Kummissjoni Ewropea > NGE > Ordni Legali > Italja

L-aħħar aġġornament: 14-02-2008
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Ordni Legali - Italja

Is-sistema legali Taljana hija regolata mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana, ippromulgata fl-1948. Din hija kostituzzjoni fissa, li jfisser li ma tistax tiġi emendata b'liġijiet ordinarji; tista' tiġi emendata jew miżjuda biss permezz ta' proċedura speċjali, li hija kumplessa ħafna u li hija stabbilita fil-Kostituzzjoni nnifisha (l-Artikolu 138).

Dan l-istat fiss huwa salvagwardjat billi jiġi mmonitorjat jekk il-liġijiet u t-testi legali li jkollhom is-saħħa ta' liġi jikkonformawx mal-Kostituzzjoni; din hija responsabbiltà esklussiva tal-Qorti Kostituzzjonali, korp kostituzzjonali speċjali.

Xi artikoli tal-Kostituzzjoni ma jistgħux jinbidlu taħt l-ebda ċirkostanza; dan huwa l-każ għall-istatus ta' l-Italja bħala repubblika, li ma jistax jiġi rivedut kostituzzjonalment; b'mod ġenerali l-punti kollha li huma punti essenzjali tas-sistema kostituzzjonali huma meqjusa ukoll li ma jistgħux jinbidlu (per eżempju l-prinċipji tal-libertà u ta' l-ugwaljanza, is-sistema parlamentari, il-prinċipju ta' Kostituzzjoni fissa, u l-ġustizzja kostituzzjonali). 

Il-Kostituzzjoni fiha l-prinċipji ġenerali li huma meqjusa li huma valuri essenzjali tal-ħajja ta' l-Istat; tiddetta l-prinċipji li jridu jiġu segwiti fil-leġiżlazzjoni prodotta mill-Parlament, mir-reġjuni u minn kull istituzzjoni pubblika oħra bil-poter li toħroġ digrieti u regolamenti ta' validità ġenerali jew speċifika; hija tistabbilixxi l-bażi tal-politika barranija u tar-relazzjonijiet mas-sistema legali ta' l-Unjoni Ewropea.



 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Is-sorsi tal-liġi privata Taljana 1.
1.1. Is-sorsi primarji 1.1.
1.2. Is-sorsi sekondarji 1.2.
1.3. Il-konswetudni jew l-użu 1.3.
1.4. L-ekwità 1.4.
1.5. Il-prinċipji ġenerali tas-sistema legali 1.5.
1.6. Il-ġurisprudenza 1.6.
1.7. Iċ-ċirkulari legali 1.7.
2. Il-poter leġiżlattiv tal-Parlament 2.
3. Il-poter leġiżlattiv u regolatorju tar-reġjuni, tal-provinċji, tal-muniċipalitajiet u ta’ l-ibliet metropolitani. 3.
4. L-effettività temporali tan-normi legali 4.
5. Il-proċeduri għall-armonizzazzjoni tal-liġi nazzjonali mal-liġi internazzjonali 5.
6. Il-liġi tal-Komunità u l-preminenza tagħha fir-rigward tad-dispożizzjonijiet interni 6.
7. Il-ġerarkija tas-sorsi u l-konflitti ta’ l-applikazzjoni 7.

 

1. Is-sorsi tal-liġi privata Taljana

Is-sorsi tal-liġi privata Taljana huma: il-liġijiet, ir-regolamenti, (in-normi korporattivi: imma s-sistema korporattiva faxxista ġiet imneħħija fl-1943), il-konswetudni jew l-użu (l-Artikoli 1-8 tad-dispożizzjonijiet preliminari tal-kodiċi ċivili).

Dawn is-sorsi huma rranġati fuq skala ġerarkika, ibbażata fuq is-saħħa legali tas-sorsi u l-preċetti li joħorġu minnhom.

1.1. Is-sorsi primarji

Barra l-liġijiet kostituzzjonali, is-sorsi tal-leġiżlazzjoni primarja huma:

  1. il-liġijiet ordinarji ta' l-Istat (l-Artikolu 1 tad-dispożizzjonijiet preliminari); il-preminenza tal-liġijiet fis-sistema legali ta' l-Istat tidher mill-fatt li dispożizzjoni stabbilita minn liġi tista' titneħħa jew tiġi emendata biss b'liġi ġdida, filwaqt li liġi ordinarja tista' temenda jew tneħħi kull dispożizzjoni fi ħdan is-sistema legali, barra dispożizzjonijiet bi status kostituzzjonali, li jistgħu jitneħħew jew jiġu emendati biss b'liġijiet kostituzzjonali.
  2. il-liġijiet 'delegati', li huma maħruġa mill-Gvern wara delegazzjoni preċedenti mill-Parlament.
  3. id-digrieti leġiżlattivi, maħruġa f'każijiet speċjali mill-Gvern u li jridu jiġu ppreżentati fl-istess ġurnata lill-Parlament għall-konverżjoni f'liġijiet; jekk ma jkunux konvertiti fi żmien sittin ġurnata mill-pubblikazzjoni tagħhom jitilfu l-validità retroattivament, imma l-Parlament jista' jirregola permezz ta' liġijiet kwalunkwe relazzjonijiet li jkunu nħolqu permezz ta' digrieti mhux konvertiti.
  4. l-istatuti tar-Reġjuni Ordinarji adottati taħt il-liġijiet tar-Repubblika, u liġijiet adottati mill-Kunsilli tar-Reġjuni (il-liġijiet reġjonali) u mill-Kunsilli tal-Provinċja ta' Trento u ta' Bolzano (il-liġijiet provinċjali).

L-istatuti u l-liġijiet reġjonali (u l-liġijiet provinċjali) għandhom ambitu limitat f'termini ta' suġġett u territorju kif speċifikat fl-Artikoli 123 u 117 tal-Kostituzzjoni; fir-rigward tar-Reġjuni b'awtonomija speċjali, il-limiti fuq il-poter leġiżlattiv jinsabu fl-istatuti adottati taħt il-liġi kostituzzjonali.

FuqFuq

Fi ħdan il-qafas tas-sorsi primarji, il-liġijiet delegati (id-digrieti leġiżlattivi) u l-liġijiet reġjonali huma kklassifikati bħala sub-primarji, peress illi d-digrieti leġiżlattivi huma limitati bil-prinċipji u l-kriterji ta' gwida stabbiliti fil-liġi li tiddelega, filwaqt li l-liġijiet reġjonali u provinċjali jridu jikkonformaw mal-prinċipji ta' gwida tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat fis-suġġetti individwali li huma ta' kompetenza 'mhux esklussiva'.

Minħabba n-natura sub-primarja tagħhom, jekk jeċċedu l-limiti assenjati lil dawn is-sorsi ta' leġiżlazzjoni dan ikun jikkostitwixxi difett ta' leġittimità kostituzzjonali.

L-istrumenti prinċipali tal-liġi privata Taljana huma l-'kodiċijiet', li huma wkoll liġijiet u m'għandhomx ambitu akbar minn liġi individwali, għalkemm huma partikolarment sinifikanti minħabba l-wisa' akbar u l-koeżjoni akbar tal-kontenut tagħhom. Il-kodiċijiet Taljani li jirrigwardaw il-qasam tal-liġi privata huma l-kodiċi ċivili u l-kodiċi tal-liġi marittima - iżda biss dik il-parti li hija ta' natura ta' liġi privata fil-każ ta' l-aħħar.

1.2. Is-sorsi sekondarji
  1. Is-sorsi sekondarji bis-saħħa ta' liġi: ir-regolamenti kollha (jew id-dispożizzjonijiet individwali tar-regolamenti) li fihom preċetti ta' natura ġenerali u astratta, li huma meqjusa li jagħmlu bidliet fin-normi pre-eżistenti, għalkemm il-preċetti introdotti minnhom ma jistgħux jiġu emendati ħlief b'normi oħra li jkollhom is-saħħa ta' liġi.

    Dawn huma normalment msejħa dispożizzjonijiet normattivi 'ħielsa', li huma adottati minn awtoritajiet amministrattivi, per eżempju dispożizzjonijiet governattivi, interministerjali, ministerjali jew prefettorali li jistabbilixxu prezzijiet u tariffi obbligatorji għall-oġġetti u għas-servizzi, regolamenti muniċipali u pjanijiet regolatorji li jintroduċu regoli tal-kostruzzjoni b'deroga mis-sistema stabbilita mill-kodiċi ċivili.

    FuqFuq

  2. Is-sorsi sekondarji mingħajr is-saħħa ta' liġi: ir-regolamenti ta' implimentazzjoni (li huma ddisinjati sabiex jagħtu implimentazzjoni konkreta u speċifika tal-prinċipji stabbiliti mil-liġijiet) u dispożizzjonijiet amministrattivi normattivi oħra, maħruġa minn awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istat (ċentrali jew lokali) jew minn korpi pubbliċi iżgħar (muniċipalitajiet u provinċi), li m'għandhomx il-kapaċità li jidderogaw minn atti li għandhom is-saħħa ta' liġi.

    Dawn it-tip ta' atti huma validi u għalhekk jorbtu biss jekk ikunu jikkonformaw mas-sorsi kollha (primarji u sekondarji) li għandhom is-saħħa ta' liġi.

1.3. Il-konswetudni jew l-użu

Il-konswetudni aċċettata mill-ordni legali tista' tiġi kklassifikata bħala konswetudni secundum legem jew bħala konswetudni praetor legem, skond il-funzjoni li tkun twettaq.

Il-konswetudni secundum legem iżżid mal-kontenut ta' sors miktub (liġi jew regolament), li tħalla parzjalment mhux komplut. Għalhekk il-konswetudni hija inkorporata fil-liġi; imma f'dan il-każ il-konswetudni tikseb saħħa daqs dik tas-sors li jirreferi għaliha u għalhekk, f'dak li jidher bħala konflitt tal-ġerarkija tas-sorsi, stabbilita mill-Artikolu 1 tad-dispożizzjonijiet preliminari, hija ssir sors primarju jew sekondarju.

Il-konswetudni praeter legem timla l-vojt fil-liġi miktuba u tiffunzjona b'mod indipendenti mill-eżistenza ta' referenzi leġiżlattivi speċifiċi.

F'dan it-tip ta' każ il-konswetudni tikkostitwixxi sors parallel li huwa, f'ċertu sens, ekwivalenti għal-liġi, fis-sens li r-regoli li jiġu prodotti hekk ma jistgħux jinbidlu permezz ta' sorsi sekondarji oħra li ma jkunux atti bis-saħħa ta' liġi.

FuqFuq

1.4. L-ekwità

L-ekwità hija sors ta’ liġi biss f’każijiet eċċezzjonali, jiġifieri fejn, peress li ma jkunx hemm normi stabbiliti minn qabel, jiġi stipulat li l-qorti tista’ tirrikorri għall-ekwità sabiex issib il-prinċipju li għandu jiġi applikat.

Madankollu, meta l-ekwità tintuża bħala għajnuna għall-interpretazzjoni, bil-għan li titnaqqas ir-riġidità tal-liġi miktuba, mhijiex sors ta’ liġi.

1.5. Il-prinċipji ġenerali tas-sistema legali

Xi awturi jinkludu fost is-sorsi mhux miktuba 'l-prinċipji ġenerali tas-sistema legali', imsemmija fl-Artikolu 12 tad-dispożizzjonijiet preliminari għar-riżoluzzjoni ta’ tilwima li ma tistax tiġi solvuta bl-użu ta’ l-interpretazzjoni permezz ta’ l-analoġija jew l-estensjoni.

Min-naħa l-oħra, ġie osservat li l-prinċipji mhux miktuba (li jistgħu jkunu prinċipji li jinfurmaw qasam ta' suġġett partikolari jew prinċipji ġenerali tas-sistema legali) ma jikkostitwixxux sorsi (awtonomi) ta’ normi, imma huma minnhom infushom normi, minħabba li huma dedotti minn att normattiv wieħed jew aktar li jirrivelaw l-eżistenza tal-prinċipju.

1.6. Il-ġurisprudenza

Il-ġurisprudenza ma toħloqx regoli legali għaliex taġixxi fi ħdan il-qafas stabbilit mil-leġiżlatur.

Ir-'regoli' maħluqa mill-ġurisprudenza jikkonċernaw każ speċifiku; huma regoli fraġli li jistgħu jiġu emendati f'kull ħin meta każ ġdid ikun qiegħed jiġi kkunsidrat.

Il-ġurisprudenza hija għalhekk mhux marbuta mar-regoli li toħloq, u lanqas ma tista' tinvoka dawn ir-regoli biex tiġġustifika deċiżjoni li hija jkollha l-intenzjoni li tadotta. Huwa dejjem possibbli għall-ġurisprudenza li tadotta approċċ ġdid, peress li r-regola tal-preċedent ma tapplikax.

FuqFuq

Ir-riforma reċenti (id-Digriet Leġiżlattiv 2006, Nru 40) relatat mal-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni stipulat li - jekk sezzjoni waħda tal-Qorti ma tkunx taqbel mal-prinċipju ta' liġi ppronunċjat mis-sezzjonijiet kollha li jippresjedu konġuntivament - ordni motivata għandha tirreferi d-deċiżjoni f'appell lis-sezzjonijiet konġunti. Dan, madankollu, huwa intervent iddisinjat li jippromwovi u jiggarantixxi l-funzjoni tal-Qorti Suprema li tiżgura l-uniformità tal-liġi, filwaqt li tibqa' l-possibbiltà li jista' jiġi adottat approċċ ġdid u differenti mill-ġurisprudenza.

1.7. Iċ-ċirkulari legali

Iċ-ċirkulari mhumiex sorsi ta’ normi legali, imma jikkonsistu fi struzzjonijiet mogħtija minn awtorità amministrattiva ogħla lil awtorità amministrattiva aktar baxxa u għalhekk jippresupponu rabta ġerarkika bejn iż-żewġ awtoritajiet.

2. Il-poter leġiżlattiv tal-Parlament

Il-Kostituzzjoni tagħti lill-Parlament – li huwa magħmul mis-Senat u mill-Kamra tar-Rappreżentanti – l-inkarigu li joħloq il-liġijiet, li huma s-sorsi primarji ta’ l-ordni legali ta’ l-Istat.

Liġi ta’ l-Istat tiġi maħluqa permezz ta’ adozzjoni miż-żewġ Kmamar ta’ test li jikkonforma mal-Kostituzzjoni; tiġi ppromulgata mill-President tar-Repubblika fi żmien xahar mill-adozzjoni; wara l-promulgazzjoni tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali tar-Repubblika Taljana u tiġi inkorporata fil-kollezzjoni uffiċċjali tal-liġijiet u d-digrieti. Il-President tar-Repubblika jista’, billi jibgħat memorandum motivat lill-Kmamar, jitlob dibattitu ġdid, imma jekk il-liġi tiġi adottata għal darb’oħra mill-Kmamar, din ikollha tiġi ppromulgata.

FuqFuq

F’każijiet speċifiċi l-funzjoni leġiżlattiva tiġi delegata lill-gvern, li huwa awtorizzat li joħroġ digrieti leġiżlattivi, fejn il-prinċipji u l-kriterji li jiggwidaw ikunu ġew determinati preċedentement, u għal perjodu limitat biss u għal suġġetti li jkunu ġew speċifikati (fil-liġi li tiddelega).

Jekk id-digrieti leġiżlattivi jaqbżu l-limiti tal-poteri delegati, tista’ titqajjem il-kwistjoni tal-ksur tal-kostituzzjoni.

3. Il-poter leġiżlattiv u regolatorju tar-reġjuni, tal-provinċji, tal-muniċipalitajiet u ta’ l-ibliet metropolitani.

L-għoxrin reġjun Taljan jeżerċitaw il-poter leġiżlattiv fis-suġġetti li mhumiex immexxija esklussivament mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 117 tal-Kostituzzjoni, b’konformità mal-Kostituzzjoni u l-obbligi li joħorġu mil-liġi tal-Komunità u l-impenji internazzjonali.

Fl-oqsma li fihom għandhom ġuriżdizzjoni, ir-reġjuni u l-provinċji awtonomi ta’ Trento u Bolzano jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet li huma intenzjonati li joħolqu atti normattivi tal-Komunità u japplikaw u jimplimentaw ftehim internazzjonali u atti legali ta’ l-Unjoni Ewropea, filwaqt li jikkonformaw mar-regoli stabbiliti mil-liġijiet ta’ l-Istat li jmexxu wkoll il-poter ta’ sostituzzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

Ir-reġjuni bi status speċjali (il-Friuli Venezia Giulia, Sardinja, Sqallija, it-Trentino Alto Adige u l-Valle d’Aosta) għandhom poteri leġiżlattivi partikolarment estensivi.

Il-muniċipalitajiet, il-provinċji u l-ibliet metropolitani għandhom poteri regolatorji skond is-sistema ta’ organizzazzjoni u l-mod ta’ operazzjoni li ġew mogħtija lilhom.

FuqFuq

4. L-effettività temporali tan-normi legali

Għad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi (l-istatuti u r-regolamenti) huwa meħtieġ dan li ġej:

  1. il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali;
  2. li jgħaddi perjodu ta' żmien, magħruf bħala l-vacatio legis, li jiddekorri mill-pubblikazzjoni sad-dħul fis-seħħ. Fejn ma jkunx ipprovdut mod ieħor, id-dispożizzjoni tidħol fis-seħħ fil-ħmistax-il ġurnata wara l-pubblikazzjoni. Kif il-perjodu tal-vacatio jgħaddi, il-liġi jew ir-regolament ssir/isir vinkolanti, anke jekk dawk li jridu jikkonformaw magħha/miegħu fil-fatt ma jkunux konxji biha/bih jew ma setgħux ikunu konxji biha/bih.

Norma legali titlef il-validità permezz ta' revoka, espressa jew impliċita (minħabba nuqqas ta' kompatibilità ma' regola ġdida jew minħabba li l-leġiżlatur adotta leġiżlazzjoni ġdida li tirregola l-qasam tas-suġġett kollu).

5. Il-proċeduri għall-armonizzazzjoni tal-liġi nazzjonali mal-liġi internazzjonali

L-armonizzazzjoni tal-liġi nazzjonali mal-liġi internazzjonali titwettaq jew permezz ta’ l-applikazzjoni awtomatika tad-dispożizzjoni internazzjonali, bħal fil-każ tan-normi konswetudinarji, skond l-Artikolu 10 tal-Kostituzzjoni, jew permezz tal-proċedura ordinarja li tipprovdi għall-ħruġ ta’ dispożizzjoni li tittrasponi d-dispożizzjoni internazzjonali.

Il-klassifikazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet internazzjonali hija dik tad-dispożizzjoni li tippermettilhom li jiġu introdotti. Għalhekk, fl-ewwel każ, anke normi konswetudinarji jiksbu klassifikazzjoni kostituzzjonali. Fit-tieni każ, it-trattat internazzjonali jingħata klassifikazzjoni daqs id-dispożizzjonijiet interni; madankollu, huwa ġeneralment meqjus li n-natura speċjali intrinsika ta’ dispożizzjoni internazzjonali toħloq ħtieġa li tingħata prijorità lil għażliet interpretattivi li huma l-eqreb fit-tifsira għad-dispożizzjoni internazzjonali.

FuqFuq

6. Il-liġi tal-Komunità u l-preminenza tagħha fir-rigward tad-dispożizzjonijiet interni

Ir-regolamenti huma atti tal-Komunità applikabbli direttament fi ħdan is-sistema legali nazzjonali; imma d-dispożizzjonijiet kollha tal-Komunità li huma kapaċi li jkollhom effett legali fuq l-individwi kkonċernati huma meqjusa bħala li għandhom effett dirett.

Id-direttivi jeħtieġu att ta' traspożizzjoni mill-korpi nazzjonali. Madankollu, fejn ikunu kompluti u awtosuffiċjenti, id-direttivi jistgħu wkoll ikollhom effett dirett (anke jekk biss) fis-sens vertikali; dan ifisser li d-dispożizzjonijiet ta' direttiva li ma ġietx implimentata tista' tintuża kontra l-Istat li naqas milli jimplimentahom (f'direzzjoni vertikali), imma mhux kontra individwi privati oħra (f'direzzjoni orizzontali).

Id-deċiżjonijiet huma atti b'effett vinkolanti fir-rigward ta' l-indirizzati msemmija espressament jew identifikabbli b'mod preċiż (l-Istati Membri jew persuni naturali jew legali).

Ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet m'għandhom l-ebda effett vinkolanti.

Ir-relazzjoni bejn is-sistema legali tal-Komunità u s-sistema legali nazzjonali hija kkaratterizzata mill-prevalenza sistematika tal-liġi tal-Komunità fuq il-liġi nazzjonali, permezz ta' l-istrument tan-nuqqas ta' applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet interni (preċedenti u sussegwenti) li jikkonfliġġu ma' dispożizzjoni tal-Komunità li għandha effett dirett.

Wara proċess twil ta' evoluzzjoni, il-Qorti Kostituzzjonali rrikonoxxiet il-kunċett tan-nuqqas ta' applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet interni bħala metodu kif jiġu riżolti konflitti ma' dispożizzjonijiet mhux kompatibbli tal-Komunità, b'hekk jiġi eliminat il-bżonn għal superviżjoni interlokutorja tal-kostituzzjonalità ta' dispożizzjonijiet interni mhux kompatibbli, sakemm ma jkunux espressjonijiet tax-xewqa li jiġi rrifjutat it-Trattat.

FuqFuq

Il-prinċipji fundamentali tal-Kostituzzjoni jikkostitwixxu wkoll limitu insormontabbli fuq l-inattakkabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Komunità, imma f'dan it-tip ta' każ l-oġġett tas-superviżjoni ma jkunx id-dispożizzjoni tal-Komunità imma l-liġi interna ta' adeżjoni għat-Trattat, skond il-prinċipju tas-separazzjoni bejn is-sistemi legali adottat mill-Qorti Kostituzzjonali.

Il-Qorti Kostituzzjonali rrikonoxxiet ukoll il-possibbiltà li tiddeduċi konflitt bejn id-dispożizzjonijiet interni reġjonali u d-dispożizzjonijiet tal-Komunità permezz ta' rikors prinċipali.

L-inklużjoni reċenti fil-Kostituzzjoni ta' l-obbligazzjoni tal-Komunità (permezz ta' l-emenda ta' l-Artikolu 117 tal-Kostituzzjoni), madanakollu, ma affettwatx il-mekkaniżmu tan-nuqqas ta' applikabbiltà ta' dispożizzjonijiet interni mhux kompatibbli, li turi tendenza irriversibbli ta' trasformazzjoni tas-sistema legali nazzjonali f'sistema parzjali ta' sistema legali waħda (tal-Komunità).

7. Il-ġerarkija tas-sorsi u l-konflitti ta’ l-applikazzjoni

Id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet l-oħra kollha peress li huma jistabbilixxu prinċipji bażiċi għall-ħajja pubblika u l-organizzazzjoni ta’ l-Istat.

Dawn huma segwiti mis-sorsi primarji u sekondarji, kif ukoll mill-konswetudni, skond il-ġerarkija deskritta aktar 'il fuq.

Id-dispożizzjonijiet legali mhumiex retroattivi; fi kliem ieħor, huma japplikaw biss għall-futur, sakemm ir-retroattività ma tirriżultax mid-dispożizzjoni normattiva nnifisha. Konflitt bejn il-liġijiet adottati fi żminijiet differenti huwa riżolt bl-użu tal-prinċipju li l-liġi sussegwenti tieħu post dik li kienet fis-seħħ preċedentement (lex posterior derogate prior).

Il-ġerarkija tas-sorsi tfisser li s-sorsi primarji jipprevalu fuq is-sorsi sekondarji u, ovvjament, sorsi aktar 'l isfel.

Il-konflitti bejn atti li għandhom is-saħħa ta’ liġi u l-Kostituzzjoni jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti Kostituzzjonali permezz ta’ referenza tal-kwistjoni mill-qorti li ġiet iffaċċjata bihom, jekk tqis li l-kwistjoni mhijiex infondata b’mod ċar u għandha impatt fuq id-deċiżjoni tagħha; kontra r-revoka, dikjarazzjoni ta’ ksur tal-kostituzzjoni minn dispożizzjoni li ġiet mistoqsija tagħmilha ineffettiva mill-bidu, barra r-relazzjonijiet legali diġà rregolati minn sentenza mogħtija f’kawża.

Konflitt bejn liġi ta’ l-Istat u att normattiv ta’ reġjun, permezz ta’ inkursjoni fl-isferi tal-ġuriżdizzjoni rispettivi tagħhom, jagħti lok għal ksur tal-limiti imposti mill-Kostituzzjoni fuq l-eżerċizzju tal-poteri pubbliċi, bil-possibbiltà riżultanti ta’ konflitt ta’ ġuriżdizzjonijiet li jistgħu jiġu rreferuti lill-Qorti Kostituzzjonali.

Għall-konflitti bejn il-liġijiet domestiċi u l-liġijiet tal-Komunità ara l-paragrafu 6.

Aġġornata fit-30.4.2007

« Ordni Legali - Informazzjoni Ġenerali | Italja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 14-02-2008

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit