Kummissjoni Ewropea > NGE > Ordni Legali > Latvja

L-aħħar aġġornament: 20-02-2008
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Ordni Legali - Latvja

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Il-ġerarkija tas-sorsi tal-liġi 1.
2. L-istrumenti legali jew "is-sorsi tal-liġi" li jiddeterminaw l-istatus tal-liġi internazzjonali, tal-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea, tal-Kostituzzjoni, u ta’ l-atti u l-leġiżlazzjoni l-oħra fi ħdan is-sistema legali. 2.
3. Sorsi oħra tal-liġi (il-prinċipji ġenerali tal-liġi, il-liġi komuni, il-ġurisprudenza) u s-sinifikanza tagħhom 3.
3.1. Il-prinċipji ġenerali tal-liġi 3.1.
3.2. Il-liġi komuni 3.2.
3.3. Il-ġurisprudenza 3.3.
4. L-awtoritajiet intitolati li jadottaw il-leġiżlazzjoni u l-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom 4.
5. Il-proċeduri għall-abbozzar tal-leġiżlazzjoni 5.
6. Ir-regoli dwar id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali 6.
7. Ir-regolamenti li jistabbilixxu d-dħul fis-seħħ tar-regolamenti inklużi fi strumenti transnazzjonali. 7.
8. Il-Latvja kif tirriżolvi d-diskrepanzi jew il-kontradizzjonijiet potenzjali bejn dispożizzjonijiet legali u sorsi tal-liġi varji? 8.

 

1. Il-ġerarkija tas-sorsi tal-liġi

Il-leġiżlazzjoni Latvjana hija suġġetta għall-ġerarkija li ġejja:

  1. il-Kostituzzjoni;
  2. l-atti, ir-regolamenti tal-Kabinett effettivi bħall-atti;
  3. ir-regolamenti tal-Kabinett;
  4. ir-regolamenti obbligatorji ta' l-awtorità lokali.

2. L-istrumenti legali jew "is-sorsi tal-liġi" li jiddeterminaw l-istatus tal-liġi internazzjonali, tal-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea, tal-Kostituzzjoni, u ta’ l-atti u l-leġiżlazzjoni l-oħra fi ħdan is-sistema legali.

Is-sezzjoni 15(3) ta’ l-Att dwar il-Proċeduri Amministrattivi tistabbilixxi li l-leġiżlazzjoni internazzjonali, ikun xi jkun is-sors tagħha, hija applikabbli skond il-pożizzjoni tagħha fil-ġerarkija tal-forza legali tal-leġiżlazzjoni esterna. Fejn tinħoloq diskrepanza bejn dispożizzjoni leġiżlattiva internazzjonali u dispożizzjoni leġiżlattiva Latvjana f’forza legali indaqs, id-dispożizzjoni leġiżlattiva internazzjonali tipprevali.

Bħal ma huwa l-każ b’leġiżlazzjoni oħra, il-forza legali ta’ ftehim internazzjonali jiddependi fuq l-istituzzjoni li tkun iffirmat jew approvat il-ftehim u taħt liema proċeduri dan ikun sar. Għalhekk, ftehim internazzjonali ratifikat mis-Saeima (il-Parlament) għandu l-istess forza legali fuq livell formali daqs att, u ftehim internazzjonali approvat mill-Kabinett tal-Ministri għandu l-istess forza daqs Regolament tal-Kabinett.

Madankollu, skond l-Artikolu 13 ta’ l-Att dwar il-Ftehim Internazzjonali tar-Repubblika tal-Latvja, fejn ftehim internazzjonali approvat mis-Saeima jipprovdi regoli li huma differenti minn dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Latvjana, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim internazzjonali huma applikabbli. L-Artikolu 16(9) ta’ l-Att dwar il-Qorti Kostituzzjonali tgħid ukoll li filwaqt li l-ftehim internazzjonali jrid jikkonforma mal-Kostituzzjoni, il-ftehim internazzjonali madankollu għandu prijorità fuq leġiżlazzjoni nazzjonali oħra, inklużi l-atti.

FuqFuq

Skond l-Artikolu 15(4) ta’ l-Att dwar il-Proċeduri Amministrattivi d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Unjoni (Komunità) Ewropea huma applikabbli skond l-istatus tagħhom fil-ġerarkija tal-forza legali tal-leġiżlazzjoni esterna. Meta japplikaw il-leġiżlazzjoni ta’ l-Unjoni (Komunità) Ewropea l-awtoritajiet u l-qrati għandhom iqisu l-liġi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Mid-dħul tagħha fl-Unjoni Ewropea r-Repubblika tal-Latvja kellha tapplika direttament jew indirettament mhux biss ir-Tegolamenti, imma wkoll strumenti legali oħra ta’ l-Unjoni Ewropea: it-trattati istituttivi ta’ l-UE, il-ftehim tal-Komunità ma’ pajjiżi terzi, id-Direttivi, id-Deċiżjonijiet mill-istituzzjonijiet ta’ l-UE, ir-rakkomandazzjonijiet, l-opinjonijiet, l-istrumenti ta’ kooperazzjoni taħt il-pilastru 2 (il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni) u l-pilastru 3 (il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni), id-dispożizzjonijiet legali ġenerali ta’ l-Istati Membri, u fl-aħħar nett, il-prinċipji legali stabbiliti taħt il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea.

3. Sorsi oħra tal-liġi (il-prinċipji ġenerali tal-liġi, il-liġi komuni, il-ġurisprudenza) u s-sinifikanza tagħhom

3.1. Il-prinċipji ġenerali tal-liġi

L-applikazzjoni ta' prinċipju ġenerali tal-liġi bħala sors tal-liġi hija msemmija taħt l-Artikolu 5 ta' l-Att Ċivili Latvjan u l-Artikolu 11(3) ta' l-Att dwar il-Proċeduri Ċivili. L-Artikolu 15(5) ta' l-Att dwar il-Proċeduri Amministrattivi jipprovdi għall-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tal-liġi fejn kwistjoni partikolari ma tkunx regolata taħt il-leġiżlazzjoni esterna u wkoll għall-iskopijiet ta' l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

FuqFuq

Barraminhekk, fl-Artikolu 4 ta' l-Att dwar il-Proċeduri Amministrattivi l-leġiżlatur jenfasizza l-prinċipji tal-proċeduri amministrattivi li ġejjin u t-tifsira tagħhom:

  1. il-prinċipju ta' l-osservanza tad-drittijiet ta' l-individwu privat;
  2. il-prinċipju ta' l-ugwaljanza;
  3. il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt;
  4. il-prinċipju ta' l-applikazzjoni raġonevoli tad-dispożizzjonijiet legali;
  5. il-prinċipju tal-projbizzjoni ta' l-arbitrarjetà;
  6. il-prinċipju tal-fiduċja fil-legalità ta' l-azzjonijiet;
  7. il-prinċipju tal-bażi legali;
  8. il-prinċipju ta' l-istruttura demokratika;
  9. il-prinċipju tal-proporzjonalità;
  10. il-prinċipju tal-prijorità tal-liġi.

L-Att dwar il-Ġuriżdizzjoni tal-Qrati jinkorpora prinċipji ġenerali tal-liġi bħall-ugwaljanza ta' l-individwi quddiem il-liġi, l-immunità tal-qrati u ta' l-assessuri tal-qorti, id-drittijiet indaqs tal-partijiet, il-preżunzjoni ta' l-innoċenza, eċċ.

3.2. Il-liġi komuni

Taħt l-Artikolu 2 ta’ l-Att Ċivili l-liġi komuni ma tistax tannulla jew temenda atti leġiżlattivi u hija applikabbli f’każijiet speċifikati taħt il-leġiżlazzjoni. Il-liġi komuni internazzjonali tapplika wkoll skond il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati.

3.3. Il-ġurisprudenza

Il-ġurisprudenza hija sors importanti ta’ liġi għall-istabbiliment ta’ l-applikazzjoni armonizzata tal-leġiżlazzjoni u b’hekk tiġi żgurata ċ-ċertezza legali. Il-ġurisprudenza hija sors awżiljari użat bħala strument interpretattiv.

FuqFuq

4. L-awtoritajiet intitolati li jadottaw il-leġiżlazzjoni u l-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom

L-Artikolu 64 tal-Kostituzzjoni tistabbilixxi li l-poter leġiżlattiv huwa tas-Saeima u tal-poplu (bir-referendum). Taħt l-Artikolu 81 tal-Kostituzzjoni l-Kabinett tal-Ministri huwa wkoll intitolat li joħroġ regolamenti li huma effettivi bħall-atti. Għalhekk is-Saeima u l-poplu għandhom il-poter leġiżlattiv primarju, u dan id-dritt jista’ jiġi delegat lill-Kabinett u lill-awtoritajiet lokali. Skond l-Att dwar l-Istruttura tal-Kabinett tal-Ministri l-Kabinett jista’ joħroġ leġiżlazzjoni f’forma ta’ regolamenti fejn il-liġi speċifikament tawtorizza l-Kabinett li jagħmel hekk u jekk il-kwistjoni kkonċernata ma tkunx regolata b’att. Ir-regolamenti ta’ l-awtorità lokali obbligatorji huma maħruġa mill-awtoritajiet lokali skond l-Att dwar l-Awtoritajiet Lokali. Barraminhekk, il-Kostituzzjoni tipprovdi għad-delegazzjoni tal-poteri leġiżlattivi mis-Saeima lill-istituzzjonijiet internazzjonali.

Il-poteri leġiżlattivi tas-Saeima jkopru l-Latvja kollha, imma l-poteri leġiżlattivi ta’ l-awtoritajiet lokali huma limitati għat-territorju speċifiku taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ awtorità lokali partikolari.

5. Il-proċeduri għall-abbozzar tal-leġiżlazzjoni

L-abbozzi ta' l-atti jistgħu jiġu sottomessi lis-Saeima mill-:

  • President
  • Kabinett tal-Ministri
  • kumitati parlamentari
  • mhux inqas minn ħames deputati parlamentari
  • wieħed minn kull għaxra ta' l-elettorat
  1. L-ewwel qari - l-ewwel qari ta' l-abbozz ta' l-att jinkludi n-notifika mill-kumitat responsabbli segwita minn dibattitu fuq il-prinċipji ta' l-abbozz ta' l-att. Fl-aħħar tad-dibattitu s-Saeima jiddeċiedi jekk jadottax l-abbozz ta' l-att fl-ewwel qari. Jekk l-abbozz ta' l-att ma jiġix adottat fl-ewwel qari jitqies li ġie rrifjutat u jista' jerġa jiġi sottomess biss għar-reviżjoni fl-istess sessjoni jekk ikun iffirmat minn mill-inqas 51 deputat parlamentari jew meta jkunu saru emendi fl-abbozz. Fejn is-Saeima, fuq proposta mill-kumitat responsabbli jew minn għaxar deputati parlamentari, jadotta deċiżjoni biex jirrikonoxxi abbozz ta' att bħala urġenti, l-abbozz ta' l-att ikun suġġett għat-tieni qari biss. Dawn li ġejjin jiġu adottati wara t-tieni qari:
    • abbozzi ta' atti rikonoxxuti bħala urġenti;
    • l-abbozz tal-baġit ta' l-Istat u emendi għall-baġit;
    • abbozzi ta' l-atti li jipprovdu għall-approvazzjoni tal-ftehim internazzjonali.
  2. It-tieni qari - l-abbozzi ta' l-atti jiġu ppreparati għat-tieni qari tagħhom mill-kumitat responsabbli, li jipprovdi rapport fuq il-proposti sottomessi. Il-proposti għall-emendi għal abbozz ta' att jew abbozz ta' deċiżjoni mis-Saeima jistgħu jiġu sottomessi mill-:

    FuqFuq

    • president
    • kumitat tas-Saeima
    • frazzjoni jew blokk politiku
    • deputat parlamentari
    • il-prim ministru, id-deputat prim ministru, ministru, ministru ta' l-Istat
    • is-segretarju parlamentari għal ministeru taħt l-awtorità ta' ministru
    • is-servizz legali tas-Saeima, fejn il-proposti jikkonċernaw aspetti tekniċi tal-leġiżlazzjoni jew tal-kodifikazzjoni.

    Proposta titqies li ġiet adottata meta tkun irċeviet maġġoranza assoluta tal-voti mid-deputati parlamentari preżenti. Wara li l-proposti kollha jiġu riveduti jittieħed vot fuq l-abbozz ta' l-att fl-interezza kollha tiegħu inklużi l-proposti adottati. Jekk is-Saeima jirrifjuta l-abbozz ta' l-att fit-tieni qari tiegħu jiġi rritornat lill-kumitat responsabbli u jista' jerġa' jiġi sottomess għal qari ieħor. Fejn is-Saeima jadotta abbozz ta' att b'dan il-mod l-abbozz jiġi rritornat lill-kumitat responsabbli biex jiġi ppreparat għat-tielet qari.

  3. It-tielet qari - matul it-tielet qari ta' l-abbozz ta' l-att is-Sezzonijiet li kienu suġġetti għal proposti wara t-tieni qari biss jitqiesu u jittieħed vot fuqhom. Meta l-proposti kollha jkunu ġew riveduti jittieħed vot fuq l-abbozz ta' l-att fl-interezza kollha tiegħu inklużi l-proposti adottati. Jekk is-Saeima jirrifjuta l-abbozz ta' l-att fit-tielet qari tiegħu jiġi rritornat lill-kumitat responsabbli u jista' jerġa' jiġi sottomess għal qari ieħor.
  4. It-tieni reviżjoni ta' att - fejn il-president jitlob reviżjoni oħra ta' att taħt l-Artikolu 71 tal-Kostituzzjoni, is-Saeima jissottometti l-oġġezzjonijiet motivati tal-president lill-kumitat responsabbli. Ir-regoli relatati mat-tielet qari ta' abbozz ta' att huma applikabbli fejn att ikun qiegħed jiġi rivedut u l-oġġezzjonijiet u l-proposti li jiġu mressqa 'l quddiem mill-president biss jiġu eżaminati. Abbozz ta' att jitqies li jkun ġie adottat u jsir att meta jkun inqara dwartejn jew tlieta, skond il-każ, u maġġoranza assoluta tad-deputati parlamentari preżenti jivvutaw għall-adozzjoni tiegħu. L-atti adottati mis-Saeima jiġu ppromulgati mill-president.

6. Ir-regoli dwar id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali

  1. L-atti - taħt l-Att dwar il-Promulgazzjoni, il-Pubblikazzjoni, il-Proċeduri għad-Dħul fis-Seħħ u l-Validità ta' l-Atti u ta' Leġiżlazzjoni Oħra Adottata mis-Saeima, mill-President u mill-Kabinett tal-Ministri, att jidħol fis-seħħ fl-erbatax-il ġurnata wara l-promulgazzjoni tiegħu sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-att. Dan il-perjodu ta' erbatax-il ġurnata li jwassal għad-dħul fis-seħħ ta' att jibda fil-ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu.
  2. Ir-Regolamenti tal-Kabinett - skond l-Att dwar l-Istruttura tal-Kabinett tal-Ministri, l-istruzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kabinett jiġu ppubblikati taħt l-istess proċeduri bħall-atti. Huma jidħlu fis-seħħ fil-ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni sakemm ma tiġix speċifikata data differenti.
  3. Ir-regolamenti obbligatorji ta' l-awtorità lokali - taħt l-Att dwar l-Awtoritajiet Lokali l-ordnijiet u l-istruzzjonijiet jidħlu fis-seħħ fil-ġurnata wara li jiġu ffirmati sakemm ma tiġix speċifikata data differenti għad-dħul fis-seħħ. Id-deċiżjonijiet ta' l-awtorità lokali relatati mal-persuni naturali jew legali individwali jidħlu fis-seħħ kif jiġu ffirmati. Ir-regolamenti obbligatorji maħruġa mill-kunsilli ta' l-ibliet huma ppubblikati fil-ġurnal uffiċċjali mhux aktar tard minn ġimgħatejn wara l-adozzjoni tagħhom u jidħlu fis-seħħ fil-ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni tagħhom. Ir-regolamenti obbligatorji maħruġa mill-kunsilli reġjonali, mill-kunsilli distrettwali u mill-kunsilli muniċipali jintwerew f'post viżibbli fil-bini jew viċin tal-bini ta' awtorità lokali mhux aktar tard minn ġimgħatejn wara l-adozzjoni tagħhom u jidħlu fis-seħħ fil-ġurnata ta' wara meta jiġu murija l-ewwel darba.

7. Ir-regolamenti li jistabbilixxu d-dħul fis-seħħ tar-regolamenti inklużi fi strumenti transnazzjonali.

Il-ftehim internazzjonali huma approvati taħt atti adottati mis-Saeima. Atti adottati mis-Saeima jiġu ppromulgati mill-president. Il-ftehim internazzjonali kollu u t-traduzzjonijiet tiegħu fil-lingwa Latvjana jiġu ppubblikati fil-ġurnal uffiċċjali Latvijas Vēstnesis u fil-ġurnal tal-Kabinett Ziņotājs. Att jidħol fis-seħħ fl-erbatax-il ġurnata wara l-promulgazzjoni tiegħu sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-att. Il-ġranet li jwasslu għad-dħul fis-seħħ ta’ att jingħaddu mill-ġurnata ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

FuqFuq

8. Il-Latvja kif tirriżolvi d-diskrepanzi jew il-kontradizzjonijiet potenzjali bejn dispożizzjonijiet legali u sorsi tal-liġi varji?

  1. Id-diskrepanzi bejn dispożizzjonijiet (prinċipji) leġiżlattivi jiġu riżolti billi jiġu interpretati mill-ġdid (u għalhekk jiġu armonizzati) dawn id-dispożizzjonijiet (prinċipji), jew billi tiġi applikata sistema ta' prijorità.
  2. Fejn tiġi identifikata kontradizzjoni bejn dispożizzjonijiet leġiżlattivi varji b'forza legali differenti d-dispożizzjoni leġiżlattiva bl-ogħla forza legali hija applikabbli.
  3. Fejn tiġi stabbilita kontradizzjoni bejn dispożizzjonijiet leġiżlattivi internazzjonali u dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi internazzjonali jipprevalu.
  4. Fejn tiġi stabbilita kontradizzjoni bejn leġiżlazzjoni ġenerali u dik speċjali b'forza legali ndaqs il-leġiżlazzjoni ġenerali hija applikabbli sakemm dan ma jkunx limitat mil-leġiżlazzjoni speċjali.
  5. Fejn dispożizzjoni leġiżlattiva preċedenti hija inkompatibbli ma' dispożizzjoni leġiżlattiva sussegwenti d-dispożizzjoni sussegwenti tipprevali.
  6. Fejn dispożizzjoni leġiżlattiva ġenerali sussegwenti hija inkompatibbli ma' dispożizzjoni leġiżlattiva speċjali preċedenti, id-dispożizzjoni leġiżlattiva speċjali preċedenti tipprevali.

Skond l-Att dwar il-Proċeduri Amministrattivi, meta tkun trid issir deċiżjoni dwar liema minn żewġ dispożizzjonijiet leġiżlattivi ta' forza legali ndaqs għandha tieħu prijorità, għandha titqies is-sinifikanza objettiva rappreżentata minn dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi f'kuntest ġenerali, u għandha tingħata prijorità lid-dispożizzjoni li tirregola kwistjoni ta' sinifikanza għas-soċjetà demokratika u s-sistema ta' tmexxija.

Barraminhekk, fejn awtorità responsabbli għall-applikazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni jkollha dubji raġonevoli dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni ma' leġiżlazzjoni li għandha forza legali akbar, hija għandha tapplika d-dispożizzjonijiet ikkonċernati imma għandha wkoll tinforma awtorità superjuri u lill-Ministeru tal-Ġustizzja bin-nuqqasijiet tagħhom. L-awtoritajiet u l-qrati mhumiex permessi li jirrifjutaw li jieħdu deċiżjonijiet fuq kwistjonijiet fuq il-bażi tal-fatt li l-kwistjonijiet ikkonċernati mhumiex irregolati taħt att leġiżlattiv.

« Ordni Legali - Informazzjoni Ġenerali | Latvja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 20-02-2008

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit