Kummissjoni Ewropea > NGE > Ordni Legali > Ġermanja

L-aħħar aġġornament: 02-08-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Ordni Legali - Ġermanja

Is-sorsi prinċipali bil-miktub tal-liġi domestika huma l-Kostituzzjoni, il-leġiżlazzjoni, l-atti u l-bye-laws. Barra minn dawn, jeżistu sorsi tal-liġi mhux miktubin, li huma l-prinċipji ġenerali miġbura fil-liġi internazzjonali, l-użu, u l-ġurisprudenza.

Minħabba l-istruttura federali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dawn is-sorsi differenti jiddupplikaw lil xulxin sa ċertu punt kemm fuq il-livell Federali (Bund) kif ukoll fuq il-livell individwali tal-Länder. Ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ oqsma legali hija rregolata bl-Artikolu 31 tal-Grundgesetz [GG – Liġi Bażika], jiġifieri l-Kostituzzjoni fuq il-livell Federali. Skond dan l-Artikolu, fejn ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-Liġi Federali u l-liġi tal-Land, għandha tirbaħ il-liġi Federali. Dan il-prinċipju japplika irrispettivament mill-istatus ġerarkiku tar-regoli legali konfliġġenti biex, per eżempju, statut (liġi) Federali jirbaħ fuq il-Kostituzzjoni ta’ Land.

Minkejja l-prinċipju ġenerali li tirbaħ il-Liġi Federali, l-istatus ġerarkiku rispettiv ta’ l-atti joħroġ dejjem mis-sors tagħhom, jiġifieri l-istatus jiddependi fuq il-korp li jippromulgahom.

Dan ifisser li l-Liġi Bażika (GG) hija fil-quċċata tal-Liġi Federali u għalhekk tal-ġerarkija ta’ l-istat ta’ dritt domestiku għaliex, bħala l-Kostituzzjoni tal-Ġermanja, hija l-liġi li fuqha jiddependu s-sistemi kollha legali u nazzjonali Ġermaniżi u li tista’ tiġi emendata biss b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Membri tal-Parlament (Bundestag) u b’żewġ terzi tal-voti tal-Kamra Leġiżlattiva tal-Länder (Bundesrat) (Artikolu 79(2) GG). Ċerti komponenti essenzjali tal-Liġi Bażika lanqas biss jistgħu jiġu emendati (Artikolu 79(3) GG). Kull dispożizzjoni legali trid tkun kostituzzjonalment aċċettabbli kemm fil-forma kif ukoll fis-sustanza. Il-leġiżlazzjoni, il-poter eżekuttiv u l-ġurisprudenza huma marbuta b’mod partikulari bid-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li għandhom applikazzjoni diretta fil-liġi (Artikolu 1(3) GG). Dan il-prinċipju tad-drittijiet fundamentali jista’ jiġi invokat mill-persuni affettwati quddiem il-Qrati, fl-aħħar mill-aħħar billi jsir appell kostituzzjonali quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Federali. .

Ir-regoli ġenerali tal-liġi internazzjonali jimlew il-vojt ta’ bejn il-Kostituzzjoni u l-liġijiet. Il-Liġi Bażika tgħid espliċitament li dawn huma komponent tal-Liġi Federali, li jieħdu preċedenza fuq liġijiet bħal dawn u li joħolqu direttament drittijiet u dmirijiet għar-residenti fit-territorju Federali (Artikolu 25 GG). Dawn ir-regoli ġenerali tal-liġi internazzjonali b’sinifikat għall-individwi (jiġifieri mhux regoli relevanti biss għall-Istat) jinkludu, per eżempju, il-garanzija ta’ forma adattata ta’ protezzjoni għall-barranin jew il-prinċipju ta’ l-ispeċifikazzjoni, fejn il-proċedimenti kriminali jkunu suġġetti għat-termini ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ estradizzjoni ta’ l-istat barrani li jkun qiegħed jagħmel l-estradizzjoni.

FuqFuq

Il-leġiżlazzjoni għandha status li jiġi taħt il-Kostituzzjoni. Il-poteri tal-Bund li jgħaddi l-liġijiet huma rregolati u enumerati permezz tal-Liġi Bażika (b’mod partikulari permezz ta’ l-Artikoli 73 – 75 GG). Il-liġijiet jgħaddu mill-Bundestag flimkien mal-Bundesrat. Liġijiet fi stat ta’ abbozz jistgħu jitressqu mill-Gvern Federali, mill-Bundesrat jew minn ġewwa l-Bundestag (minn grupp politiku jew minn 5% tal-membri). Il-Liġi Bażika tistabbilixxi espliċitament il-każijiet speċifiċi fejn l-approvazzjoni finali tal-liġi mill-Bundestag tkun teħtieġ il-qbil tal-Bundesrat (fil-preżent madwar 60% tal-liġijiet kollha). Fil-każ tal-bqija tal-liġijiet mgħoddija mill-Bundestag, il-Bundesrat jista’ jagħmel biss oġġezzjonji, li tista’ tiġi rrifjutata mill-Bundestag. Fejn ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-Bundestag u l-Bundesrat, jista’ jinħatar kumitat ta’ konċiljazzjoni kompost minn membri taż-żewġ kmamar (fil-preżent 16-il membru minn kull waħda). Ix-xogħol tal-kumitat ta’ konċiljazzjoni huwa li joħloq proposti biex jintlaħaq qbil unanimu għalkemm huwa stess ma jistax jieħu deċiżjonijiet f’isem il-Bundestag u l-Bundesrat (għal aktar dwar il-proċess leġiżlattiv, ara l-Artikoli 76 sa 78 GG).

Il-liġijiet Federali jiġu ppromulagati mill-President Federali – wara l-kontrofirma tal-membri responsabbli tal-Gvern Federali – u wara jiġu ppubblikati fil-Gazzetta Federali. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tgħid il-kontra dwar id-data effettiva, liġijiet bħal dawn jidħlu fis-seħħ fl-14-il jum wara d-data tal-ħruġ tal-Gazzetta Federali (Artikolu 82 GG).

Il-konsistenza ta’ liġi partikulari mal-Kostituzzjoni tista’ tiġi ppruvata mill-qrati regolari bħala parti minn każ speċifiku. Madankollu l-qrati nnifishom ma jistgħux jiddikjaraw liġi bħala li ma tkunx kostituzzjonali. Fejn id-deċiżjoni tal-qorti f’każ partikulari tkun ibbażata fuq liġi li hija tqis li ma tkunx kostituzzjonali, il-qorti għandha twaqqaf il-proċedimenti u tikseb sentenza mill-Qorti Kostituzzjonali Federali (Artikolu 100 GG). B’dan il-mod, il-Qorti Kostituzzjonali Federali tista’ tiddetermina kategorikament jekk il-Parlament, bħala l-korp leġiżlattiv elett demokratikament, ikunx aġixxa b’mod li ma huwiex kostituzzjonali.

L-atti (Rechsverordnungen) għandhom status li jiġi taħt il-leġiżlazzjoni. Dawn jinħarġu mill-eżekuttiv (il-Gvern Federali, il-Ministri Federali, il-Gvern tal-Land, u fejn ikun applikabbli minn korpi amministrattivi oħra) bis-saħħa ta’ l-awtorità legali li għandha tkun definita biżżejjed f’termini ta’ l-intenzjoni, l-għan u l-firxa tagħha. Peress li dawn jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni dawn ma jistgħux imorru kontriha (il-preċedenza ta' liġi).

FuqFuq

Deċiżjonijiet sostantivi ta’ sinifikat importanti ħafna għall-persuni affettwati ma jistgħux isiru f’forma ta’ att ħlief jekk fil-konfini tal-leġiżlazzjoni nnifisha (riżerva legali).

L-atti maħruġa fuq il-livell Federali jinħtieġu l-approvazzjoni tal-Bundesrat jekk waħda mill-kondizzjonijiet marbuta speċifikati fil-Liġi Bażika tkun involuta jew jekk l-awtorità legali tkun teħtieġ hekk (Artikolu 80(1) u (2) GG).

L-atti jiġu ppromulgati mill-korp li joħroġhom. L-atti maħruġa fuq il-livell Federali jiġu normalment ippubblikati f’waħda mill-Gazzetti Federali Uffiċjali [Bundesgesetzblatt jew Bundesanzeiger]. L-atti ppubblikati fil-Bundesanzeiger issirilhom referenza bħala tagħrif fil-Bundesgesetzblatt fejn jingħata l-isem tal-korp li jkun ippubblikahom u d-data effettiva ta’ l-att (Artikolu 82(1) GG flimkien ma’ l-Artikolu 1 ta’ l-Att dwar il-Pubblikazzjoni ta’ l-Atti).

Il-persuni affettwati b’dawn l-atti jistgħu jikkontestaw il-legalità tagħhom fil-qrati – għall-inqas indirettament bħala parti mill-appell kontra deċiżjoni speċifika mogħtija minn awtorità ibbażata fuq l-att u sa ċertu punt direttament fil-każ ta’ atti fuq il-livell tal-Land (Artikolu 47 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva).

Il-bye-laws (Satzungen or Ordnungen) huma dispożizzjonijiet legali maħruġa minn persuna legali kkostitwita skond il-liġi pubblika kif definit mill-Istat (korporazzjoni pubblika, istituzzjoni jew fondazzjoni). L-oqsma prinċipali fejn jintużaw huma fl-amministrazzjonijiet tal-muniċipalitajiet u l-korpi akkademiċi, professjonali u tas-sigurtà pubblika (per eżempju liġiet sussidjarji li jkopru ħlasijiet muniċipali għat-tindif tat-toroq u l-ġbir ta’ l-iskart jew għall-universitajiet).

Il-poter li jinħarġu dawn l-atti huwa sa ċertu punt miġbur fil-Kostituzzjoni (speċjalment fil-kuntest ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-awtorità lokali, l-Artikolu 28(2) klawsola 1 GG). Barra minn dan, poter bħal dan joħroġ minn awtorità legali bħal dik marbuta ma’ l-atti. B’distinzjoni mill-awtorità biex jinħarġu l-atti, il-liġi ma tawtorizzax (biss) il-ħruġ ta’ dispożizzjonijiet individwali b’intenzjoni maħsuba minn qabel iżda pjuttost tagħti l-awtorità komprensiva biex jitħejjew liġijiet sussidjarji fil-limiti ta’ l-isfera ta’ l-awtorità ta’ l-amministrazzjoni awtonoma rilevanti (indipendenza regolatorja). Għalhekk, il-bye-law hija dispożizzjoni legali li toħroġ mill-awtorità ta’ l-Istat. Madankollu, il-poteri mogħtija minnha huma fuq livell amministrattiv indipendenti u mhux fuq il-livell ta’ l-Istat, għalkemm għandhom ikunu konformi mal-liġijiet ta’ l-Istat. Rigward l-intenzjoni tal-bye-law, l-awtorità tagħha hija ristretta għax-xogħol partikulari ta’ l-istituzzjoni individwali u torbot biss lill-membri tagħha u l-persuni li jaqgħu taħtha.

FuqFuq

Il-bye-laws jinħolqu u jiġu approvati mill-korp li jmexxi (u awtorizzat demokratikament) tal-persuna legali awtorizzata. Spiss jiġri li l-korp tas-sorveljanza responsabbli jeħtieġ li japprovaha bħala forma ta’ sorveljanza legali biex jiżgura li tkun tista’ topera fil-limiti tal-amminstrazzjoni awtonoma ta’ l-istituzzjoni u tkun konformi mal-liġijiet ta’ l-Istat. Il-liġi ta’ l-Istat partikulari tirregola l-promulgazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-bye-law.

Il-persuni minn bye-law jistgħu jikkontestaw il-legalità tagħha fil-qrati – indirettament bħala parti minn appell kontra deċiżjoni speċifika mogħtija minn xi awtorità bis-saħħa tal-bye-law u sa ċertu punt ukoll permezz ta’ proċedimenti legali fir-reviżjoni ġudizzjarja maħsuba fl-Artikolu 47 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva.

Rigward it-tip u l-ordni ta’ preċedenza ta’ l-atti, il-Liġi fuq il-livell tal-Land tikkorrespondi mal-Liġi Federali, u b’hekk il-kummenti li saru aktar ‘il fuq huma adattati fl-applikazzjoni tagħhom. Huma biss ir-regoli Federali li jirregolaw l-istatus tad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-liġi internazzjonali li m’għandhomx ekwivalenza fil-livell tal-Land.

Iż-żamma ta’ relazzonijiet barranin u b’hekk ukoll il-poter li jiġu nnegozjati trattati taħt il-liġi internazzjonali jaqgħu unikament fl-isfera ta’ l-awtoritajiet Federali. It-trattati internazzjonali għaldaqstant isiru mill-Gvern Federali.

It-trattati internazzjonali li jirregolaw ir-relazzjonijiet politiċi tal-Bund jew li jikkonċernaw is-suġġetti li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni Federali jeħtieġu l-approvazzjoni jew l-involviment ta’ korp responsabbli għal-leġiżlazzjoni Federali fil-forma tal-liġi Federali. Ir-regoli ġenerali jipprovdu li l-Bundesrat għandu jkun involut fil-proċess leġiżlattiv, jiġifieri l-approvazzjoni tiegħu hija meħtieġa f’xi forma.

Rigward it-trattati Federali dwar suġġetti oħrajn li ma ssemmewx aktar ‘il fuq, ebda liġi tal-Bundestag ma hija meħtieġa – minflok jiġu adottati bis-saħħa tal-mezzi għad-dispożizzjoni ta’ l-eżekuttiv (atti, dispożizzjonijiet amministrattivi, atti amministrattivi).

Sakemm ikollhom l-awtorità leġiżlattiva eżekuttiva, il-Länder ukoll jistgħu, bl-approvazzjoni tal-Gvern Federali, jagħmlu trattati ma’ Stati barranin. Jekk trattat ikollu effett fuq ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni tal-Land, l-approvazzjoni mill-Parlament tal-Land, skond il-Kostituzzjoni tal-Land partikulari, twassal għall-adozzjoni tiegħu fil-liġi tal-Land. Il-Länder jistgħu jagħmlu trattati wkoll f’dawk l-oqsma li l-Gvernijiet tal-Land għandhom is-setgħa li joħorġu atti.

« Ordni Legali - Informazzjoni Ġenerali | Ġermanja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 02-08-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit