Kummissjoni Ewropea > NGE > Professjonijiet legali > Ċipru

L-aħħar aġġornament: 28-03-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Professjonijiet legali - Ċipru

 

LISTA TAL- KONTENUT

L-IMĦALLFIN L-IMĦALLFIN
L-AVUKAT ĠENERALI TAR-REPUBBLIKA U L-VIĊI AVUKAT ĠENERALI TAR-REPUBBLIKA L-AVUKAT ĠENERALI TAR-REPUBBLIKA U L-VIĊI AVUKAT ĠENERALI TAR-REPUBBLIKA
Il-PULIZIJA PROSEKUTURI Il-PULIZIJA PROSEKUTURI
L-AVUKATI L-AVUKATI

 

L-IMĦALLFIN

Gradwati universitarji li għandhom lawrja fil-liġi u avukati reġistrati f’Ċipru jistgħu jinħatru imħallfin jekk ikunu ipprattikaw bħala avukati għal sitt snin u jgħaddu minn eżami orali quddiem l-imħallfin tal-Qorti Suprema ta’ Ċipru. Il-livell tal-grad tad-dħul hu dak ta’ imħallef tad-distrett fil-qrati distrettwali tad-diversi distretti, titla’ għal imħallef anzjan tad-distrett, president ta’ qorti distrettwali u imħallef tal-Qorti Suprema. Imħallfin fil-qrati tal-familja, qrati dwar tilwim industrijali, qrati dwar il-kontroll tal-kera u qrati militari jifformaw kategorija speċjali li għaliha jinħatru taħt reġim u prosegwiment fil-karriera li hi bħal dik ta’ l-imħallfin tad-distrett imma tispiċċa fil-grad ta’ president ta’ dawk il-qrati.

L-imħallfin tal-Qorti Suprema u l-President tal-Qorti Suprema jinħatru mill-President tar-Repubblika taħt il-poter mogħti lilu mill-Kostituzzjoni. Qabel il-ħatra, u skond il-prattika stabbilita, il-President tar-Repubblika jirċievi r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Suprema. L-imħallfin tal-Qorti Suprema ġeneralment jintgħażlu minn fost il-presidenti tal-qrati distrettwali. Imħallef tal-Qorti Suprema jista’ wkoll ikun xi ħadd minn barra l-professjoni ġudizzjarja li jkun ipprattika bħala avukat għal 15-il sena u li jkollu l-ogħla standards morali.

Taħt il-Kostituzzjoni Ċiprijotta, il-Qorti Suprema tikkostitwixxi l-Kunsill Ġudizzjarju Suprem li għandu kompetenza esklussiva biex jaħtar, jippromovi, jittrasferixxi, jiddixxiplina, jittermina s-servizz ta’ l-imħallfin u jkeċċihom.

FuqFuq

Illum hemm 96 imħallef f’Ċipru, inklużi t-13 l-imħallef tal-Qorti Suprema. L-imħallfin kollha fil-qrati ta’ l-ewwel istanza jistgħu iservu sakemm jagħlqu 63 sena, waqt li l-imħallfin tal-Qorti Suprema (inkluż il-President) jistgħu iservu sakemm jagħlqu 68 sena.

L-AVUKAT ĠENERALI TAR-REPUBBLIKA U L-VIĊI AVUKAT ĠENERALI TAR-REPUBBLIKA

Huma uffiċjali indipendenti ta’ l-istat u jinħatru mill-President tar-Repubblika fuq il-bażi tal-Kostituzzjoni. Huma persuni li jikkwalifikaw għall-ħatra bħala imħallfin tal-Qorti Suprema. L-Avukat-Ġenerali huwa l-kap ta’ l-Uffiċċju Legali tar-Repubblika u l-Viċi Avukat-Ġenerali hu l-viċi kap. L-Uffiċċju Legali tar-Repubblika huwa uffiċċju indipendenti li mhux marbut ma’ ebda ministeru. L-Avukat-Ġenerali, mgħejun mill-Viċi Avukat-Ġenerali, hu l-konsulent legali tar-Repubblika, tal-President tar-Repubblika, tal-Kunsill tal-Ministri u tal-Ministri u għandu l-poter li jistitwixxi, jmexxi, jieħu f’idejh u jkompli jew ma jkomplix kwalunkwe proċeduri jew li jordna l-prosegwiment kontra kwalunkwe persuna fir-Repubblika għal kwalunkwe offiża. Tali poter ikun eżerċitat jew minnu stess jew minn uffiċjali subordinati għall-Uffiċċju ta’ l-Avukat-Ġenerali tar-Repubblika (Uffiċċju Legali) li jaġixxu taħt u skond l-istruzzjonijiet tiegħu. (Ara taħt: il-Pulizija jistgħu ukoll imexxu proċeduri kriminali). L-uffiċjali ta’ l-Uffiċċju Legali huma avukati reġistrati li huma regolati bl-Att ta’ l-1990 dwar is-Servizz Ċivili (Att 1/890) li jirregola l-impjieg, l-istatus, il-promozzjoni u d-doveri tagħhom.

FuqFuq

Il-PULIZIJA PROSEKUTURI

Huma gradwati universitarji li għandhom lawrja fil-liġi u avukati reġistrati li jinħatru u jservu fil-Korp tal-Pulizija Ċiprijotta li jirrappreżentaw quddiem il-qrati bħala prosekuturi pubbliċi fi kwistjonijiet kriminali, jiġifieri kwistjonijiet li fihom il-Pulizija jistgħu jibdew proċeduri kriminali. Il-pulizija prosekuturi ikunu ngaġġjati fil-unitajiet kollha ta’ prosekuzzjoni tal-Korp tal-Pulizija wara eżami bil-miktub u orali u l-istatus tagħhom huwa regolat mill-Att dwar il-Pulizija ta’ l-2004 (Att 73(I)/2004). It-tmexxija ta’ proċeduri kriminali mill-Pulizija u l-immaniġġjar ta’ każijiet kriminali quddiem il-qrati hu suġġett għall-kontroll u l-gwida ta’ l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika.

L-AVUKATI

Huma gradwati universitarji li għandhom lawrja fil-liġi rikonoxxuta mill-Kunsill Legali abbażi ta’ l-Att dwar l-Avukati (Kapitolu 2). Ikunu reġistrati bħala avukati wara li jtemmu perjodu ta’ impjieg ta’ 12-il xahar u jgħaddu minn eżami bil-miktub. Huma organizzati f’assoċjazzjonijiet lokali ta’ l-avukati b’sede f’kull qorti distrettwali, imma kollha huma wkoll membri ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukati ta’ Ċipru. L-ammissjoni u r-reġistrazzjoni tagħhom bħala avukati, l-eżerċizzju tal-professjoni, id-dixxiplina, l-pensjonijiet u l-konċessjonijiet li jirċievu huma regolati mill-Kapitolu 2 ta’ l-Att dwar l-Avukati (kif emendat) u mir-regolamenti maħruga skond l-Att fuq indikat u l-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja ta’ l-1964. Fil-bidu jistgħu jidhru u jiddefendu f’każijiet quddiem il-qrati distrettwali (inklużi l-qrati tal-familja, il-qrati dwar tilwim fix-xogħol, il-qrati dwar il-kontroll tal-kera u l-qrati militari) u wara, skond kemm ikun ilhom jipprattikaw, quddiem il-president ta’ qorti distrettwali, il-Qorti tas-Sisa u l-Qorti Suprema.

FuqFuq

L-Att 180(Ι)/2002, li jemenda l-Att dwar l-Avukati għal skopijiet ta’ armonizzazzjoni mad-Direttiva Ewropea 98/05/KE biex tiffaċilita l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fi Stat Membru oltre dak li fih il-kwalifika tkun inkisbet, li daħal fis-seħħ meta Ċipru ngħaqad ma’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, jipprovdi li avukati li huma ċittadini ta’ Stat Membru ta’ l-UE jistgħu jipprattikaw fuq bażi permanenti f’Ċipru, f’kapaċità jew li jaħdmu għal rashom jew li jirċievu salarju. Qabel ma’ jibdew jipprattikaw f’Ċipru, l-avukati jridu jipproduċu l-kwalifika professjonali tagħhom mill-Istat Membru li fih ikunu irċevewha. F’Ċipru jridu jiġu mdaħħla f’sezzjoni speċjali tar-reġistru ta’ l-avukati li jipprattikaw il-professjoni. Biex jiġu mdaħħla f’dan ir-reġistru, l-avukati jiġu mitluba mill-Kunsill Legali li jippreżentaw d-dokumenti li ġejjin:

  1. ċertifikat li juri ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ta’ l-UE;
  2. prova ta’ rekord kriminali nadif;
  3. ċertifikat ta’ dħul fir-reġistru ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini, u konferma li l-avukat ikkonċernat għadu jipprattika l-professjoni tiegħu u ma kellux għal kwalunkwe raġuni l-awtorizzazzjoni tiegħu sospiża jew irtirata. Iċ-ċertifikat u l-konferma jridu jkunu nħarġu fl-aħħar tliet xhur.

Il-kwalifika professjonali trid tkun indikata b’mod ċar fil-lingwa jew f’waħda mill-lingwi uffiċjali tal-pajjiż ta’ oriġini.

L-avukati li l-applikazzjoni tagħhom għar-reġistrazzjoni tiġi aċċettata mill-Kunsill Legali jkunu soġġetti għall-istess obbligi u jkollhom l-istess drittijiet bħall-avukati Ċiprijotti. Mandankollu, ikunu jistgħu biss igawdu l-istess status bħall-avukati Ċiprijotti u jintegraw kompletament fil-professjoni legali f’Ċipru wara li b’mod ġenwin u regolarment ikunu ipprattikaw l-attività professjonali f’Ċipru fl-oqsma tal-liġi Ċiprijotta u tal-liġi tal-Komunità għal perjodu ta’ tliet snin.

Waqt dawn it-tliet snin, sabiex jirrappreżentaw u jiddefendu klijenti quddiem il-qrati, l-avukati jridu jaġixxu flimkien ma’ avukati li jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat f’Ċipru li jkunu eliġibbli biex jidhru quddiem il-qrati li jiddeċiedu l-kawża kkonċernata. L-avukati jistgħu ukoll jipprattikaw f’Ċipru bis-saħħa tal-kwalifika professjonali oriġinali tagħhom, kollaborattivament (a) bl-istess mod kif il-professjoni hi eżerċitata kollaborattivament minn avukati Ċiprijotti ma’ (i) avukat Ċiprijott (ii) avukat li hu ċittadin ta’ Stat Membru li jeżerċita l-professjoni ta’ avukat f’Ċipru, u (b) ma’ avukat li hu ċittadin ta’ Stat Membru li jeżerċita l-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti f’dak l-istat u li għandu kwalifika professjonali minn dak l-istat.

« Professjonijiet legali - Informazzjoni Ġenerali | Ċipru - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 28-03-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit