Kummissjoni Ewropea > NGE > Ordni Legali > Malta

L-aħħar aġġornament: 06-07-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Ordni Legali - Malta

 

LISTA TAL- KONTENUT

Il-Kostituzzjoni Il-Kostituzzjoni
Leġiżlazzjoni Prinċipali Leġiżlazzjoni Prinċipali
Leġiżlazzjoni Sussidjarja/Sekondarja Leġiżlazzjoni Sussidjarja/Sekondarja
Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Umani Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Umani
Il-Liġi tal-Komunità Ewropea Il-Liġi tal-Komunità Ewropea
Il-Liġi komuni ta’ l-Ingilterra Il-Liġi komuni ta’ l-Ingilterra
Il-Konswetudni Il-Konswetudni

 

L-ordinament legali f’Malta, apparti mil-Liġi tal-Komunità Ewropea, huwa priċipalment irregolat permezz ta’ Atti tal-Parlament (Leġiżlazzjoni Prinċipali), Leġiżlazzjoni Sekondarja jew Sussidjarja u, f’ċerti każijiet, issir referenza għall-Common Law Ingliża u l-Konswetudni.  L-ordni ta’ preferenza huwa kif elenkat hawn fuq. F’Malta ma jeżistix il-kunċett ta’ liġijiet magħmula mill-imħallef (judge-made law): Il-Qorti tinterpreta l-liġi kif tinsab fid-diversi Atti. Madankollu, dan ma jfissirx li l-preċedenti ġuridiċi m’humiex awtorevoli. Fil-fatt l-imħallfin, b’mod ġenerali, ma jmorrux kontra xi prinċipju stabbilit sew permezz tal-ġurisprudenza, jekk mhux għal xi raġuni serja. Hija wkoll il-prattika li l-Qrati Inferjuri jsegwu l-prinċipji stabbiliti dwar punti legali minn Qorti Superjuri.

Il-Kostituzzjoni

Malta għandha Kostituzzjoni miktuba. Din tipprovdi l-prinċipji għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali umani taċ-ċittadini u s-separazzjoni tal-poteri eżekuttivi, ġudizzjarji u leġiżlattivi. F’Malta, li hija demokrazija parlamentari liberali, iseħħu elezzjonijiet regolari msejsa fuq is-sufraġju universali. Il-President huwa l-kap ta’ l-istat, waqt li l-Prim Ministru u l-Kabinett għandhom il-poter eżekuttiv. Il-Kamra tar-Rappreżentanti hija magħmula minn 65 membru u tiġi eletta darba kull ħames snin.

Il-Kostituzzjoni hija meqjusa bħala l-Ogħla Liġi tal-pajjiż. Is-supremazija tal-Kostituzzjoni tfisser li l-ebda liġi ma tista’ tkun inkonsistenti mal-Kostituzzjoni. Il-Qrati tal-Ġustizzja huma kompetenti li jiddeċiedu jekk xi Att tal-Parlament huwiex kostituzzjonali.  Kull Att li jiġi ddikjarat mill-Qorti li m’huwiex kostituzzjonali jkun, sa l-estent tan-nuqqas ta’ kostituzzjonalità, null u bla effett.

Leġiżlazzjoni Prinċipali

Il-Leġiżlazzjoni prinċipali, normalment, hija inkoporata fil-Kapitli tal-liġijiet. Fil-preżent hemm 476 Kapitlu fil-Liġijiet ta’ Malta. Il-liġijiet ewlenin, jiġifieri dawk ċivili, kummerċjali, kriminali u proċedurali jinsabu f’forma kodifikata.

Sabiex Abbozz ta’ liġi jsir Att tal-Parlament, tintuża s-Sistema Ingliża (Westminster), fejn ikun jeħtieġ il-kunsens tal-Kamra tar-Rappreżentanti u tal-President ta’ Malta. Il-proċedura segwita fil-Parlament hija kif ġej: l-abbozz jinġieb quddiem il-Kamra, possibbilment wara proċesss ta’ konsultazzjoni mal-korpi li jkollhom interess, normalment permezz ta’ White paper. Waqt it-Tieni Qari, ikun hemm dibattitu fil-Kamra dwar il-prinċipji ta’ l-Abbozz.  Analiżi aktar dettaljat ta’ l-Abbozz propost isseħħ waqt l-Istadju ta’ Kumitat, inkluża l-introduzzjoni ta’ l-emendi li jkunu meħtieġa fl-Abbozz. L-Abbozz u l-emendi li jkunu saru fih jgħaddi mill-Kamra waqt it-Tielet Qari.

FuqFuq

Sakemm l-Abbozz ma jkunx jistipula mod ieħor, Att tal-Parlament jidħol fis-seħħ fil-jum meta jiġi promulgat, jiġifieri meta l-President jagħti l-kunsens tiegħu u l-Att jiġi ppubblikat. Madankollu, Att jista’ jispeċifika d-data tad-dħul fis-seħħ, jiġifieri data meta jibda japplika.  Att jista’ jew jidħol fis-seħħ fl-intier tiegħu f’jum speċifikat jew l-artikoli differenti jistgħu jidħlu fis-seħħ f’jiem speċifikati differenti.

L-Atti tal-Parlament jinkitbu bil-Malti u bl-Ingliż. Madankollu, jekk ikun hemm diskrepanza bejn iż-żewġ testijiet, u sakemm l-Att ma jistipulax mod ieħor, it-test Malti jipprevali.

Leġiżlazzjoni Sussidjarja/Sekondarja

Il-Parlament jista’ jiddelega l-poter tal-promulgazzjoni tar-regolamenti lill-Ministri jew korpi leġiżlattivi subordinati. Dawn jinkludu dipartimenti tal-Gvern u awtoritajiet pubbliċi oħrajn. B’hekk, Att tal-Parlament ikun jinkopora l-aspetti ewlenin ta’ dak li jkun qiegħed jiġi rregolat waqt li jagħti l-poter lill-Ministru li jintroduċi d-dettal meħtieġ f’forma ta’ regoli, regolamenti u ordnijiet maħruġa bis-saħħa ta’ l-Att prinċipali.  L-Awtoritajiet, min-naħa l-oħra, jingħataw il-poter, bis-saħħa ta’ l-Att prinċipali, li jgħaddu bye laws, normalment f’forma ta’ ordnijiet jew projbizzjonijiet.

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Umani

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Umani ġiet inkorporata fil-Liġi ta’ Malta bis-saħħa ta’ l-Att XIV ta’ l-1987. L-ebda Liġi Maltija ma tista’ tkun inkonsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet garantiti mill-Konvenzjoni. Il-Qrati għandhom is-setgħa ta’ verifika.

FuqFuq

Il-Liġi tal-Komunità Ewropea

L-ATT V ta’ l-2003 (L-Att dwar l-Unjoni Ewropea) jipprovdi, fost affarijiet oħra, għall-adeżjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Mill-1 ta’ Mejju 2004, t-Trattat ta’ Adeżjoni u l-Atti kollha adottati mill-Unjoni Ewropea saru jorbtu f’Malta u saru parti mil-leġiżlazzjoni domestika. Kwalunkwe liġi domestika li tkun inkompatibbli ma’ l-obbligi ta’ Malta skond it-Trattat għandha, sa l-estent ta’ l-inkompattibiltà, tkun mingħajr effett.

Il-Liġi komuni ta’ l-Ingilterra

Sors ieħor tal-Liġi Maltija hija l-Common Law ta’ l-Ingilterra. Huwa stabbilit sew permezz tal-ġurisprudenza li, meta jkun hemm lakuna fil-Liġi Pubblika ta’ Malta, issir referenza għal-Common Law ta’ l-Ingilterra.

Il-Konswetudni

Sors ieħor tal-Liġi hija l-Konswetudni. Konswetudni tirreferi għal regola li tkun ilha teżisti għal ħafna snin tant li tkun kisbet is-saħħa ta’ liġi.  Konswetudni ġeneralment ikollha l-karatteristiċi li ġejjin:

  • tkun liġi mhux miktuba, jiġifieri mhux regolata permezz ta’ leġiżlazzjoni;
  • tkun ċerta billi tiddefinixxi b’mod ċar il-prinċipju jew regola tal-konswetudni;
  • tkun żgura fl-applikazzjoni tagħha f’kull każ partikolari sabiex tindika b’ċertezza d-drittijit mogħtija mill-konswetudni; u
  • tkun ilha teżisti mingħajr interruzzjoni għal numru ta’ snin. Konswetudni li jkollha dawn il-karatteristiċi tista’ tkun rikonoxxuta u nfurzata mill-Qrati Maltin jekk il-kwistjoni titressaq quddiemhom. Il-Liġi Kummerċjali hija qasam tal-liġi fejn il-Konswetudni tista’ tiġi applikata.

Aktar tagħrif

  • Ġustizzja u Gvern Lokali English

« Ordni Legali - Informazzjoni Ġenerali | Malta - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 06-07-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit