Kummissjoni Ewropea > NGE > Ordni Legali > Irlanda

L-aħħar aġġornament: 20-02-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Ordni Legali - Irlanda

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. L-Istrumenti Legali / L-għejun tal-liġi 1.
1.1. L-għejun nazzjonali 1.1.
1.2. Il-Liġi Komunitarja 1.2.
1.3. L-għejun internazzjonali 1.3.
2. Għejun oħrajn tal-liġi 2.
3. Il-ġerarkija ta’ l-għejun legali 3.
4. Id-dħul fis-seħħ ta’ strumenti supranazzjonali 4.
5. L-awtoritajiet li għandhom setgħa jadottaw regoli ta’ liġi 5.
6. Il-proċess ta’ l-adozzjoni tar-regoli ta’ liġi 6.
7. Id-dħul fis-seħħ ta’ regoli nazzjonali 7.
8. Il-mezzi ta’ riżoluzzjoni ta’ kunflitti bejn l-għejun legali differenti 8.

 

1. L-Istrumenti Legali / L-għejun tal-liġi

1.1. L-għejun nazzjonali

Il-Kostituzzjoni ta’ l-Irlanda (jew bl-Irlandiż Bunreacht na hÉireann) hija l-liġi bażika jew fundamentali ta’ l-Istat. Hija tistabbilixxi l-istituzzjonijiet u l-apparat Statali u tipprovdi għas-separazzjoni tas-setgħat fl-Eżekuttiv, fil-Leġiżlattiv u fil-Ġudikatura. Tiggarantixxi wkoll id-drittijiet fundamentali li ġew soġġetti għal interpretazzjoni rigoruża u estensjoni mill-qrati.

Il-liġi primarja tikkonsisti f’Atti adottati mill-Oireachtas (il-Parlament), li jikkonsisti fil-President ta’ l-Irlanda, fis-Seanad Éireann (il-Kamra ta’ Fuq) u fid-Dáil Éireann (il-Kamra ta’ Isfel). Il-leġiżlazzjoni primarja hija maqsuma f’dawn li ġejjin: Atti li jemendaw il-Kostituzzjoni, li biex isiru effettivi jridu jiġu aċċettati mill-poplu permezz ta’ Referendum; Atti Ġenerali Pubbliċi, li għandhom applikazzjoni ġenerali, u Atti Privati, li huma mmirati lejn l-imġieba ta’ individwu partikolari jew grupp ta’ individwi.

Il-leġiżlazzjoni sekondarja hija mekkaniżmu li bih l-Oireachtas jista’ jiddelega s-setgħat leġiżlattivi lil Ministru jew awtorità partikolari. Is-setgħa biex issir il-leġiżlazzjoni sussidjarja għandha tkun mogħtija b’mod espress permezz ta’ leġiżlazzjoni primarja u l-eżerċizzju tagħha huwa regolat minn kondizzjonijiet strinġenti - il-prinċipji u l-politika li jkunu ser jiġu implimentati għandhom jiġu dikjarati b’mod ċar u mhux ambigwu fl-att ewlieni u mħarsa strettament mill-awtorità li qed tagħmel il-leġiżlazzjoni sekondarja. L-Istrumenti Statutorji huma l-forma l-aktar komuni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja iżda jistgħu jieħdu wkoll il-forma ta’ Regolamenti, Ordnijiet, Regoli, Skemi jew Bye-laws.

FuqFuq

Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 50 tal-Kostituzzjoni, il-liġijiet ta’ qabel l-1922 dwar l-Irlanda (eż., Atti tal-Parlament tar-Renju Unit) u l-miżuri adottati mill-Istat Ħieles Irlandiż (1922 - 1937), li mhumiex inkonsistenti mal-Kostituzzjoni jibqgħu fis-seħħ.

Is-sistema legali Irlandiża hija sistema tal-liġi komuni u dan ifisser li s-sentenzi tal-qrati huma għajn importanti tal-liġi. Taħt il-prinċipju tal-preċedent, jew stare decisis, qorti hija marbuta ssegwi deċiżjonijiet meħuda f’każijiet preċedenti, b’mod partikolari deċiżjonijiet ta’ qrati ogħla. Iżda din hija linja ta' politika u mhijiex regola li torbot u li ma tistax tinbidel. Dan il-korp ta’ liġi jinkludi regoli, prinċipji ġenerali, kanoni ta’ kostruzzjoni u massimi legali.

1.2. Il-Liġi Komunitarja

Minħabba li l-Irlanda hija membru ta’ l-Unjoni Ewropea, il-liġi Komunitarja hija parti importanti mill-ordinament legali domestiku ta’ l-Istat. L-obbligi ta’ l-isħubija fil-Komunità jimplikaw li l-Kostituzzjoni u l-liġijiet l-oħrajn nazzjonali huma subordinati għal-liġi Komunitarja kull meta l-Komunità għandha kompetenza. Sabiex l-Istat seta’ jiġi awtorizzat jissieħeb fil-Komunitajiet Ewropej u jevita kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni u dawk tal-liġi Komunitarja kienet meħtieġa emenda fil-Kostituzzjoni.

1.3. L-għejun internazzjonali

L-Irlanda hija firmatarja ta’ ħafna Ftehimiet Internazzjonali u Trattati u hija membru ta’ bosta Organizzazzjonijiet Internazzjonali. Il-Kostituzzjoni tipprovdi li l-Irlanda taċċetta l-prinċipji ġeneralment rikonoxxuti tal-liġi internazzjonali li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-Istati.

FuqFuq

L-Irlanda hija Stat dualist u sabiex ikollhom rikonoxximent legali formali fl-Istat, kuntrarjament għal dak meħtieġ bejn l-Istati, il-Ftehimiet Internazzjonali jridu jiġu inkorporati fil-liġi domestika mill-Oireachtas.

Sa mill-1953 l-Irlanda ffirmat il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u minn dak iż-żmien, minħabba l-obbligi internazzjonali ta’ l-Istat, iċ-ċittadini setgħu jistrieħu fuq id-dispożizzjonjiet tagħha quddiem l-ECHR (il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem). Id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni ngħataw effett legali domestiku permezz ta’ l-Att ta’ l-2003 dwar il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li bih l-individwi jistgħu jistrieħu fuq dawn id-dispożizzjonijiet quddiem il-qrati Irlandiżi.

2. Għejun oħrajn tal-liġi

Fin-nuqqas ta’ regoli legali formali, qorti tista’ tikkwota l-kitbiet ta’ l-akkademiċi biex tilħaq id-deċiżjoni tagħha. Għalkemm hemm dibattitu dwar jekk dan għandux japplika u għalkemm l-influwenza tagħhom setgħet naqset fis-snin reċenti, il-Qrati straħu fuq il-liġi naturali u d-dritt naturali, fl-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni u fl-enumerazzjoni tad-drittijiet Kostituzzjonali.

Taħt il-liġi komuni, il-prinċipju ta’ stare decisis tagħmel distinzjoni bejn ir-ratio decidendi, il-parti li torbot ta’ deċiżjoni li għandha tiġi mħarsa, u l-obiter dictum, id-dikjarazzjonijiet li ma jorbtux fis-sentenzi. L-obiter dictum għandu saħħa persważiva fil-qorti, madankollu, u għandhom din is-saħħa wkoll id-deċiżjonijiet tal-qrati f’ġurisdizzjonijiet oħrajn u fil-qrati internazzjonali.

FuqFuq

3. Il-ġerarkija ta’ l-għejun legali

Il-Kostituzzjoni tinsab fil-quċċata tas-sistema legali ta’ l-Irlanda. Il-leġiżlazzjoni, id-deċiżjonijiet u l-prattika tal-Gvern u dawk amministrattivi jistgħu jiġu mqabbla mal-Kostituzzjoni għall-konformità. 

Madankollu l-Kostituzzjoni tipprovdi li ma tinvalidax atti jew miżuri li huma neċessitati mill-isħubija fl-Unjoni Ewropea jew fil-Komunitajiet Ewropej. Għalhekk il-liġi Komunitarja tieħu preċedenza fuq il-liġijiet nazzjonali kollha inkluża l-Kostituzzjoni. Minħabba li l-liġi Komunitarja tipprovdi li l-metodi ta’ l-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja għandhom ikunu determinati mir-rekwiżiti nazzjonali proċedurali, l-istrumenti li jimplimentaw il-liġi ta’ l-UE/KE għandhom xorta jridu jkunu skond ir-rekwiżiti proċedurali Kostituzzjonali.

L-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 2003 tagħti lill-indvidwi l-possibbiltà jistrieħu fuq id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni quddiem il-Qrati Irlandiżi. Il-Konvenzjoni ġiet inkorporata fuq il-livell sub-kostituzzjonali u l-Kostituzzjoni tibqa’ suprema. L-Att jirrikjedi li l-qrati għandhom jinterpretaw u japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, sa fejn possibbli, skond il-preċetti li jinsabu fil-Konvenzjoni. Jekk il-leġiżlazzjoni domestika ma hijiex skond il-Konvenzjoni, toħroġ Dikjarazzjoni ta’ Inkompatibilità.

Il-Qrati rritenew li l-prinċipji tal-liġi internazzjonali konswetudinali huma parti mill-liġi domestika skond l-Artikolu 29.3, iżda biss sa fejn ma jikkonfliġġux mal-Kostituzzjoni, mal-leġiżlazzjoni jew mal-liġi komuni. Il-Ftehimiet Internazzjonali jistgħu jiġu ratifikati biss jekk huma skond il-Kostituzzjoni, u fin-nuqqas ikun hemm bżonn ta’ referendum.

FuqFuq

Il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi sostitwita jew emendata mil-leġiżlazzjoni sussegwenti, il-leġiżlazzjoni primarja tipprevali fuq il-leġiżlazzjoni sekondarja, kif tista’ tiġi sorpassata s-setgħa tad-delegazzjoni li ssir il-leġiżlazzjoni sekondarja, iżda l-leġiżlazzjoni sekondarja ma tistax tipprevali fuq il-leġiżlazzjoni primarja. Il-qrati jistgħu jħassru liġi għal raġuni ta’ invalidità meta jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni (leġiżlazzjoni wara l-1937) jew li hija inkonsistenti mal-Kostituzzjoni (leġiżlazzjoni qabel l-1937).

Atti leġiżlattivi jew kostituzzjonali u deċiżjonijiet sussegwenti ta’ qrati fuq livell indaqs jew ogħla jipprevalu fuq id-deċiżjonijiet tal-qrati aktar antiki.

4. Id-dħul fis-seħħ ta’ strumenti supranazzjonali

Kif jissemma hawn fuq il-Kostituzzjoni kif ġiet abbozzata oriġinalment ma kinitx kompatibbli mat-Trattati tal-Komunità Ewropea. Per eżempju, ipprovdiet li l-Oireachtas kien l-unika entità leġiżlattiva fl-Istat. Għalhekk ġiet imdaħħla dispożizzjoni fil-Kostituzzjoni li tipprovdi li kwalunkwe liġi, att jew miżura li hija neċessitata mill-isħubija fl-Unjoni Ewropea jew fil-Komunitajiet hija valida. Iżda, ġie ritenut li jekk l-ambitu u l-għanijiet għandhom jinbidlu, per eżempju, minħabba Trattat ġdid, dan għandu jsir permezz ta’ referendum lill-poplu u, jekk il-poplu jaċċettah, tiddaħħal dispożizzjoni li tikkonferma li l-Istat jista’ jirratifika dan it-Trattat.

Jekk il-liġi Ewropea tirrikjedi traspożizzjoni fl-Istat dan għandu jiġi implimentat mil-liġi primarja jew b’mod aktar komuni minn Strument Statutorju li jagħmel il-Gvern jew Ministeru tal-Gvern.

FuqFuq

Skond il-Kostituzzjoni, il-Ftehimiet Internazzjonali jsiru parti mil-liġi domestika jekk jiddetermina hekk l-Oireachtas. Normalment dan isir permezz ta’ Att u eżempju ta’ dan huwa l-Att tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 2003 li bih il-Konvenzjoni ġiet inkorporata fil-liġi domestika, bir-riżultat li l-individwi jistgħu jistrieħu fuq id-dispożizzjonijiet tagħħa quddiem il-qrati domestiċi.

5. L-awtoritajiet li għandhom setgħa jadottaw regoli ta’ liġi

Il-Kostituzzjoni tista’ tiġi emendata biss b’deċiżjoni tal-poplu permezz ta’ referendum.

Il-Kostituzzjoni tipprovdi li l-Oireachtas, li huwa kompost mid-Dáil (il-Kamra ta’ Isfel) u s-Seanad (il-Kamra ta’ Fuq) u l-President, għandu ‘s-setgħa unika u esklussiva li jagħmel il-liġijiet għall-Istat’. Il-leġiżlazzjoni proposta fil-forma ta’ abbozzi għandha tiġi ffirmata bħala liġi mill-President sabiex tieħu effett u jekk il-President għandu dubju dwar il-kostituzzjonalità tal-leġiżlazzjoni proposta, hu jista’ jirreferiha lill-Qorti Suprema sabiex tiġi determinata.

Kif imsemmi hawn fuq l-Oireachtas jista’ jiddelega s-setgħa li jagħmel il-leġiżlazzjoni lil Ministeru tal-Gvern jew awtorità oħra u din is-setgħa hija strettament limitata mill-istrument li jiddelega. Id-Direttivi ta’ l-UE normalment huma implimentati permezz ta’ Strument Statutorju magħmul minn Ministru. Is-setgħa li ssir il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi delegata lil varjetà ta’ organizzazzjonijiet bħall-Ministri tal-Gvern, bordijiet statutorji, korpijiet semi-statali, korpijiet regolatorji, korpijiet ta’ l-esperti u awtoritajiet lokali.

FuqFuq

Skond il-Kostituzzjoni l-Gvern huwa responsabbli li jikkonduċi r-relazzjonijiet esterni u jista’ jiffirma t-Trattati u l-Ftehimiet Internazzjonali u jissieħeb fl-organizzazzjonijiet internazzjonali bla ħsara għar-rekwiżiti Kostituzzjonali.

Taħt is-sistema tal-liġi komuni s-sentenzi tal-Qrati jgħoddu bħala liġi.

6. Il-proċess ta’ l-adozzjoni tar-regoli ta’ liġi

Il-Kostituzzjoni

L-ewwel stadju fl-emenda tal-Kostituzzjoni, skond l-Artikolu 46, huwa li jinbeda Abbozz fid-Dáil. L-Abbozz għandu jgħaddi fiż-żewġt Ikmamar ta’ l-Oireachtas u mbagħad għandu jiġi sottomess lill-poplu għall-affermazzjoni jew għaċ-ċaħda. Il-proposta titqies approvata mil-poplu jekk il-maġġoranza tal-voti huma favur li tiġi promulgata bħala liġi u l-voti jammontaw għal mhux inqas minn terz tal-votanti rreġistrati. L-Abbozz għandu jkun espress bħala ‘Att li Jemenda l-Kostituzzjoni’ u m’għandu jkun fih ebda proposta oħra. Jekk huwa approvati mill-poplu, il-President għandu jiffirma l-Abbozz u għandu ‘għalhekk jiġi promulgat mill-President bħala liġi’.

Il-proċedura leġiżlattiva

L-ewwel pass biex issir il-leġiżlazzjoni primarja huwa normalment li Abbozz jiġi inizzjat f’waħda mill-Kmamar tal-Parlament. Kull Abbozz mibdi fid-Dáil għandu jintbagħat lis-Seanad għall-konsiderazzjoni u għall-emendi li d-Dáil hu obbligat jikkunsidra. Iżda, jekk Abbozz jinbeda u jgħaddi fis-Seanad, u mbagħad huwa emendat mid-Dáil, huwa meqjus li nbeda mid-Dáil u jmur lura għall-konsiderazzjoni tas-Seanad.

FuqFuq

Qabel ma Abbozz jiġi promulgat, dan għandu jiġi approvat miż-żewġt Ikmamar ta’ l-Oireachtas u għandu jiġi ffirmat mill-President bħala liġi. Matul il-kors tal-proċess tal-leġiżlazzjoni, Abbozz jista’ jiġi sottomess għal emendi fid-Dáil u fis-Seanad. Madankollu, il-Kostituzzjoni tikkonsolida s-supremazija tad-Dáil li huwa elett mill-poplu; l-Artikolu 23 jipprovdi li fejn is-Seanad tkun ċaħdet jew emendat xi Abbozz kontra x-xewqa tad-Dáil, ta’ l-aħħar jista’ jagħżel li jgħaddi riżoluzzjoni fi żmien 180 jum biex jitqies li l-Abbozz għadda miż­-żewġt Ikmamar.

Il-maġġoranza kbira ta’ l-Abbozzi huma mibdija fid-Dáil Eireann minn Ministeru tal-Gvern. L-Abbozzi dwar il-Flus (eż., l-Abbozzi li jittrattaw l-impożizzjoni, it-tħassir, ir-remissjoni jew it-tibdil jew ir-regolazzjoni ta’ taxxi u l-Abbozzi li jinvolvu ħlas minn fondi pubbliċi) jistgħu biss jinbdew minn u jgħaddu fid-Dáil Éireann. Dan it-tip ta’ Abbozz jintbagħat lis-Seanad għal ‘rakkomandazzjonijiet’.

Il-pass finali huwa li l-President jiffirma l-Abbozz bħala liġi. Il-President jista’, wara konsultazzjoni tal-Kunsill ta’ l-Istat, jirreferi Abbozz, jew taqsima partikolari ta’ Abbozz, lill-Qorti Suprema għad-determinazzjoni tal-kostituzzjonalità. Dan huwa magħruf bħala Riferenza skond l-Artikolu 26. Ladarba l-Qorti Suprema tiddeċiedi li l-Abbozz huwa skond il-kostituzzjoni, ma jista’ qatt jerġa’ jiġi impunjat għal raġunijiet kostituzzjonali fil-qrati u l-President huwa meħtieġ jiffirmah bħala liġi. Jekk jiġi determinat li l-Abbozz huwa kontra l-Kostituzzjoni, il-President għandu jirrifjuta li jiffirmah bħala liġi.

FuqFuq

Il-leġiżlazzjoni sekondarja

Huwa komuni li jiġi provdut fi statut ewlieni li l-leġiżlazzjoni sussidjarja minnu awtorizzata tista’ tiġi annullata jew approvata mill-Oireachtas. Dawn id-dispożizzjonijiet ġeneralment jipprovdu li l-istrumenti ‘jitqiegħdu quddiem’ Kamra jew iż-żewġt Ikmamar ta’ l-Oireachtas li jistgħu jannullawh f’perjodu ta’ żmien indikat. Il-leġiżlazzjoni sekondarja li timplimenta l-miżuri ta’ l-UE hija soġġetta għal dan il-mekkaniżmu ta’ annullament. Wara li jinħarġu bħala liġi, xi strumenti statutorji għandhom jiġu depożitati f’libreriji indikati u avviż tal-ħruġ tagħhom bħala liġi għandu jiġi pubblikat fl-Iris Oifigiúil.

Il-liġi internazzjonali

Il-gvern jista’ jiffirma Trattati jew Ftehimiet Internazzjonali jew jissieħeb f’Organizzazzjonijiet Internazzjonali għalkemm ġie ritenut li ma jistax jagħmel dan jekk se jxekkel is-setgħa esklussiva ta’ l-Oireachtas li jagħmel il-liġijiet jew mod ieħor jikser il-Kostituzzjoni. Għal din ir-raġuni l-qrati rritenew li t-Trattati li jibdlu l-ambitu u l-għanijiet ta’ l-Unjoni Ewropea ma jistgħux jiġu approvati mill-Gvern kemm-il darba mhux aċċettati mill-poplu f’referendum Kostituzzjonali.

7. Id-dħul fis-seħħ ta’ regoli nazzjonali

L-emendi għall-Kostituzzjoni jidħlu fis-seħħ wara li jiġu aċċettati mill-poplu u l-Abbozz li jipproponi l-emenda jiġi ffirmat mill-President.

Abbozz isir liġi fil-jum meta jiġi ffirmat mill-President u jidħol fis-seħħ f’dak il-jum kemm-il darba l-Att ma jipprovdix mod ieħor. Il-President normalment ma jiffirmax Abbozz aktar kmieni mill-5 jum jew aktar tard mis-7 jum wara li jkun ġie ppreżentat. Att jista’ jispeċifika d-data li jieħu effett minnha jew jista’ jipprovdi li Ministru jista’ jagħmel ‘ordni ta’ bidu’ (leġiżlazzjoni sekondarja) biex l-Att, jew parti mill-Att, jidħol fis-seħħ. Il-President huwa obbligat jippromulga Abbozz permezz ta’ pubblikazzjoni ta’ avviż f’Iris Oifigiúil (il-Gazetta Uffiċali) li jgħid li sar liġi.

FuqFuq

Il-leġiżlazzjoni sekondarja tispeċifika d-data meta se tidħol fis-sehħ.

Ġeneralment id-deċiżjonijiet tal-qrati huma fis-seħħ mill-jum meta jingħataw.

8. Il-mezzi ta’ riżoluzzjoni ta’ kunflitti bejn l-għejun legali differenti

Il-qrati jridu jiddeterminaw il-kunflitti bejn regoli jew bejn għejun legali differenti.

Bla ħsara għall-pożizzjoni superjuri tal-liġi Komunitarja, il-Kostituzzjoni hija l-liġi fundamentali ta’ l-Istat u tipprevali fi kwalunkwe kunflitt ma’ liġijiet oħrajn. Skond l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni l-individwi jistgħu jimpunjaw il-validità kostituzzjonali tal-leġiżlazzjoni quddiem il-High Court. Jista’ jkun hemm appell minn deċiżjoni bħal din fil-Qorti Suprema. L-individwi jistgħu wkoll jallegaw li d-drittijiet kostituzzjonali tagħhom jew il-proċedura kostituzzjonali ġew miksura mill-azzjonijiet ta’ l-Istat.

Huwa preżunt li l-leġiżlazzjoni li saret wara l-adozzjoni tal-Kostituzzjoni ta’ l-1937 hija skond il-Kostituzzjoni kemm-il darba ma jiġix stabbilit mod ieħor.

Jistgħu jqumu ċirkostanzi fejn id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tad-drittijiet fundamentali, jistgħu jikkunfliġġu sa ċertu punt. Il-qrati użaw bosta mekkaniżmi biex jilħqu deċiżjonijiet f’dawn il-każijiet inklużi interpretazzjoni litterali jew grammatikali, il-metodu storiku, il-metodu ta’ l-għan jew ta’ l-armonija, il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-metodu tal-ġerarkija tad-drittijiet u l-metodu ta’ l-impenn lejn il-liġi naturali u d-drittijiet naturali.

Kien hemm istanzi fejn, b’konsgwenza fuq determinazzjoni jew interpretazzjoni Kostituzzjonali tal-Qrati li ma kelliex popolarità, sar referendum biex tiġi emendata l-Kostituzzjoni.

Jekk individwu jallega li d-drittijiet tiegħu taħt il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ġew miksura minn leġiżlazzjoni jistgħu jfittxu Dikjarazzjoni ta’ Inkompatibilità mill-qrati.

Il-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Komunità Ewropea igawdu minn immunità Kostituzzjonali għaliex il-Kostituzzjoni tipprovdi li ma tinvalida ebda att jew miżura neċessitati minn sħubija, għalkemm il-mezzi ta’ l-implimentazzjoni ta’ dawn l-atti jew miżuri għandhom iħarsu l-Kostituzzjoni.

Minbarra l-mistoqsijiet kostituzzjonali, il-validità tal-leġiżlazzjoni delegata tiġi ġudikata skond il-ħarsien tagħha ta’ l-istatut ewlieni.

Aktar tagħrif

Aktar informazzjoni dwar is-Sistema Legali Irlandiża, il-Leġiżlazzjoni Irlandiża u l-Kostituzzjoni Irlandiża tista’ tinsab f’dawn is-siti li ġejjin:

  • www.taoiseach.ie English
  • www.courts.ie English
  • www.oireachtas.ie English
  • www.irishstatutebook.ie English
  • www.bailii.org English

« Ordni Legali - Informazzjoni Ġenerali | Irlanda - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 20-02-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit