Kummissjoni Ewropea > NGE > Ordni Legali > Lussemburgu

L-aħħar aġġornament: 09-11-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Ordni Legali - Lussemburgu

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Liema huma l-atti, jew “is-sorsi tal-liġi” li jistabbilixxu r-regoli legali? 1.
1.1. Is-sorsi internazzjonali tal-liġi 1.1.
1.1.1. It-trattati internazzjonali 1.1.1.
1.1.2. Il-liġi Komunitarja 1.1.2.
1.2. Is-sorsi nazzjonali tal-liġi 1.2.
1.2.1. Ir-regoli kostituzzjonali 1.2.1.
1.2.2. Ir-regoli leġiżlattivi 1.2.2.
1.2.3. Ir-regoli dwar ir-regolamenti 1.2.3.
2. Is-sorsi l-oħra tal-liġi u l-valur tagħhom 2.
2.1. Il-ġurisprudenza 2.1.
2.1.1. Il-ġurisprudenza internazzjonali 2.1.1.
2.1.2. Il-ġurisprudenza Ewropea 2.1.2.
2.1.3. Il-ġurisprudenza nazzjonali 2.1.3.
2.2. Il-prinċipji ġenerali tal-liġi 2.2.
3. X’inhi l-ġerarkija li jaqgħu fiha d-diversi atti? 3.
4. X’inhuma l-proċeduri biex ir-regoli fl-atti supranazzjonali jiddaħħlu fis-seħħ fit-territorju nazzjonali? 4.
4.1. It-trattati internazzjonali 4.1.
4.2. Is-sorsi Komunitarji tal-liġi 4.2.
5. Liema huma l-awtoritajiet diversi li għandhom is-setgħa li jadottaw ir-regoli legali? 5.
5.1. Is-sorsi internazzjonali tal-liġi 5.1.
5.2. Is-sorsi nazzjonali 5.2.
6. X’inhu l-proċess ta’ l-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli legali? 6.
6.1. Il-liġijiet 6.1.
6.2. Ir-regolamenti 6.2.
7. X’inhuma l-proċeduri biex jiddaħħlu fis-seħħ ir-regoli nazzjonali? 7.
8. Liema huma l-mezzi biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti li jistgħu jinqalgħu bejn ir-regoli legali differenti fi Stat Membru? 8.

 

1. Liema huma l-atti, jew “is-sorsi tal-liġi” li jistabbilixxu r-regoli legali?

1.1. Is-sorsi internazzjonali tal-liġi

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa marbut bit-trattati internazzjonali, bilaterali jew multilaterali. Barra mill-obbligi imposti fuq l-istat tal-Lussemburgu f’relazzjonijiet ma’ stati oħra, xi wħud minn dawn it-trattati huma sorsi tal-liġi għall-membri tal-pubbliku (eż. iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea jistgħu jeżerċitaw il-libertà taċ-ċaqliq direttament fuq il-bażi tat-trattati Ewropej).

1.1.1. It-trattati internazzjonali

Dawn jinkludu t-trattati u l-ftehim internazzjonali rratifikati mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u stati barranin. Ngħidu aħna, tista’ tirreferi għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jew it-Trattat tal-Benelux iffirmat f’L-Aja fit-3 ta’ Frar 1958, li torbot il-Belġju, l-Olanda u l-Lussemburgu.

1.1.2. Il-liġi Komunitarja

Il-liġi tal-Komunità tinkludi t-trattati Ewropej infushom (jiġifieri t-Trattat ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 1957, it-Trattat ta’ Maastricht tas-7 ta’ Frar 1992, it-Trattat ta’ Amsterdam tat-2 ta’ Ottubru 1997 u t-Trattat ta’ Nizza fis-26 ta’ Frar 2001) u l-leġiżlazzjoni sekondarja fil-forma ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej u l-Unjoni Ewropea: direttivi, deċiżjonijiet, regolamenti, opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet.

FuqFuq

1.2. Is-sorsi nazzjonali tal-liġi
1.2.1. Ir-regoli kostituzzjonali

Il-Kostituzzjoni tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu kienet ippromulgata fis-17 ta’ Ottubru 1868. Is-sistema kostituzzjonali stabbilita fl-1868 tixbah ħafna l-Kostituzzjoni Belġjana ta’ l-1831. Minkejja ħafna differenzi ta’ dettall, ix-xogħlijiet dwar il-liġi kostituzzjonali Belġjana jistgħu jiġu kkonsultati bla riserva fir-rigward tal-prinċipji ġenerali. Minkejja l-ħafna emendi kostituzzjonali li kien hemm mill-promulgazzjoni ’l hawn, il-Kostituzzjoni preżenti għadha tikkorrispondi ħafna mat-test ta’ l-1868.

Il-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu hija Kostituzzjoni ikkonsolidata, jiġifieri biex tiġi emendata tinħtieġ proċedura speċjali li hija aktar kumplessa mill-proċedura leġiżlattiva tas-soltu. Emenda tal-Kostituzzjoni teħtieġ żewġ voti suċċessivi tal-Kamra tad-Deputati b’maġġoranza ta’ mill-inqas żewġ terzi tal-membri. Il-votazzjoni bil-prokura mhix permessa. Irid ikun hemm intervall ta’ mill-inqs tliet xhur bejn iż-żewġ voti.

Jekk fi żmien xahrejn mill-ewwel vot, aktar minn kwart tal-membri tal-Kamra tad-Deputati jew 25 000 votant jagħmlu petizzjoni, it-test adottat fl-ewwel qari mill-Kamra jiġi suġġett għal referendum. F’dan il-każ, ma jitteħidx it-tieni vot u l-emenda tgħaddi b’maġġoranza tal-voti validi.

1.2.2. Ir-regoli leġiżlattivi

Il-liġijiet jingħaddew mill-Kamra tad-Deputati u mbagħad jiġu approvati u ppromulgati mill-Gran Duka. Il-leġiżlatura tal-Lussemburgu hija sovrana fid-determinazzjoni tad-direzzjoni tal-liġi amministrattiva, għajr fejn il-libertà tagħha tkun ristretta mill-Kostituzzjoni jew regola tal-liġi internazzjonali.

FuqFuq

Skond il-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu, is-setgħa leġiżlattiva hija tal-Gran Duka u l-Kamra tad-Deputati f'daqqa. Ma tista’ teżisti l-ebda liġi mingħajr il-kunsens konġunt taż-żewġ fergħat tas-setgħa leġiżlattiva.

1.2.3. Ir-regoli dwar ir-regolamenti

Il-leġiżlazzjoni ovvjament ma tistax tirregola l-irqaqat tal-kwistjonijiet kollha. Barra minn hekk, mhux dejjem ikun opportun li tirrikorri għal proċedura leġiżlattiva relattivament ikkumplikata jekk, ngħidu aħna, tkun tixtieq tilleġiżla fi kwistjoni fejn ir-regola tkun suġġetta għal emendi ta’ sikwit.

Dan huwa fejn jintużaw regolamenti Gran-Dukali, bħala l-mezz li bih tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni. Il-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu tagħti lill-Gran Duka l-kompitu li “(jagħmel) ir-regolamenti u l-ordnijet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-liġijiet, għalkemm ma jista’ qatt  jissospendi l-liġijiet infushom jew jeħles mill-implimentazzjoni tagħhom”.

2. Is-sorsi l-oħra tal-liġi u l-valur tagħhom

2.1. Il-ġurisprudenza

L-użu tal-ġurisprudenza bħala sors tal-liġi mhuwiex nieqes mill-problemi. Il-liġi tal-Lussemburgu ma tagħrafx ir-regoli tal-preċedent li tapplika fis-sistemi legali Anglo-Sassoni, u l-imħallfin ġeneralment mhumiex marbuta bid-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija f’każijiet oħra, anki jekk jixxiebhu. L-imħallfin ma jistgħux jagħtu deċiżjonijiet ta’ dispożizzjoni ġenerali u d-deċiżjoni dejjem trid tkun limitata għall-każ attwali li jkollhom quddiemhom.

FuqFuq

Fil-prattika, deċiżjonijiet tal-qorti ta’ qabel f’każijiet jixxiebhu iridu jittieħdu bis-serjetà. Barra minn hekk, jekk liġi tagħti lok għall-interpretazzjoni, is-setgħa ta’ l-imħallef tkun bla dubju akbar għaliex ikollu s-setgħa li jagħmel il-liġi permezz ta’ l-interpretazzjoni tagħha. Kultant ikun il-każ li l-ebda miżura legali ma tkun tipprovdi regoli li jistgħu japplikaw għal każ speċifiku. F’dan il-każ, billi dan ma jistax jevita li jagħti deċiżjoni, l-imħallef jifformula regola ġenerali li tippermettilu jagħti deċiżjoni.

2.1.1. Il-ġurisprudenza internazzjonali

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jagħraf l-awtorità diretta ta’ bosta qrati internazzjonali, inkluża l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strażburgu.

2.1.2. Il-ġurisprudenza Ewropea

Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 234 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja taffettwa l-qrati nazzjonali permezz ta’ talbiet għal deċiżjonijiet preliminari li jippermettu lill-qrati nazzjonali, qabel ma jagħtu deċiżjoni, jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja għal soluzzjoni għall-problemi li tippreżenta l-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità li l-partijiet ikunu qed jistrieħu fuqha.

2.1.3. Il-ġurisprudenza nazzjonali

Ir-regola ġenerali hija li d-deċiżjonijiet mogħtija fil-każijiet ċivili u kummerċjali jorbtu biss fil-każ ikkonċernat: id-deċiżjonijiet jorbtu fuq il-partijiet imma m’għandhom l-ebda effett fuq il-kostruzzjoni tal-liġi.

FuqFuq

Dan hawa wkoll il-każ fil-maġġoranza tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati amministrattivi. Eċċezzjonalment, meta qorti amministrattiva jew il-Qorti ta’ l-Appelli Amministrattivi jisimgħu appell minn att regolatorju, id-deċiżjoni jew l-ordni ikollhom effett ġenerali u jiġu ppubblikat fil-“Mémorial”, il-gazzetta uffiċjali tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali jorbtu wkoll u huma ppublikati fil-“Mémorial”.

2.2. Il-prinċipji ġenerali tal-liġi

Fost ir-regoli li joħorġu mill-ġurisprudenza, trid issir referenza partikulari għar-regoli legali prinċipali, mfissra bħala “ir-regoli legali li jorbtu bħala awtoritajiet amministrattivi u formalment iddikjarati fid-Deċiżjonijiet tal-qrati”.

3. X’inhi l-ġerarkija li jaqgħu fiha d-diversi atti?

Fil-liġi domestika, is-sorsi tal-liġi jaqgħu fi struttura ġerarkika. Il-Kostituzzjoni hija l-aktar sors suprem tal-liġi, u warajh jiġu l-liġijiet u r-regolamenti.

Billi ma hemm l-ebda dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar is-suġġett, ir-relazzjoni bejn il-liġi internazzjonali u l-liġi domestika fil-Lussemburgu hija rregolata b’regoli li joriġinaw għal kollox fil-ġurisprudenza.

Hawn il-liġi żviluppat sa mill-ħamsinijiet meta, l-ewwel, il-Qorti tal-Kassazzjoni u, imbagħad, il-Kunsill ta’ l-Istat wasslu fit-tmiem il-pożizzjoni sostnuta sadattant, jiġifieri li minħabba d-duttrina tas-separazzjoni tas-setg]at, kien impossibbli li mħallef jagħti deċiżjoni dwar il-konformità tal-liġijiet mat-trattati internazzjonali.

FuqFuq

Skond id-deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill ta’ l-Istat mill-1951, “trattat internazzjonali inkorporat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’liġi ta’ ratifika huwa essenzjalment att superjuri, billi l-oriġini tiegħu hija ogħla mid-deċiżjoni ta’ organu nazzjonali. Għalhekk, jekk ikun hemm kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ trattat internazzjonali u dawk ta’ liġi nazzjonali mgħoddija sussegwentament, il-liġi internazzjonali tiddomina fuq il-liġi nazzjonali” (Il-Kunsill ta’ l-Istat, 28 ta’ Lulju 1951, Pas. lux. t. XV, p. 263).

Il-kliem ta’ din id-deċiżjoni huwa ċarament wiesa’ ħafna, għax jafferma bla riserva li d-dispożizzjoni internazzjonali tieħu preċedenza fuq id-deċiżjoni ta’ kwalunkwa organu nazzjonali. Madanakollu, il-Qrati tal-Lussemburgu qatt ma taw deċiżjoni li r-regoli internazzjonali jieħdu preċedenza fuq il-Kostituzzjoni.

Ta’ min jinnota madanakollu li fl-1956 Proposta tal-Gvern li kienet tipprovdi li “Ir-regoli legali internazzjonali jagħmlu parti mis-sistema legali nazzjonali. Dawn għandhom jieħdu preċedenza fuq il-liġijiet nazzjonali u l-miżuri legali” kienu rrifjutati bħala parti minn eżerċizzju ta’ riforma kostituzzjonali. Il-kummentarju mehmuż stipula b’mod ċar li din il-formola kienet maħsuba biex tinkludi d-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni.

Madanakollu, il-Kunsill ta’ l-Istat għamel konċessjoni impliċita ta’ dominanza f’opinjoni tas-26 ta’ Mejju 1992 dwar il-proposta ta’ ratifika tat-Trattat ta’ l-UE. Din qieser li “kien jixraq li wieħed iżomm f’moħħu li skond il-ġerarkija tar-regoli legali, liġi internazzjonali tieħu preċedenza fuq il-liġi nazzjonali u li, fil-każ ta’ kunflitt, il-qrati japplikaw il-liġi nazzjonali minflok it-Trattat. Billi huwa mixtieq li ma jkun hemm l-ebda kontradizzjoni bejn il-liġi nazzjonali tal-Lussemburgu u l-liġi internazzjonali, il-Kunsill ta’ l-Istat jitlob li l-emenda meħtieġa fil-Kostituzzjoni issir fil-ħin opportun biex tiġi evitata din is-sitwazzjoni ta’ inkompatibilità”. Jidher li l- Gran Dukat tal-Lussemburgu miexi biċ-ċar lejn l-internazzjonaliżmu.

FuqFuq

Bla dubju, dan l-istat ta’ fatt huwa konsegwenza teknika tan-nuqqas ta’ kontroll kostituzzjonali tal-liġijiet fil-Lussemburgu. Il-Qorti Kostituzzjonali, stabbilita fl-1999 biex tivverifika li l-liġijiet mgħoddija josservaw il-Kostituzzjoni, ma tistax tkun ikkonsultata dwar jekk liġi li tirratifika trattat internazzjonali tkunx kompatibbli mal-Kostituzzjoni.

4. X’inhuma l-proċeduri biex ir-regoli fl-atti supranazzjonali jiddaħħlu fis-seħħ fit-territorju nazzjonali?

4.1. It-trattati internazzjonali

Il-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu hija partikularment konċiża fil-mod li tirregola l-proċedura għar-ratifika tat-trattati internazzjonali, billi din tgħid biss li “it-trattati m’għandu jkollhom l-ebda effett sakemm ma jkunu rratifikati bil-liġi u ppubblikati bil-mod stipulat għall-pubblikazzjoni tal-liġijiet”.

Il-Gran Dukat huwa pajjiż bi tradizzjoni monistika. Fi kliem ieħor, huwa t-trattat stess li japplika bl-istess mod bħal statut nazzjonali tal-Gran Dukat bla ma jkun meħtieġ li jiġi traspost b’xi mod.

L-att tar-ratifika huwa għalhekk qasir ħafna u ġeneralment ikun jikkonsisti f’artikolu wieħed li bih trattat partikulari jiġi “b’dan approvat”. L-att ma jkollu l-ebda kontenut leġiżlattiv. L-att tar-ratifika japprova, imma ma jittrasponix; l-għan waħdien tiegħu huwa li jawtorizza lill-Gvern jipproċedi bir-ratifikazzjoni tat-trattat.

Il-liġi tingħadda mill-Parlament bil-proċedura ordinarja. Il-votazzjoni normalment tkun b’maġġoranza assoluta, sakemm it-trattat ikun jinvolvi delega tas-setgħat (ara akar ’l isfel). B’riżultat ta’ l-emenda li saret fl-1956, il-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu fiha dispożizzjoni espliċita li tippermetti li s-setgħat jiġu ddelegati bi trattat lil organizzazzjonijiet internazzjonali. L-Artikolu 49a tal-Kostituzzjoni jgħid li “l-eżerċizzju ta’ setgħat irriservati mill-Kostituzzjoni għal-leġiżlatura, l-eżekuttiv u l-ġudikatura tista’ tgħaddi temporanjament bi trattat għand istituzzjonijiet tal-liġi internazzjonali”. L-Artikolu 37(2) tal-Kostituzzjoni jgħid li t-trattati ta’ dan it-tip iridu jiġu rratifikati mill-Kamra tad-Deputati b’maġġoranzi ogħla sew.

FuqFuq

Sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni espliċita dwar dan, vot biex jiġi approvat att ta’ ratifika ma jkollux l-effett li jdaħħal it-trattat fis-seħħ bħala parti mil-liġi nazzjonali tal-Lussemburgu. L-att tar-ratifika huwa kundizzjoni indispensabbli imma d-dħul fis-seħħ isir biss wara r-ratifika nnifisha. Fil-Lussemburgu, il-fehma hija li anki wara l-approvazzjoni mill-Kamra, l-Eżekuttiv xorta jkollu d-dritt li jirratifika t-test u li l-eżerċizzju ta’ dan is-setgħa mhux suġġett għall-kontroll ġudizzjarju.

Id-dħul fis-seħħ ta’ trattat bħala parti mil-liġi nazzjonali huwa suġġett għal tliet kundizzjonijiet: (1) il-Gran Dukat irid jirratifika t-trattat, (2) it-trattat irid ikun fis-seħħ fuq livell internazzjonali u (3) t-test tat-trattat irid ikun ġie ppubblikat fil-“Mémorial” l-istess bħal fil-każ ta’ statut .

Ta’ min jinnota li l-pubblikazzjoni tat-trattat (meħtieġa bl-Artikolu 37 tal-Kostituzzjoni) hija rekwiżit separat mir-rekwiżit li jkun ippubblikat l-att tar-ratifika tiegħu. Tassew li f’bosta każijiet iż-żewġ rekwiżiti huma trattati fl-istess ħin, billi t-test tat-trattat jiġi ppubblikat fil-“Mémorial” minnufih wara l-liġi. Imma ż-żewġ atti m’għandhomx jiġu mħawda flimkien u l-pubblikazzjoni ta’ kull wieħed tista’ ssir separatament, billi t-trattat mhuwiex parti integrali mill-att tar-ratifika.

4.2. Is-sorsi Komunitarji tal-liġi

M’hemm l-ebda dispożizzjoni fil-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu dwar it-traspożizzjoni ta’ dispożizzjonijiet Ewropej fil-liġi internazzjonali tal-Lussemburgu.

FuqFuq

L-att tas-soltu għall-implimentazzjoni tad-direttivi Ewropej huwa l-liġi mgħoddija b’maġġoranza ordinarja fil-Parlament.

Filwaqt li bħala kwistjoni ta’ prinċipju, id-direttivi Ewropej iridu normalment jiġu trasposti fil-liġi tal-Lussemburgu permezz ta’ liġi, mhux meħtieġ li wieħed jirrikorri għal liġi formali meta d-direttiva tkun kwistjoni li ġa tkun irregolata minn liġi kompatibbli tal-Lussemburgu. F’dan il-każ, it-traspożizzjoni tista’ ssir permezz ta’ regolament mill-Gran Duka bbażat fuq is-setgħa ġenerali ta’ l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni mogħtija lill-gvern bl-Artikoli 33 u 36 tal-Kostituzzjoni. Il-Gran Duka b’hekk qiegħed jimplimenta formalment il-liġi tal-Lussemburgu, anki jekk il-kontenut tar-regolament fir-realtà jkun ispirat mid-direttiva Ewropea.

Il-leġiżlazzjoni tista’ wkoll tkun evitata jekk il-kwistjoni armonizzata bid-direttiva tkun ġa koperta b’liġi ta’ awtorizzazzjoni li biha l-Parlament jagħti s-setgħa lill-Gvern li jagħmel regolamenti sempliċi fi kwistjonijiet li normalment jiġu ttrattati bil-liġi.

Sa mill-1915, il-Kamra tad-Deputatu għaddiet liġijiet ta’ awtorizzazzjoni kull sena u l-Gvern għandu wkoll setgħat regolatorji wiesgħa fl-oqsma finanzjarji u ekonomiċi li, anki fin-nuqqas ta’ referenza speċifika għall-Ewropa, bla dubju xorta jippermettulu li jittrasponi għadd kbir ta’ direttivi Ewropej.

It-traspożizzjoni tad-direttivi Ewropej bħalissa hija rregolata b’liġi speċifika ta’ awtorizzazzjoni mgħoddija fid-9 ta’ Awissu 1971, kif emendata fit-8 ta’ Diċembru 1980, li sempliċiment tagħti lill-Gvern is-setgħa li jesegwixxu u jawtorizza direttivi mill-Komunitajiet Ewropej fi kwistjonijiet marbuta ma’ l-ekonomija, it-teknoloġija, l-agrikoltura, il-forestrija, l-affarijiet soċjali u t-trasport. B’eċċezzjoni għall-proċedura regolatorja standard, ir-regolamenti involuti jridu jkunu rċevew il-kunsens tal-kumitat tal-Kamra tad-Deputati.

FuqFuq

Fil-proċedura għall-adozzjoni tar-regolament Gran-Dukali, bħal fil-każ tal-proċedura leġiżlattiva, il-Gvern irid jippreżenta l-abbozz tat-test lill-Kunsill ta’ l-Istat u lill-Kmamar li jirrappreżentaw lill-gruppi professjonali. B’differenza mill-proċedura leġiżlattiva, il-proċedura regolatorja tippermetti lill-Gvern li jevita dawn il-konsultazzjonijiet billi jappunta l-miżura involuta bħala urġenti. Din l-għażla ma teżistix għall-Gvern jekk dan ikollu l-intenzjoni li jittrasponi direttiva Ewropea permezz ta’ regolament. L-Att tad-9 ta’ Awissu 1971 jikkumplimenta l-istandard regolatorju bili jirrikjedi l-konsultazzjoni obbligatorja tal-Kunsill ta’ l-Istat u l-kunsens tal-kumitat ta’ ħidma tal-Kamra tad-Deputati.

F’kull każ, l-abbozz tar-regolament Gran-Dukali jiġi approvat mill-Kunsill tal-Ministri, imbagħad jiġi ffirmat mill-Ministru rilevanti u ppreżentat lill-Gran Duka. Ir-regolament jidħol fis-seħħ wara l-pubblikazzjoni fil-“Mémorial”.

5. Liema huma l-awtoritajiet diversi li għandhom is-setgħa li jadottaw ir-regoli legali?

5.1. Is-sorsi internazzjonali tal-liġi

L-Artikolu 37 tal-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu jistipula li “Il-Gran Duka jagħmel it-trattati”. Madanakollu, dan jissokta jgħid li “it-trattati m’għandhomx jidħlu fis-seħħ qabel ma jkunu ġew irratifikati bil-liġi u ppubblikati bil-mod stipulat għall-pubblikazzjoni tal-liġijiet”.

Ta’ min jinnota li r-ratifikazzjoni hija meħtieġa għat-trattati internazzjonali, irrispettivament mill-għan tagħhom, u li din ir-ratifikazzjoni trid issir bil-liġi. Din l-aħħar speċifikazzjoni ddaħħlet fl-1956 wara talba speċifika mill-Kunsill ta’ l-Istat li ħass li “l-kunsens huwa marbut mat-tħejjija tal-liġi, billi l-Kostituzzjoni tagħraf biss il-proċedura waħdiena li tapplika għall-espressjonijiet kollha tar-rieda tal-Kamra, ikun x’ikun il-każ”.

FuqFuq

5.2. Is-sorsi nazzjonali

Skond il-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu, is-setgħa leġislattiva hija tal-Gran Duka u l-Kamra tad-Deputati flimkien u ma tista’ teżisti hemm l-ebda liġi mingħajr il-kunsens konġunt taż-żewġ fergħat tas-setgħa leġiżlattiva (l-Artikolu 46 tal-Kostituzzjoni).

Kull waħda miż-żewġ fergħat tas-setgħa leġiżlattiva għandha d-dritt li tintroduċi l-leġiżlazzjoni. Jekk l-inizjattiva tiġi mill-Gran Duka, din tissejjaħ “projet de loi” (Proposta/Abbozz tal-Gvern); jekk din toriġina mill-Kamra, tkun deskritta bħala “proposition de loi” (Proposta ta’ Membru Privat).

6. X’inhu l-proċess ta’ l-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli legali?

6.1. Il-liġijiet

Il-Parlament tal-Lussemburgu huwa Parlament b’kamra waħda.

Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ l-impulsività inerenti f’sistema b’kamra waħda, is-sistema tal-Lussemburgu titlob li l-abbozzi kollha ta’ leġiżlazzjoni jittieħdu żewġ voti fuqhom, ta’ l-inqas imbiegħda minn xulxin bi tliet xhur.

L-Artikolu 59 tal-Kostituzzjoni jistipula li t-tieni vot (magħruf bħala it-“tieni vot kostituzzjonali”) jista’ jinqabeż “jekk il-Kamra, bi qbil mal-Kunsill ta’ l-Istat, tiddeċiedi mod ieħor f’sessjoni pubblika”.

Il-Kunsill ta’ l-Istat għandu rwol oriġinali ħafna hawn, simili għal dak li jkollha t-tieni kamra leġiżlattiva f’pajjiżi oħra (u partikularment l-irwol li għandha l-House of Lords fl-Ingilterra). Dan k-ewwel jintervjeni qabel id-dibatitti Parlamentari, billi l-Artikolu 83a tal-Kostituzzjoni jitlob li tinstema’ l-fehma tal-Kunsill ta’ l-Istat fir-rigward ta’ kull-Proposta tal-Gvern jew ta’ Membru Privat. Il-Kunsill ta’ l-Istat jerġa’ jintervjeni għat-tieni darba wara l-ewwel vot tal-Kamra biex jiddeċiedi, f’sessjoni miftuħa, jekk japprovax li jinqabeż it-tieni vot.

FuqFuq

Fil-prattika, bosta liġijiet jgħaddu bla ma jittieħed it-tieni vot. Il-Kamra tagħti lilha nnifisha dispensa wara li tkun ivvutat għal xi liġi, li huwa normalissimu. Il-Kunsill ta’ l-Istat adotta politika li biha d-dispensa tingħata kważi f’kull każ, u din tinċaħad biss fl-iktar każijiet serji. L-ostakli li jista’ jkun hemm għal dispensa, aktar ta’ sikwiet milli le, jingħelbu matul il-proċedura preliminari.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li s-setgħa li jista’ jagħmel użu minnha l-Kunsill ta’ l-Istat mhix proprja setgħa ta’ veto, setgħa li tkun iebsa biex tiġi rrikonċiljata mal-fatt li l-Kunsill ta’ l-Istat mhuwiex entità demokratika (il-membri tal-Kunsill ta’ l-Istat jinħatru mill-Gran Duka. Fil-każ ta’ post battal, il-ħatriet isiru skond min ikun imissu; l-ewwel ħatra ssir mill-Gran Duka direttament, it-tieni minn lista ta’ tliet kandidati ppreżentati mill-Kamra u t-tielet lista ta’ tliet kandidati ppreżentata mill-Kunsill ta’ l-Istat). Il-Kunsill ta’ l-Istat jista’ biss jissospendi vot fuq att b’xahrejn, sabiex jagħti lil-leġiżlatura aktar żmien biex tikkunsidra.

Il-Gran Duka jintervjeni mhux biss fil-bidu tal-proċedura leġiżlattiva (fl-abbozzi ta’ leġiħlazzjoni), imma wkoll wara l-vot aħħari fuq il-leġiżlazzjoni meħud fil-Kamra. L-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu jgħid li “il-Gran Duka jagħti l-kunsens u jippromulga l-liġijiet. Huwa għandu jgħarraf id-deċiżjoni tiegħu fi żmien tliet xhur mill-vot meħud fil-Kamra”.

6.2. Ir-regolamenti

Il-kundizzjoni waħdiena bil-Kostituzzjoni għall-validità formali tar-regolamenti Gran-Dukali hija l-ħtieġa ta’ kontrofirma ministerjali.

FuqFuq

Madanakollu, il-Kostituzzjoni hija kkumplimentata b’dokumenti oħra, partikularment il-leġiżazzjoni istituzzjonali tal-Kunsill ta’ l-Istat li, sakemm ma jiġix invokat stat ta’ urġenza, teħtieġ li l-Gran Duka jippreżenta t-test regolatorju lill-Kunsill ta’ l-Istat għall-opinjoni tiegħu.

Barra minn hekk, id-digriet Gran-Dukali ppromulgat fid-9 ta’ Lulju 1857 dwar l-organizzazzjoni tal-gvern jistipula li kwalunkwa miżura mressqa quddiem il-Gran Duka trid tkun ġiet ittrattata bħala suġġetttad-diskussjoni f’laqgħa tal-Kunsill tal- Ministri. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ din ir-regola tagħmel ir-regolament bla effett.

7. X’inhuma l-proċeduri biex jiddaħħlu fis-seħħ ir-regoli nazzjonali?

Fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-liġijiet u r-regolamenti jidħlu fis-seħħ biss wara li jkunu ġew ippubblikati fil-Mémorial, Journal officiel du Grand Duché de Luxembourg”.

8. Liema huma l-mezzi biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti li jistgħu jinqalgħu bejn ir-regoli legali differenti fi Stat Membru?

Fis-sistema legali tal-Lussemburgu, il-Qorti Kostituzzjonali tista’ tiddikjara li liġijiet li jmorru kontra l-Kostituzzjoni huma antikostituzzjonali. Din il-qorti tista’ tiġi kkonsultata minn kwalunkwa qorti ġudizzjarja jew amministrattiva fil-Lussemburgu fejn f’kawża li fiha tkun involuta dik il-qorti nnifisha titqajjem il-kwisjoni ta’ jekk liġi tmurx kontra l-kostituzzjoni. Ma tistax issir petizzjoni lill-Qorti direttament.

Jista’ jsir ukoll appell biex jiġu annullati atti regolatorji illegali li jinġiebu quddiem il-qorti amministrattiva, u jkun hemm id-dritt ta’ appell quddiem il-Qorti ta’ l-Appelli Amministrattivi. Din  l-għażla tista’ tintlaqa’ biss fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tar-regolament. Jekk ikunu għaddew it-tliet xhur u l-legalità tar-regolament tiġi kkontesta f’qorti ġudizzjarja jew amministrattiva, dik il-qorti għandha d-dritt li tapplika l-liġi u għalhekk twarrab ir-regolament, imma b’differenza mill-każ ta’ azzjoni diretta li tista’ tittieħed matul it-tliet xhur ta’ wara l-pubblikazzjoni, din id-deċiżjoni ma jkollhiex awtorità ġenerali.

« Ordni Legali - Informazzjoni Ġenerali | Lussemburgu - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 09-11-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit