Kummissjoni Ewropea > NGE > Ordni Legali > Litwanja

L-aħħar aġġornament: 27-04-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Ordni Legali - Litwanja

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Sorsi tal-liġi jew atti legali li jistabbilixxu dispożizzjonijiet legali 1.
2. Sorsi oħra tal-liġi 2.
3. Ġerarkija ta’ sorsi tal-liġi 3.
4. Implimentazzjoni ta’ obbligazzjonijiet internazzjonali fil-Litwanja 4.
5. L-awtoritajiet differenti li għandhom il-poter li jadottaw dispożizzjonijiet legali 5.
6. Il-proċess li jkunu adottati dawn id-dispożizzjonijiet legali 6.
7. Il-proċess ta’ dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjonijiet legali nazzjonali 7.
8. Il-mezz ta’ riżoluzzjoni ta’ kunflitti li hemm ċans li jinħolqu bejn dispożizzjonijiet legali differenti 8.

 

1. Sorsi tal-liġi jew atti legali li jistabbilixxu dispożizzjonijiet legali

Sorsi tal-liġi huma l-mezz uffiċjali li bih dispożizzjonijiet legali huma espressi u konsolidati.

Att legali - dokument uffiċjali bil-miktub adottat mill-istituzzjonijiet tal-Istat kompetenti skont liema dispożizzjonijiet legali huma konsolidati u spjegati jew li jispeċifika l-bażi li fuqu dispożizzjonijiet legali huma applikabbli f'kull każ individwali. Dawn li ġejjin huma t-tipi differenti ta' att legali skont in-natura tal-informazzjoni legali stabbilità fihom:

  1. Atti legali regolatorji - deċiżjonijiet mill-istituzzjonijiet tal-Istat espressi fil-forma bil-miktub li jistabbilixxu, jemendaw jew jirrevokaw regolamenti ta' natura ġenerali, applikabbli għal kwalunkwe persuni legali jew naturali u awtorizzati mill-Istat. Atti legali regolatorji huma diviżi f'żewġ gruppi:
    • Liġijiet - atti legali li jkollhom l-ikbar saħħa legali, adottati mill-Parlament (Seimas) tar-Repubblika tal-Litwanja jew minn referendum nazzjonali, li jistabbilixxu dispożizzjonijiet ġenerali legali bl-għan li jirregolaw ir-relazzjonijiet umani prinċipali, u jirrapreżentaw l-ogħla livell ta' saħħa legali. Liġi hija kkunsidrata bħala sors tal-liġi fundamentali.
    • Atti sekondarji - atti legali regolatorji adottati fuq il-bażi ta' liġijiet, li jdaħħluhom fis-seħħ u jipprovdu għall-implimentazzjoni tagħhom. Atti sekondarji ma jistgħux jikkontradixxu liġi. Att sekondarju jista' jieħu l-forom li ġejjin:
      • Riżoluzzjonijiet tas-Seimas (Parlament tal-Litwanja)
      • Riżoluzzjonijiet tal-gvern
      • Istruzzjonijiet u ordnijiet ta' dipartimenti ministerjali
      • Riżoluzzjonijiet u deċiżjonijiet ta' awtoritajiet lokali u istituzzjonijiet amministrattivi
      • Oħrajn
  2. Atti legali interpretattivi huma adottati għall-finijiet ta' dimostrazzjoni tat-tifsira u s-sustanza tad-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ. Huma adottati mill-istituzzjonijiet responsabbli għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali in kwistjoni.
  3. Atti legali ta' implimentazzjoni individwali huma mezz li bih dispożizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni huma implimentati. Atti individwali għandhom implikazzjonijiet legali simili għal atti legali regolatorji, iżda m'għandhomx l-istatus ta' sorsi tal-liġi peress li ma jistabilixxux regoli komuni applikabbli ta' natura ġenerali, u d-dispożizzjonijiet inkorporati fihom huma mmirati lejn persuni speċifiċi f'każijiet speċifiċi u huma applikabbli darba biss, fi kliem ieħor, huma validi biss sakemm iċ-ċirkustanzi soċjali li jirrigwardawhom ma jibqgħux jeżistu (nomina għal post, avviż, għoti ta' pensjoni eċċ.).

2. Sorsi oħra tal-liġi

Minbarra atti legali regolatorji, dawn li ġejjin huma klassifikati wkoll bħala sorsi primarji tal-liġi:

FuqFuq

  • Prinċipji ġenerali tal-liġi (prinċipji ta' bona fide, ġustizzja, responsabbiltà individwali, moderazzjoni) huma kkunsidrati bħala parti integrali tas-sistema legali tal-Litwanja u huma wżati bħala bażi kemm għall-interpretazzjoni ta' atti legali statutorji u biex jikkumpensaw id-diskrepanzi leġiżlattivi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 135(1) tal-Kostituzzjoni tal-Litwanja, prinċipji tal-liġi internazzjonali universalment rikonoxxuti wkoll jiffurmaw parti mis-sistema legali tal-Litwanja, u qrati tal-Litwanja huma għalhekk obbligati li japplikaw u josservaw dawn il-prinċipji.
  • Konvenzjonijiet legali - dawn huma regoli ta' kondotta awtorizzati mill-Istat li ħarġu fil-pubbliku bħala konsegwenza tal-applikazzjoni ripetuta u dejjiema tagħhom. Il-Kodiċi Ċivili tal-Litwanja tistabbilixxi li dawn il-konvenzjonijiet huma sors dirett tal-liġi. Konvenzjoni tista' tkun applikata fejn liġi jew trattat direttament jispeċifika li għandu jkun applikat jew fejn hemm diskrepanza legali regolatorja. Konvenzjoni li tikkontradixxi prinċipji ġenerali tal-liġi jew dispożizzjonijiet legali imperattivi mhix applikabbli.

Dawn li ġejjin huma rikonoxxuti bħala sorsi derivattivi tal-liġi:

  • Preċedent legali - sentenza minn qorti f'każ speċifiku magħmul per eżempju minn qorti tal-istess jew istanza iktar baxxa li taġġudika kawża simili. Skont is-sistema legali tal-Litwanja preċedenti huma wżati l-iktar għal finijiet konsultativi.
  • Dottrina legali.

3. Ġerarkija ta’ sorsi tal-liġi

Ġerarkija leġiżlattiva hija sistema mtarrġa li tikkonsisti f'katina ta' subordinazzjoni. Hija tindika l-pożizzjoni, sinifikat u primazija ta' oġġett ta' leġiżlazzjoni, skont ir-rwol, sinifikat, awtorità kostituzzjonali u kompetenza tal-istituzzjoni li tadotta l-att legali. Din il-ġerarkija hija fondata fuq id-differenzjazzjoni ta' saħħa legali: att legali allokat pożizzjoni iktar baxxa fil-ġerarkija m'għandux ikollu kunflitt ma' att legali li jokkupa pożizzjoni iktar għolja fis-sistema ġerarkika. Il-ġerarkija leġiżlattiva li ġejja kienet stabbilità fis-sistema legali tal-Litwanja:

FuqFuq

  • Il-Kostituzzjoni - dan l-att legali għandu l-ikbar saħħa legali u jistabbilixxi l-fondazzjonijiet għall-istabbiliment u l-applikazzjoni tal-liġi, billi jistabbilixxi proċeduri pubbliċi, ir-relazzjoni bejn awtoritajiet tal-Istat u l-pubbliku, u l-prinċipji tal-organizzazzjoni ta' governanza politika. Ebda liġi jew att legali ieħor ma jista' jikkontradixxi l-Kostituzzjoni.
  • Atti kostituzzjonali - dawn jirregolaw relazzjonijiet legali partikolari sinifikanti, huma adottati taħt proċeduri speċjali, u huma parti kostitwenti tal-Kostituzzjoni.
  • Trattati internazzjonali ratifikati mis-Seimas - dawn huma trattati internazzjonali konklużi f'isem ir-Repubblika tal-Litwanja li ma jikkontradixxux il-Kostituzzjoni tal-Litwanja u huma ratifikati mis- Seimas.
  • Atti kodifikati (kodiċi) - dawn huma atti koeżivi, legalment integrali, internament armonizzati fuq il-bażi ta' kunċett uniformi, definiti mil-livell għoli tagħhom ta' ġabra regolatorja, li jipprovdu għar-regolament komprensiv ta' ċertu qasam ta' relazzjonijiet soċjali (per eżempju il-Kodiċi Ċivili, il-Kodiċi ta' Proċeduri Ċivili, il-Kodiċi Kriminali, il-Kodiċi tax-Xogħol eċċ.).
  • Liġijiet ordinarji - adottati fuq il-bażi tal-Kostituzzjoni, liġijiet Kostituzzjonali u trattati internazzjoni ratifikati, filwaqt li jkunu kkunsidrati rekwiżiti regolatorji li jinħolqu fuq livell pubbliku.
  • Atti legali sekondarji (ara domanda Nru 1).

4. Implimentazzjoni ta’ obbligazzjonijiet internazzjonali fil-Litwanja

Skont il-Kostituzzjoni tal-Litwanja liġijiet ppubblikati biss huma validi. Trattati tal-Litwanja li daħlu fis-seħħ għandhom għalhekk ikunu implimentati fil-Litwanja. Nuqqas li jkun osservat u/jew implimentat trattat internazzjonali li daħal fis-seħħ ma jistax ikun ġustifikat għal raġunijiet ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi (nazzjonali) domestiċi. Skont il-Kostituzzjoni tal-Litwanja, trattati internazzjonali li kienu ratifikati mis-Seimas tal-Litwanja huma komponenti tas-sistema legali tal-Litwanja, għalhekk, l-istess bħal f'pajjiżi Ewropej kontinentali oħra, trattati internazzjonali ratifikati fil-Litwanja jistgħu jkunu direttament applikabbli.

FuqFuq

Skont il-Liġi dwar Trattati Internazzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja u ċertu liġijiet nazzjonali oħra, fejn hemm kunflitt bejn liġijiet nazzjonali tal-Litwanja u trattat internazzjonali ratifikat, primazija hija akkordata lit-trattat internazzjonali ratifikat. Għalhekk, jekk ċertu kundizzjonijiet huma regolati b'mod ekwivalenti skont trattat multilaterali jew bilaterali internazzjonali id-dispożizzjonijiet tat-trattat pjuttost milli dawk ta' liġi domestika (nazzjonali) għandhom ikunu applikati. Madankollu, meta ċertu kwistjoni hija regolata minn trattat bilaterali u multilaterali, primazija hija akkordata lit-trattat bilaterali. Għandu jkun osservat li meta ċertu kwistjoni hija regolata minn trattat bilaterali bejn ir-Repubblika tal-Litwanja u Stati Membri tal-UE, u minn leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, primazija hija akkordata lil-leġiżlazzjoni tal-UE.

Konvenzjonijiet internazzjonali li l-Litwanja hija firmatarja tagħhom għandhom ikunu interpretati u applikati mill-qrati tal-Litwanja fil-kuntest ta' ġurisprudenza barranija.

Liġi tal-Unjoni Ewropea

Peress li regolamenti huma effettivi fuq bażi diretta u applikabbli direttament, ebda atti speċjali jew leġiżlazzjoni oħra m'għandhom bżonn ikunu adottati biex jipprovdu għall-implimentazzjoni tagħhom.

Direttivi mhumiex direttament effettivi fl-Istati Membri, għalhekk jistabbilixxu obbligazzjonijiet biss sal-punt neċessarju biex jiksbu r-riżultati stabbiliti f'direttiva partikolari, fejn korpi nazzjonali liberament jagħżlu l-mezzi u miżuri għall-implimentazzjoni tagħhom.

5. L-awtoritajiet differenti li għandhom il-poter li jadottaw dispożizzjonijiet legali

Is-Seimas hija l-unika istituzzjoni li għandha l-awtorità li tadotta liġijiet. L-atti legali l-oħra kollha adottati minn awtoritajiet tal-Istat għandhom jimxu skont il-Kostituzzjoni tal-Litwanja u liġijiet oħra.

FuqFuq

Leġiżlazzjoni regolatorja oħra tista' tkun adottata minn:

  1. is-Seimas (riżoluzzjonijiet).
  2. il-President (digrieti).
  3. il-Gvern (riżoluzzjonijiet).
  4. istituzzjonijiet tal-ġvern ministerjali u oħrajn (ordnijiet).
  5. uffiċjali governattivi reġjonali (ordnijiet).
  6. awtoritajiet lokali (deċiżjonijiet, ordnijiet).

6. Il-proċess li jkunu adottati dawn id-dispożizzjonijiet legali

Trattati internazzjonali

Is-Seimas jirratifika t-trattati internazzjonali tal-Litwanja permezz ta' liġijiet. Il-President tal-Litwanja jressaq trattati internazzjonali għal ratifikazzjoni mis-Seimas fuq l-inizjattiva tiegħu jew tagħha jew wara proposta mill-Gvern.

Trattati internazzjonali tal-Litwanja mhumiex suġġetti għal proċedura ta' ratifikazzjoni skont il-Kostituzzjoni tal-Litwanja, din il-Liġi dwar trattati internazzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja jew it-trattat innifsu, huma approvati permezz ta' deċiżjoni tal-Gvern tal-Litwanja. Il-ministeru responsabbli għall-implimentazzjoni ta' trattat internazzjonali partikolari jikkoopera mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin biex iressaq it-trattat għal approvazzjoni mill-Gvern tal-Litwanja.

Liġijiet

Il-proċedura għall-ħruġ tal-liġijiet tikkonsisti fl-istadji li ġejjin:

  1. implimentazzjoni ta' inizjattiva biex tinħareġ liġi;
  2. reġistrazzjoni u reviżjoni tal-abbozz tal-liġi minn kumitati parlamentari;
  3. reviżjoni tal-abbozz tal-liġi f'sessjoni parlamentari;
  4. adozzjoni tal-liġi;
  5. firma u promulgazzjoni tal-liġi.

Membri tas-Seimas, il-President u l-Gvern huma intitolati biex jibdew liġijiet fis-Seimas. Is-Seimas huwa obbligat li jiddiskuti kwalunkwe proposti għal liġijiet imressqa lis-Seimas minn 50 000 votanti eliġibbli. Proposti biex tkun emendata jew supplimentata l-Kostituzzjoni tal-Litwanja għandhom ikunu mressqa lis-Seimas minn grupp li jikkonsisti f'mhux inqas minn kwart tal-membri tas-Seimas jew mhux inqas minn 300 000 votanti eliġibbli. Abbozz ta' liġijiet huma notifikati fil-pubblikazzjonijiet Seimo kronika u Valstybės žinios.

FuqFuq

Matul sessjonijiet tas-Seimas, l-espedjenza, kunċizzjoni, dispożizzjonijiet u prinċipji fundamentali ta' abbozz tal-liġi partikolari huma diskussi, u kull emendi u supplimenti minn persuni intitolati biex jinizjaw il-kwistjoni ta' liġi rċevuta mill-kumitat ta' kap huma sottomessi, flimkien ma' kwalunkwe emendi għal abbozz ta' liġijiet approvati mill-kumitat, kif proposti mill-Presidenti, il-Gvern jew membru tas-Seimas.

Liġi hija kkunsidrata li kienet adottata meta l-maġġoranza ta' membri tas-Seimas li jipparteċipaw f'sessjoni ivvutaw favur il-liġi. Liġijiet kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja huma adottati meta iktar minn nofs il-membri kollha tas-Seimas jivvutaw favur il-liġi, u jistgħu jkunu emendati meta mhux inqas minn tlieta minn ħames partijiet tal-membri kollha tas-Seimas jivvutaw favur l-emenda.

Fi żmien għaxart ijiem minn meta tkun irċevuta l-liġi adottata mis-Seimas il-President jew jiffirma jew uffiċjalment jippromulga l-liġi, jew jirritornaha lis-Seimas fuq bażi raġunata għal qari b'attenzjoni akbar. Jekk il-President ma jiffirmax jew ma jirritornax liġi adottata mis-Seimas fi żmien il-perjodu speċifikat, il-liġi tidħol fis-seħħ mal-firma u promulgazzjoni uffiċjali tal-President tas-Seimas. Liġi li għaddiet minn qari b'attenzjoni akbar mis-Seimas hija kkunsidrata li kienet adottata fejn kwalunkwe emendi jew supplimenti mressqa mill-President huma adottati jew fejn, fil-każ taliġi, iktar minn nofs il-membri kollha tas-Seimas jivvutaw favur, jew, fil-każ ta' liġi kostituzzjonali, mhux inqas minn tliet parijiet minn ħamsa tal-membri kollha tas-Seimas jivvutaw favur.

FuqFuq

Emendi għall-Kostituzzjoni li jirriżultaw minn klawżoli oħra fil-Kostituzzjoni għandhom ikunu diskussi u żewġ rondi ta' votazzjoni għandhom iseħħu fis- Seimas. Għandu jkun hemm intervall ta' mill-inqas tliet xhur bejn iż-żewġ rondi ta' votazzjoni. Abbozz ta' liġi dwar emendi lill-Kostituzzjoni huwa kkunsidrat li kien adottat mis-Seimas fejn mill-inqas żewġ terzi tal-membri kollha tas-Seimas ivvutaw favur f'kull ronda ta' votazzjoni. Għandu jkun hemm intervall ta' mill-inqas sena qabel kwalunkwe emendi lill-Kostituzzjoni li ma kinitx adottata huma sottomessi lis-Seimas għal kunsiderazzjoni mill-ġdid.

7. Il-proċess ta’ dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjonijiet legali nazzjonali

L-Artikolu 7 tal-Kostituzzjoni jistabbilixxi li liġijiet li kienu ppubblikati biss huma validi. Liġijiet u atti legali oħra huma uffiċjalment promulgati fil-pubblikazzjoni Valstybės žinios.

Liġijiet tar-Repubblika tal-Litwanja jidħlu fis-seħħ wara l-firma tagħhom u l-promulgazzjoni mill-President f'Valstybės žinios, sakemm data iktar tard għad-dħul fis-seħħ ma tkunx speċifikata fil-liġi in kwistjoni.

Liġi li temenda l-Kostituzzjoni adottata minn referendum tidħol fis-seħħ mhux qabel xahar wara d-data tar-referendum li jadotta l-liġi.

Atti legali adottati mis-Seimas, minbarra liġijiet, digrieti presidenzjali, riżoluzzjonijiet tal-Gvern, ordnijiet ministerjali jew governattivi, atti legali regolatorji oħra maħruġa mill-kapijiet tal-awtoritajiet tal-Istat u korpi kolleġjali, jidħlu fis-seħħ fil-ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni tagħhom f'Valstybės žinios, minbara fejn l-att legali in kwistjoni jispeċifika proċeduri oħra għal dħul fis-seħħ.

FuqFuq

Atti legali regolatorji adottati minn korpi rappreżentattivi u eżekuttivi ta' awtoritajiet lokali jidħlu fis-seħħ fil-ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni tagħhom fl-istamperija lokali jew fil-ġurnata wara n-notifikazzjoni uffiċjali tal-adozzjoni tagħhom fil-press lokali u l-pubblikazzjoni tat-test kollu dwar is-sit elettroniku tal-awtorità lokali korrispondenti, minbarra fejn l-att legali in kwistjoni jispeċifika data iktar tard għal dħul fis-seħħ.

8. Il-mezz ta’ riżoluzzjoni ta’ kunflitti li hemm ċans li jinħolqu bejn dispożizzjonijiet legali differenti

Meta trattat internazzjonali tal-Litwanja ratifikat li daħal fis-seħħ jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jmorru kontra dawk stabbiliti fil-liġijiet tal-Litwanja jew atti legali oħra li kienu validi fiż-żmien li fih it-tratta kien konkluż jew li daħlu fis-seħħ wara dħul fis-seħħ tat-trattat, id-dispożizzjonijiet tat-trattat internazzjonali tal-Litwanja huma applikabbli.

Kwalunkwe liġi jew att legali ieħor li jmur kontra l-Kostituzzjoni mhuwiex validu.

Il-Qorti Kostituzzjonali tirregola jekk liġijiet jew atti legali oħra tas-Seimas jmorrux kontra l-Kostituzzjoni, u jekk atti legali tal-Presidenti jew il-Gvern jmorrux kontra il-Kostituzzjoni jew liġijiet. Liġijiet tal-Litwanja jew atti legali oħra tas-Seimas, il-President jew il-Gvern mhumiex iktar applikabbli mill-ġurnata li fiha deċiżjoni mill-qorti Kostituzzjonali hija ppubblikata uffiċjalment li tiddikjara li l-att in kwistjoni jmur kontra il-Kostituzzjoni tal-Litwanja. Deċiżjonijiet mill-Qorti Kostituzzjonali li jikkonċernaw kwistjonijiet li għalihom kienet mogħtija ġurisdizzjoni skont il-Kostituzzjoni huma finali u ma jistgħux ikunu appellati.

Il-Qorti Kostituzzjonali tippreżenta wkoll l-opinjoni tagħha dwar jekk trattat internazzjonali tal-Litwanja partikolari jmurx kontra il-Kostituzzjoni. Deċiżjoni finali hija magħmula mis-Seimas fuq il-bażi tal-opinjoni tal-Qorti Kostituzzjonali dwar trattat internazzjonali.

Meta l-Qorti Kostituzzjonali m'għandhiex ġurisdizzjoni biex tikkontrolla l-kumpatibilità ta' att legali regolatorju mal-Kostituzzjoni jew ma' liġijiet u qorti tistabbilixxi li din il-leġiżlazzjoni regolatorja jew parti minnha tmur kontra l-liġi jew att legali tal-Gvern, il-qorti mhix obbligata li tikkunsidra dan l-att legali meta tieħu deċiżjoni. Qrati ta' ġurisdizzjoni ġenerali huma intitolati biex jissospendu proċeduri u joħorġu deċiżjonijiet biex jindirizzaw kawżi lill-qrati amministrattivi, jirrikjedu verifikazzjoni dwar jekk att legali partikoalri jew parti minnu huwiex konsistenti ma' liġi jew att legali tal-Gvern. Att legali regolatorju (jew parti minnu) huwa kkunsidrat li kien revokat u ġeneralment ma jibqax applikabbli mill-ġurnata li fiha deċiżjoni valida minn qorti amministrativa li tiddikjarah (jew parti minnu) bħala illegali hija uffiċjalment promulgata.

« Ordni Legali - Informazzjoni Ġenerali | Litwanja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 27-04-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit