Kummissjoni Ewropea > NGE > Ordni Legali > Ungerija

L-aħħar aġġornament: 03-03-2008
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Ordni Legali - Ungerija

 

LISTA TAL- KONTENUT

I. Is-sorsi tal-liġi Ungeriża I.
1. Il-Kostituzzjoni 1.
2. L-Atti tal-Parlament 2.
3. Id-digrieti 3.
4. Il-ftehimiet internazzjonali 4.
II. Sorsi oħrajn tal-liġi meħuda f’sens usa’ u li ma jikkwalifikawx bħala regolamenti II.
1. Strumenti legali oħrajn ta’ governanza 1.
2. Id-Deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali 2.
3. Il-ġurisprudenza tal-qrati 3.
III. Dħul fis-seħħ ta’ regoli fi strumenti supranazzjonali III.
IV. L-organi differenti awtorizzati li jadottaw ir-regolamenti legali IV.
V. Il-proċess ta’ l-adozzjoni ta’ regolamenti legali V.
VI. Id-dħul fis-seħħ ta’ regoli nazzjonali VI.
VII. Mezzi ta’ soluzzjoni ta’ kontradizzjonijiet fost is-sorsi tal-liġi VII.

 

I. Is-sorsi tal-liġi Ungeriża

1. Il-Kostituzzjoni

L-Att XX ta’ l-1949 dwar il-Kostituzzjoni hija fl-ogħla punt tal-ġerarikja tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Ungerija. Kull liġi oħra għandha tkun kompatibbli magħha. Il-Kostituzzjoni ssir liġi mill-Assemblea Nazzjonali u biex tiġi emendata tenħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti tal-Membri tal-Parlament kollha [l-Artikolu 24(3) tal-Kostituzzjoni].

Il-Kostituzzjoni Ungariża tikkonsisti fi ħmistax-il kapitolu. Il-Kapitolu I, li fih dispożizzjonijiet ġenerali, jistabbilixxi l-forma tal-gvern, it-trasferiment ta’ xi poteri lejn l-Unjoni Ewropea u bosta prinċipji fundamentali, bħall-istat tad-dritt, il-projbizzjoni dwar l-użurpazzjoni tal-poter bil-forza, il-formazzjoni u l-operat ħielsa tal-partiti, ir-ripudjazzjoni tal-gwerer, il-kooperazzjoni fil-kisba ta’ l-unità Ewropea, ir-rikonoxximent tad-drittijiet fundamentali u l-fatt li l-liġi fiha regoli dwar drittijiet u obbligi fundamentali iżda m’għandhiex timponi limitazzjonijiet fuq il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali.

Il-Kapitoli II sa XI fihom ir-regoli l-aktar fundamentali dwar id-dinjitarji pubbliċi u l-istituzzjonijiet l-aktar importanti tal-pajjiż, u jistabbilixxu l-istat legali u l-funzjonijiet ta’ l-Assemblea Nazzjonali, il-President tar-Repubblika, il-Qorti Kostituzzjonali, il-Kummissarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Minoranza Nazzjonali u Etniċi, l-Uffiċċju tal-Verifika ta’ l-Istat, il-Bank Nazzjonali Ungeriż, il-Gvern, il-forzi armati u l-pulizija, il-gvernijiet lokali, il-ġudikatura u l-Uffiċċju tal-Prosekutur.

FuqFuq

Il-Kapitolu XII fih id-dikjarazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi fundamentali, il-Kapitolu XIII jistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-elezzjonijiet, il-Kapitolu XIV jirrigwarda l-belt kapitali u l-emblemi ta’ l-Ungerija, u l-Kapitolu XV fih dispożizzjonijiet finali.

2. L-Atti tal-Parlament

Fl-Ungerija, l-Atti jistgħu jiġu promulgati mill-Assemblea Nazzjonali. Il-Kostituzzjoni tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi fundamentali li għandhom jiġu rregolati mill-Atti. L-Att XI ta’ l-1987 dwar il-Leġiżlazzjoni (l-Att dwar il-Leġiżlazzjoni) idaħħal oqsma oħrajn fl-ambitu esklużiv tal-leġiżlazzjoni. L-Assemblea Nazzjonali tadotta xi atti b’maġġoranza sempliċi tal-voti, jiġifieri aktar min-nofs tal-voti tal-Membri tal-Parlament preżenti, u oħrajn b’maġġoranza ta’ żewġ terzi (maġġoranza kkwalifikata). Minbarra l-Att li jadotta l-Kostituzzjoni, l-Att li jirratifika u jippromulga t-trattat internazzjonali dwar l-adeżjoni għall-UE u l-Att dwar l-emblemi nazzjonali jeħtieġu wkoll maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti tal-Membri tal-Parlament kollha. L-atti li jeħtieġu maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti huma speċifikati mill-Kostituzzjoni.

Qabel l-Adozzjoni ta’ l-Att XXXI ta’ l-1989 dwar l-emendar tal-Kostituzzjoni, il-Kunsill Presidenzjali ta’ l-Ungerija kien awtorizzat joħroġ liġijiet-digrieti. Mill-perspettiva tal-ġerarkija leġiżlattiva, il-liġijiet digrieti li għadhom fis-seħħ jikkwalifikaw bħala regolamenti fl-istess livelli bħall-atti.

3. Id-digrieti

L-Att dwar il-Leġiżlazzjoni jirrikonoxxi d-Digrieti tal-Gvernijiet, id-Digrieti Ministerjali u d-Digrieti tal-Gvern Lokali.

FuqFuq

L-awtorità tal-gvern li joħroġ id-digrieti jista’ jkun primarju jew ibbażat fuq awtorizzazzjonijiet leġiżlattivi. Is-setgħet primarji huma stabbiliti mill-Artikolu 35(2) tal-Kostituzzjoni, li jiddikjara li l-Gvern għandu joħroġ id-digrieti fl-isfera ta’ awtorità tiegħu. Dan ma jirrestrinġix lill-Assemblea Nazzjonali, li tista’ ġġib kwalunkwe qasam regolatorju taħt l-awtorità tagħha.

Taħt l-Att dwar il-Leġiżlazzjoni il-Gvern jista’, ukoll taħt awtorizzazzjoni speċifika leġiżlattiva, joħroġ digrieti biex jimplimenta l-atti. Skond l-Artikolu 15(1) ta’ l-Att dwar il-Leġiżlazzjoni, awtorizzazzjoni li jiġu ppromulgati r-regolamenti li jimplimentaw għandhom jispeċifikaw id-detentur, is-suġġett u l-ambitu ta’ l-awtorizzazzjoni. Id-detentur ma jistax jagħti awtorizzazzjoni leġiżlattiva ulterjuri lil parti oħra.

Id-Digrieti Ministerjali huma tip ta’ digriet speċjali. Huma jaqgħu taħt il-livell tad-Digrieti tal-Gvern fil-ġerarkija tal-leġiżlazzjoni. Taħt l-Att dwar il-Leġiżlazzjoni l-ministri jistgħu joħorġu d-digrieti fl-isfera tar-responsabbiltà tagħhom u fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjonijiet taħt l-Atti tal-Parlament jew id-Digrieti tal-Gvern. Għalhekk għandhom jintlaħqu żewġ kondizzjonijiet biex jinħarġu d-Digrieti Ministerjali.

Taħt att separat, il-President tal-Bank Nazzjonali Ungeriż jista’, f’Digrieti tal-Bank Ċenerali, joħroġ dispożizzjonijiet li jorbtu lill-istituzzjonijiet finanzjarji, lil persuni legali li ma jikkwalifikawx bħala istituzzjonijiet finanzjarji iżda li jwettqu servizzi finanzjarji addizzjonali, provdituri tas-servizzi ta’ l-investiment u ditti ta’ l-ikklerjar.

FuqFuq

Id-Digrieti tal-Gvern Lokali jikkostitwixxu t-tielet tip ta’ digriet. L-Artikolu 44/A(2) tal-Kostituzzjoni jgħid li l-korpijiet rappreżentattivi lokali jistgħu joħorġu digrieti fl-isfera ta’ l-awtorità tagħhom iżda li dawn m’għandhomx jikkonfliġġu ma’ regolamenti legali ogħla. Skond l-Artikolu 16(1) ta’ l-Att LXV ta’ l-1990 dwar il-gvernijiet lokali, korp rappreżentattiv tal-gvern lokali jista’, fl-isfera ta’ l-awtorità tiegħu, joħroġ Digrieti tal-Gvern Lokali li jirregolaw l-affarijiet pubbliċi lokali mhux irregolati minn regolamenti fuq livell ogħla u jinfurzawhom fuq il-bażi ta’ l-awtorizzazzjoni legali tagħhom.

4. Il-ftehimiet internazzjonali

L-Ungerija/il-Gvern ta' l-Ungerija tista'/jista' tikkonkludi/jikkonkludi ftehimiet internazzjonali ma' Stati oħrajn/il-gvernijiet ta' Stati oħrajn. Fl-Ungerija r-relazzjoni bejn il-ftehimiet internazzjonali u l-liġi domestika hija bbażati fuq sistema dualista, jiġifieri l-ftehimiet internazzjonali isiru parti mil-liġi domestika permezz tal-promulgazzjoni tagħhom b'regolamenti legali.

II. Sorsi oħrajn tal-liġi meħuda f’sens usa’ u li ma jikkwalifikawx bħala regolamenti

1. Strumenti legali oħrajn ta’ governanza

Is-sistema legali Ungeriża tinkludi strumenti legali ta' governanza oħrajn li, għalkemm huma regoli, ma jikkwalifikawx bħala regolamenti legali għaliex huma regoli interni li ma jorbtux lil kulħadd iżda (ħlief għal-linji gwida legali li m'għandhomx forza legali li torbot) jorbtu biss lill-korpijiet taħt l-awtorità ta' min ħariġhom. Taħt l-Att dwar il-Leġiżlazzjoni dawn l-istrumenti ta' governanza jinkludu deċiżjonijiet, ordnijiet tal-bank ċentrali, komunikazzjonijiet statistikali u linji gwida legali.

FuqFuq

Id-deċiżjonijiet jistgħu jiġu mgħoddija mill-Assemblea Nazzjonali, mill-Gvern, mill-kumitati tal-gvern, mill-gvern lokali u mill-korpijiet tal-gvern lokali, li jirregolaw l-operat tagħhom infishom u l-funzjonijiet ta' korpijiet taħt l-awtorità tagħhom u jadottaw pjanijiet relatati ma' l-isferi tar-responsabbiltà tagħhom.

Fil-kompetenza tagħhom kif provdut f'regolamenti legali, il-ministri u l-kapijiet ta' korpijiet nazzjonali kompetenti jistgħu joħorġu istruzzjonijiet biex jirregolaw l-attivitajiet ta' korpijiet taħt l-awtorità diretta tagħhom.

Il-komunikazzjonijiet statistiċi jinħarġu mill-President ta' l-Uffiċċju Statistikali Ċentrali u fihom dispożizzjonijiet li jorbtu li jikkonsistu esklussivament f'termini, metodi, klassifiki, listi u figuri statistiċi.

Il-linji gwida legali jinkludu Direttivi maħruġa mill-Assemblea Nazzjonali u l-Gvern li jistabbilixxu għanijiet ġenerali u programmi u jieħdu pożizzjonijiet dwar affarijiet importanti ta' l-istat u pubbliċi. L-Assemblea Nazzjonali u l-Gvern jistgħu jinterpretaw ir-regolamenti legali f'pożizzjonijiet ta' prinċipju. Il-ministri u l-kapijiet kompetenti ta' korpijiet nazzjonali jistgħu joħorġu direttivi u avviżi. Id-Direttivi jagħtu rakkomandazzjonijiet dwar il-modi u l-mezzi l-aktar importanti biex jiġu implimentati r-regolamenti legali. L-Avviżi jikkomunikaw il-fatti jew data importanti għall-operat ta' korpijiet inkarigati biex jimplimentaw ir-regolamenti legali.

2. Id-Deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali

Id-Deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali għandhom rwol importanti fis-sistema tal-leġiżlazzjoni. Il-Qorti Kostituzzjonali tivverifika l-kostituzzjonalità tar-regolamenti u, permezz ta’ deċiżjonijiet, tħassar ir-regolamenti (dispożizzjonijiet) li jikkonfliġġu mal-Kostituzzjoni. Il-Qorti Kostituzzjonali tagħti raġunijiet dettaljati għad-deċiżjonijiet tagħha u tiġġudika l-każijiet simili skond prinċipji diġà applikati. Deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali ma tistax tiġi appellata u torbot lil kulħadd. Il-funzjonijiet l-aktar importanti tal-Qorti Kostituzzjonali huma li tħares il-Kostituzzjoni u żżomm id-demokrazija kostituzzjonali u l-istabilità ta’ l-istat tad-dritt. Il-Qorti Kostituzzjonali għalhekk għandha livell għoli ta’ indipendenza u poter.

FuqFuq

3. Il-ġurisprudenza tal-qrati

Fit-twettiq tar-responsabbiltà tagħha li tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-liġi u tipprovdi gwida ġudizzjarja lill-qrati inferjuri, il-Qorti Suprema tagħti deċiżjonijiet ta' uniformità u toħroġ deċiżjonijiet ta' prinċipju. Proċedura ta' uniformità tista' tinbeda jekk l-iżvilupp u l-uniformità tal-prattika ġudizzjarja jeħtieġu l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' uniformità fi kwistjoni ta' prinċipju, u jekk kamra tal-Qorti Suprema bi ħsieba tiddevja mid-deċiżjoni meħuda minn kamra oħra tal-Qorti Suprema. Deċiżjoni dwar l-uniformità fil-liġi torbot lill-qrati. Deċiżjonijiet ta' prinċipju magħżula mill-prattika tal-kmamar ġudizzjarji tal-Qorti Suprema wkoll iservu l-uniformità ta' l-għotja ta' sentenzi; barra d-deċiżjonijiet għall-uniformità fil-liġi, id-deċiżjonijiet ta' prinċipju huma wkoll pubblikati fir-Repertorju Uffiċjali tal-Qorti Suprema (Legfelsőbb Bíróság Hivatalos Gyűjteménye).

III. Dħul fis-seħħ ta’ regoli fi strumenti supranazzjonali

L-Att L ta' l-2005 (l-Att dwar il-Liġi Internazzjonali) jirregola l-proċedura dwar il-ftehimiet internazzjonali u l-promulgazzjoni u d-dħul fis-seħħ ta' dawn il-ftehimiet. Skond l-Artikolu 9 ta' l-Att dwar il-Liġi Internazzjonali, jekk skond l-Artikolu 7(3) l-Assemblea Nazzjonali awtorizzat ir-rikonoxximent tal-validità ta' ftehim internazzjonali minħabba l-importanza ewlenija tiegħu għar-relazzonijiet esterni ta' l-Ungerija, dak il-ftehim għandu jiġi ppromulgat fil-forma ta' Att jew, f'każijiet oħrajn, Digriet tal-Gvern. L-awtorizzazzjoni li tiġi rikonoxxuta l-validità li torbot ta' ftehim internazzjonali tinsab f'att legali li jippromulgah. Fl-Att li jippromulga ftehim internazzjonali, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li fihom it-test tal-ftehim u r-riservazzjonijiet, l-oġġezzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet ghandhom jiġu stabbiliti fl-istess data bħad-dħul fis-seħħ tal-ftehim fl-Ungerija. Jekk din ta' l-aħħar mhijiex magħrufa meta jiġi ppromulgat il-ftehim, il-kondizzjonijiet għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim għandhom jgħidu li d-data meta jidħol fis-seħħ se tiġi stabbilita mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin f'deċiżjoni li għandha tiġi ppubblikata fil-Gazetta Ungeriża (Magyar Közlöny).

FuqFuq

Il-Kostituzzjoni ta' l-Ungerija tipprovdi wkoll għal metodu ieħor biex l-atti legali supranazzjonali jiġu inkorporati fis-sistema legali interna. Skond l-Artikolu 7(1) tal-Kostituzzjoni, is-sistema legali Ungeriża taċċetta l-prinċipji ġeneralment rikonoxxuti tal-liġi internazzjonali u tarmonizza l-liġi domestika ma' obbligi assunti taħt il-liġi internazzjonali. Skond l-Artikolu 8(1) tal-Kostituzzjoni, l-Ungerija tirrikonoxxi d-drittijiet tal-bniedem fundamentali u inaljenabbli; ir-rispett u l-protezzjoni ta' dawn id-drittijiet huma obbligu primarju ta' l-Istat.

Il-liġi tal-Komunità Ewropea hija trasposta fis-sistema legali Ungeriża b'regolament legali bbażati fuq is-suġġett fil-livell speċifikat mill-Kostituzzjoni u mill-Att dwar il-Leġiżlazzjoni.

IV. L-organi differenti awtorizzati li jadottaw ir-regolamenti legali

Fl-Ungerija, l-Assemblea Nazzjonali, il-Gvern, il-membri tal-Gvern, il-President tal-Bank Nazzjonali Ungeriż u l-gvernijiet lokali jistgħu jadottaw regolamenti legali.

L-Assemblea Nazzjonali, bħala l-ogħla organu tal-poter ta’ l-istat u tar-rappreżentanza demokratika fl-Ungerija, tadotta l-Kostituzzjoni ta’ l-Ungerija u hija awtorizzata li tadotta l-Atti.

Il-Gvern huwa l-organu ċentrali tal-poter esekuttiv. Huwa l-parti fuqanija ta’ l-amministrazzjoni pubblika u jikkontrolla u jikkoordina l-attività ta’ l-awtoritajiet ta’ l-amministrazzjoni pubblika. Il-membri tiegħu jinkludu l-Prim Ministru u l-Ministri. Il-Gvern jista’ jippromulga digrieti fl-isfera ta’ l-awtorità tiegħu speċifikata mill-Kostituzzjoni u taħt awtorizzazzjoni legali. Id-Digrieti tal-Gvern m’għandhomx jikkonfliġġu ma’ Atti tal-Parlament.

FuqFuq

Il-membri tal-Gvern huma l-Prim Ministru u l-Ministri. Il-Prim Ministru jippresjedi l-laqgħat tal-Gvern u jissorvelja l-infurzar tad-digrieti u d-deċiżjonijiet tal-Gvern. Il-Ministeri huma l-kapijiet tas-setturi fil-kompetenza tagħhom skond regolamenti legali u deċiżjonijiet tal-Gvern, u jidderieġu l-attivitajiet tal-korpijiet taht l-awtorità tagħhom. Fejn awtorizzati minn Atti Parlamentari jew Digrieti tal-Gvern, il-ministri jistgħu joħorġu d-digrieti fl-isfera ta’ l-awtorità tagħhom. Id-Digrieti Ministerjali ma jistgħux jikkonfliġġu ma’ l-Atti tal-Parlament jew id-Digrieti tal-Gvern.

Il-gvern lokali huwa korp pubbliku lokali li huwa elett u mmexxi b’mod demokratiku. Huwa jirregola u jidderiġi b’mod indipendenti l-affarijiet pubbliċi lokali fil-kompetenza tiegħu fl-interess tar-residenti lokali taħt il-qafas stabbilit mil-liġi. Il-gvernijiet lokali jistgħu, fejn awtorizzati mil-liġi, joħorġu digrieti li jirregolaw l-affarijiet tagħhom stess. Dawn id-digrieti m’għandhomx ikunu inkompatibbli ma’ xi regolament legali ogħla. Il-gvern lokali jista’ joħroġ digrieti li jirregolaw l-affarijiet pubbliċi li mhumiex irregolati minn regolamenti legali ogħla.

Il-President tal-Bank Nazzjonali Ungeriż jista’, f’qasam speċifikat minn Att separat, joħroġ dispożizzjonijiet f’digrieti tal-bank ċentrali li jorbtu lill-istituzzjonijiet finanzjarji u lil persuni legali li ma jikkwalifikawx bħala istituzzjonijiet finanzjarji iżda li joffru servizzi finanzjarji addizzjonali, kif ukoll lil fornituri ta’ servizzi ta’ l-investiment jew ċentri ta’ l-interkambju. Id-digrieti tal-bank ċentrali m’għandhomx jikkonfliġġu mal-liġi.

FuqFuq

V. Il-proċess ta’ l-adozzjoni ta’ regolamenti legali

Il-leġiżlazzjoni hija promulgata meta l-proċessi soċjali jew ekonomiċi jeħtieġu dan, meta r-regolamentazzjoni tad-drittijiet u ta' l-obbligi taċ-ċittadini jagħmluha neċessarja, u meta l-liġi tal-Komunità Ewropea għandha tkun trasposta fil-liġi Ungeriża. L-adozzjoni ta' regolament legali hija preċeduta minn analiżi tal-qasam li se jiġi rregolat. Huwa dejjem il-Ministru maħtur jew kompetenti fir-rigward tal-qasam li għandu jiġi rregolat li jipprepara l-abbozz tal-leġiżlazzjoni, Skond il-livell tal-leġiżlazzjoni, il-ministeru kompetenti jibgħat l-abbozz ippreparat għall-konsultazzjoni amministrattiva lil ministeri oħrajn, lil organizzazzjonijiet rappreżentattivi u lil korpijiet oħrajn ikkonċernati mil-leġiżlazzjoni. Fl-istess ħin, taħt l-Artikolu 9 ta' l-Att XC ta' l-2005 dwar il-libertà ta' l-informazzjoni elettronika, il-korp li abbozza t-test għandu jippubblikah (minbarra l-eċċezzjonijiet speċifikati hemm) fuq il-homepage tiegħu, fejn il-pubbliku jista' jagħmel kummenti jew suġġerimenti. Il-korp li ssottometta l-abbozz jirrevedih fuq il-bażi ta' l-opinjonijiet esperti rċevuti fil-kors tal-konsultazzjoni, u l-kummenti tal-pubbliku.

Wara l-proċess tal-konsultazzjoni amministrattiva, l-abbozz tal-leġiżlazzjoni li għandu jiġi sottomess lill-Gvern huwa diskuss fil-Laqgħa tas-Segretarji Amministrattivi ta' l-Istat, li tiddeċiedi jekk l-abbozz huwiex lest għas-sottomissjoni. Il-Laqgħa tas-Segretarji ta' l-Istat huwa l-aħħar forum għad-diskussjoni teknika ta' l-abbozz u jiddiskuti kwistjonijiet tekniċi/kunċettwali li dwarhom ma ntlaħaqx ftehim matul il-konsultazzjoni amministrattiva.

FuqFuq

Id-dokumenti diskussi mil-Laqgħa tas-Segretarji ta' l-Istat u misjuba xierqa għas-sottomissjoni huma sottomessi lill-Gvern. Fil-laqgħa tal-Gvern il-parti l-kbira tas-sottomissjonijiet huma adottati mingħajr diskussjoni, iżda dawk l-importanti jew dawk li huma problematiċi minn perspettiva politika huma diskussi mill-Gvern u adottati (jew le) wara.

Fil-każ ta' Abbozzi, il-pass li jmiss fil-proċess legali huwa t-tqegħid ta' l-Abbozz fuq il-mejda ta' l-Assemblea Nazzjonali. Imbagħad l-Abbozz huwa diskuss mill-kumitati parlamentari nnominati u l-laqgħa plenarja ta' l-Assemblea Nazzjonali. Il-kumitati parlamentarji u kwalunkwe Membru tal-Parlament jistgħu jressqu l-emendi għall-Abbozz. L-Assemblea Nazzjonali tivvota separatament fuq l-adozzjoni tal-proposti ta' l-emenda u mbagħad fuq l-Abbozz kollu.

Il-leġiżlazzjoni għandha tiġi ppromulgata fil-ġurnal uffiċjali ta' l-Ungerija, il- Magyar Közlöny [il-Gazzetta Ungeriża], li kopja diġitali tagħha għandha wkoll tiġi ppubblikata. Eċċezzjonalment, anness għal Digriet Ministerjali - jekk ma jikkonċernax liċ-ċittadini direttament - jista' wkoll isir pubbliku billi jiġi ppubblikat fil-ġurnal uffiċjali tal-Ministeru. Digriet tal-gvern lokali għandu jiġi ppromulgat fil-ġurnal uffiċjali tal-gvern lokali bil-mod normali, stabbilit mir-regolament operazzjonali u organizzazzjonali tal-gvern lokali.

VI. Id-dħul fis-seħħ ta’ regoli nazzjonali

Il-validità tal-leġiżlazzjoni testendi għal persuni privati u persuni legali li jirrisjedu fl-Ungerija u liċ-ċittadini Ungeriżi li jirrisjedu barra mill-pajjiż. Il-validità tad-digrieti maħruġa mill-gvern lokali testendi għaż-żona ta’ ġuriżdizzjoni tal-gvern lokali.

FuqFuq

L-Att dwar il-Leġiżlazzjoni jipprojbixxi l-validità retrospettiva, u jgħid li regolament legali ma jistax jistabbilixxi obbligi jew jiddikjara xi mġieba bħala illegali għall-perjodu qabel ma ġie ppromulgat.

Il-leġiżlazzjoni għandha dejjem tistabbilixxi d-data meta tidħol fis-seħħ b’tali mod li jibqa’ biżżejjed żmien biex wieħed jipprepara għall-applikazzjoni tagħha.

Il-leġiżlazzjoni u r-regolament li jimplimentaha għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin. Regolament legali jitlef is-saħħa tiegħu jekk regolament ieħor iħassru jew jekk it-terminu speċifikat fir-regolament legali jiskadi.

VII. Mezzi ta’ soluzzjoni ta’ kontradizzjonijiet fost is-sorsi tal-liġi

Ir-regolamenti m’għandhomx jistabbilixxu regoli li huma inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ regolament ieħor fuq l-istess livell jew livell ogħla. Jekk iseħħu l-kontradizzjonijiet, is-sistema legali tipprovdi mezzi xierqa biex jitneħħew.

Normalment il-kontradizzjoni tidher fil-preparazzjoni tal-leġiżlazzjoni kkonċernata; f’dawn il-każijiet is-sitwazzjoni tista’ tiġi rrimedjata qabel ma jiġi adottat ir-regolament. Iżda, kultant kunflitt bejn standards differenti jista’ jsir apparenti biss matul l-applikazzjoni tagħhom. F’dawn il-każijiet il-ġudikatura għandha tipprova tirrisolvi l-kontradizzjoni bl-għajnuna ta’ prinċipji legali ġenerali. Prinċipju bħal dan huwa li jekk regolament jikkunfliġġi ma’ regolament ogħla, jipprevali ta’ l-aħħar. Ieħor huwa li regolament speċjali jieħu preċedenza fuq wieħed ġenerali u li regolament legali aktar tard jieħu preċedenza fuq wieħed ta’ qabel.

Fejn jidħlu regolamenti legali fl-istess livell li ma jimplikawx ksur tal-Kostituzzjoni, dawn huma ġeneralment riżolti permezz ta’ l-interpretazzjoni tar-regolament mill-ġudikatura. Bl-għajnuna tal-prinċipji legali ta’ hawn fuq, il-ġudikatura tiddeċiedi liema mid-dispożizzjonijiet kunfliġġenti għandha tipprevali. Skond il-prattika segwita mill-Qorti Kostituzzjonali, jekk ir-regolament li jagħti lok għall-kunflitt jikser dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni, tqum sitwazzjoni kontra l-kostituzzjoni, f’liema każ il-Qorti Kostituzzjonali tħassar id-dispożizzjonijiet anti-kostituzzjonali.

Kunflitt bejn normi jista’ jfeġġ qabel ma sseħħ problema attwali fl-applikazzjoni. F’dawn il-każijiet il-leġiżlatur jelimina l-kontradizzjoni billi jemenda r-regolament.

Fil-każ ta’ Atti, il-President tar-Repubblika jista’, jekk iqis li dispożizzjoni ta’ regolament, li diġà ġie adottata mill-Assemblea Nazzjonali iżda għad mhux ippromulgat, tikser il-Kostituzzjoni, jitlob lill-Qorti Kostituzzjonali jiskrutinizza l-Att (veto kostituzzjonali). Jekk il-Qorti tiddeċiedi li r-regolament tassew jikser il-Kostituzzjoni, l-Assemblea Nazzjonali għandha tieħu l-passi biex tirrimedja l-pożizzjoni kontra l-kostituzzjoni.

« Ordni Legali - Informazzjoni Ġenerali | Ungerija - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 03-03-2008

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit