Kummissjoni Ewropea > NGE > Professjonijiet legali > Greċja

L-aħħar aġġornament: 14-11-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Professjonijiet legali - Greċja

 

LISTA TAL- KONTENUT

I. L-IMĦALLFIN I.
II. IL-PROSEKUTURI II.
III. L-ISKRIVANI TAL-QORTI III.
IV. IL-MARIXXALLI IV.
V. IN-NUTARA V.
VI. IR-REĠISTRATURI TA’ L-IPOTEKI VI.
VII. L-AVUKATI VII.

 

I. L-IMĦALLFIN

Persuni li jkunu ggradwaw mill-iskejjel tal-Liġi jistgħu jinħatru bħala imħallfin jekk ikunu għaddew mill-eżami kompetittiv rilevanti (eżami orali u bil-miktub) u jkunu temmew b’suċċess kors fl-Iskola Nazzjonali ta’ l-Imħallfin. Għal imħallef ordinarju taċ-ċivil u tal-kriminal, il-grad li bih persuna tidħol fil-kariga huwa dak ta’ imħallef assoċjat ta’ qorti ta’ l-ewwel istanza, li wara jogħla għal imħallef ta’ qorti ta’ l-ewwel istanza, għal president ta’ qorti ta’ l-ewwel istanza, imħallef ta’ qorti ta’ l-appell, president ta’ qorti ta’ l-appell, imħallef tal-Qorti Suprema (Áreios Págos), viċi-president tal-Qorti Suprema, u fl-aħħar għall-president tal-Qorti Suprema. Jeżistu wkoll qrati ordinarji ta’ l-amministrattiv, bi gradi simili, li jogħlew għall-Kunsill ta’ l-Istat, jew il-Qorti Suprema tal-Liġi Amministrattiva, u l-Qorti ta’ l-Awdituri, li tivverifika b’mod speċjali n-nefqa pubblika.

L-imħallfin tat-talbiet żgħar huma kategorija speċjali ta’ imħallef fil-qasam tal-liġi ċivili u kriminali: dawn jidħlu fil-professjoni wara eżami orali u bil-miktub, u wara dawn jogħlew għal imħallfin tat-talbiet żgħar tal-klassi A, B, C u D.

II. IL-PROSEKUTURI

Il-prosekuturi jaħdmu fil-qasam tal-ġustizzja ordinarja u kriminali, u jibdew il-professjoni u jogħlew fil-grad bl-istess mod kif jiġri għall-imħallfin. Skond il-Kostituzzjoni tal-Greċja, l-imħallfin u l-prosekuturi jinħatru ad vitam, li jfisser li dawn ikomplu jservu fil-kariga anke jekk il-qrati jew l-uffiċċji tagħhom ikunu ġew aboliti. Bħalissa fil-Greċja hemm 1 559 imħallef u 524 prosekutur.

FuqFuq

L-imħallfin u l-prosekuturi jaqgħu taħt il-Kodiċi ta’ l-Organizzazzjoni tal-Qorti, li jipprovdi dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, dmirijiethom u l-promozzjoni tagħhom. Barra minn hekk, din fiha klawsoli li jirregolaw r-responsabbiltà, l-imġiba u r-rendiment tagħhom. Il-Kodiċi fih ukoll provvedimenti fuq il-kunsilli dixxiplinarji u fuq il-penali dixxiplinarji.

III. L-ISKRIVANI TAL-QORTI

L-iskrivani tal-qorti (dikastikoí ypálliloi) iridu jkunu għaddew minn eżami pubbliku kompetittiv, u wara jistgħu jaħdmu fi kwalunkwe qorti jew uffiċċju ta’ prosekutur li hemm fil-pajjiż. Il-ħatra ta’ dawn hija “permanenti”, jiġifieri dawn iservu biss sakemm il-qrati u l-postijiet tagħhom jibqgħu jeżistu. Il-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma rregolati bil-Kodiċi tas-Servizz Pubbliku u bil-provvedimenti li għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari mal-professjoni tagħhom.

IV. IL-MARIXXALLI

Il-marixxalli (dikastikoí epimelités) iservu wkoll fil-qrati tal-pajjiż. Il-ħatra tagħhom hija normalment permanenti. Il-funzjoni tagħhom huwa li jieħdu ħsieb id-dokumenti tal-qorti u jinnotifikaw ċitazzjonijiet, deċiżjonijiet u dokumenti tal-qorti b’mod ġenerali. Il-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma wkoll irregolati bil-Kodiċi tas-Servizz Pubbliku u bi provvedimenti speċifiċi.

V. IN-NUTARA

In-nutara (symvolaiográfoi) huma uffiċjali pubbliċi li ma jaqalgħux salarju. Dawn jinħatru għall-postijiet eżistenti wara li jkunu għaddew minn eżami pubbliku kompetittiv; id-dmir ewlieni tagħhom huwa li jabbozzaw kuntratti, testmenti, memoranda ta’ ftehim eċċ. Il-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma rregolati bil-Kodiċi tan-Nutara, u dawn huma organizzati f’assoċjazzjonijiet professjonali tan-nutara.

FuqFuq

VI. IR-REĠISTRATURI TA’ L-IPOTEKI

Ir-reġistraturi ta’ l-ipoteka (ypothikofýlakes) huma ġeneralment uffiċjali pubbliċi li m’għandhomx salarju. Dawn jinħatru għall-karigi eżistenti fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ dħul speċjali u eżami pubbliku kompetittiv. Id-dmir ewlieni tagħhom huwa li jżommu r-reġistri ta’: a) l-ipoteki fuq il-proprjetà u l-kanċellament tagħhom, b) l-atti tat-trasferimenti tal-proprjetà u c) l-azzjonijiet tal-qorti u passi oħra li jkunu ttieħdu fejn jikkonċerna l-proprjetà. Dawn huma organizzati f’assoċjazzjonijiet professjonali.

VII. L-AVUKATI

L-avukati jidħlu fil-professjoni tagħhom permezz ta’ eżami u jorganizzaw ruħhom f’diversi assoċjazzjonijiet ta’ l-avukatura, waħda għal kull qorti ta’ l-ewwel istanza. Il-professjoni taqa’ taħt il-Kodiċi ta’ l-Avukati, li jirregola l-liġi dixxiplinarja, il-miżati u l-avvanz fl-istatus in ġenerali. Dawn iridu jkunu wkoll konformi mal-Kodiċi ta’ Imġiba u mar-regoli ta’ l-assoċjazzjonijiet ta’ l-avukati. Fil-bidu jkunu awtorizzati biex jipprattikaw il-professjoni fil-qrati ta’ l-ewwel istanza. Wara, jibdew jipprattikaw fil-qrati ta’ l-appell u fil-Qorti Suprema; dan jiddependi fuq kemm ikunu ilhom jipprattikaw u mit-tip ta’ każijiet li jaċċettaw.

Taħt l-Ordni Presidenzjali 152/2000 biex titħaffef il-prattika tal-professjoni legali fuq bażi permanenti fil-Greċja minn avukati li jkunu kisbu l-kwalifiki tagħhom fi Stat Membru ieħor ta’ l-UE (id-Direttiva 98/5/KE) , l-avukati li jkunu ċittadini ta’ Stati Membri ta’ l-UE jistgħu jipprattikaw il-professjoni fuq bażi permanenti fil-Greċja jew billi jaħdmu għal rashom jew inkella fuq bażi ta’ salarju. Dawn iridu jkunu kisbu l-kwalifiki tagħhom fi Stat Membru ieħor. Fil-Greċja, dawn iridu jissieħbu f’assoċjazzjoni ta’ l-avukati u jkollhom l-uffiċċju tagħhom fiż-żona li fiha jkunu qed jipprattikaw. Dawn ikunu meħtieġa jippreżentaw:

FuqFuq

  1. ittra minn awtorità pubblika jew amministrattiva li turi ċ-ċittadinanza tagħhom;
  2. ċertifikat li juri jekk dawn ikollhomx rekords kriminali, u ċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni u ta’ l-istatus professjonali li jinħareġ mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż ta’ l-oriġini li tkun ħarġitilhom il-kwalifiki professjonali tagħhom jew minn awtorità kompetenti oħra tal-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom. Dan iċ-ċertifikat għandu jinħareġ fi żmien l-aħħar tliet xhur, u fih għandu jiġi ddikjarat l-għan tiegħu u jingħataw dettalji dwar l-ammissjoni tagħhom bħala avukati, dwar kwalunkwe avvanzi li ikunu għamlu fl-istat professjonali tagħhom, dwar kwalunkwe miżuri dixxiplinarji li jkunu ttieħdu kontrihom u kwalunkwe penali li jkunu ġew imposti fuqhom; l-applikazzjonijiet li jiġu miċħuda jistgħu jiġu appellati quddiem il-Kunsill ta’ l-Istat fi żmien 60 ġurnata min-notifika tar-rifjut li tkun intbagħtet lill-parti interessata jew lill-aġent tiegħu jew tagħha f’indirizz fil-Greċja;
  3. it-titolu professjonali tagħhom, indikat b’mod ċar fil-lingwa jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom;
  4. l-isem reġistrat ta’ l-organizzazzjoni professjonali tagħhom fil-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom, jew l-isem tal-qorti li quddiemha dawn ikunu awtorizzati li jidhru skond il-liġi tal-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom.

L-avukati li l-applikazzjoni tagħhom biex jiġu reġistrati tiġi aċċettata jkunu jaqgħu taħt l-istess obbligi u jkollhom l-istess drittijiet bħall-avukati Griegi, iżda dawn jistgħu biss jintegraw b’mod sħiħ fil-professjoni legali fil-Greċja ladarba juru li jkunu pprattikaw tabilħaqq il-professjoni tagħhom fuq bażi regolari fil-Greċja għal tliet snin sħaħ. Matul dawn it-tliet snin, l-avukati li jkunu jixtiequ jirrappreżentaw klijent f’qorti jridu ikunu megħjuna minn avukat awtorizzat li jidher quddiem il-qorti li tkun qed tisma’ l-każ. L-atti jew id-dmirijiet li l-liġi Griega tqis bħala eżerċizzju ta’ awtorità pubblika jistgħu jsiru biss minn avukati li jkunu ċittadini Griegi. Avukat wieħed jew aktar li jkunu qed jipprattikaw il-professjoni fil-Greċja jistgħu jissoktaw il-professjoni tagħhom b’mod konġunt, taħt it-titolu tal-professjoni ta’ l-oriġini tagħhom, bħala membri jew assoċjati ta’ organizzazzjoni fil-pajjiż ta’ l-oriġini li jkollu fergħa jew uffiċċju fil-Greċja.

« Professjonijiet legali - Informazzjoni Ġenerali | Greċja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 14-11-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit