Kummissjoni Ewropea > NGE > Professjonijiet legali > Ġermanja

L-aħħar aġġornament: 27-12-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Professjonijiet legali - Ġermanja

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Imħallfin 1.
2. Prosekuturi pubbliċi 2.
3. Prokuraturi legali 3.
4. Avukati tal-brevetti 4.
5. Nutara 5.
6. Reġistraturi 6.
7. Skrivani Ewlenin 7.
8. Bailiffs (Uffiċjali tal-Qorti) 8.

 

1. Imħallfin

Stat legali

L-imħallfin qegħdin f’servizz uniku u f’relazzjoni ta’ fiduċja taħt il-liġi pubblika ma’ l-Istat, ir-“relazzjoni ġudizzjarja”, li hija differenti mir-relazzjoni ta’ impjegat tal-gvern. Dan minħabba li l-imħallfin m’humiex mitluba li jobdu istruzzjonijiet bħall-impjegati tal-gvern. Ir-relazzjoni ġudizzjarja hija l-forma ta’ relazzjoni tas-servizz pubbliku okkupata minn dawk il-membri tas-servizz pubbliku li jridu jieħdu deċiżjonijiet ġudizzjarji f’kariga pubblika bħala nies li għandhom is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet ġudizzjarji. L-imħallfin huma impjegati jew mill-Gvern Federali jew minn wieħed mis-16-il Bundesländer (stati federali).

Fil-Bundesländer tal-Bavarja, ta’ Mecklenburg-West Pomeranìa, tas-Sassonja ta’ Isfel, tat-Tramuntana tar-Rhine-Westphalia, tar-Rhineland-Palatinate, ta’ Saarland, tas-Sassonja u tas-Sassonja-Anhalt, l-imħallfin huma magħżula u maħtura minn aġenziji ta’ l-eżekuttiv, filwaqt li r-responsabbiltà politika taqa’ dejjem fuq il-Ministru kompetenti, normalment il-Ministru tal-Ġustizzja tal-Land.

Fil-Länder l-oħrajn, “kumitat ta’ għażla ġudizzjarja” huwa involut fil-ħatra. Il-kumitati ta’ għażla ġudizzjarja fil-Bundesländer individwali huma sostanzjalment differenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-kompożizzjoni u l-funzjoni; huma jikkonsistu l-aktar minn membri tal-parlament jew minn persuni mogħtija istruzzjonijiet minnhom; kultant, rappreżentanti tal-ġudikatura jkunu jiffurmaw parti minn dawn il-kumitati, u f’ħafna Länder, prokuratur legali jew tnejn.

FuqFuq

Deċiżjonijiet dwar il-ħatra ta’ imħallfin fl-ogħla qrati federali tal-liġi (Bundesgerichtshof (Il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), Bundesverwaltungsgericht (Il-Qorti Federali Amministrattiva), Bundesfinanzhof (Il-Qorti Federali Fiskali), Bundesarbeitsgericht (Il-Qorti Federali ta’ l-Impjiegi), Bundessozialgericht (Il-Qorti Federali Soċjali)) jittieħdu minn kumitat federali u mill-Ministru federali responsabbli għall-qorti rispettiva. Il-ħatra ta’ l-imħallfin federali li tistabbilixxi r-relazzjoni ta’ impjieg hija magħmula mill-President Federali. L-imħallfin ta’ qrati federali oħrajn huma maħtura mill-President Federali fuq proposta tal-Ministru federali responsabbli mingħajr l-involviment min-naħa tal-kumitat ta’ għażla ġudizzjarja.

Il-Bundesverfassungsgericht (Il-Qorti Federali Kostituzzjonali) hija fl-istess ħin qorti u korp kostituzzjonali. Nofs l-imħallfin tal-Qorti Federali Kostituzzjonali huma magħżula mill-Bundesrat (Il-Kunsill Federali) u nofshom minn kumitat ta’ 12-il delegat tal-Bundestag (Il-Kamra Inferjuri tal-Parlament) permezz ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi, u huma maħtura mill-President Federali.

Is-salarji indipendenti ta’ l-imħallfin fil-qrati federali u fil-qrati tal-Länder huma stabbiliti mill-Att Federali dwar is-Salarji (Bundesbesoldungsgesetz); is-salarji huma stabbiliti mir-Regolament dwar is-Salarji R. Is-salarju bażiku huwa kkalkolat primarjament skond il-gruppi tas-salarji mehmużin b’mod esklussiv mal-funzjonijiet mogħtija lill-imħallfin. Imħallef jitla’ biss fi grupp ogħla tas-salarju jekk tingħatalu funzjoni b’valur ogħla. Il-livell tas-salarju ta’ imħallfin fiż-żewġ gruppi salarjali t’isfel (R1 u R2) huwa stabbilit bil-prinċipju skond l-età. Is-salarju huwa mħallas minn min iħaddem lill-imħallef (il-Gvern Federali jew il-Land).

FuqFuq

Dispożizzjonijiet domestiċi li jirregolaw il-professjoni

Id-dispożizzjonijiet fundamentali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-istat ta’ l-imħallfin huma stabbiliti fil-Liġi Bażika (Grundgesetz) f’sezzjoni separata li għandha x’taqsam ma’ “deċiżjonijiet ġudizzjarji". Il-Liġi Bażika tiddikjara li s-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji hija fdata f’idejn l-imħallfin (Taqsima 92) u tiggarantixxi indipendenza ġudizzjarja (Taqsima 97(1)).

Aktar dettalji dwar l-istruttura tar-relazzjoni ġudizzjarja huma riżervati għal Atti partikolari; L-Att Ġudizzjarju Ġermaniż (Richtergesetz), li jittratta l-aktar il-kariga ta’ imħallfin professjonali, huwa ta’ importanza partikolari.

L-1 Taqsima ta’ l-Att Ġudizzjarju Ġermaniż għandu dispożizzjonijiet applikabbli għal imħallfin impjegati mill-Gvern Federali u mill-Länder, b’mod partikolari dispożizzjonijiet dwar l-Istat. It-2 Taqsima tirregola r-relazzjonijiet legali ta’ l-imħallfin impjegati mill-Gvern Federali. Fl-aħħar, it-3 Taqsima tistabbilixxi, f’forma ta’ dispożizzjonijiet qafas, prinċipji għal imħallfin impjegati mil-Länder. Dawn id-dispożizzjonijiet qafas huma ssupplimentati bl-Atti Ġudizzjarji tal-Land rispettiv – kull wieħed mis-16-il Länder għandu Att Ġudizzjarju tal-Land.

L-Att Ġudizzjarju Ġermaniż u l-Atti Ġudizzjarji tal-Land jirreferu parzjalment, għal raġunijiet legali tekniċi, għal dispożizzjonijiet oħrajn. Eżempju, issir referenza għall-Att tas-Servizz Pubbliku (Beamtenrecht) fir-rigward ta’ kwistjonijiet illi jistgħu jiġu solvuti bl-istess mod għall-impjegati tal-gvern. Minkejja li l-ħlas ta’ l-imħallfin fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġie stabbilit f’regolament indipendenti dwar il-ħlas sa mill-1975, dan ir-regolament dwar il-ħlas huwa parti mill-Att Federali dwar is-Salarji (Bundesbesoldungsgesetz) li jirregola l-ħlas ta’ l-impjegati tal-gvern u tas-suldati kif ukoll dak ta’ l-imħallfin.

FuqFuq

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Att Ġudizzjarju japplikaw għal imħallfin tal-Qorti Federali Kostituzzjonali biss la darba dawn ikunu konformi ma’ l-istat legali speċjali ta’ dawk l-imħallfin taħt il-Liġi Bażika u taħt l-Att dwar il-Qorti Federali Kostituzzjonali (Gesetz über das Bundesverfassungsgericht).

Speċjalizzazzjoni

Fil-Ġermanja, hemm, min-naħa “il-ġurisdizzjoni normali” li tikkonsisti fil-ġurisdizzjoni kriminali u ċivili. F’dan il-qasam id-deċiżjonijiet jittieħdu mill-Amtsgericht (Il-Qorti Distrettwali), mil-Landgericht (Il-Qorti Reġjonali), mill-Oberlandesgericht (Il-Qorti Reġjonali Superjuri) u, bħala l-għola qorti, mill-Bundesgerichtshof (Il-Qorti Federali tal-Ġustizzja). Barra minn hekk, hemm erba’ ġurisdizzjonijiet speċjalisti: il-ġurisdizzjoni amministrattiva (magħmula mill-Verwaltungsgericht (Il-Qorti Amministrattiva), mill-Oberverwaltungsgericht (Il-Qorti Amministrattiva Superjuri) jew mill-Verwaltungsgerichtshof (Il-Qorti Amministrattiva tal-Ġustizzja), mill-Bundesverwaltungsgericht (Il-Qorti Federali Amministrattiva)), il-ġurisdizzjoni finanzjarja  (magħmula mill-Finanzgericht (Il-Qorti tal-Finanzi) u mill-Bundesfinanzhof (Il-Qorti Federali tal-Finanzi)), il-ġurisdizzjoni tax-xogħol (magħmula mill-Arbeitsgericht (Il-Qorti tax-Xogħol), mill-Landesarbeitsgericht (Il-Qorti Reġjonali tax-Xogħol) u mill-Bundesarbeitsgericht (Il-Qorti Federali tax-Xogħol)) u l-ġurisdizzjoni soċjali (magħmula mis-Sozialgericht (Il-Qorti Soċjali), mil-Landessozialgericht (Il-Qorti Soċjali tal-Land) u mill-Bundessozialgericht (Il-Qorti Soċjali Federali)). Barra minn hekk hemm il-Bundespatentgericht (Il-Qorti Federali tal-Brevetti) u l-Qorti Marzjali bħala qrati federali speċjali oħrajn. L-imħallfin kollha impjegati f’dawn il-qrati huma jew impjegati mill-Gvern Federali jew mil-Länder.

FuqFuq

L-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali Federali u dawk tal-Qrati Kostituzzjonali tal-Land jokkupaw pożizzjoni speċjali, minħabba li dawn il-qrati huma korpi kostituzzjonali, li d-drittijiet u l-obbligi tagħhom huma stabbiliti f’atti separati. Fil-każ tal-Qorti Kostituzzjonali Federali, dawn huma l-Liġi Bażika u l-Att dwar il-Qrati Kostituzzjoniali Federali, u fil-każ tal-Qrati Kostituzzjonali tal-Land dawn huma l-kostituzzjonijiet tal-Land u l-Atti dwar il-Ġudikatura li jikkorrispondu magħhom.

Użu obbligatorju jew mhux obbligatorju

Minħabba li l-Liġi Bażika tistabbilixxi li s-setgħa li jittieħdu deċiżjonijiet ġudizzjarji hija fdata lill-imħallfin, huwa obbligatorju li dawn ikunu involuti.

Korpi rappreżentattivi professjonali

Korpi rappreżentattivi ġudizzjarji huma involuti sa ċertu punt f’deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja fir-rigward ta’ l-imħallfin. Għal dan il-għan, l-Att Ġudizzjarju Ġermaniż jipprovdi żewġ korpi li huma differenti fil-kompożizzjoni u fil-funzjonijiet tagħhom: il-kunsill presidenzjali għal involviment qabel jiġi maħtur jew magħżul imħallef, u l-kunsill ġudizjarju fir-rigward ta’ involviment fi kwistjonijiet ġenerali u soċjali.

Fi kwistjonijiet oħrajn, il-Liġi Bażika tipprovdi għal-libertà ta’ assoċjazzjoni fil-Ġermanja, sabiex l-imħallfin jistgħu ukoll jifformaw assoċjazzjonijiet professjonali imma m’humiex obbligati jagħmlu dan.

Possibbiltajiet għall-barranin

Persuni barranin ma jistgħux isiru imħallfin fil-Ġermanja. Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Att Ġudizzjarju Ġermaniż, persuni Ġermaniżi biss (fi ħdan it-tifsira tal-Liġi Bażika) jistgħu jissejħu għal ħatra ġudizzjarja.

FuqFuq

2. Prosekuturi pubbliċi

Stat legali

Prosekuturi pubbliċi impjegati minn Land huma maħtura mill-gvern tal-Land, mill-Prim Ministru jew mill-Ministru tal-Ġustizzja tal-Land rispettiv, u prosekuturi pubbliċi impjegati mill-Gvern Federali huma maħtura mill-President Federali fuq proposta tal-Ministru Federali tal-Ġustizzja bil-kunsens tal-Bundesrat. Bħala impjegati tal-gvern, dawn huma impjegati tas-servizz pubbliku. Huma mħallsin minn min iħaddimhom (Gvern Federali jew Land) u l-paga tagħhom hija stabbilita mill-Att Federali dwar is-Salarji (Bundesbesoldungsgesetz) u hija skond is-salarji ta’ l-imħallfin.

Regoli nazzjonali li jirregolaw il-professjoni

Dawk biss li huma kkwalifikati li jeżerċitaw kariga ġudizzjarja jistgħu jinħatru bħala prosekuturi pubbliċi. L-impjegati ċivili tad-dipartiment tal-prosekuturi pubbliċi m’humiex indipendenti u għandhom ikunu konformi ma’ l-istruzzjonijiet uffiċjali tal-line managers tagħhom. Il-prosekuturi pubbliċi superjuri u l-Ministru tal-Ġustizzja għandhom l-awtorità li jagħtu l-ordnijiet. Ma hemmx standing orders għal prosekuturi pubbliċi.

Speċjalizzazzjonijiet

Ma hemmx dispożizzjonijiet statutorji dwar speċjalizzazzjonijiet jew kategoriji fi ħdan id-deskrizzjoni tax-xogħol tal-prosekuturi pubbliċi. Iżda fil-prattika, ta’ spiss isseħħ speċjalizzazzjoni f’oqsma partikolari (eżempju, il-kriminalità amministrattiva, il-kriminalità organizzata, offiżi li għandhom x’jaqsmu ma’ kapital).

FuqFuq

Użu obbligatorju jew mhux obbligatorju

Fil-Ġermanja, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku għandu "l-monopolju" biex iressaq akkużi. Fil-prinċipju, l-uffiċċju tal-prosekutur biss jista’ jressaq akkużi fil-qorti fuq kwistjonijiet kriminali, u huwa obbligat illi jagħmel dan meta teżisti bażi relevanti.

Korpi rappreżentattivi professjonali

Ma hemmx korpi rappreżentattivi professjonali speċjali b’obbligu ta’ sħubija fihom għall-prosekuturi pubbliċi. Madankollu, il-korpi rappreżentattivi professjonali stabbiliti għall-imħallfin huma miftuħin ukoll għall-prosekuturi pubbliċi.

Possibbiltajiet għall-barranin

Ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn ta’ l-Unjoni Ewropea jistgħu ukoll jinħatru bħala prosekuturi pubbliċi.

3. Prokuraturi legali

Stat legali

Prokuraturi legali fil-Ġermanja jipprattikaw professjoni indipendenti bħala "korp indipendenti li jipprovdi servizzi legali". Dan huwa neċessarju biex tkun aċċettat għall-prattika. Il-proċedura hija mmexxija mill-Assoċjazzjonijiet ta’ l-Avukatura. Jistgħu jiġu ammessi biss dawk li jkunu kkwalifikaw sabiex jeżerċitaw f’uffiċċju ġudizzjarju taħt l-Att Ġudizzjarju Ġermaniż, soġġett għad-dispożizzjonijiet għall-prokuraturi legali Ewropej (ara taħt). Din il-kwalifika tinkiseb minn dawk li jkunu temmew kors (ta’ mhux anqas minn tliet snin u nofs) fil-liġi f’università bl-ewwel eżami nazzjonali u jwettqu u jtemmu perjodu ta’ xogħol preparatorju sussegwenti (ta’ sentejn) bit-tieni eżami nazzjonali.

Regoli nazzjonali dwar il-prattika tal-professjoni

L-istat, il-ħtiġijiet għad-dħul fil-professjoni, id-drittijiet  u l-obbligi tal-prokuraturi legali, l-organizzazzjoni u d-doveri ta’ l-assoċjazzjonijiet ta’ l-avukatura u tal-korp professjonali superviżorju u proċeduri fil-Qorti Dixxiplinarja ta’ l-Avukati (Anwaltsgericht) huma stabbiliti fir-Regolamenti Federali dwar il-prokuraturi legali (Bundesrechtsanwaltsordnung-BRAO). Aktar dispożizzjonijiet dettaljati dwar id-drittijiet u l-obbligi huma stabbiliti mir-Regoli Professjonali għal prokuraturi legali (Berufsordnung für Rechtsanwälte – BORA), li huma mgħoddija fuq bażi ta’ statut mill-Kunsill Federali ta’ l-Avukatura. Il-ħlas tal-prokuraturi legali huwa stabbilit mill-Att dwar il-Ħlas tal-Prokuraturi Legali (Rechtsanwaltsvergütungsgesetz – RVG).

FuqFuq

Użu obbligatorju jew mhux obbligatorju

F’każijiet ċivili quddiem il-Qrati Distrettwali normalment m’hemmx obbligu li jitqabbad avukat. Madankollu, rappreżentazzjoni minn prokuratur legali hija meħtieġa fil-proċeduri kollha quddiem il-Qrati Reġjonali, il-Qrati Reġjonali Superjuri u l-Qorti Federali tal-Ġustizzja u f’firxa ta’ kwistjonijiet familjari fil-Qrati Distrettwali.

Il-partijiet jistgħu jirrappreżentaw lilhom infushom quddiem il-Qrati tax-Xogħol f’disputi li għandhom x’jaqsmu max-xogħol. Il-partijiet iridu jirranġaw illi jkunu rrappreżentati minn rappreżentanti awtorizzati fil-proċeduri quddiem il-Qrati tax-Xogħol tal-Land u l-Qorti Federali tax-Xogħol. Barra minn prokuraturi legali, jistgħu jidhru bħala rappreżentanti awtorizzati, rappreżentanti ta’ trade union jew rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem jew kombinazzjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet bħal dawn jekk ikollhom l-awtorizzazzjoni li jipprovdu rappreżentanza taħt il-kostituzzjoni tagħhom jew prokura u jekk il-kombinazzjoni, l-assoċjazzjoni jew il-membri tagħha huma parti mill-proċedimenti.

Korpi rappreżentattivi professjonali

Il-prokuraturi legali kollha huma membri tal-Kunsill ta’ l-Avukatura ta’ fejn jinsab l-uffiċċju tagħhom. Is-27 Kunsill ta’ l-Avukatura, li huma organizzati fil-livell tal-Qrati Reġjonali Superjuri bħala korporazzjonijiet taħt il-liġi pubblika, u l-Kunsill ta’ l-Avukatura tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja jiffurmaw il-Kunsill Federali ta’ l-Avukatura (www.brak.de Deutsch). L-akbar assoċjazzjoni privata hija d-Deutsche Anwaltverein, li fiha, madwar nofs il-prokuraturi legali huma organizzati fuq bażi volontarja (www.anwaltverein.de Deutsch - English - español - français).

FuqFuq

Possibbiltajiet għall-barranin

L-Att Ġermaniż dwar ix-xogħol ta’ prokuraturi legali Ewropej fil-Ġermanja (Gesetz über die Tätigkeit europäischer Rechtsanwälte in Deutschland – EuRAG) jirregola l-ħtiġijiet li taħthom jistgħu jipprattikaw fil-Ġermanja ċittadini ta’ Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ Stati Kontraenti tat-Trattat dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u ta’ l-Iżvizzera li huma ammessi bħala prokuraturi legali fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jew għandhom degree li tintitolhom għal dħul dirett fil-professjoni ta’ prokuratur legali fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom (għoti ta’ servizzi, stabbiliment taħt it-titlu professjonali tal-pajjiż ta’ oriġini) u jistgħu jiġu ammessi bħala prokuraturi legali fil-Ġermanja. Il-BRAO jirregola l-possibbiltajiet għal prokuraturi legali oħrajn illi jistabbilixxu ruħhom fil-Ġermanja.

4. Avukati tal-brevetti

Stat legali

Bħall-prokuraturi legali, l-avukati tal-brevetti fil-Ġermanja jipprattikaw professjoni indipendenti bħala “korp indipendenti li jipprovdi servizzi legali”. L-awtorizzazzjoni li għandhom illi jagħtu pariri u jipprovdu rappreżentanza hija ristretta għall-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali. Hemm bżonn ta’ liċenzja għall-prattika, li tingħata mill-president ta’ l-Uffiċċju Ġermaniż tal-Brevetti u tat-Trade Mark (www.dmpa.de; "informazzjoni", "avukati tal-brevetti u rappreżentazzjoni"). Jistgħu jiġu ammessi għall-prattika persuni li kisbu kwalifika teknika (kors ta’ studju xjentifiku jew tekniku b’eżami finali; sena ta’ prattika f’xogħol tekniku) u li wara jkunu temmew kors ta’ taħriġ fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali (34 xahar, mhux applikabbli fil-każ ta’ speċjalisti tal-brevetti li ilhom jipprattikaw il-professjoni għal għaxar snin) u li għaddew l-eżami għal avukati tal-brevetti.

FuqFuq

Ir-regoli nazzjonali dwar il-prattika tal-professjoni

Ir-Regolamenti Ġermaniżi dwar l-Avukati tal-Brevetti (Patentanwaltsordnung) jirregolaw l-istat, il-ħtiġijiet għad-dħul fil-professjoni, id-drittijiet u l-obbligi ta’ l-avukati tal-brevetti, l-organizzazzjoni u l-funzjonijiet ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ Avukati tal-Brevetti u l-korp professjonali superviżorju u l-proċeduri fil-Qorti Dixxiplinarja Professjonali. Aktar dettalji dwar id-drittijiet u l-obbligi professjonali huma stabbiliti fir-Regolamenti Professjonali Ġermaniżi għall-Avukati tal-Brevetti (Berufsordnung der Patentanwälte) li huma mogħdija fuq bażi ta’ statut mill-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati tal-Brevetti.

Korpi rappreżentattivi professjonali

L-avukati tal-brevetti kollha huma membri ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati tal-Brevetti (korporazzjoni taħt il-liġi pubblika) (www.patentanwalt.de Deutsch).

Possibbiltajiet għall-barranin

Ċittadini ta’ Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ l-Istati Kontraenti tat-Trattat taż-Żona Ekonomika Ewropea, li għandhom degree li tintitolhom għal dħul dirett fil-professjoni ta’ avukat tal-brevetti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jistgħu jagħmlu prova tal-kapaċità sabiex jiġu ammessi bħala avukati tal-brevetti fil-Ġermanja (taħt l-Att Ġermaniż dwar il-prova tal-kapaċità għal ammissjoni bħala avukat tal-brevetti) (Gesetz über die Eignungsprüfung für die Zulassung zur Patentanwaltschaft)). Ir-Regolamenti dwar l-Avukati tal-Brevetti jirregolaw il-possibbiltajiet għal stabbiliment taħt it-titlu professjonali wżat fil-pajjiż ta’ oriġini.

FuqFuq

5. Nutara

Stat legali

In-nutara huma "persuni li għandhom kariga pubblika indipendenti", li huma maħtura sabiex jiċċertifikaw tranżazzjonijiet legali u sabiex jaqdu doveri oħrajn fil-qasam tal-kura legali prekawzjonarja. Il-ħatra ssir mill-awtoritajiet amministrattivi tal-Land. Huma jeħtieġ ikollhom ċittadinanza Ġermaniża u kwalifika li biha jkunu jistgħu jwettqu xogħol b’uffiċċju ġudizzjarju taħt l-Att Ġudizzjarju Ġermaniż għall-għanijiet tal-ħatra. Din il-kwalifika tinkiseb minn persuni li jgħaddu minn kors ta’ studji legali f’università (ta’ mhux anqas minn tliet snin u nofs) bl-ewwel eżami nazzjonali u li wara jgħaddu perjodu ta’ xogħol preparatorju (ta’ sentejn) bit-tieni eżami nazzjonali. F’partijiet tal-Ġermanja, prokuraturi legali huma maħtura bħala nutara u jipprattikaw bħala nutara barra mill-professjoni ta’ prokuraturi legali, filwaqt li f’partijiet oħrajn tal-pajjiż persuni huma maħtura biex jaħdmu b’mod esklussiv bħala nutara (professjoni prinċipali ta’ nutara jew nutara esklussivi); f’Baden Württemberg, xi kultant in-nutara jsiru uffiċjali ċivili.

Ir-regoli nazzjonali dwar il-prattika tal-professjoni

Il-pożizzjoni, il-ħtiġijiet għad-dħul fil-professjoni, id-drittijiet u l-obbligi tan-nutara, l-organizzazzjoni u l-funzjonijiet ta’ l-assoċjazzjonijiet notarili u l-proċeduri dixxiplinarji huma stabbiliti fir-Regolamenti Federali Ġermaniżi tan-Nutara (Bundesnotarordnung). Dispożizzjonijiet aktar dettaljati dwar id-drittijiet u l-obbligi professjonali huma stabbiliti bid-Direttivi li huma mgħoddija fuq bażi ta’ statut mill-assoċjazzjonijiet notarili. L-Att Ġermaniż dwar kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni volontarja (regolamenti dwar l-ispejjeż) (Gesetz über die Kosten in Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit (Kostenordnung,)) jirregola l-ispejjeż tan-nutara (drittijiet u ħlasijiet).

FuqFuq

Użu obbligatorju jew mhux obbligatorju

Barra minn xi ftit eċċezzjonijiet (b’mod partikolari fil-liġi konsulari), in-nutara għandhom setgħat esklussivi li jagħmlu ċertifikazzjonijiet. Iċ-ċertifikazzjoni hija preskritta b’mod statutorju partikolarment fir-rigward ta’ kuntratti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-art u fir-rigward ta’ transazzjonijiet fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, tal-familja u tal-wirt.

Korpi rappreżentattivi professjonali

In-nutara kollha huma membri ta’ l-assoċjazzjoni notarili ta’ fejn għandhom l-uffiċċju tan-negozju tagħhom. Il-21 assoċjazzjoni notarili, li huma organizzati fuq livell ta’ qrati reġjonali superjuri bħala korporazzjonijiet taħt il-liġi pubblika, jiffurmaw l-Assoċjazzjoni Federali Notarili (informazzjoni u indirizzi; www.bnotk.de Deutsch - English - español - français).

6. Reġistraturi

Stat legali

Ir-reġistraturi huma fornituri indipendenti ta’ servizzi legali. Il-funzjoni u l-pożizzjoni tagħhom hija stabbilita b’mod konklussiv mill-Att Ġermaniż tar-Reġistraturi (Rechtspflegergesetz). L-Att għandu wkoll lista ta’ tranżazzjonijiet li huma trasferiti għar-reġistraturi, kif ukoll ir-riżervi ġudizzjarji f’dawk l-oqsma: eżempju, ir-reġistraturi joħorġu ċertifikati ta’ wirt fuq il-bażi ta’ suċċessjoni statutorja jew jirċievu applikazzjonijiet għal ċertifikati ta’ wirt, jagħtu approvazzjonijiet tal-qorti tat-tutela, jikkontrollaw ix-xogħol ta’ carers u tuturi, jipproċessaw u jiddeċiedu fuq applikazzjonijiet tar-reġistru ta’ l-artijiet jew applikazzjonijiet għar-reġistru kummerċjali, u jaqdu funzjonijiet ta’ nfurzar.

FuqFuq

Għalkemm ir-reġistraturi huma filfatt indipendenti fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom, huma m’humiex imħallfin u għalhekk ma jeżerċitaw l-ebda setgħa ta’ ġudizzju għall-għanijiet tat-Taqsima 92 tal-Liġi Bażika.

Ir-reġistraturi huma uffiċjali ċivili tas-servizz tal-qorti superjuri. Fil-parti l-kbira, huma maħtura minn awtoritajiet amministrattivi tal-ġustizzja tal-Land individwali għall-qasam tan-negozju li fih huma se jiġu maħtura, iżda wkoll b’mod limitat mid-Dipartiment Federali tal-Ġustizzja.

Regoli nazzjonali li jirregolaw il-professjoni

Il-kwalifikazzjoni sabiex persuna ssir reġistratur tinkiseb fil-kors ta’ servizz preparatorju li għandu jsir minn uffiċjal ċivili soġġett għal revoka, u billi tgħaddi mill-eżami tar-reġistraturi. Il-kundizzjonijiet qafas u l-istandards minimi għat-taħriġ huma stabbiliti fl-Att dwar ir-Reġistraturi, u analiżi tas-servizz preparatorju, il-kontenut ta’ l-istudji u d-dettalji ta’ l-eżami huma regolati fuq il-livell tal-Land permezz tar-regolamenti tat-taħriġ u ta’ l-eżaminazzjoni magħmula mil-Länder.

Possibbiltajiet għall-barranin

Persuni li jixtiequ jsiru reġistraturi jridu jkunu ċittadini Ġermaniżi fi ħdan it-tifsira tal-Liġi Bażika jew ċittadini ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea. Madankollu, numru ta’ Länder użaw il-possibbiltà li jipprovdu l-Artikolu 48(2) tat-Trattat tal-KEE u jdaħħlu biss applikanti b’ċittadinanza Ġermaniża għal xogħol preparatorju.

7. Skrivani Ewlenin

L-iskrivani ewlenin huma wkoll fornituri indipendenti ta’ servizzi legali. L-iskrivani ewlenin huma involuti b’mod partikolari mas-servizz ta’ dokumenti, ċitazzjonijiet, infurzar, żamma ta’ rekords tas-seduti, ċertifikazzjonijiet u oħrajn ta’ din ix-xorta..

FuqFuq

Stat legali

L-istat legali ta’ l-iskrivani ewlenin jiġi mit-Taqsima 153 ta’ l-Att Ġermaniż tal-Ġudikatura (Gerichtsverfassungsgesetz – GVG). L-iskrivani ewlenin huma uffiċċjali pubbliċi fis-servizz intermedjarju tal-qorti. Fil-parti l-kbira huma maħturin mill-awtoritajiet amministrattivi tal-Land individwali għall-qasam tax-xogħol li fih se jkunu maħtura iżda fil-każ tal-qrati Federali huma jinħatru mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja jew mill-qrati Federali stess.

Id-dmirijiet ta’ l-iskrivani ewlenin huma stabbiliti l-aktar fl-atti ta’ proċedura individwali (eżempju, ir-Regoli Ġermaniżi għall-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung) jew l-att Ġermaniż dwar il-ġurisdizzjoni volontarja (Gesetz über die Angelegenheiten der Freiwilligen Gerichtsbarkeit)), issuplimentati minn dispożizzjonijiet magħmula mil-Länder fir-rigward tal-qasam tax-xogħol tagħhom u magħmula mill-gvern Federali fir-rigward tal-qrati Federali.

Regoli nazzjonali li jirregolaw il-professjoni

Il-kwalifiki għal skrivan ewlieni jinkisbu fil-kors ta’ xogħol preparatorju li għandu jsir minn uffiċjal pubbliku soġġett għal revoka u wara li jkun għadda minn eżami relatata mal-karriera. Il-kundizzjonijiet qafas u l-istandards minimi għat-taħriġ huma stabbiliti fit-Taqsima 153 ta’ l-Att tal-Ġudikatura. Il-lista tax-xogħol preparatorju, il-kontenut tat-taħriġ u d-dettalji ta’ l-eżami huma regolati fuq il-livell tal-Land permezz tar-regolamenti dwar it-taħriġ u l-eżaminazzjoni mgħoddija mil-Länder. M’hemmx taħriġ fuq livell Federali.

FuqFuq

Possibbiltajiet għall-barranin

Persuni li jixtiequ jsiru skrivani ewlenin iridu jkunu wkoll ċittadini Ġermaniżi għall-għanijiet tal-Liġi nazzjonali jew ċittadini ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea.

8. Bailiffs (Uffiċjali tal-Qorti)

Stat legali

L-uffiċjali tal-qorti huma dejjem uffiċjali pubbliċi permanenti tal-Land tas-servizz intermedjarju. Huma maħtura mill-imħallef responsabbli li jippresjedi fil-Qorti Reġjonali Superjuri. L-uffiċjali tal-Qorti jaħdmu bħala uffiċjali pubbliċi imma b’mod indipendenti. L-uffiċjali tal-qorti huma indipendenti fil-mod kif jipprattikaw il-professjoni tagħhom.

Bħala uffiċjali pubbliċi, l-uffiċjali tal-qorti jirċievu salarju, u jirċievu wkoll sehem speċifiku tad-drittijiet mitluba fir-rigward tax-xogħol tagħhom. Sabiex huma jkunu jistgħu jistabbilixxu u jżommu l-uffiċċji tagħhom, li huma meħtieġa, l-ispejjeż ta’ l-uffiċċju jingħataw lura lill-uffiċjali tal-qorti – normalment bħala rata fissa – mill-awtorità tat-taxxa tal-Land rispettiv.

Regoli nazzjonali li jirregolaw il-professjoni

Ir-relazzjonijiet legali ta’ l-uffiċjali tal-qorti huma stabbiliti fl-Att tal-Ġudikatura (Taqsimiet 154, 155) u huma stabbiliti wkoll permezz ta’ dispożizzjonijiet legali varji tal-Land. M’hemmx leġiżlazzjoni ġenerali li tirregola t-twettiq tax-xogħol ta’ l-uffiċjali tal-qorti. Madankollu, jeżistu dispożizzjonijiet ġenerali amministrattivi li saru mill-awtoritajiet amministrattivi tal-Land individwali: ir-Regolament għall-Uffiċjali tal-Qorti (Gerichtsvollzieherordnung) u d-Direzzjonijiet għax-xogħol ta’ l-Uffiċjali tal-Qorti (Gerichtsvollziehergeschäftsanweisung).

Speċjalizzazzjoni

Id-deskrizzjoni tax-xogħol ta’ l-uffiċjali tal-qorti hija waħda standard. M’hemmx speċjalizzazzjonijiet f’dan ir-rigward. Ir-regolamenti statutorji jew sotto-statutorji japplikaw bl-istess mod għall-uffiċjali tal-qorti kollha.

Korpi rappreżentattivi professjonali

M’hemmx sistema ta’ kmamar għall-uffiċjali tal-qorti fil-Ġermanja. Ir-raġuni għal dan hija li dawn huma uffiċjali pubbliċi. Madankollu huma organizzati, kważi mingħajr eċċezzjoni, fi gruppi ta’ interess, bil-maġġoranza tagħhom bħala membri ta’ l-assoċjazzjoni Ġermaniża ta’ l-Uffiċjali tal-Qorti (Deutscher Gerichtsvollzieher Bund – DGVB). Din, min-naħa tagħha, hija membru fl-Assoċjazzjoni Ġermaniża ta’ l-Uffiċjali Pubbliċi (Deutscher Beamtenbund). Is-sħubija fil-gruppi ta’ interess m’hijiex obbligatorja imma volontarja.

Possibbiltajiet għall-barranin

Taħt il-liġi preżenti, jistgħu jitħarrġu biss applikanti Ġermaniżi. Persuni b’ċittadinanza Ġermaniża biss jistgħu jsiru uffiċjali tal-qorti.

« Professjonijiet legali - Informazzjoni Ġenerali | Ġermanja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 27-12-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit