħu ‘Imħallef tal-Qorti Superjuri’. Il-Prim Imħallef u l-President tal-Qorti Ambulanti (Circuit Court) huma wkoll membri ex officio tal-Qorti Superjuri.  In-numru ta’ l-Imħallfin tal-Qorti Superjuri jiġi ffissat bil-liġi minn żmien għall-ieħor. Bħalissa ma jistax ikun hemm iktar minn 28 (u ieħor meta l-President tal-Kummissjoni tar-Riforma fil-Liġi jkun Imħallef tal-Qorti Superjuri).  Il-Qorti Ambulanti tinkludi l-President tal-Qorti Ambulanti u imħallfin ordinarji li jissejħu ‘Imħallef tal-Qorti Ambulanti’.  Il-President tal-Qorti Distrettwali huwa wkoll membru ex officio tal-Qorti Ambulanti. Il-Qorti Distrettwali tinkludi l-President tal-Qorti Distrettwali u imħallfin oħra li jissejħu ‘Imħallef tal-Qorti Distrettwali’. Il-Kostituzzjoni tipprovdi li l-Gvern m’għandux inaqqas ir-rimunerazzjoni ta’ l-imħallfin waqt li dawn ikunu qed iservu fil-kariga tagħhom.  Is-salarji ta’ l-imħallfin huma ffissati bil-liġi li tidħol fis-seħħ minn żmien għall-ieħor. Il-liġi preżenti hija l-Att dwar il-Karigi Ministerjali, Parlamentari u Ġudizzjarji u l-Membri ta’ l-Oireachtas (Dispożizzjonijiet Mixxellanji) ta’ l-2001. 

FuqFuq

L-imħallfin li jinħatru jridu jkunu avukati fil-Qrati Inferjuri (solicitors) jew avukati fil-Qrati Superjuri (barristers) ikkwalifikati u jkollhom ċertu ammont ta’ snin ta’ esperjenza fil-prattika legali (mhux fir-riċerka). Għall-Qorti Distrettwali, it-Taqsima 29(2) ta’ l-Att dwar il-Qrati (Dispożizzjonijiet Supplimentari) ta’ l-1961 tipprovdi li persuna li tkun qed tipprattika bħala avukat fil-Qrati Superjuri (barrister) jew bħala avukat fil-Qrati Inferjuri (solicitor) u li jkollha mhux inqas minn għaxar esperjenza, tista’ tikkwalifika għall-ħatra ta’ imħallef tal-Qorti Distrettwali. It-Taqsima 30 ta’ l-Att dwar il-Qrati u l-Uffiċjali tal-Qrati ta’ l-1995 tipprovdi li avukat fil-Qrati Inferjuri (solicitor) jew avukat fil-Qrati Superjuri (barrister) b’għaxar snin esperjenza jkun jikkwalifika għall-ħatra ta’ imħallef tal-Qorti Ambulanti. L-Att dwar il-Qrati u l-Uffiċjali tal-Qrati ta’ l-2002 jipprovdi li persuna li tkun qed tipprattika bħala avukat fil-Qrati Superjuri (barrister) jew bħala avukat fil-Qrati Inferjuri (solicitor) b’esperjenza ta’ mhux inqas minn 12-il sena tista’ tikkwalifika għall-ħatra fil-Qorti Superjuri jew fil-Qorti Suprema.  Kif intqal diġà, l-imħallfin huma awtonomi fis-sens li dawn jaqgħu biss taħt il-Kostituzzjoni u l-Liġi. Meta jidħlu fil-kariga dawn ikunu jridu jagħmlu d-dikjarazzjoni li ġejja skond l-Artikolu 34.5.1 tal-Kostituzzjoni:

 “Fil-preżenza t’Alla, jiena nwiegħed u niddikjara solennement u sinċerament li jien se nwettaq l-kariga ta’ Imħallef (jew skond il-każ) b’mod korrett u onest u mill-aħjar li nista’ skond l-għerf u s-setgħa li għandi, mingħajr biża’ jew favur, affezzjoni jew rieda ħażina lejn xi ħadd, u li jien se nkun fidil lejn il-Kostituzzjoni u l-liġijiet. Hekk Alla jgħini.”

FuqFuq

Skond il-Kostituzzjoni, l-Imħallfin tal-Qorti Superjuri u tal-Qorti Suprema jistgħu jitneħħew mill-kariga biss f’każ ta’ imġiba ħażina dikjarata jew ta’ nuqqas ta’ kapaċità u wara li jkunu għaddew riżoluzzjonijiet miż-żewġ kmamar ta’ l-Oireachtas (bl-Irlandiż għall-Parlament). L-Att dwar il-Qrati tal-Ġustizzja ta’ l-1924 u l-Att dwar il-Qrati tal-Ġustizzja (il-Qorti Distrettwali) ta’ l-1946 jipprovdu provvedimenti statutarji simili għall-imħallfin tal-Qorti Ambulanti u tal-Qorti Distrettwali.

2. L-Avukat Ġenerali u d-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi

Skond l-Artikolu 30 tal-Kostituzzjoni, l-Avukat Ġenerali huwa “il-konsulent tal-Gvern fejn jikkonċerna kwistjonijiet ta’ liġi u ta’ opinjoni legali”. L-Avukat Ġenerali jinħatar mill-President fuq in-nomina li tkun saret mit-Taoiseach (bl-Irlandiż għall-Prim Ministru). Dan ikun obbligat li jirtira mill-kariga meta jirtira t-Taoiseach. L-Avukat Ġenerali ikun ġeneralment avukat fil-Qrati Superjuri (barrister) prattikanti kif ukoll Konsulent Anzjan.  Ma teżisti l-ebda regola li twaqqaf lill-Avukat Ġenerali mill-prattika privata tiegħu, iżda hekk tista’ tgħid li ġara f’dawn l-aħħar snin.

Bħala l-konsulent legali tal-Gvern, l-Avukat Ġenerali jeżamina l-abbozzi ta’ liġijiet kollha li l-Gvern ikun beħsiebu jpoġġi quddiem l-Oireachtas (il-kmamar tal-Parlament) biex dawn jiġu approvati.  L-Avukat Ġenerali jagħti parir lill-Gvern fuq kwistjonijiet internazzjonali, bħalma hija r-ratifikazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali. Funzjoni oħra ta’ l-Avukat Ġenerali hija li jirrappreżenta lill-pubbliku fid-difiża tad-drittijiet pubbliċi. Dan isir billi jagħti bidu jew billi jopponi għal proċeduri legali. Għalkemm dan jinħatar mit-Taoiseach, l-Avukat Ġenerali huwa indipendenti mill-Gvern. Skond il-Kostituzzjoni, l-Avukat Ġenerali huwa dejjem il-konvenut ewlieni fejn tkun tiġi attakkata l-kostituzzjonalità tal-leġiżlazzjoni.

FuqFuq

Qabel l-1976, il-prosekuzzjoni tar-reati kriminali serji kollha kienet issir f’isem l-Avukat Ġenerali. Il-Kostituzzjoni tipprovdi li din il-funzjoni tista’ ssir minn persuna oħra li jkun awtorizzat bil-liġi biex jaġixxi għal dak il-għan.  Għalhekk, il-kariga tad-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi nħolqot bis-saħħa tat-Taqsima 2 ta’ l-Att dwar il-Prosekuzzjoni ta’ Reati ta’ l-1974 li daħal fis-seħħ fl-1976. L-idea kienet li jkun hemm uffiċjal bla ebda rabtiet politiċi li jkun jista’ jwettaq dawn id-dmirijiet. Id-Direttur jinħatar mill-Gvern iżda huwa ħaddiem tas-servizz pubbliku. Għalhekk id-Direttur ma jirriżenjax meta jintemm il-mandat tal-gvern, kontra l-Avukat Ġenerali. Dan jiżgura l-kontinwità fil-prosekuzzjoni tar-reati. L-Att ta’ 1974 jipprovdi wkoll li fit-twettiq ta’ dmirijietu d-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi irid ikun awtonomu. Id-Direttur jista’ jitneħħa mill-kariga tiegħu mill-Gvern, iżda dan isir biss wara li jkun sar rapport fuq is-saħħa jew l-imġiba tiegħu; dan ir-rapport isir minn kumitat li jinkludi l-Prim Imħallef, imħallef tal-Qorti Superjuri u l-Avukat Ġenerali.

Id-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi (DPP) għalhekk jieħu deċiżjoni dwar jekk persuna għandhiex tiġi akkużata b’reat kriminali serju u x’għandha tkun l-akkuża. Il-prosekuzzjonijiet kollha jsiru f’isem id-DPP, iżda l-prosekuzzjoni ta’ ħafna mir-reati kriminali inqas serji ssir mill-Gardaí (bl-Irlandiż għall-Pulizija) mingħajr ma joqgħod jintbagħat il-fajl għand id-DPP.  F’dawn il-każijiet, id-DPP għandu d-dritt li jagħti parir lill-Gardaí fuq kif għandu jiġi ttrattat il-każ. Għalkemm id-DPP għandu r-rwol li kellu l-Avukat Ġenerali fil-prosekuzzjoni ta’ każijiet, l-Avukat Ġenerali żamm din il-funzjoni fejn jidħlu każijiet ta’ natura internazzjonali bħalma hija l-estradizzjoni.

FuqFuq

3. L-Iskrivani tal-Qorti

L-Iskrivani tal-Qorti huma responsabbli mill-amministrazzjoni ġenerali tal-qrati.  Il-qrati preżenti twaqqfu bl-Att dwar il-Qrati (L-Istabbiliment u l-Kostituzzjoni) ta’ l-1961, skond l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni. Il-Kostituzzjoni tispjega l-istruttura tal-Qrati, fejn għandu jkun hemm il-Qorti ta’ l-Appell Finali (il-Qorti Suprema) u l-Qrati ta’ l-ewwel istanza. Dawn ta’ l-aħħar għandhom jinkludu Qorti Superjuri b’ġusrisdizzjoni sħiħa fuq każijiet kriminali u ċivili u Qrati b’ġurisdizzjoni limitata (il-Qorti Ambulanti u l-Qorti Distrettwali) li jkunu organizzati fuq bażi reġjonali.

L-Iskrivani tal-Qorti huma impjegati tas-Servizz tal-Qrati. Din hija korporazzjoni indipendenti li bdiet teżisti f’Novembru 1999 u kienet twaqqfet mill-Gvern taħt l-Att dwar is-Servizz tal-Qrati ta’ l-1998. L-istabbiliment ta’ din l-entità kien rakkmandat mill-Working Group fuq il-Kummissjoni tal-Qrati u jirrappreżenta xogħol mhux mitmum minn mindu twaqqaf l-Istat għaliex qatt ma kien sar provvediment biex il-ġudikatura jew il-qrati jkollhom struttura amministrattiva indipendenti.

Is-Servizz tal-Qrati għandu ħames mandati:

  • Li jamministra l-Qrati
  • Li jforni servizzi ta’ appoġġ għall-imħallfin
  • Li jipprovdi informazzjoni lill-pubbliku fuq is-sistema tal-Qrati
  • Li jipprovdi, jamministra u jżomm fi stat tajjeb il-bini tal-Qrati
  • Li jipprovdi l-faċilitajiet meħtieġa lil dawk li jużaw il-Qrati

Is-Servizz tal-Qrati jaqa’ taħt il-Ministru tal-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u r-Riforma fil-Liġi u, permezz tal-Ministru, taħt il-Gvern. Dan jaqa’ wkoll taħt il-kumitat tal-kontijiet pubbliċi li jifforma parti mill-Oireachtas (il-Parlament Irlandiż); dan il-kumitat jeżamina l-flus minfuqa kif ukoll il-provvedimenti dwar il-valur miksub mill-flus minfuqa. Il-Kap Eżekuttiv Ewlieni huwa l-uffiċjal responsabbli u dan jidher quddiem dan il-Kumitat skond meta u kif ikun meħtieġ. Is-Servizz tal-Qrati jagħti kont lill-pubbliku billi jippubblika rapport annwali dwar il-ħidma tiegħu.

FuqFuq

Il-Bord tas-Servizz tal-Qrati jinkludi President u 16-il membru li l-funzjonijiet tagħhom huma li jqisu u jiddeterminaw il-politika u li jaraw li dik il-politika tkun qed titwettaq mill-Kap Eżekuttiv. Il-funzjonijiet tal-Kap Eżekuttiv huma ddeterminati mill-Att dwar is-Servizz tal-Qrati ta’ l-1998. Dmiru huwa li “jamministra u jikkontrolla b’mod ġenerali lill-impjegati, l-amministrazzjoni u x-xogħol tas-Servizz, inklużi l-funzjonijiet tar-Reġistraturi tal-Kontea sakemm dawn il-funzjonijiet ikollhom x’jaqsmu mas-Servizz, u li jwettaq dmirijiet oħra skond kif jiġi ddeterminat bil-liġi jew mill-Bord”.

Ħafna mill-fondi tas-Servizz tal-Qrati jiġu mill-Istat, għalkemm xi dħul jiġi ġġenerat mit-taxxi li jitħallsu fuq id-dokumenti tal-qorti. Bħalissa hemm madwar 1000 impjegat. Il-Bord tas-Servizz tal-Qrati jaħtar dawn il-persuni bħala impjegati tas-Servizz, kif ukoll jiddetermina l-gradi ta’ l-impjegati u n-numru ta’ impjegati f’kull grad bl-approvazzjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u r-Riforma fil-Liġi u bil-kunsens tal-Minisru tal-Finanzi.

L-amministrazzjoni ta’ l-istruttura ta’ l-impjegati hija magħmula mill-Kap Eżekuttiv, id-Direttur ta’ l-Operazzjonijiet għall-Qorti Suprema u l-Qorti Superjuri, id-Direttur ta’ l-Operazzjonijiet għall-Qorti Ambulanti u l-Qorti Distrettwali u erba’ Diretturi t’appoġġ – tar-Riżorsi Umani, tal-Finanzi, tal-Proprjetà u l-Bini u tas-Servizzi tal-Korporazzjoni. L-Uffiċċji tal-Qorti Suprema jikkonsistu mill-Uffiċċju tal-Qorti Suprema u mill-Uffiċċju tal-Qorti ta’ l-Appell Kriminali. L-Uffiċċji tal-Qorti Superjuri jikkonsistu mill-Uffiċċju Ċentrali, l-Uffiċċju tal-Kontabilista tal-Qrati tal-Ġustizzja, l-Uffiċċju tas-Swali tal-Qorti, l-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali għall-Minorenni u s-Swali tal-Qorti, l-Uffiċċju tat-Taxing Master, l-Uffiċċju tal-Probate, l-Uffiċċju ta’ l-Eżaminaturi u l-Uffiċċju tal-Persuna Inkarigata f’Każijiet ta’ Falliment (Assignee in Bankruptcy).  Fil-pajjiż bħalissa hemm 26 Uffiċċju tal-Qorti Ambulanti. Dawn jittrattaw kwistjonijiet ta’ natura ċivili u kriminali, kif ukoll oħrajn li jikkonċernaw il-liġi tal-familja u s-servizz tal-ġurija. Kull kontea għandha Reġistratur tal-Kontea li jkun responsabbli mix-xogħol ta’ l-uffiċċju. Fil-pajjiż hemm ukoll 44 Uffiċċju tal-Qorti Distrettwali. Dawn jittrattaw kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-liġi ċivili, mal-liġi kriminali u mal-liġi tal-familja kif ukoll proċeduri ta’ Talbiet Żgħar.

FuqFuq

4. Ix-Xeriff

Kull kontea fl-Irlanda għandha Xeriff li jkun impjegat tas-servizz pubbliku. Parti mix-xogħol tiegħu huwa li jikkonfiska u jbigħ oġġetti biex jitħallas dejn wara li tkun ingħatat sentenza mill-qorti. Ix-Xeriffi jinħatru taħt l-Att dwar l-Uffiċjali tal-Qorti ta’ l-1945; it-Taqsima 12(5) ta’ l-Att jillimita l-ħatra għal din il-kariga għal persuni li jkunu avukati fil-Qrati Superjuri (barristers) jew avukati fil-Qrati Inferjuri (solicitors) u li jkunu ilhom jipprattikaw għal ħames snin jew għal dawk il-persuni li jkunu ħadmu għal mhux inqas minn ħames snin bħala skrivan amministrattiv jew bħala assistent prinċipal fl-uffiċċju ta’ l-assistent xeriff jew tax-xeriff. It-Taqsima 12(6)(g) ta’ l-Att tiddikjara li l-kondizzjonijiet tax-xogħol tax-Xeriffi kollha li jaqgħu taħt dawn it-taqsimiet ta’ l-Att għandhom jiġu ddeterminati minn żmien għall-ieħor mill-Ministru tal-Finanzi, wara konsultazzjoni mal-Ministru tal-Ġustizzja.

Metodi oħra li jintużaw biex jinġabar id-dejn b’sentenza mill-qorti huma l-proċess ta’ l-ordni rateali fejn l-imħallef jiddetermina l-ammont ta’ pagamenti li d-debitur ikun jista’ jagħmel kull ġimgħa jew kull xahar wara li jkun evalwa l-mezzi tiegħu, l-ordni ta’ sekwestru fejn il-flus mogħtija minn terza parti lil debitur jittieħdu biex ikun jista’ jitħallas id-dejn, il-likwidazzjoni fejn il-beni tad-debitur jinbiegħu biex jitħallas id-dejn, l-ipoteka ġudizzjarja li tiġi rreġistrata kontra l-proprjetà tad-debitur u fejn dik il-proprjetà ma tkunx tista’ tiġi nnegozjata sakemm jitħallas id-dejn rilevanti (il-kreditur jista’ jieħu passi oħra biex ibigħ il-proprjetà biex jitħallas id-dejn), l-istralċ ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata mil-Qorti u d-dikjarazzjoni tal-falliment tad-debitur.

FuqFuq

5. L-Avukati fil-Qrati Inferjuri (Solicitors)

Il-Law Society ta’ l-Irlanda tirregola l-edukazzjoni ta’ l-istudenti li jkunu qed jaspiraw li jsiru avukati fil-Qrati Inferjuri (solicitors) u għandha setgħat dixxiplinarji fuq l-avukati fil-Qrati Inferjuri (solicitors) li jkunu kkwalifikati. Biex persuna tilħaq avukat fil-qrati Inferjuri (solicitor), din trid tkun għamlet tliet snin ta’ apprendistat u tkun temmet il-korsijiet ta’ studju li jkunu organizzati mil-Law Society ta’ l-Irlanda.  Biex wieħed jibda dawn il-korsijiet, ikun meħtieġ li dan ikollu grad universitarju jew l-ekwivalenti jew inkella jkun avukat fil-Qrati Superjuri (barrister) jew l-ekwivalenti – dan jissejjaħ il-kriterju ta’ l-Eżami Preliminari. Meta jilħaq dawn il-kriterji, dan ikun meħtieġ jgħaddi mill-Eżami Finali tas-Society, liema eżami jinqasam f’taqsimiet magħrufa bħala FE-1, FE-2 u FE-3. L-eżami FE-1 jikkonsisti minn tmien suġġetti ewlenin: il-Liġi tal-Kumpaniji, il-Liġi Kostituzzjonali, il-Liġi tal-Kuntratti, il-Liġi Kriminali, il-Liġi ta’ l-Ekwità, il-Liġi tal-Komunità Ewropea, il-Liġi tal-Proprjetà u l-Liġi tad-Danni.  It-taqsimiet ta’ l-aħħar huma korsijiet vokazzjonali. L-FE-2 huwa magħruf bħala kors professjonali u huwa magħmul minn 14-il ġimgħa ta’ lezzjonijiet intensivi segwiti minn eżami u minn 18-il xahar ta’ taħriġ intern li jifforma parti mill-apprendistat ta’ l-istudent. Il-Kors FE-3 jew il-Kors Avvanzat huwa magħmula minn seba’ ġimgħat ta’ lezzjonijiet intensivi li jkunu segwiti minn eżami. Ladarba din it-taqsima tkun lesta u wieħed ikun wera l-kompetenza meħtieġa fil-lingwa Irlandiża, dan ikun jista’ jiġi rreġistrat fl-elenku ta’ l-avukati fil-Qrati Inferjuri (solicitors).

FuqFuq

Kull avukat fil-Qrati Inferjuri (solicitor) li jkun ikkwalifikat jaqa’ taħt il-ġurisdizzjonijiet dixxiplinarji tal-Law Society. Taħt l-Atti dwar l-Avukati fil-Qrati Inferjuri (Solicitors) 1954 sa 1994, it-Tribunal Dixxiplinarju tal-Law Society għandu s-setgħa li jinvestiga allegazzjonijiet ta’ imġiba ħażina, bħalma hija l-miżapproprjazzjoni ta’ flejjes, u li jirreferi l-materja in kwistjoni lill-President tal-Qorti Superjuri.  Il-President għandu s-setgħa li jissospendi lill-avukat fil-Qrati Inferjuri (solicitor) milli jipprattika l-professjoni u jista’ wkoll ineħħi dik is-sospensjoni. It-Tribunal Dixxiplinarju għandu s-setgħa wkoll li jordna lil avukat biex iħallas lura lill-klijenti tiegħu jekk isib li jkun iċċarġjahom iż-żejjed.

L-Istrument Statutarju 732 ta’ l-2003, ir-Regolamenti tal-Komunitajiet Ewropej (l-Istabbiliment ta’ l-Avukati) ta’ l-2003, jipprovdu li dawk l-avukati li jkunu ċittadini ta’ Stat Membru u li jkunu jixtiequ jissoktaw il-professjoni tagħhom bħala avukat fil-Qrati Superjuri (barrister) jew bħala avukat fil-Qrati Inferjuri (solicitor), għandhom jagħmlu talba lill-Bar Council jew lil-Law Society biex ikunu jistgħu jiġu rreġistrati għal dan il-għan.  L-applikazzjoni tiġi kkunsidrata u jekk jiġi aċċettat jinħareġ iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni.  Applikazzjoni li tiġi miċħuda mill-Bar Council jew mil-Law Society tista’ tiġi appellata quddiem il-Qorti Superjuri.

6. L-Avukati fil-Qrati Superjuri (Barristers)

L-Honorable Society of King’s Inns tipprovdi taħriġ legali post-graduate biex dawk li jkunu jixtiequ jipprattikaw il-professjoni legali fil-Qrati Superjuri jkunu jistgħu jiksbu l-grad ta’ avukat fil-Qrati Superjuri (dak magħruf bħala barrister-at-law). Il-King’s Inns hija soċjetà volontarja mmexxija mill-Membri ta’ l-Honorable Society of King’s Inns; dawn ikunu membri tal-ġudukatura u Avukati Anzjani fil-Qrati Superjuri (senior barristers). Biex ikun segwit dan il-kors, wieħed irid joqgħod għall-eżami tad-dħul li jagħmlu l-gradwati tad-Diploma fl-Istudji Legali tal-King’s Inns jew il-gradwati fil-Liġi. It-tul tad-Diploma fl-Istudji Legali kien u jibqa’ ta’ sentejn, iżda l-Kors ta’ l-Avukati fil-Qrati Superjuri, li kien ukoll ta’ sentejn, minn Ottubru 2004 dan kellu jsir kors iktar intensiv ta’ sena.  Barra milli jridu jtemmu l-kors meħtieġ ta’ l-istudji, l-istudenti tal-King’s Inns għandhom juru l-kompetenza tagħhom fil-lingwa Irlandiża u jattendu għal għaxar dinings kull sena matul il-kors ta’ sentejn ta’ l-avukati fil-Qrati Superjuri (barrister-at-law). Meta jtemmu b’suċċess il-kors tagħhom, l-istudenti jiġu awtorizzati mill-Prim Imħallef biex jipprattikaw il-professjoni fil-Qrati Superjuri. Wara ċ-ċerimonja tal-ħatra, l-avukati fil-Qrati Superjuri (barristers) iridu jiffirmaw ukoll l-elenku tal-membri ta’ l-Avukatura. Madankollu, hemm kriterji oħra qabel ma dawn jibdew jagħmlu xogħol legali bi ħlas. 

FuqFuq

L-Avukati fil-Qrati Superjuri (barristers) iridu jkunu membri tal-Law Library biex ikunu jistgħu jipprattikaw. Bi ħlas ta’ miżata annwali, il-Law Library toffri post minn fejn l-avukat ikun jista’ jaħdem u jkollu aċċess għat-testi u materjali legali oħra. Qabel ma jsir membru tal-Law Library, avukat fil-Qrati Superjuri (barrister) għandu jagħżel master – avukat fil-Qrati Superjuri (barrister) stabbilit li jkollu mill-inqas ħames snin esperjenza.  Waqt li jkun taħt il-kura tal-master, li tkun ġeneralment ta’ sena, l-avukat fil-Qrati Superjuri (barrister) li jkun għadu kif ikkwalifika jissejjaħ assistent (devil). Il-Master jintroduċi lill-assistent tiegħu fix-xogħol prattiku ta’ avukat fil-Qrati Superjuri (barrister) u ħafna drabi dan jitlob lill-assistent tiegħu biex jgħinu fit-tfassil tad-difiżi tal-qorti, f’riċerka legali u biex jattendi l-qorti f’ismu.

Il-Kunsill Ġenerali ta’ l-Avukatura ta’ l-Irlanda, li huwa entità mhux statutarja, jirregola l-imġiba ta’ l-avukati fil-Qrati Superjuri (barristers). Il-Kunsill ikun elett kull sena mill-membri ta’ l-Avukatura u dan joħroġ Kodiċi Professjonali ta’ Imġiba; dan il-kodiċi jiġi emendat minn żmien għall-ieħor mill-membri ta’ l-Avukatura. Dan il-Kodiċi ta’ Imġiba jiddetermina x’ikun meħtieġ mill-avukati fil-Qrati Superjuri (barristers).

Allegazzjonijiet dwar ksur fil-Kodiċi ta’ l-Imġiba jiġu investigati mill-Kumitat tal-Prattika Professjonali tal-Bar Council, li jinkludi fih persuni li ma jkunux membri tal-Kunsill. Il-Kumitat għandu s-setgħa li jwaħħal multi u li jagħti twissijiet u li jissospendi jew ikeċċi membru mil-Law Library. L-appelli għal dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jsiru quddiem il-Bord ta’ l-Appell, li jinkludi imħallef tal-Qorti Ambulanti kif ukoll membru lajk.

FuqFuq

Avukat fil-Qrati Superjuri (barrister) is-soltu kien jirċievi l-istruzzjonijiet mingħand avukat fil-Qrati Inferjuri (solicitor), u li wieħed ikollu kuntatt dirett ma’ l-avukati fil-Qrati Superjuri (barristers) kien ipprojbit. Din il-prattika kienet mistħarrġa mill-Kummissjoni tal-Kummerċ Ġust li fir-rapport tagħha ta’ l-1990 irrikmandat li l-projbizzjoni ġenerali fuq il-kuntatt dirett kienet prattika ristrettiva u kellha titħassar mill-Kodiċi ta’ Imġiba. Il-Kummissjoni aċċettat madankollu li f’ċerti każijiet l-involviment kontinwu ta’ l-avukati fil-Qrati Inferjuri (solicitor) kien importanti. Il-Kummissjoni rrikmandat li m’għandux ikun hemm regoli statutarji jew oħrajn li bihom avukat fil-Qrati Inferjuri (solicitor) ikollu jattendi fiżikament fil-Qorti biex jagħti l-istruzzjonijiet meħtieġa lil avukat fil-Qrati Superjuri (barrister). Dawn ir-rakkmandazzjonijiet ma ġewx implimentati kollha iżda saru diversi emendi fil-Kodiċi ta’ Imġiba biex dawn ikollhom aċċess dirett minn ċerti Entitajiet Professjonali Approvati.

L-avukati fil-Qrati Superjuri (barristers) huma avukati inferjuri jew avukati superjuri. Is-soltu, il-membri ta’ l-Avukatura jibdew jipprattikaw bħala avukat inferjuri għal numru ta’ snin qabel ma dan jikkunsidra jekk ikomplix għal avukat superjuri. Din mhix kwistjoni ta’ promozzjoni awtomatika, u ċerti avukati inferjuri qatt ma jagħżlu li japplikaw. B’mod ġenerali, ħafna mill-avukati fil-Qrati Superjuri (barristers) jikkonsidraw li jsiru avukati superjuri wara 15-il sena ta’ prattika. Dawk li jkunu jixtiequ jsiru avukati superjuri jkunu jridu jagħmlu talba lill-Avukat Ġenerali biex jiġu approvati, iżda l-ħatra attwali ssir mill-Gvern fuq il-parir ta’ l-Avukat Ġenerali li jkun ikkonsulta ruħu mal-Prim Imħallef, mal-President tal-Qorti Superjuri u mal-President tal-Bar Council.

FuqFuq

B’mod ġenerali, l-avukat inferjuri ifassal u jħejji d-difiżi u jattendi wkoll għal xi smigħ fil-qorti, ġeneralment fil-qrati inferjuri, iżda mhux bilfors dan biss.  L-avukat superjuri jeżamina bir-reqqa d-difiżi li jkunu tħejjew mill-avukat inferjuri u jattendi fil-qorti għas-smigħ ta’ każijiet aktar diffiċli li jkunu qed jinstemgħu fil-Qorti Superjuri u fil-Qorti Suprema.

7. In-Nutara

In-Nutara Pubbliċi jinħatru f’qorti miftuħa waqt smigħ quddiem il-Prim Imħallef. L-applikazzjonijiet isiru permezz ta’ petizzjoni li tkun turi r-residenza u l-okkupazzjoni tas-Supplikant, in-numru ta’ Nutara Pubbliċi li jkun hemm fid-distrett, il-popolazzjoni tad-distrett u ċ-ċirkostanzi li juru l-ħtieġa għal Nutar Pubbliku u/jew kif seħħ il-post battal.  Il-Petizzjoni għandha tkun verifikata b’affidavit mis-Supplikant u fiha jrid jintwera ċertifikat ta’ adattabilità li ġeneralment ikun iffirmat minn sitt avukati fil-Qrati Inferjuri (solicitors) lokali u minn sitt persuni prominenti fil-komunità tan-negozju lokali. Il-Petizzjoni titressaq quddiem il-Prim Imħallef b’Avviż ta’ Mozzjoni u din tiġi ttrattata mill-Uffiċċju tal-Qorti Suprema, mir-Reġistratur tal-Fakultà tan-Nutara Pubbliċi ta’ l-Irlanda, mis-Segretarju tal-Law Society u min-Nutara Pubbliċi kollha li jkunu qed jipprattikaw fil-kontei ta’ l-applikant u fil-kontei qrib.

Il-prattika ġenerali hija li avukati fil-Qrati Inferjuri (solicitors) biss jinħatru bħala Nutara Pubbliċi. Meta persuna, li ma tkunx avukat fil-Qrati Inferjuri (solicitor), tapplika biex issir Nutar Pubbliku, il-Law Society tkun teħtieġ li s-Supplikant jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-Prim Imħallef li dan ma jidħolx f’xogħol ta’ tarsferiment ta’ proprjetà jew f’xogħol legali ieħor li s-soltu jsir minn avukat fil-Qrati Inferjuri (solicitor). Dawk kollha li jressqu petizzjoni biex jilħqu Nutar Pubbliku, għandhom l-ewwel jgħaddu minn eżami li jsir mill-Fakultà tan-Nutara Pubbliċi ta’ l-Irlanda.

Nota:

Domandi dwar ir-rimunerazzjoni attwali ta’ l-Avukat Ġenerali, tad-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi, ta’ l-Iskrivani tal-Qorti u tax-Xeriffi jistgħu jintbagħtu permezz ta’

  • email jew
  • Bil-posta lil
    Human Resources,
    Department of Finance,
    Merrion Street,
    Dublin 2.

L-avukati fil-Qrati Superjuri (barristers) jaħdmu għal rashom u s-salarji tagħhom ivarjaw ħafna.
L-avukati fil-Qrati Inferjuri (solicitors) jistgħu jkunu jaħdmu għal rashom billi jipprattikaw waħedhom jew inkella jkunu impjegati ma’ xi ħadd. Is-salarji ta’ dawn ukoll ivarjaw ħafna.
In-nutara jiċċarġjaw miżata għal kull dokument li jiġi ċċertifikat minnhom. M’hemm l-ebda leġiżlazzjoni li tirregola l-miżata li tintalab, iżda ġeneralment in-nutara jitħallsu fuq il-bażi tal-ħin u l-ivvjaġġar kif ukoll fuq l-ammont li persuna professjonista x’aktarx titlob għal servizz partikolari.

« Professjonijiet legali - Informazzjoni Ġenerali | Irlanda - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 20-06-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit