Kummissjoni Ewropea > NGE > Professjonijiet legali > Repubblika Ċeka

L-aħħar aġġornament: 27-02-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Professjonijiet legali - Repubblika Ċeka

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. L-IMĦALLFIN 1.
2. L-AVUKATI 2.
3. IL-MARIXXALLI 3.
4. IN-NUTARA 4.
5. IL-PROSEKUTURI PUBBLIĊI 5.

 

1. L-IMĦALLFIN

L-istatus legali

Imħallef huwa uffiċċjal pubbliku, impjegat ta’ l-istat li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ġudikatura. L-attivitajiet prinċipali ta’ l-imħallfin huma li jisimgħu u jaqtgħu s-sentenza fuq tilwim ġudizzjarju fi proċeduri ċivili, amministrattivi u kriminali u li jagħtu l-verdetti f’każijiet oħra miġjuba quddiem il-qrati.

L-eliġibilità għall-ħatra bħala mħallef fir-Repubblika Ċeka tiddependi mill-kondizzjonijiet li ġejjin: nazzjonalità Ċeka, kapaċità legali, karattru tajjeb, edukazzjoni universitarja, esperjenza personali u kwalitajiet morali li jiggarantixxu li l-imħallef iwettaq il-funzjonijiet kif jixraq, irid jgħaddi minn eżami ġudizzjarju professjonali, u t-teħid tal-ġurament ta’ mħallef quddiem il-President tar-Repubblika.

Il-proċess tal-ħatriet u l-mandat

Meta jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha neċessarji, imħallef jiġi maħtur mill-President tar-Repubblika u jieħu l-kariga meta jieħu l-ġurament.

Il-preparazzjonijiet biex issir imħallef tinvolvi servizz ta’ tliet snin bħala mħallef apprendist, li jitwettaq fil-qrati. Fl-aħħar tas-servizz preparatorju tagħhom, l-imħallfin apprendisti jagħmlu eżami ġudizzjarju professjonali.

M’hemm l-ebda limitu ta’ żmien ikkollegat mal-ħatra ta’ mħallef; madankollu, l-imħallfin jistgħu jissospendu l-attivitajiet tagħhom jekk ikunu mneħħija temporanjament mid-dmirijiet tagħhom mill-Ministru tal-Ġustizzja. Il-mandat ta’ imħallef jispiċċa fl-aħħar tas-sena li fiha l-imħallef jagħlaq 70 sena, mal-mewt ta’ l-imħallef jew jekk l-imħallef jiġi ddikjarat uffiċjalment mejjet, fuq il-bażi ta’ deċiżjoni li tiddetermina li l-imħallef mhuwiex kapaċi li jżomm il-kariga, jew mar-riżenja ta’ l-imħallef.

FuqFuq

L-indipendenza ġudizzjarja

L-imħallfin ma jistgħux jimpenjaw ruħhom fi kwalunkwe impjieg bi qliegħ ieħor (eskluż il-kariga taċ-chairperson jew viċi-chairperson tal-qorti), barra mill-amministrazzjoni tal-proprjetà tagħhom stess u attivitajiet akkademiċi, ta’ tagħlim, letterarji, ta’ pubblikatur u artistiċi, jew attivitajiet fl-organi konsultattivi ta’ ministeru jew tal-Gvern, jew f’organi parlamentari.

Ir-remunerazzjoni

Is-sigurtà materjali ta’ l-imħallfin hija ggvernata mil-liġi.

Id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet ta’ l-imħallfin waqt li jokkupaw il-kariga tagħhom

Dritt u obbligazzjoni bażika ta’ l-imħallfin huma u jwettqu l-funzjonijiet tagħhom hija li jibqgħu indipendenti u li jkunu marbuta fid-deċiżjonijiet tagħhom biss mil-liġi, li huma għandhom jinterpretaw fl-aħjar għarfien tagħhom u b’mod kuxjenzjuż; m’għandhomx iħallu lilhom infushom li jiġu influwenzati, pereżempju, mill-interessi ta’ partiti politiċi, l-opinjoni pubblika jew il-midja. Huwa pprojbit li jiġu vvjolati jew ippreġudikati l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ l-imħallfin.

L-imħallfin huma meħtieġa li jaqtgħu s-sentenzi f’limiti ta’ żmien raġonevoli mingħajr dewmien, u li jagħtu lill-partijiet fil-proċeduri u r-rappreżentanti tagħhom l-opportunità li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom; madankollu, huma m’għandhomx jiddiskutu magħhom il-kontenut tal-każ f’idejhom jew kwistjonijiet proċedurali li jistgħu jaffetwaw il-każ.

Meta l-imħallfin ma jibqgħux imħallfin, huma għandhom iżommu kunfidenzjali l-fatti kollha li jkunu saru jafu meta kienu fil-kariga; jistgħu jiġu meħlusa minn din l-obbligazzjoni f’każijiet eċċezzjonali biss.

FuqFuq

Ir-responsabbiltà għat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ mħallef

L-istat huwa miżmum responsabbli għal kull dannu kkawżat minn sentenza jew deċiżjoni dwar il-kustodja, kundanni jew miżura ta’ trattament protettiv illegali ta’ mħallef, jew dannu kkawżat minn proċedura amministrattiva mhux korretta; l-istat jista’ jfittex ħlas regressiv mingħand l-imħallef biss jekk ikun misjub ħati fi proċeduri dixxiplinari jew kriminali. L-imħallfin huma responsabbli għall-professjonaliżmu fit-twettiq tad-dmirijiet ġudizzjarji tagħhom.

Il-kategoriji u l-ispeċjalizzazzjonijiet ta’ l-imħallfin

Minbarra l-attivitajiet tagħhom fil-qtugħ tas-sentenzi, l-imħallfin jistgħu wkoll jiġu maħtura chairpersons jew viċi-chairpersons tal-qrati. Huma jiġu maħtura għal din il-kariga mill-President tar-Repubblika (fil-każ tal-Qorti Suprema u l-Qorti Amministrattiva Suprema) jew mill-Ministru tal-Ġustizzja (qrati għolja, reġjonali u distrettwali). Wieħed mill-kompiti partikolari għal dawn il-funzjonarji hija t-twettiq ta’ l-amministrazzjoni tal-qrati mill-istat.

L-imħallfin jistgħu wkoll jiġu maħtura għall-presidenza tad-Diviżjoni tal-Qorti Suprema jew tad-Diviżjoni tal-Qorti Amministrattiva Suprema, jew għall-presidenza ta’ kamra tal-qorti.

L-organizzazzjoni interna tal-qrati distrettwali, reġjonali jew għolja hija bbażata fuq dipartimenti tal-qrati li jispeċjalizzaw f’oqsma partikolari tal-ġudikatura kriminali, ċivili u amministrattiva għat-tipi individwali ta’ proċeduri.

L-assoċjazzjonijiet professjonali

L-imħallfin fir-Repubblika Ċeka jistgħu jingħaqdu ma’ l-Unjoni Ġudizzjarja tar-Repubblika Ċeka (Soudcovská unie ČR), assoċjazzjoni professjonali volontarja; il-laqgħa ġenerali tagħha adottat il-Prinċipji Etiċi tal-Imġieba ta’ l-Imħallfin bħala prinċipji morali fl-attivitajiet ġudizzjarji.

FuqFuq

2. L-AVUKATI

L-istatus legali

L-avukati huma esperti fil-liġi kompetenti biex jipprovdu servizzi legali, inkluż (mingħajr limitazzjoni) rappreżentazzjoni fi proċeduri quddiem il-qrati u awtoritajiet oħra, id-difiża f’każijiet kriminali, il-proviżjoni ta’ parir legali, it-tfassil ta’ dokumenti legali, il-produzzjoni ta’ analiżi legali u forom oħra ta’ assistenza legali pprovduti b’mod sistematiku u bi ħlas. L-avukati huma persuni li jaħdmu għal rashom li n-negozju tagħhom huwa l-prattika tal-liġi u li l-attività tagħhom hija regolata mill-istat.

Il-kondizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati biex wieħed jaħdem bħala avukat huma skond dak li ġej: reġistrazzjoni fil-lista ta’ avukati aċċessibbli pubblikament miżmuma mill-Kamra ta’ l-Avukati Ċeka (Česká advokátní komora), l-issodisfar tal-kondizzjonijiet tal-kapaċità legali, il-ksib ta’ edukazzjoni universitarja fil-liġi, mill-inqas tliet snin esperjenza legali preċedenti bħala skrivan arikolat, karattru tajjeb, is-suċċess f’eżami professjonali għall-avukati, u t-teħid ta’ ġurament quddiem iċ-Chairperson tal-Kamra ta’ l-Avukati Ċeka.

Il-proċess tal-ħatriet u l-mandat

Persuna ssir avukat mar-reġistrazzjoni fil-lista ta’ l-avukati.

Il-preparazzjoni għal din il-professjoni tieħu l-forma ta’ prattika legali bħala skrivan artikolat impjegat ma’ avukat ieħor.

M’hemm l-ebda limitu ta’ żmien fuq ir-reġistrazzjoni ta’ avukat fil-lista ta’ l-avukati; madankollu, avukat jista’ jiġi sospiż skond il-liġi jew fuq bażi ta’ deċiżjoni tal-Kamra ta’ l-Avukati Ċeka.

FuqFuq

L-awtorizzazzjoni biex titwettaq il-prattika legali tieqaf meta avukat jitneħħa mil-lista ta’ l-avukati, li jseħħ skond il-liġi. Ir-raġunijiet prinċipali għat-tneħħija mil-lista ta’ l-avukati jinkludu l-mewt ta’ l-avukat, każijiet fejn l-avukat ikun iddikjarat mejjet, l-inabbilità jew l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-kapaċità legali, l-impożizzjoni ta’ miżura dixxiplinarja fejn l-avukat jitneħħa mil-lista ta’ l-avukati, dikjarazzjoni ta’ falliment magħmula kontra l-avukat, jew talba biex jiġi mneħħi mil-lista mill-avukat. Il-Kamra ta’ l-Avukati Ċeka tista’ ukoll tiddeċiedi li tneħħi avukat mil-lista ta’ l-avukati.

L-inkompatibilità tal-karigi

Il-liġi tipprovdi li l-avukati ma jistgħux ikunu f’impjieg jew f’relazzjoni oħra simili fl-istess ħin meta jkunu qiegħdin jipprattikaw il-liġi (eċċezzjoni hija impjieg bħala għalliem l-università), u li ma jistgħux jimpenjaw ruħhom fi kwalunkwe attivitajiet oħra li huma inkompatibbli ma’ l-ipprattikar tal-liġi.

Ir-rimunerazzjoni

Bħala regola, l-avukati jipprovdu s-servizzi legali għal miżata mħallsa mill-klijent; l-avukati huma intitolati li jitolbu ħlas bil-quddiem raġonevoli fuq il-miżata. Il-metodu użat biex tiġi ddeterminata l-miżata ta’ l-avukat għall-proviżjoni tas-servizzi legali, kif ukoll ir-rimborż ta’ spejjeż fi flus u r-rimborż għat-telf ta’ ħin, huwa stabbilit f’regolament li jorbot b’mod ġenerali. Il-miżata ta’ avukat għall-proviżjoni tas-servizzi legali hija essenzjalment iggvernata mill-kuntratt ta’ l-avukat mal-klijent (miżata kuntrattwali); f’każijiet fejn ma tkun stabbilita l-ebda miżata kuntrattwali, ir-rimunerazzjoni tkun iddeterminata skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-iskala ta’ ħlasijiet għall-miżati mhux kuntrattwali. Jekk avukat jiġi assenjat mill-istat biex jipprovdi s-servizzi legali, l-istat iħallas ir-rimunerazzjoni ta’ l-avukat.

FuqFuq

Id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet ta’ l-avukati fl-ipprattikar tal-liġi

Fil-proviżjoni tas-servizzi legali, l-avukati huma marbuta minn regolamenti legali u, fil-limiti ta’ dawn ir-regolamenti, mill-istruzzjonijiet tal-klijent, li d-drittijiet u l-interessi ġenwini tiegħu huma meħtieġa li jipproteġu billi jħaddmu l-mezzi kollha li jikkunsidraw li huma ta’ benefiċċju. L-avukati mhumiex marbuta mill-istruzzjonijiet tal-klijent jekk dawn l-istruzzjonijiet jiksru l-liġi jew ir-regolamenti professjonali; huma obbligati li javżaw lill-klijent dwar dan meta jkun il-każ.

Irrispettivament mill-ispeċjalizzazzjoni tagħhom, l-avukati huma obbligati li jipprovdu s-servizzi legali fil-kwistjonijiet kollha; madankollu, huma għandhom id-dritt li jirrifjutaw li jipprovdu s-servizzi legali barra meta jkunu assenjati jew maħtura mill-Kamra biex jipprovdu s-servizzi legali. L-avukati huma meħtieġa li jirrifjutaw li jipprovdu s-servizzi legali jekk, f’każ partikolari jew f’każ relatat, huma jkunu diġà pprovdew is-servizzi legali lil klijent ieħor b’interessi differenti. Taħt ċerti kondizzjonijiet, l-avukati jistgħu jirtiraw minn kuntratt dwar il-proviżjoni ta’ servizzi legali.

L-avukati huma obbligati ukoll li jżommu kunfidenzjali ċ-ċirkustanzi kollha li jsiru jafu dwarhom f’konnessjoni mal-proviżjoni tas-servizzi legali; din l-obbligazzjoni tista’ tiġi rrinunzjata biss mill-klijent jew is-suċċessur legali tal-klijent u fil-każijiet l-oħra tibqa’ fis-seħħ anke wara li l-avukat jitneħħa mil-lista ta’ l-avukati. Din l-obbligazzjoni tista’ tinkiser fit-twettiq tad-dmir legali li tiġi ostakolata l-perpetrazzjoni ta’ reat.

FuqFuq

L-avukati huma ukoll meħtieġa li jżommu dokumentazzjoni xierqa dwar it-twettiq tas-servizzi legali tagħhom.

Ir-responsabbiltà professjonali

Avukat huwa responsabbli lejn il-klijent għad-dannu kkawżat lill-klijent mill-avukat, minn impjegat jew minn rappreżentant tiegħu f’konnessjoni mal-proviżjoni tas-servizzi legali. L-avukati għandhom ikunu assigurati għal din ir-responsabbiltà.

L-avukati huma ukoll responsabbli għal vjolazzjonijiet dixxiplinarji (ksur serju jew ripetut ta’ l-obbligazzjonijiet tagħhom).

Il-leġiżlazzjoni speċjali li tissalvagwardja l-proviżjoni libera tas-servizzi ta’ l-avukati fi ħdan l-UE

L-Att dwar il-Prattika Legali tagħti d-dritt lil persuni naturali li huma ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea u li kisbu awtorizzazzjoni f’dak l-istat li jipprovdu s-servizzi legali (jiġifieri l-istat taċ-ċittadinanza) li jipprattikaw l-liġi fir-Repubblika Ċeka bħala ‘Avukat Ewropew’ taħt it-titlu professjonali ta’ l-istat taċ-ċittadinanza mogħti lill-avukat, miktub bil-lingwa ta’ dak l-istat. Avukat Ewropew huwa awtorizzat li jipprovdi s-servizzi legali li jinkludu r-rappreżentazzjoni fi proċeduri quddiem il-qrati jew organi oħra, inkluż id-difiża fi proċeduri kriminali, anke f’każijiet fejn regolament legali separat jipprovdi li parti għall-proċeduri għandha tiġi rrappreżentata minn advokát [it-titlu ta’ avukat Ċek] jew li r-rappreżentant ta’ parti fil-proċeduri jista’ jkun biss advokát.

Avukat Ewropew jista’ jipprattika fir-Repubblika Ċeka temporanjament jew okkażjonalment bħala avukat Ewropew mistieden, jew bħala avukat Ewropew stabbilit irreġistrat fil-lista ta’ l-avukati Ewropej miżmuma mill-Kamra ta’ l-Avukati Ċeka. L-avukati Ewropej huma obbligati li jirrispettaw l-obbligazzjonijiet imposti fuq avukati domestiċi u obbligazzjonijiet imposti fuqhom mill-istat taċ-ċittadinanza tagħhom.

FuqFuq

L-Assoċjazzjonijiet professjonali

Il-Kamra ta’ l-Avukati Ċeka, li hija bbażata fi Praga u li għandha fergħa f’Brno, hija organizzazzjoni professjonali awtonoma għall-avukati kollha; hija għandha l-organi tagħha u toħroġ regolamenti professjonali li jorbtu għall-avukati, li huma ppubblikati fil-Ġurnal tal-Kamra ta’ l-Avukati Ċeka.

Wieħed minn dawn ir-regolamenti huwa r-Regoli ta’ l-Etika Professjonali u Regoli tal-Kompetizzjoni għall-Avukati tar-Repubblika Ċeka.

3. IL-MARIXXALLI

L-istatus legali

Il-marixxalli huma persuni li jaħdmu għal rashom ikkummissjonati mill-istat biex iwettqu d-dmirijiet ta’ marixxalli; ix-xogħol tagħhom huwa li jeżegwixxu ordnijiet ta’ infurzar favur il-persuni li jkunu awtorizzaw lill-marixxall li jwettaq din l-attività. Barra minn hekk, huma jistgħu, pereżempju, jipprovdu assistenza legali, ifasslu dokumenti (speċjalment rapporti ta’ eżekuzzjoni), jikkustodixxu l-flus, strumenti jew proprjetà mobbli oħra, u jinnotifikaw id-dokumenti ġudizzjarji.

Fir-Repubblika Ċeka, il-marixxalli huma uffiċjali pubbliċi u l-attivitajiet tagħhom huma kkunsidrati attivitajiet ġudizzjarji. Persuni jistgħu jsiru marixxalli jekk ikunu ċittadini Ċeki, ikollhom il-kapaċità legali, ikollhom edukazzjoni universitarja fil-liġi, ikunu ta’ karattru tajjeb, ikollhom mill-inqas tliet snin esperjenza fl-attivitajiet ta’ eżekuzzjoni u jkunu għaddew minn eżami professjonali għall-marixxalli.

Il-proċess tal-ħatriet u l-mandat

Wara li jittieħed il-ġurament, il-marixxalli jiġu maħtura mill-Ministru tal-Ġustizzja għall-kariga tagħhom skond proċedura ta’ selezzjoni rreklamata. Fid-data tal-ħatra tagħhom, huma jsiru membri tal-Kamra tal-Marixxalli (Exekutorská komora). Il-preparazzjonijiet biex issir marixxall jeħtieġu esperjenza bħala marixxall apprendist (impjegat ma’ marixxall); persuni li jilħqu l-ogħla livell ta’ preparazzjoni huma kandidati marixxalli, li jrid ikollhom mill-inqas tliet snin esperjenza ta’ l-attivitajiet ta’ eżekuzzjoni u jkunu għaddew minn eżami għall-marixxalli qabel ma jkunu jistgħu jiġu rreġistrati fil-lista tal-marixxalli.

FuqFuq

Il-ħatriet mhumiex soġġetti għal limiti ta’ żmien; madankollu, il-Ministeru tal-Ġustizzja jista’ jissospendi marixxall. Jekk jiġu sospiżi, il-marixxalli m’għandhomx iwettqu l-attivitajiet ta’ eżekuzzjoni tagħhom u jiġi maħtur sostitut għalihom; sostitut jiġi wkoll maħtur għal perjodi meta l-marixxalli ma jkunux kapaċi jwettqu l-attivitajiet ta’ eżekuzzjoni tagħhom għal raġunijiet oħra (pereżempju mard, leave).

Il-mandat ta’ marixxall jieqaf meta l-marixxall ma jibqax membru tal-Kamra tal-Marixxalli; dan jista’ jkun dovut għall-mewt tal-marixxall, każijiet fejn marixxall jiġi ddikjarat uffiċjalment mejjet, l-irtirar obbligatorju ta’ marixxall, it-telf minn marixxall taċ-ċittadinanza Ċeka, jew l-inkapaċità jew il-kapaċità legali limitata ta’ marixxall.

L-inkompatibbiltà tal-karigi

L-operazzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ marixxall huma inkompatibbli ma’ kull attività bi qliegħ oħra, barra l-amministrazzjoni ta’ l-assi tal-marixxall stess. Madankollu, il-marixxalli jistgħu jwettqu attivitajiet akkademiċi, ta’ pubblikazzjoni, ta’ tagħlim, ta’ interpretazzjoni, ta’ l-esperti jew artistiċi għal ħlas.

Ir-rimunerazzjoni

Il-marixxalli jwettqu attivitajiet ta’ eżekuzzjoni u oħrajn għal rimunerazzjoni, li prinċipalment tikkomprendi l-miżata tal-marixxall, ir-rimborż ta’ l-ispejjeż fi flus, ir-rimborż għat-telf ta’ ħin fl-eżekuzzjoni u r-rimborż għan-notifikazzjoni ta’ dokumenti. Il-miżata tal-marixxalli tista’ tiġi stabbilita bi ftehim bejn il-marixxall u l-persuna intitolata; fin-nuqqas ta’ dan it-tip ta’ ftehim, l-ammont tal-miżata jiġi ddeterminat skond regolament legali li jorbot b’mod ġenerali. Marixxall għandu d-dritt li jitlob lill-parti intitolata għal ħlas bil-quddiem raġonevoli fuq l-ispejjeż tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni.

FuqFuq

Id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-marixxalli

Il-marixxalli huma indipendenti fl-attivitajiet ta’ eżekuzzjoni tagħhom; huma marbuta biss mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ċeka, mil-liġijiet, minn regolamenti legali oħra u minn sentenzi tal-qorti maħruġa fi proċeduri dwar l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u proċeduri ta’ eżekuzzjoni. Jekk azzjoni kkummissjonata tkun tikser il-liġi jew regolament legali, jew jekk l-applikant li jkun qiegħed ifittex l-eżekuzzjoni jonqos milli jħallas ħlas bil-quddiem raġonevoli fuq l-ispejjeż ta’ l-eżekuzzjoni, il-marixxall jista’ jirrifjuta li jwettaq din l-azzjoni.

Il-marixxalli huma obbligati li jżommu kunfidenzjali ċ-ċirkostanzi kollha li jsiru jafu dwarhom fit-twettiq ta’ l-eżekuzzjoni tagħhom jew ta’ attivitajiet oħra. F’każi eċċezzjonali, organu tal-Kamra tal-Marixxalli jista’ jeħlishom minn din l-obbligazzjoni.

Skond il-liġi, il-marixxalli huma ukoll soġġetti għal numru ta’ obbligazzjonijiet dwar iż-żamma tal-fajls li jiddokumentaw l-attivitajiet ta’ eżekuzzjoni tagħhom.

Is-superviżjoni

Il-Ministeru tal-Ġustizzja huwa responsabbli għas-superviżjoni ta’ l-istat ta’ l-eżekuzzjonijiet u l-attivitajiet tal-marixxalli; il-Kamra tal-Marixxalli tissuperviżjona l-attivitajiet tal-marixxalli u l-amministrazzjoni ta’ l-uffiċċji tal-marixxalli.

Ir-responsabbiltà

Il-marixxalli huma responsabbli għad-dannu matul l-attivitajiet ta’ eżekuzzjoni kkawżat minnhom jew mill-impjegati tagħhom. Huma għandhom ikunu assigurati għad-danni.

Il-marixxalli jew marixxalli kandidati huma wkoll soġġetti għal proċeduri dixxiplinarji għal ksur ta’ l-obbligazzjonijiet legali tagħhom jew għal vjolazzjoni serja jew ripetuta tad-dinjità tal-professjoni ta’ marixxall.

FuqFuq

L-assoċjazzjonijiet professjonali

L-assoċjazzjoni professjonali għall-marixxalli hija l-Kamra tal-Marixxalli tar-Repubblika Ċeka (Exekutorská komora ČR), li hija organizzazzjoni awtonoma stabbilita skond il-liġi u fiha l-marixxalli kollha bħala membri; hija entità legali li għandha l-organi tagħha stess u li tiġġenera d-dħul.

Hija fasslet u approvat il-Kodiċi ta’ l-Etika għall-Marixxalli.

4. IN-NUTARA

L-istatus legali

Nutar huwa persuna naturali awtorizzat li jmexxi uffiċċju ta’ nutar. L-attivitajiet ta’ nutar jinkludu l-preparazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi u oħrajn dwar atti tal-liġi, iċ-ċertifikazzjoni ta’ fatti u dikjarazzjonijiet legalment sinifikanti, u l-kustodja ta’ dokumenti u flus; f’konnessjoni mad-dmirijiet notarili tagħhom, in-nutara jistgħu wkoll jagħtu parir legali, jipprovdu rappreżentazzjoni legali fi proċeduri fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu minn awtoritajiet amministrattivi jew fi proċeduri dwar is-suċċessjoni, jamministraw l-assi jew jaġixxu bħala fiduċjarji f’każ ta’ falliment.

Persuni huma eliġibbli li jsiru nutara jekk ikunu ċittadini Ċeki, ikollhom kapaċità legali sħiħa, ikunu ta’ karattru tajjeb, ikollhom edukazzjoni universitarja fil-liġi, ikollhom mill-inqas ħames snin esperjenza ta’ l-attivitajiet notarili u jkunu għaddew minn eżami professjonali għan-nutara.

Il-proċess tal-ħatriet u l-mandat

In-nutara huma maħtura għal uffiċċju ta’ nutar vakanti mill-Ministru tal-Ġustizzja, fuq proposta mill-Kamra, fi proċedura ta’ kompetizzjoni rreklamata. Nutar iżomm il-kariga tiegħu mir-reġistrazzjoni fil-lista tan-nutara miżmuma mill-Kamra tan-Nutara tar-Repubblika Ċeka (Notářská komora ČR).

FuqFuq

Nutara apprendisti jippreparaw għall-professjoni futura tagħhom billi jiksbu esperjenza notarili impjegati ma’ nutar. Fl-istadju ta’ preparazzjoni ta’ wara, huma jkollhom l-istatus ta’ kandidati notarili, li jrid ikollhom mill-inqas tliet snin esperjenza u jkunu għaddew minn eżami għan-nutara.

Meta jiġi maħtur, nutar mhuwiex soġġett għall-ebda limiti ta’ żmien fir-rigward tal-mandat, għalkemm huwa jista’ jiġi sospiż. Nutar jieqaf mill-kariga tiegħu meta jilħaq l-età ta’ 70 sena, mal-mewt jew meta jiġi ddikjarat uffiċjalment mejjet, meta jitneħħa mill-kariga, meta jitlef iċ-ċittadinanza Ċeka, fil-każ ta’ inabbiltà, jew jekk nutar maħtur jirrifjuta li jieħu l-ġurament tiegħu jew jekk l-istat ta’ saħħa tiegħu ma jħallihx iwettaq kif jixraq id-dmirijiet notarili tiegħu.

L-inkompatibilità tal-karigi

Il-pożizzjoni ta’ nutar hija inkompatibbli ma’ kull attività bi qliegħ oħra, bl-eċċezzjoni ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-assi tan-nutar stess; madankollu, in-nutara jistgħu jwettqu attivitajiet akkademiċi, ta’ pubblikazzjoni, ta’ tagħlim, ta’ interpretazzjoni, ta’ l-esperti jew artistiċi bi ħlas.

Ir-rimunerazzjoni

Ir-Regoli Notarili jipprovdu li nutar iwettaq attivitajiet bi ħlas, li prinċipalment jikkomprendi miżata, rimborż għat-telf ta’ ħin, u rimborż ta’ l-ispejjeż fi flus. L-ispejjeż jitħallsu mill-parti li titlob att notarili; in-nutara huma intitolati li jitolbu ħlas bil-quddiem raġonevoli fuq il-miżata u fuq l-ispejjeż fi flus. Dettalji dwar il-miżati tan-nutara huma stabbiliti f’regolament legali separat.

Id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tan-nutara

FuqFuq

In-nutara għandhom id-dritt li jwettqu attivitajiet notarili; huma obbligati li jirrispettaw il-liġijiet u regolamenti legali oħra li jorbtu b’mod ġenerali, u fil-proviżjoni ta’ assistenza legali huma marbuta wkoll mill-istruzzjonijiet tal-klijent. Huma intitolati li jirrifjutaw li jwettqu atti notarili biss fejn dawn l-atti jivvjolaw regolamenti li jorbtu b’mod ġenerali, f’każijiet fejn nutar jew qarib tan-nutar huwa parti għal każ partikolari, jekk in-nutar ikun diġà pprovda assistenza legali f’każ lil persuna oħra b’interessi konfliġġenti, jew jekk l-applikant jonqos milli jħallas ħlas bil-quddiem fuq il-miżata tan-nutar mingħajr raġuni tajba. In-nutara jistgħu jirtiraw minn kuntratt ma’ klijent jew minn applikazzjoni għall-assistenza legali jekk il-fiduċja f’xulxin tiġi vvjolata.

In-nutara huma obbligati li jżommu kunfidenzjali l-affarijiet kollha li jsiru jafu dwarhom matul l-attivitajiet tagħhom u li jistgħu jaffetwaw l-interessi ġenwini ta’ klijent jew applikant għall-assistenza legali; huma jistgħu jiġu meħlusa minn din l-obbligazzjoni biss minn persuni li l-atti jikkonċernawhom.

In-nutara huma wkoll soġġetti għal obbligazzjonijiet numerużi li jikkonċernaw iż-żamma tal-fajls.

Ir-responsabbiltà

In-nutara huma responsabbli lejn l-applikanti, il-klijenti jew partijiet oħra għad-danni kkawżati lil dawn il-persuni fit-twettiq ta’ l-attivitajiet tan-nutar, u huma responsabbli lejn l-istaff tagħhom għal kull danni sofferti minnhom fit-twettiq tad-dmirijiet tax-xogħol tagħhom. F’dan ir-rigward, in-nutara huma meħtieġa li jkollhom polza ta’ l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà.

FuqFuq

In-nutara jistgħu wkoll ikunu soġġetti għal proċedura dixxiplinarja.

Is-superviżjoni ta’ l-istat ta’ l-attivitajiet tan-nutara hija r-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Ġustizzja, tal-Kamra tan-Nutara tar-Repubblika Ċeka u tal-kmamar tan-nutara.

L-assoċjazzjonijiet professjonali

Il-kmamar notarili, stabbiliti mil-liġi fid-distrett ta’ kull qorti reġjonali u fid-distrett tal-Qorti Muniċipali ta’ Praga, jeżistu għan-nutara kollha bbażati fid-distrett relevanti. Kamra notarili hija entità legali li għandha l-organi tagħha u li tiġġenera d-dħul.

Il-Kamra tan-Nutara tar-Repubblika Ċeka (Notářská komora ČR) hija organizzazzjoni professjonali awtonoma komposta minn kmamar notarili. Entità legali bid-dħul u l-organi tagħha stess, wieħed mill-kompiti tagħha huwa ż-żamma u l-amministrazzjoni tar-reġistru tat-testmenti; din hija lista privata elettronika tat-testmenti, strumenti ta’ diżeredità u dokumenti li jirrevokaw dawn l-atti, dokumenti dwar il-ħatra u t-tneħħija ta’ eżekuturi fi proċeduri tas-suċċessjoni, eċċ. Il-Kamra tan-Nutara tar-Repubblika Ċeka żżomm ukoll reġistru tal-pleġġijiet.

5. IL-PROSEKUTURI PUBBLIĊI

L-istatus legali

Il-prosekuturi pubbliċi huma uffiċjali pubbliċi li l-kompitu tagħhom huwa li jirrappreżentaw l-istat fil-protezzjoni ta’ l-interess pubbliku, speċjalment billi jressqu azzjonijiet pubbliċi fi proċeduri kriminali, jissuperviżjonaw l-osservanza tar-regolamenti legali f’postijiet ta’ kustodja jew ta’ detenzjoni, ta’ trattament protettiv, kura protettiva jew istituzzjonali, li jieħdu azzjonijiet ta’ prevenzjoni ta’ reati u li jipprovdu assistenza lill-vittmi tal-kriminalità.

FuqFuq

L-eliġibilità għall-ħatra bħala prosekutur pubbliku tiddependi fuq iċ-ċittadinanza Ċeka, il-kapaċità legali sħiħa, karattru tajjeb, edukazzjoni universitarja fil-liġi, u kwalitajiet morali li jiggarantixxu li l-prosekutur pubbliku jwettaq kif jixraq id-dmirijiet tiegħu.

Il-proċess tal-ħatriet u l-mandat

Il-prosekuturi pubbliċi, wara li jgħaddu minn eżami professjonali, jiġu maħtura mill-Ministru tal-Ġustizzja; fid-data tal-ħatra huma jrid ikollhom mill-inqas 25 sena u jridu jagħtu l-kunsens tagħhom għall-ħatra tagħhom bħala prosekutur pubbliku u għall-assenjazzjoni ta’ uffiċċju partikolari ta’ prosekutur pubbliku. Huma mbagħad jieħdu l-ġurament ta’ prosekutur pubbliku quddiem il-Ministru tal-Ġustizzja.

Il-prosekuturi pubbliċi jippreparaw għall-professjoni tagħhom billi jiksbu tliet snin esperjenza bħala apprendisti legali impjegati f’uffiċċju ta’ prosekutur pubbliku.

Il-prosekuturi pubbliċi huma maħtura għal żmien indefinit; madankollu huma jistgħu jitneħħew mid-dmirijiet tagħhom temporanjament b’deċiżjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja. Il-prosekuturi pubbliċi jieqfu mill-kariga tagħhom meta jilħqu l-età ta’ 70 sena, jekk imutu jew ikunu ddikjarati uffiċjalment mejta, fil-każ ta’ inabbiltà sħiħa jew parzjali, jekk jirrifjutaw li jieħdu l-ġurament, jekk ma jibqgħux ċittadini Ċeki, jekk jieħdu kariga inkompatibbli mal-pożizzjoni ta’ prosekutur pubbliku, jekk ikunu kkundannati b’reat, jekk jinsabu li huma inkompetenti li jżommu l-kariga tagħhom, jew jekk l-istat ta’ saħħa tagħhom jagħmilha impossibbli li huma jwettqu d-dmirijiet tagħhom fit-tul. Il-prosekuturi pubbliċi jistgħu wkoll jitneħħew mill-kariga tagħhom fi proċeduri dixxiplinarji jew jistgħu jirriżenjaw.

FuqFuq

L-inkompatibilità tal-karigi

Barra mill-eċċezzjonijiet stabbiliti mil-liġi, il-prosekuturi pubbliċi ma jistgħux jaġixxu bħala arbitri jew medjaturi fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim legali, jirrappreżentaw parteċipanti fi proċeduri ġudizzjarji jew jaġixxu bħala aġenti ta’ attur jew parti fi proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi. Barra minn hekk, barra l-pożizzjoni tagħhom ta’ prosekutur pubbliku, kap prosekutur pubbliku jew viċi kap prosekutur pubbliku, jew attivitajiet konnessi ma’ assenjament temporanju f’ministeru jew l-Akkademja Ġudizzjarja, il-prosekuturi pubbliċi ma jistgħux ikollhom l-ebda kargia oħra mħallsa jew iwettqu ebda attività bi qliegħ oħra, barra l-amministrazzjoni ta’ l-assi tagħhom stess u attivitajiet akkademiċi, ta’ tagħlim, letterarji, ta’ pubblikaturi u artistiċi, u attivitajiet fi ħdan organi konsultattivi tal-Gvern jew ministerjali jew organi parlamentari.

Ir-rimunerazzjoni

Din hija ggvernata minn regolament legali; l-istat iħallas id-dħul tal-prosekuturi pubbliċi.

Id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-prosekuturi pubbliċi

Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, il-prosekuturi pubbliċi huma obbligati li jirrispettaw l-istruzzjonijiet tas-superjur tagħhom, barra f’sitwazzjonijiet fejn din it-tip ta’ struzzjoni tkun vjolazzjoni tal-liġi f’każ speċifiku.

Skond il-liġi, il-prosekuturi pubbliċi huma wkoll meħtieġa li jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod responsabbli u li jipproċedu b’mod professjonali, kuxjenzjuż, imparzjali u ġust mingħajr dewmien mhux ġustifikat; huma għandhom jirrifjutaw kull intervent estern jew influwenza oħra li tista’ tirriżulta fi ksur ta’ kwalunkwe minn dawn l-obbligazzjonijiet.

FuqFuq

Il-prosekuturi pubbliċi huma wkoll meħtieġa, bil-liġi, li jżommu kunfidenzjali l-affarijiet kollha li jsiru jafu dwarhom f’konnessjoni mat-twettiq ta’ l-attivitajiet tagħhom; l-avukat ġenerali jista’ jeħlishom minn din l-obbligazzjoni fejn ikun hemm raġunijiet imperattivi; l-avukat ġenerali jista’ jiġi meħlus mill-obbligazzjoni tal-kunfidenzjalità biss mill-Ministru tal-Ġustizzja.

Il-kategoriji u l-ispeċjalizzazzjonijiet tal-prosekuturi pubbliċi

L-istruttura ġerarkika ta’ l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi tiddefinixxi l-uffiċċji tal-kapi prosekuturi pubbliċi, jiġifieri l-avukat ġenerali u prosekuturi pubbliċi għolja, reġjonali, muniċipali, u distrettwali.

L-ispeċjalizzazzjoni tal-prosekuturi pubbliċi hija ggvernata minn struzzjonijiet ta’ l-avukat ġenerali; sostanzjalment l-ispeċjalizzazzjoni hija fi kwistjonijiet kriminali u mhux kriminali.

L-assoċjazzjonijiet professjonali

L-Unjoni tal-Prosekuturi Pubbliċi tar-Repubblika Ċeka (Unie státních zástupců ČR) hija organizzazzjoni professjonali volontarja li timmira li tipprovdi assistenza fit-twettiq tal-kompiti ffaċċjati minn uffiċċju ta’ prosekutur pubbliku u li tippromwovi l-legalità fit-teħid tad-deċiżjonijiet mingħajr l-ebda influwenza. L-Unjoni tikkontribwixxi wkoll għat-taħriġ ta’ prosekuturi pubbliċi u apprendisti legali u tirrappreżenta l-interessi tal-prosekuturi pubbliċi.

Il-Kodiċi ta’ l-Etika Professjonali għall-Prosekuturi Pubbliċi huwa regolament professjonali.

Is-superviżjoni ta’ l-attivitajiet tal-prosekuturi pubbliċi

Is-superviżjoni ta’ l-attivitajiet tal-prosekuturi pubbliċi hija mwettqa bħala parti mill-proċess biex jiġu ssalvagwardjati r-relazzjonijiet ta’ ġestjoni u kontroll bejn il-livelli varji ta’ uffiċċji ta’ prosekuturi pubbliċi u fi ħdan uffiċċji individwali ta’ prosekutur pubbliku fit-twettiq ta’ l-operazzjonijiet tagħhom.

L-għan ta’ l-amministrazzjoni ta’ uffiċċju ta’ prosekutur pubbliku huwa li jsaħħaħ il-kundizzjonijiet li fihom l-uffiċċju ta’ prosekutur pubbliku jista’ jwettaq l-operazzjonijiet kif jixraq, speċjalment mill-aspetti ta’ persunal, organizzattivi, finanzjarji u edukattivi, u li jissuperviżjona l-issodisfar kif jixraq tal-kompiti fdati lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku. L-awtorità ċentrali għall-amministrazzjoni ta’ uffiċċju ta’ prosekutur pubbliku huwa l-Ministeru tal-Ġustizzja; organi oħra huma l-kapi prosekuturi pubbliċi u l-viċijiet tagħhom. Il-kapi prosekuturi pubbliċi huma miżmuma responsabbli lejn il-Ministeru tal-Ġustizzja għall-amministrazzjoni ta’ l-uffiċċju tagħhom.

Ir-responsabbiltà professjonali

Skond regolament legali separat, l-istat huwa miżmum responsabbli għad-dannu kkawżat minn prosekutur pubbliku permezz ta’ deċiżjoni illegali jew proċedura uffiċjali mhux korretta.

Il-prosekuturi pubbliċi huma wkoll responsabbli għal vjolazzjonijiet dixxiplinarji.

« Professjonijiet legali - Informazzjoni Ġenerali | Repubblika Ċeka - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 27-02-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit