Kummissjoni Ewropea > NGE > Ordni Legali > Portugall

L-aħħar aġġornament: 21-02-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Ordni Legali - Portugall

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. L-istrumenti, jew is-sorsi tal-liġi, li jistabilixxu regoli legali 1.
2. Sorsi oħra ta’ liġi 2.
3. Il-ġerarkija bejn l-istrumenti differenti 3.
4. Il-proċeduri biex jiddaħħlu fis-seħħ ir-regoli li jinsabu fi strumenti sopranazzjonali fit-territorju nazzjonali 4.
5. L-awtoritajiet differenti li għandhom il-poter li jadottaw ir-regoli tal-liġi 5.
6. Il-proċess għall-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli legali 6.
7. Il-proċeduri biex jiddaħħlu fis-seħħ regoli nazzjonali 7.
8. Il-mezzi biex jiġu solvuti l-kunflitti possibbli bejn regoli legali differenti 8.

 

1. L-istrumenti, jew is-sorsi tal-liġi, li jistabilixxu regoli legali

Skond trattament tradizzjonali, dawn li ġejjin huma sorsi ta’ liġi fil-Portugall:

  1. Il-liġijiet kostituzzjonali, li jikkomprendu l-Kostituzzjoni Portugiża nnifisha, liġijiet kostituzzjonali mixxellanji u liġijiet li jemendaw il-Kostituzzjoni;
  2. “Ir-regoli jew il-prinċipji tal-liġi internazzjonali ġenerali jew komuni”, “ir-regoli stabbiliti fi ftehim internazzjonali ratifikat jew approvat kif suppost”, “ir-regoli maħruġa mill-organi kompetenti ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali li l-Portugall huwa msieħeb fihom…, bil-kundizzjoni li dan ikun stabbilit fit-trattati kostitutivi rispettivi” u “d-dispożizzjonijiet tat-trattati li jiggvernaw l-Unjoni Ewropea u r-regoli maħruġa mill-istituzzjonijiet tagħha fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom” (l-Artikolu 8 tal-Kostituzzjoni);
  3. Il-liġijiet ordinarji, li jikkomprendu l-liġijiet magħmula mill-Parlament (l-Assemblea tar-Repubblika), digrieti-liġijiet maħruġa mill-Gvern u digrieti leġiżlattivi reġjonali adottati mill-Assemblej Leġiżlattivi tar-Reġjuni Awtonomi ta’ l-Azores u l-Madeira;
  4. L-istrumenti b’effett ekwivalenti għal dak tal-liġijiet, bħal atti li japprovaw il-konvenzjonijiet, it-trattati jew il-ftehim internazzjonali, id-deċiżjonijiet li jorbtu b’mod ġenerali tal-Qorti Kostituzzjonali li jiddikjaraw miżuri li huma kontra l-Kostituzzjoni jew illegali, il-ftehim kollettiv tal-ħaddiema u l-istrumenti kollettivi l-oħra li jirregolaw ir-relazzjonijiet tax-xogħol;
  5. Ir-regolamenti, jew l-istrumenti leġiżlattivi ta’ status aktar baxx minn liġijiet, li l-għan tagħhom huwa li jsaħħu l-liġijiet u jimlew id-dettalji biex ikunu jistgħu jiġu applikati jew implimentati. Dawn jikkomprendu digrieti regolatorji, regolamenti, digrieti regolatorji reġjonali, deċiżjonijiet, regoli, ordnijiet ministerjali, deċiżjonijiet eżekuttivi, regolamenti tal-pulizija maħruġa mill-Gvernaturi Ċivili, u ordnijiet u regolamenti muniċipali.

2. Sorsi oħra ta’ liġi

Jeżistu opinjonijiet differenti fuq l-ammissibilità u l-importanza ta’ sorsi oħra barra l-isfera tal-poter politiku ta’ l-Istat li joħloq liġi miktuba. Dawn id-differenzi ta’ opinjoni ġejjin b’mod partikolari mill-fatt li, għal xi wħud, is-sorsi huma mezzi biex jiġu stabbiliti regoli legali filwaqt li, għal oħrajn, huma mezzi li bihom ir-regoli jiġu żvelati u, għal oħrajn, huma kemm mezzi biex jiġu stabbiliti r-regoli u mezzi biex jiġu żvelati. Xi kultant issir distinzjoni bejn sorsi diretti u indiretti, li tevita wħud mid-diffikultajiet li jinħolqu minn differenzi fit-trattament bażiku.

FuqFuq

Dawn li ġejjin huma komunement msejħa sorsi possibbli ta’ liġi:

  1. Il-konswetudni, fi kliem ieħor l-adozzjoni ripetuta u abitwali ta’ mġieba partikolari li hija meqjusa obbligatorja b’mod ġenerali. Din tista’ titqies sors tal-liġi biss f’ċerti oqsma ta’ suġġetti. Regoli maħluqa b’dan il-mod jistgħu per eżempju, jinstabu fil-qasam tal-liġi pubblika internazzjonali (eż. il-prinċipju ta’ immunità ta’ Stati barranin mill-prosekuzzjoni ġej minn konswetudni), tal-liġi privata internazzjonali u tal-liġi amministrattiva;
  2. Il-ġurisprudenza, jiġifieri s-sett ta’ prinċipji li joħorġu minn sentenzi u deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati, hija meqjusa f’ċerti oqsma li ma tikkostitwix sors tal-liġi ġenwin imma li hija sinifikanti biss fl-iżvelar tat-tifsira ta’ dispożizzjonijiet legali billi tipprovdi soluzzjonijiet għall-problemi ta’ interpretazzjoni li jistgħu jiġu segwiti f’każijiet oħra skond il-valur ta’ l-argumenti loġiċi u tekniċi li fuqhom ikunu bbażati. Ċerti awturi jinkludu f’din il-kategorija mhux biss id-deċiżjonijiet tal-qorti f’każijiet speċifiċi imma wkoll deċiżjonijiet ġudizzjarji li għandhom is-saħħa ta’ liġi (b’mod ġenerali deċiżjonijiet li jorbtu tal-Qorti Kostituzzjonali) peress illi, fl-opinjoni tagħhom, huma kollha atti li ġenwinament joħolqu liġi oġġettiva;
  3. L-ekwità, fejn il-qrati għandhom il-poter li jifformulaw, fir-rigward ta’ ċerti każijiet speċifiċi sottomessi għall-valutazzjoni tagħhom, regoli legali xierqa għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawk il-każijiet, billi jibbażaw fuq prinċipji ġenerali tal-ġustizzja u l-kuxjenza etika ta’ l-imħallef. “Il-qrati jistgħu jiddeċiedu fuq il-bażi ta’ l-ekwità biss fejn: (a) hemm dispożizzjoni legali li tippermetti hekk; (b) hemm ftehim bejn il-partijiet u huwa possibbli appell għal qorti ogħla; jew (c) il-partijiet ikunu ftiehmu preċedentement li jibbażaw fuq l-ekwità” (l-Artikolu 4 tal-Kodiċi Ċivili);
  4. L-użu, fi kliem ieħor prattika soċjali ripetuta li m’hijiex ikkunsidrata obbligatorja imma hija meqjusa daqstant ieħor importanti fi kwistjonijiet legali, b’mod partikolari fil-formalizzazzjoni tar-relazzjonijiet legali, speċjalment fil-qasam tal-kummerċ. L-użu jista’ jiġi kkunsidrat mill-qrati fejn dan ikun stabbilit mil-liġi u fejn dan ma jkunx “kontra l-prinċipji tal-bona fide” (l-Artikolu 3 tal-Kodiċi Ċivili). Ir-regoli legali ma jistgħux għalhekk jiġu maħluqa indipendentement permezz ta’ l-użu, u ħafna ma jikkunsidrawx l-użu bħala sors ġenwin tal-liġi.
  5. It-teorija legali, jew l-opinjonijiet ta’ awturi legali, m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala sors ġenwin tal-liġi, għalkemm għandha rwol importanti fl-iżvilupp xjentifiku u tekniku ta’ l-għarfien legali u għandhom riperkussjonijiet sinifikanti fuq ir-riżultat finali tax-xogħol ta’ dawk responsabbli li jinterpretaw jew japplikaw ir-regoli legali.

3. Il-ġerarkija bejn l-istrumenti differenti

Meta tissemma l-ġerarkija tal-liġijiet, dak li tfisser huwa l-istatus relattiv ta’ l-istrumenti differenti, fi kliem ieħor il-pożizzjoni tagħhom fi skala ordnata.

FuqFuq

Xi uħud jargumentaw f’dan ir-rigward li ġerarkija tista’ tiġi stabbilita biss fuq bażi tal-metodu tal-ħolqien. Skond din l-opinjoni, il-ġerarkija m’hijiex ibbażata fuq l-istatus relattiv tar-regoli legali imma hija stabbilita bejn is-sorsi li bihom ġew maħluqa.

Tkun liema tkun l-opinjoni li tiġi kkunsidrata, jista’ jiġi stabbilit ordni ta’ preċedenza.

L-ordni ġerarkiku tas-sorsi differenti mniżżla fir-risposta għall-ewwel mistoqsija huwa skond dan li ġej:

  1. Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet kostituzzjonali;
  2. Ir-regoli u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali ġenerali jew komuni u l-ftehim internazzjonali (jiġifieri l-istrumenti kollha msemmija f’paragrafu 1(b));
  3. Il-liġijiet u d-digrieti-liġijiet;
  4. Id-digrieti leġiżlattivi reġjonali;
  5. L-istrumenti li għandhom effett ekwivalenti għal dak ta’ liġijiet;
  6. Ir-regolamenti.

4. Il-proċeduri biex jiddaħħlu fis-seħħ ir-regoli li jinsabu fi strumenti sopranazzjonali fit-territorju nazzjonali

L-istrumenti leġiżlattivi internazzjonali huma trasposti fil-liġi Portugiża skond il-prinċipji li ġejjin stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Kostituzzjoni Portugiża:

  1. “Ir-regoli u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali ġenerali jew komuni għandhom jiffurmaw parti integrali mil-liġi Portugiża”;
  2. “Ir-regoli stabbiliti fi ftehim internazzjonali ratifikat jew approvat kif suppost għandhom jidħlu fis-seħħ fil-liġi interna Portugiża hekk kif ikunu ppubblikati b’mod uffiċċjali, u għandhom jibqgħu hekk sakemm ikunu jorbtu internazzjonalment fuq l-Istat Portugiż”;
  3. “Ir-regoli maħruġa mill-organi kompetenti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li fihom huwa msieħeb il-Portugall għandhom jidħlu fis-seħħ direttament fil-liġi interna Portugiża, bil-kundizzjoni li dan ikun stabbilit fit-trattati kostitutivi rispettivi”;
  4. “Id-dispożizzjonijiet tat-trattati li jiggvernaw l-Unjoni Ewropea u r-regoli maħruġa mill-istituzzjonijiet tagħha fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għandhom japplikaw fil-liġi interna Portugiża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u b’rispett għall-prinċipji fundamentali ta’ Stat demokratiku bbażat fuq is-supremazija tad-dritt”.

Skond xi awturi, il-prinċipju stabbilit fil-paragrafu (c) ikopri l-effett dirett tar-regolamenti tal-Komunità u tad-direttivi jew deċiżjonijiet indirizzati lill-Istati Membri.

FuqFuq

5. L-awtoritajiet differenti li għandhom il-poter li jadottaw ir-regoli tal-liġi

L-awtoritajiet li għandhom il-poter li jadottaw ir-regoli tal-liġi huma l-Parlament, il-Gvern, il-Gvernijiet Reġjonali u l-Assemblej Leġiżlattivi ta’ l-Azores u l-Madeira, l-awtoritajiet lokali u ċerti awtoritajiet amministrattivi.

6. Il-proċess għall-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli legali

Il-mod kif ir-regoli jiġu adottati jvarja skond il-proċeduri speċifiċi li għandhom jiġu segwiti minn kull organu responsabbli biex jadotta r-regoli. It-tipi differenti ta’ strument legali huma għalhekk iġġenerati permezz ta’ proċessi differenti. Iż-żewġ proċeduri l-aktar formali u importanti biex jiġu adottati r-regoli legali huma deskritti aktar 'l isfel.

L-iktar proċedura kumplessa, li tinvolvi l-Parlament, tikkomprendi l-istadji li jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

  1. Il-bidu tal-leġiżlazzjoni: il-poter li jingħata bidu għal-leġiżlazzjoni “jappartjeni lill-Membri, lill-gruppi parlamentari u lill-Gvern, u wkoll, skond it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, lill-gruppi ta’ eletturi rreġistrati. Il-poter li jingħata bidu għal-leġiżlazzjoni fir-rigward tar-reġjuni awtonomi jappartjeni lill-Assemblea Leġiżlattiva rispettiva” (l-Artikolu 167(1) tal-Kostituzzjoni);
  2. L-ammissjoni inizjali, il-pubblikazzjoni, ir-reġistrazzjoni, l-innumerar u l-valutazzjoni: din il-fażi tinvolvi kunsiderazzjoni ta’ l-ammissibilità ta’ l-att, il-pubblikazzjoni tat-test fil-Gazzetta Uffiċċjali tal-Parlament, l-ipproċessar amministrattiv u, finalment, l-evalwazzjoni tal-kontenut tiegħu;
  3. Id-diskussjoni u l-approvazzjoni: dan jinvolvi dibattitu fuq kwistjonijiet ġenerali, dibattitu ieħor fuq punti speċifiċi, vot fuq l-att sħiħ, vot fuq punti speċifiċi u vot finali totali. Biex att jgħaddi, tista’ tkun meħtieġa maġġoranza sempliċi, maġġoranza assoluta jew maġġoranza kkwalifikata;
  4. L-iskrutinju mill-President tar-Repubblika fi żmien il-perjodu stabbilit bil-liġi, li warajh jippromulga t-test propost jew jeżerċita d-dritt tal-veto tiegħu. Fl-aħħar eventwalità, il-miżura tiġi diskussa mill-ġdid mill-Parlament. Jekk il-vot jiġi kkonfermat jew isiru xi emendi, it-test jiġi mgħoddi mill-ġdid lill-President għall-promulgazzjoni, li għandha wkoll titwettaq f’perjodu ta’ żmien stabbilit minn qabel. Il-President tar-Repubblika huwa responsabbli għall-promulgazzjoni tal-liġijiet u għall-“iffirmar tar-riżoluzzjonijiet ta’ l-Assemblea tar-Repubblika li japprovaw ftehim internazzjonali” (l-Artikolu 134(b) tal-Kostituzzjoni);
  5. Il-pubblikazzjoni: kif tiġi ppromulgata, il-President għandu jordna li t-test tal-leġiżlazzjoni l-ġdida jiġi ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċċjali tar-Repubblika Portugiża.

Il-proċedura li biha l-Gvern jadotta l-leġiżlazzjoni tikkomprendi l-istadji prinċipali li ġejjin:

FuqFuq

  1. Il-bidu tal-leġiżlazzjoni: l-abbozz tal-leġiżlazzjoni jiġi mressaq 'l quddiem mid-dipartimenti ministerjali;
  2. L-inkjesta: matul dan l-istadju, il-ministru li jkun qiegħed jipproponi l-abbozz għandu jistħarreġ l-opinjonijiet, u l-organi speċifikati mill-Kostituzzjoni u mil-liġi għandhom ukoll jiġu kkonsultati;
  3. Il-valutazzjoni preliminari u ddettaljata: il-proposti jiġu eżaminati u evalwati wara li jkunu ġew approvati inizjalment;
  4. L-approvazzjoni: għalkemm ċertu tipi ta’ leġiżlazzjoni ma jkollhomx għalfejn jiġu approvati mill-Kabinett, dan ta’ l-aħħar huwa normalment responsabbli għall-approvazzjoni ta’ l-abbozz;
  5. L-iskrutinju: “fi żmien erbgħin ġurnata mir-riċezzjoni ta’ xi digriet tal-Gvern għall-promulgazzjoni, … il-President tar-Repubblika għandu jippromulga d-digriet jew jeżerċita d-dritt tal-veto tiegħu. Fil-każ ta’ l-aħħar, huwa għandu jinforma lill-Gvern bil-miktub bir-raġunijiet għaliex għamel hekk” (l-Artikolu 136(4) tal-Kostituzzjoni);
  6. Il-pubblikazzjoni tat-test definittiv fil-Gazzetta Uffiċċjali tar-Repubblika Portugiża.

7. Il-proċeduri biex jiddaħħlu fis-seħħ regoli nazzjonali

“Il-liġijiet għandhom jorbtu biss wara l-pubblikazzjoni fil-Gazzetta Uffiċċjali”. “Meta liġi tiġi ppubblikata, hija għandha tidħol fis-seħħ wara li l-perjodu stipulat fil-liġi nnifisha jkun għadda jew, fejn ma jkun stipulat l-ebda perjodu, wara l-perjodu pprovdut f’leġiżlazzjoni speċjali” (l-Artikolu 5 tal-Kodiċi Ċivili).

Skond l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 74/98 tal-11 ta’ Novembru 1998, kif emendat mil-Liġi Nru 2/2005 tal-24 ta’ Jannar 2005:

FuqFuq

  1. “L-istrumenti leġiżlattivi jew atti oħra ta’ natura ġenerali għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data stabbilita fihom; fl-ebda ċirkostanza m’għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni”;
  2. “Fejn ma tkun stipulata l-ebda data, il-miżuri in kwistjoni … għandhom jidħlu fis-seħħ fil-ħames ġurnata wara l-pubblikazzjoni”;
  3. “Il-miżuri msemmijin għandhom jidħlu fis-seħħ fir-Reġjuni Awtonomi ta’ l-Azores u tal-Madeira fil-ħmistax-il ġurnata wara l-pubblikazzjoni u barra l-Portugall fit-tletin ġurnata”;
  4. Dawn il-perjodi “għandhom jibdew jiddekorru mill-ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-miżura jew tad-distribuzzjoni attwali, fejn din titwettaq aktar tard”.

8. Il-mezzi biex jiġu solvuti l-kunflitti possibbli bejn regoli legali differenti

Ir-rwol l-aktar importanti f’dan ir-rigward huwa mwettaq mill-Qorti Kostituzzjonali, li għandha tiddikjara kull regola li tmur kontra l-Kostituzzjoni Portugiża jew il-prinċipji stabbiliti fiha bħala kontra l-Kostituzzjoni.

Meta jkunu qiegħdin jikkunsidraw każijiet speċifiċi mressqa quddiemhom, il-qrati ma jistgħux japplikaw dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-Kostituzzjoni jew il-prinċipji li ħerġin minnha.

Matul il-proċess ta’ interpretazzjoni mwettaq bl-għan li jiġu vvalutati l-fatti sottomessi għall-kunsiderazzjoni tagħhom, il-qrati għandhom isolvu kull kunflitt li jinħoloq bejn regoli legali differenti, dejjem billi jikkunsidraw il-ġerarkija tas-sorsi msemmija aktar 'l fuq. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jikkunsidraw is-sistema bħala waħda sħiħa unifikata, mingħajr ma jirrikonoxxu xi nuqqasijiet jew inkonsistenzi, b’mod partikolari ta’ natura loġika jew semantika, billi jivvalutaw iċ-ċirkostanzi li huma l-bażi ta’ l-adozzjoni tar-regoli u l-kundizzjonijiet speċifiċi li jipprevalu fiż-żmien meta jitwettqu l-proċeduri, dejjem jeħtieġu minimu ta’ korrispondenza verbali, anke jekk espressa b’mod mhux perfett, mat-trattament meħud u bl-assunzjoni li l-leġiżlatura għażlet is-soluzzjonijiet “l-aktar għaqlin” u kienet kapaċi “tesprimi l-intenzjonijiet tagħha f’termini xierqa” (l-Artikolu 9 tal-Kodiċi Ċivili).

“Azzjoni amministrattiva speċjali” tista’ tiġi instigata għall-għan prinċipali tat-talba ta’ dikjarazzjoni ta’ “illegalità ta’ miżura adottata skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi amministrattiva” (l-Artikolu 46(2)(c) tal-Kodiċi tal-Proċedura tal-Qrati Amministrattivi).

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kunflitti bejn regoli fil-qasam tal-liġi privata internazzjonali, jekk jogħġbok irreferi għat-tema Il-Liġi Applikabbli – il-Portugall.

« Ordni Legali - Informazzjoni Ġenerali | Portugall - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 21-02-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit