Kummissjoni Ewropea > NGE > Professjonijiet legali > Finlandja

L-aħħar aġġornament: 17-07-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Professjonijiet legali - Finlandja

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. L-Imħallfin 1.
2. Il-Prosekuturi 2.
3. Il-Marixxalli 3.
4. L-Awtoritajiet ta’ l-Infurzar 4.
5. L-Avukati 5.
6. L-Avukati ta’ Għajnuna Legali 6.
7. In-Nutara Pubbliċi 7.
8. L-Għarfien tal-kwalifiki professjonali taċ-ċittadini ta’ l-EU/l-Istat ta’ l-ETA 8.

 

1. L-Imħallfin

L-Imħallfin huma membri ta’ ġudikatura indipendenti. Il-karigi ta’ Imħallfin jeżistu fid-diversi istanzi tal-ġudikatura: fil-Qorti Suprema, fil-Qrati ta’ l-Appell u fil-Qrati Distrettwali, fil-Qorti Amministrattiva Suprema u fil-Qrati Amministrattivi, kif ukoll fil-Qorti ta’ l-Assigurazzjoni, fil-Qorti ta’ l-Impjiegi u fil-Qorti tal-Kummerċ. L-Imħallfin huma uffiċjali ta’ l-Istat u ma jistgħux jitneħħew mill-kariga tagħhom. Imħallef ma jistax ikun sospiż mill-kariga tiegħu, ħlief b’sentenza tal-qorti. Barra minn hekk, imħallef ma jistax ikun trasferit lejn uffiċċju ieħor mingħajr il-permess tiegħu jew tagħha.

L-applikant għandu jkun ċittadin Finlandiż ta’ kondotta nadifa u għandu jkollu grad ta’ Masters fil-liġi (oikeustieteen kandidaatti). Bix-xogħol tiegħu jew tagħha li jkun wettaq qabel fil-qorti jew imkien ieħor, dan jew din irid irid ikun wera l-kompetenza legali u l-karatteristiċi personali meħtieġa biex dan ikun jista’ jwettaq b’suċċess id-dmirijiet marbuta ma’ din il-kariga. Il-Presidenti u l-Imħallfin tal-Qorti Suprema u tal-Qorti Amministrattiva Suprema iridu jkunu esperti legali ta’ fama. Barra minn hekk, il-Presidenti tal-Qorti Suprema u tal-Qorti Amministrattiva Suprema kif ukoll il-Prim Imħallfin tal-qrati l-oħra għandu jkollhom ħiliet ta’ tmexxija. Kull imħallef għandu jieħu l-ġurament ta’ imħallef qabel jidħol fil-kariga.

It-taħriġ fil-qorti huwa mertu importanti iżda mhux prerekwiżit għall-avukati li jkunu qed jaspiraw li jsiru imħallfin. Dawk li jkollhom grad ta’ Masters fil-liġi (oikeustieteen kandidaatti) jistgħu japplikaw biex jagħmlu żmien ta’ taħriġ f’Qorti Distrettwali, fejn għal terminu ta’ sena dawn jaġixxu bħala apprendistati (notaari). Fil-Finlandja, l-apprendistati tal-qorti iwettqu ċertu xogħol ta’ l-imħallfin permanenti. Wara li tkun ħadet dan it-taħriġ, il-persuna tkun tista’ tapplika għat-titolu onorarju ta’ of varatuomari (Master tal-Liġi b’Taħriġ fil-Qorti).

FuqFuq

Il-Ħatra ta’ l-Imħallfin

L-Imħallfin jinħatru mill-President tar-Repubblika. Qabel dan, irid jinħatar Bord tal-Ħatriet Ġudizzjarji indipendenti li jħejji u jagħmel proposta valida fuq il-ħatra ta’ persuna għall-kariga fil-ġudikatura. Dan jgħaddiha lill-Gvern biex jippreżentaha lill-President tar-Repubblika.

Il-kompetenza tal-Bord tal-Ħatriet Ġudizzjarji tinkludi, per eżempju, il-proposti fuq il-ħatra għall-karigi li ġejjin: il-President tal-Qorti ta’ l-Appell, Imħallef b’Senjorità fil-Qorti ta’ l-Appell u Imħallef f’Qorti ta’ l-Appell, il-Prim Imħallef ta’ Qorti Amministrattiva u Imħallef fil-Qorti Amministrattiva, kif ukoll Prim Imħallef ta’ Qorti Distrettwali u ta’ Imħallef ta’ Qorti Distrettwali. Il-proposti fuq il-ħatra għall-karigi li ġejjin ma jiffurmawx parti mill-kompetenza tal-Bord: il-Presidenti u l-Imħallfin tal-Qorti Suprema u tal-Qorti Amministrattiva Suprema. Il-Qorti Suprema u l-Qorti Amministrattiva Suprema għandhom jagħmlu rispettivament il-proposti validi tagħhom meta tkun trid issir il-ħatra ta’ Imħallef tal-Qorti Suprema jew tal-Qorti Amministrattiva Suprema. Dawn imbagħad jgħaddu l-proposta tagħhom lill-Gvern biex jippreżentaha lill-President tar-Repubblika.

Il-Bord tal-Ħatriet Ġudizzjarji jitwaqqaf mill-Gvern għal terminu wieħed ta’ ħames snin. Il-membri tal-Bord jirrappreżentaw lill-ġudikatura, lis-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika, lill-avukatura u lir-riċerka u t-tagħlim tal-liġi. Il-Qorti Suprema għandha tinnomina l-president waqt li l-Qorti Amministrattiva Suprema tinnomina l-viċi-president. Ċittadini Finalndiżi biss jistgħu jinħatru għal kariga fil-ġudikatura.

FuqFuq

L-Imħallfin Lajċi

Fil-Qrati Distrettwali tal-Finlandja, il-karigi ġudizzjarji ma jinżammux biss minn imħallfin li jkunu kkwalifikati fil-liġi, iżda wkoll minn persuni sekulari, ”Imħallfin Lajċi”. L-Imħallfin Lajċi jieħdu sehem l-aktar fis-smigħ ta’ każijiet kriminali. L-Imħallfin Lajċi jista’ jkollhom sehem ukoll, per eżempju, f’ċerti kwistjonijiet ċivili. Fil-Qorti, kull Imħallef Lajk jkollu d-dritt ta’ vot wieħed.

Imħallef Lajk jrid ikun ċittadin Finlandiż u jrid ikun jgħix fid-distrett ġudizzjarju tal-Qorti Distrettwali tiegħu. Imħallef Lajk ma jridx ikun fallut jew taħt kustodja; Imħallef Lajk jrid ikun idoneu għal din il-kariga. Persuna iżgħar minn 25 sena jew li jkollha iżjed minn 63 sena ma tistax tiġi eletta bħala Imħallef Lajk. Imħallef Lajk jrid ikun persuna lajka imparzjali. Għalhekk, l-ebda minn dawn li ġejjin ma jistgħu jservu bħala Imħallfin Lajċi: persuni li jkollhom kariga fil-qrati ġenerali jew fil-ħabs, prosekuturi pubbliċi, avukati, uffiċjali ta’ l-infurzar, investigaturi kriminali, jew uffiċjali tad-dwana u tal-Pulizija.

Il-kunsilli distrettwali jeleġġu lill-Imħallfin Lajċi għal terminu li jkun jikkorrispondi għat-terminu tal-leġiżlatura tal-kunsilli stess, jiġifieri erba’ snin. L-għan tar-rota huwa li Imħallef Lajk ma jkollux għalfejn iservi iktar minn 12-il ġurnata fis-sena. Dan isir hekk biex persuni li jaħdmu full time jkunu jistgħu jservu bħala Imħallfin Lajċi mingħajr ma jkun hemm inkonvenjenza żejda għal ħadd. L-Imħallef Lajk huwa intitolat għal ħlas xieraq. Dan jinkludi ħlas per diem li jittieħed mill-fondi ta’ l-Istat, kif ukoll kumpens għat-telf fid-dħul u għall-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar.

FuqFuq

Aktar informazzjoni

  • L-Imħallfin Lajċi fil-Qrati Distrettwali English - suomi - svenska

2. Il-Prosekuturi

Il-prosekuturi jaħdmu f’taqsimiet differenti tal-prosekuzzjoni. Il-prosekuturi huma uffiċjali ta’ l-Istat.

Il-Prosekuturi huma avukati mħarrġa u jkollhom grad ta’ Masters fil-liġi (oikeustieteen kandidaatti). Barra minn hekk, ħafna mill-prosekuturi jkollhom it-titolu onorarju ta’ varatuomari, jiġifieri, dawn ikunu segwew taħriġ ta’ sena f’Qorti Distrettwali. Dawk li jsegwu karriera ta’ prosekutur jistgħu jiksbu esperjenza ta’ xogħol tajba ħafna billi jaħdmu bħala Prosekutur ta’ Grad Inferjuri. Dawn il-karigi huma għal terminu fiss ta’ sena; dawn huma karigi ta’ taħriġ u prattika li jiġu allokati fid-diversi taqsimiet tal-prosekuzzjoni. It-taħriġ jinkludi prosekuzzjoni prattika kif ukoll eżami finali. Dawk il-persuni li jkunu temmew it-taħriġ u jkunu għaddew mill-eżami jkunu kkwalifikati biex japplikaw għall-karigi ta’ Prosekuturi Distrettwali. Anke dawk li jkollhom esperjenza legali oħra jistgħu japplikaw biex isiru prosekuturi, u f’bosta każijiet għal din il-kariga tkun meħteġa esperjenza ta’ xogħol ta’ bosta snin.

FuqFuq

Huwa xogħol il-prosekutur li jara jekk min wettaq ir-reat iġorr ir-responsabbiltà ta’ l-att kriminali. Fil-Finlandja, l-investigazzjonijiet preliminari jitmexxew mill-Pulizija. Ladarba titlesta l-investigazzjoni, il-prosekutur jeżamina jekk ir-reat kriminali jkunx twettaq tabilħaqq u jekk ikunx hemm xhieda biżżejjed biex tkun tista’ titmexxa l-prosekuzzjoni. Jekk ikun hemm każ prima facie kontra s-suspett għandha titressaq akkuża. Madankollu, il-prosekutur għandu d-dritt li jmexxi l-prosekuzzjoni f’sitwazzjonijiet speċjali li huma kkontemplati fil-liġi.

Il-prosekutur għandu jkun oġġettiv; dan għandu jqis b’mod bilanċjat ukoll il-provi li jkunu ġew ippreżentati favur il-kriminal suspettat. Il-prosekutur huwa awtonomu fil-mod kif jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu jew tagħha. F’każ kriminali, dan ma jaġġixxix fl-interess personali tiegħu jew tagħha, iżda f’isem is-soċjetà, fejn irid iħares l-interessi kemm tas-soċjetà kif ukoll ta’ l-imputat.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur-Ġenerali

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali jieħu ħsieb ix-xogħol kollu tat-taqsima tal-prosekuzzjoni bħala aġenzija ta’ amministrazzjoni ċentrali regolari, kif ukoll il-funzjonijiet ta’ l-impjegati tal-Prosekutur-Ġenerali. Fl-Uffiċċju tal-Prosekutur-Ġenerali ikun hemm Prosekuturi ta’ l-Istat li jittrattaw kwistjonijiet kriminali li jkunu ta’ importanza kbira għas-soċjetà. Dawn ikunu jistgħu imexxu l-prosekuzzjoni ta’ dawn il-każijiet fil-pajjiż kollu. Il-Prosekutur ta’ l-Istat jista’ jmexxi wkoll il-prosekuzzjoni ta’ każijiet li jiġu ttrattati mill-Qorti ta’ l-Appell fl-ewwel istanza.

Is-servizz tal-prosekuzzjoni jitmexxa mill-ogħla prosekutur, il-Prosekutur-Ġenerali, li meta jevalwa l-akkuża li titressaq quddiemu dan jaġixxi b’mod indipendenti.

FuqFuq

Il-Prosekutur-Ġenerali jmexxi u jiżviluppa s-servizz tal-prosekuzzjoni u jkun responsabbli għall-prosekuturi li jkollu taħtu. Huwa jaħtar il-prosekuturi u jagħtihom l-istruzzjonijiet ġenerali u l-linji ta’ gwida li jkunu meħtieġa. Il-Prosekutur-Ġenerali jista’ jieħu f’idejh każ li kien qed jieħu ħsiebu prosekutur subordinat jew inkella jista’ jassenja lil prosekutur li jaqa’ taħtu każ fejn il-Prosekutur-Ġenerali jkun ordna li titressaq akkuża. Il-Prosekutur-Ġenerali jista’ jmexxi l-prosekuzzjoni wkoll fil-Qorti Superjuri ta’ l-Impeachment (tneħħija mill-kariga) jekk il-Parlament jeddeċiedi li għandhom jitressqu akkużi kontra l-President tar-Repubblika jew kontra xi Membru tal-Gvern.

Id-Deputat Prosekutur-Ġenerali jiddeċiedi l-materji skond il-kompetenza tiegħu jew tagħha bl-istess awtorità tal-Prosekutur-Ġenerali u jaġixxi minflok jew f’isem il-Prosekutur-Ġenerali.

Prosekuturi speċjali, bħalma huma l-Ombudsman Parlamentari u l-Kanċillier tal-Ġustizzja, għandhom is-setgħa li jressqu l-akkużi tagħhom f’każijiet partikolari biss, li jkunu definiti b’mod ċar u speċjali.

Aktar informazzjoni:

  • L-Uffiċċju tal-Prosekutur-Ġenerali English - suomi - svenska

3. Il-Marixxalli

Il-Marixxalli jaħdmu f’rabta mal-Qrati Distrettwali. Dawn ma jkunux, u lanqas ikollhom għalfejn ikunu, tħarrġu bħala avukati. Il-Marixxalli huma uffiċjali ta’ l-Istat.

FuqFuq

Jekk in-notifiki ma jaslux b’mezzi ordinarji, per eżempju t-twassil ta’ ittri ordinarji jew ta’ ittra b’dikjarazzjoni ta’ riċevuta bil-posta, dawn l-uffiċjali għandhom iwasslu huma stess l-avviż għand il-persuna indirizzata.

Ara Is-Servizz tad-dokumenti - il-Finlandja

4. L-Awtoritajiet ta’ l-Infurzar

Ix-xogħol ta’ l-infurzar isir mill-marixxalli lokali, jiġifieri, mill-marixxalli distrettwali, mill-kapijiet tal-Pulizija rurali u mill-marixxall provinċjali ta’ Åland. Dawn l-uffiċjali jkunu megħjuna minn deputati marixxalli, li fil-prattika jkunu responsabbli biex iwettqu ħafna mill-ħidmiet individwali ta’ infurzar. L-uffiċċji ta’ l-infurzar ikollhom ukoll ħaddiema klerikali. L-awtoritajiet ta’ l-infurzar huma uffiċjali ta’ l-Istat.

Il-Ministeru tal-Ġustizzja huwa responsabbli mit-tmexxija ġenerali, mill-kontroll u mis-superviżjoni tas-servizz ta’ l-infurzar. Il-kapijiet ta’ l-amministrazzjoni ġudizzjarja fl-Uffiċċji Provinċjali ta’ l-Istat ukoll għandhom setgħat ta’ kontroll u superviżjoni fejn jidħlu ħidmiet ta’ infurzar. Per eżempju, dawn jittrattaw ilmenti dwar kif ikunu ġabu ruħhom l-awtoritajiet ta’ l-infurzar. Madankollu, la l-Ministeru tal-Ġustizzja u lanqas il-kapijiet ta’ l-amministrazzjoni legali m’għandhom is-setgħa li jannullaw jew ibiddlu miżura waħda ta’ infurzar jew kwalunkwe miżura oħra.

Fil-Finlandja, l-infurzar ħafna drabi jinkludi l-ġbir ta’ flus taħt sentenza, u għalhekk dan huma marbut mill-qrib mal-proċeduri tal-qorti. Fil-proċeduri, tiġi investigata l-validità ta’ l-ilment tal-kreditur u d-debitur jiġi ordnat iħallas id-dejn. Jekk is-sentenza tal-qorti ma tkunx ġiet osservata b’mod volontarju, din titwettaq bil-forza, permezz ta’ l-infurzar. Ċerti flejjes, bħalma huma t-taxxi u ċerti primjums ta’ l-assigurazzjoni, jistgħu jiġu infurzati anke fin-nuqqas ta’ sentenza.

FuqFuq

Pieni kriminali ta’ natura monetarja, bħalma huma l-multi u l-ħlasijiet penali sommarji, jinġabru permezz ta’ l-infurzar. Barra minn hekk, l-awtoritajiet ta’ l-infurzar għandhom id-dmir li jwettqu l-iżgumbramenti, il-konfiski ta’ assi ordnati mill-qorti, kif ukoll ordnijiet tal-qorti dwar il-kustodja tat-tfal u d-dritt ta’ l-aċċess.

L-awtoritajiet ta’ l-infurzar qegħdin hemm biex iħarsu l-interessi kemm tal-kredituri kif ukoll tad-debituri. L-awtoritajiet ta’ l-infurzar għandhom jaraw li wara li tkun intbagħtet l-ittra tal-ġbir il-ħlas isir fuq bażi volontarja. Iżda jekk dan ma jsirx, il-pagi, is-salarji, il-pensjonijiet jew id-dħul min-negozju jiġu ssekwestrati waqt li l-assi jiġu kkonfiskati. L-assi li jiġu kkonfiskati jistgħu jiġu rkantati mill-marixxall English - suomi - svenska.

Aktar informazzjoni:

  • L-Infurzar English - suomi - svenska

5. L-Avukati

Fil-Finlandja, il-professjoni ta’ l-avukati hija regolata mill-Att dwar l-Avukati. Avukati li jkunu ġew aċċettati bħala membri ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati tal-Finlandja (Finnish Bar Association) u li jkunu laħqu ċerti kriterji ta’ eliġibilità biss ikunu awtorizzati li jużaw it-titolu professjonali ta’ asianajaja jew advokat. Fl-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati tal-Finlandja hemm madwar 1,600 avukat.

FuqFuq

Fil-Finlandja ma jeżisti l-ebda monopolju fuq l-avukatura. Dan ifisser li s-servizzi legali jistgħu jingħataw ukoll minn persuni oħra li mhumiex avukati regolati professjonalment. L-avukat huwa marbut bis-sigriet professjonali.

L-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati tal-Finlandja hija responsabbli mill-kontroll professjonali ta’ l-avukati, ta’ avukati oħra li jkunu impjegati f’uffiċċju ta’ avukat kif ukoll mill-Avukati ta’ l-Għajnuna Legali Pubbliċi. Fornituri oħra ta’ konsulenza legali mhumiex suġġetti għal kontroll statutorju. Avukat li ma jħarisx l-Att dwar l-Avukati jew ir-regoli ta’ l-imġiba professjonali ta’ l-avukati jista’, bħala l-aħħar pass, jitneħħa minn membru ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati. Il-Bord ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati għandu jżomm ir-Reġistru ta’ l-Avukati kif ukoll dak magħruf bħala r-Reġistru ta’ l-UE, liema żewġ Reġistri huma miftuħa għall-pubbliku.

Il-Kriterji biex persuna tikkwalifika bħala avukat

Ċittadin tal-Finlandja jew ta’ Stat ieħor li huwa membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, li jkun għalaq il-25 sena, jista’ jiġi aċċettat bħala avukat, jekk hu jkun jew hi tkun persuna onesta u li minħabba l-karatteristiċi l-oħra tiegħu jew tagħha u l-mod ta’ ħajja li jsegwi jew issegwi, dan/din ikun/tkun idoneu/a għall-professjoni ta’ avukat. Hu jrid ikollu l-kriterji akkademiċi stupulati fil-Finlandja għal din il-kariga, u jrid ikollu l-ħiliet meħtieġa biex jipprattika bħala avukat kif ukoll l-esperjenza meħtieġa fix-xogħol ta’ avukat. Dan ma jridx ikun bniedem fallut u jrid ikollu kapaċità legali sħiħa.

Skond ir-rabtiet internazzjonali li daħlu fis-seħħ fil-Finlandja, persuna li ma jkollhiex il-kriterji akkademiċi u lanqas ma tkun kisbet l-esperjenza ta’ xogħol meħtieġa fil-Finlandja, iżda li tkun ikkwalifikat bħala avukat f’wieħed mill-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea, tista’ tiġi aċċettata bħala avukat. F’dawn il-każijiet l-applikant għandu juri, f’eżami li jsir mill-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati, li dan ikollu għarfien biżżejjed dwar il-liġijiet tal-Finlandja u dwar il-prattika tal-liġi f’dan il-pajjiż.

FuqFuq

Barra minn hekk, persuna li jkollha l-kwalifiki professjonali ta’ avukat minn Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea tista’ tiġi aċċettata bħala avukat mingħajr ma tagħmel l-ebda eżami. Li dan jiġi aċċettat bħala avukat mingħajr ma joqgħod għal ebda eżami jiddependi minn jekk l-applikant ikunx ġie rreġistrat għal mill-inqas tliet snin fir-reġistru ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati biex juża t-titolu professjonali ta’ l-Istat Membru tiegħu u jekk ikunx ikkwalifikat biex jipprattika l-professjoni legali fi Stat Membru ieħor (ir-reġistru ta’ l-UE). Barra minn hekk, il-persuna għandha turi li għal mill-inqas f’dak il-perjodu din kienet issoktat il-professjoni legali tagħha fil-Finlandja fuq bażi regolari.

Id-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tiffaċilita l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permenanti fi Stat Membru għajr dak li fih dan ikun kiseb il-kwalifika daħlet fis-seħħ fil-Finlandja bl-Att li Jemenda l-Att dwar l-Avukati (1249/1999).

Ir-Regoli ta’ l-imġiba professjonali xierqa għall-avukati

Avukat għandu jwettaq ix-xogħol tiegħu b’onestà u b’kuxjenza. Dan għandu jħares dejjem ir-regoli ta’ l-imġiba professjonali ta’ l-avukati. Il-kodiċi ta’ l-imġiba etika stabbilit b’dawn ir-regoli huwa bbażat fuq l-esperjenzi personali ta’ l-avukati. Min-naħa waħda, dawn jirriflettu l-etika kurrenti tas-soċjetà u l-opinjoni taċ-ċittadini fuq l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, u min-naħa l-oħra, l-opinjoni ta’ l-avukati fuq l-importanza u l-valur tax-xogħol u tad-dmirijiet tiegħu. Il-kodiċi ta’ l-imġiba juri x’inhu meħtieġ minn avukat tajjeb.

FuqFuq

Aktar informazzjoni:

  • L-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati tal-Finlandja suomi

6. L-Avukati ta’ Għajnuna Legali

L-Avukati ta’ Għajnuna Legali Pubbliċi huma avukati li jaħdmu fl-Uffiċċji tal-Konsulenza Legali Pubblika. L-Avukati ta’ Għajnuna Legali Pubbliċi huma uffiċjali ta’ l-Istat. Dawn jinħatru mill-Ministru tal-Ġustizzja. L-Uffiċċji tal-Konsulenza Legali Pubblika jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja.

Il-kriterji biex persuna tikkwalifika għall-kariga ta’ Avukat ta’ Għajnuna Legali Pubbliku huma grad ta’ Masters fil-Liġi (oikeustieteen kandidaatti) u esperjenza xierqa fl-avukatura jew fl-aġġudikazzjoni. Diversi Avukati ta’ Għajnuna Legali Pubbliċi jkollhom ukoll it-titolu onorarju ta’ varatuomari (Majjistru tal-Liġi b’Taħriġ fil-Qorti).

L-Avukati ta’ Għajnuna Legali Pubbliċi jkollhom ix-xogħol fil-qorti; fix-xogħol tagħhom dawn iridu jħarsu r-regoli ta’ l-imġiba professjonali xierqa li jgħoddu għall-avukati. Għalhekk, dawn huma suġġetti għas-setgħat dixxiplinarji li għandha l-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati tal-Finlandja. Iktar minn nofs l-Avukati ta’ Għajnuna Legali Pubbliċi fil-Finlandja huma membri ta’ din l-Assoċjazzjoni. Fil-qadi ta’ dmirijiethom, l-Avukati ta’ Għajnuna Legali Pubbliċi huma indipendenti minn kwalunkwe persuna oħra.

Aktar informazzjoni:

  • L-Avukati ta’ Għajnuna Legali Pubbliċi English - suomi - svenska

7. In-Nutara Pubbliċi

Fil-Finlandja, ix-xogħol tan-Nutara Pubbliċi huwa rregolat bil-liġi. In-Nutara Pubbliċi jitħaddmu jew mill-Uffiċċji tar-Reġistru Lokali u mill-Uffiċċji Distrettwali Ġurisdizzjonali. Il-kriterju biex wieħed jikkwalifika għall-ħatra ta’ Nutar Pubbliku huwa grad ta’ Masters fil-Liġi (oikeustieteen kandidaatti) .

FuqFuq

Minkejja l-ħafna differenzi, id-dmirijiet tan-Nutar Pubbliku fil-Finlandja huma differenti ħafna minn dawk li jipprattikaw in-Nutara fil-bqija ta’ l-Ewropa u fl-Istati Uniti. Fil-Finlandja, Nutar Pubbliku huwa dejjem uffiċjal ta’ l-Istat. Madankollu, in-Nutara Pubbliċi mhumiex Nutara full-time; il-maġġoranza ta’ l-uffiċjali li jwettqu x-xogħol ta’ Nutara Pubbliċi jkunu Reġistraturi Distrettwali fl-Uffiċċji tar-Reġistru Lokali. Minħabba l-manjiera libera tal-kuntratt fejn jidħlu materji ċivili, fil-Finlandja l-konferma minn Nutar Pubbliku mhix prerekwiżit għall-validità tal-kuntratti. L-uniku tip ta’ kuntratt tal-liġi ċivili li fil-Finlandja jkun jeħtieġ il-konferma ta’ nutar huwa dak tat-trasferiment tal-proprjetà.

In-Nutara Pubbliċi jikkonfermaw l-awtentiċità ta’, inter alia, il-firem u l-kopji taċ-ċertifikati kif ukoll l-awtentiċità tal-curricula vitae. Permezz ta’ postilla, in-Nutara Pubbliċi jistgħu jiċċertifikaw ukoll li l-firmatarju ta’ dokument partikolari għandu l-pożizzjoni murija fih u li dan jew din huwa awtorizzat biex joħroġ dan id-dokument.

Aktar informazzjoni:

  • L-Uffiċċju tar-Reġistru Lokali English - suomi - svenska 

8. L-Għarfien tal-kwalifiki professjonali taċ-ċittadini ta’ l-EU/l-Istat ta’ l-ETA

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE fuq sistema ġenerali għall-għarfien ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla li jingħataw meta jintemm iż-żmien ta’ l-edukazzjoni professjonali u t-taħriġ ta’ mill-inqas tliet snin ġiet implimentata fil-Finlandja bl-Att fuq l-Implimentazzjoni tas-Sistema Ġenerali għall-Għarfien tal-Kwalifiki fil-Komunità Ewropea (1597/1992) u bid-Digriet tal-Gvern fuq l-Implimentazzjoni tas-Sistema Ġenerali għall-Għarfien tal-Kwalifiki fil-Komunità Ewropea (520/1997).

FuqFuq

Fejn jikkonċerna l-kwalifika għal kariga jew xogħol, l-Att jipprovdi għall-għarfien ta’ diplomi, ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali b’referenza għall-provvedimenti tal-Komunità fuq l-għarfien, kif ukoll għad-dritt biex wieħed ikun jista’ jipprattika professjoni fil-Finlandja.

Ir-regola ewlenija hija li meta fil-Finlandja jkun impost ċertu livell ta’ edukazzjoni bħala l-kriterju għall-kariga jew ix-xogħol jew bħala l-kondizzjoni għad-dritt biex wieħed jipprattika professjoni, ix-xhieda li tkun inkisbet f’pajjiż ieħor ukoll għandha twassal għall-istess kwalifika, sakemm ikun iddeterminat li skond il-provvedimenti tal-Komunità fuq l-għarfien din tkun ta’ livell ekwivalenti.

F’każijiet fejn l-edukazzjoni u l-prattika ta’ professjoni f’pajjiż ieħor ivarjaw sew mill-edukazzjoni u l-prattika tal-professjoni li jikkorrispondu fil-Finlandja, l-applikant jista’ jintalab biex ikollu l-esperjenza meħtieġa tax-xogħol jew dik professjonali li jkun kiseb fi Stat Membru ta’ l-UE jew ikollu jagħmel perjodu ta’ adattament jew inkella joqgħod għall-prova ta’ l-attitudni.

Fejn l-applikazzjoni jkollha x’taqsam mal-kwalifika għal kariga jew xogħol li jkunu jeħtieġu grad ta’ Masters fil-Liġi (oikeustieteen kandidaatti) jew grad ta’ Bakkalawrjat fil-Liġi (oikeusnotaari), l-applikant ikollu joqgħod għal test obbligatorju ta’ l-attitudni. It-test ta’ l-attitudni jsir mill-Università ta’ Ħelsinki.

Id-deċiżjoni fuq l-eliġibilità tittieħed mill-Bord Nazzjonali ta’ l-Edukazzjoni u tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni.

Aktar informazzjoni

  • Il-Bord Nazzjonali ta’ l-Edukazzjoni: il-Komparabilità Internazzjonali tal-Kwalifiki English - suomi - svenska

« Professjonijiet legali - Informazzjoni Ġenerali | Finlandja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 17-07-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit