Kummissjoni Ewropea > NGE > Ordni Legali > Finlandja

L-aħħar aġġornament: 09-11-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Ordni Legali - Finlandja

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Is-sorsi tal-liġi 1.
1.1. Is-sorsi nazzjonali tal-liġi 1.1.
1.2. Is-sorsi internazzjonali tal-liġi u l-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea 1.2.
2. Il-ġerarkija tas-sorsi tal-liġi 2.
3. L-implimentazzjoni fil-Finlandja ta’ l-obbligi internazzjonali 3.
4. L-awtorità għall-adozzjoni tar-regoli legali 4.
5. Il-promulgazzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-regoli legali 5.
6. Ir-riżoluzzjoni tal-konflitti bejn ir-regoli legali fil-Finlandja 6.
7. Aktar informazzjoni u links oħra 7.

 

1. Is-sorsi tal-liġi

It-terminu “sorsi tal-liġi” tfisser is-sorsi fejn jinstabu r-regoli legali. Ċerti sorsi tal-liġi huma nazzjonali, waqt li oħrajn huma internazzjonali. Uħud mis-sorsi huma bil-miktub, waqt li oħrajn ma humiex. Ġabra fil-qosor tas-sorsi kollha tal-liġi tinstab hawn taħt.

1.1. Is-sorsi nazzjonali tal-liġi

L-aktar sorsi nazzjonali importanti tal-liġi huma l-liġijiet miktubin. It-terminu “liġijiet” f’dan il-kuntest għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa biex jinkludi l-Kostituzzjoni, l-atti ordinarji (magħrufa wkoll bħala l-Atti tal-Parlament), id-digrieti, kemm dawk maħruġa mill-President tar-Repubblika, mill-Kunsill tal-Ministri kif ukoll dawk mill-Ministeri, u r-regoli legali maħruġa minn awtoritajiet f’livell anqas. Ir-regoli legali maħruġa minn awtoritajiet f’livell anqas u d-digrieti jistgħu jinħarġu biss bl-awtorità tal-Kostituzzjoni jew ta’ att ordinarju, li normalment jispeċifika l-korp Statali jew l-awtorità li għandhom s-setgħa li joħorġuhom.

F’ċirkustanzi fejn ma teżisti ebda liġi miktuba, il-Kapitolu 1, Artikolu 11 tal-Kodiċi tal-Proċedura jipprovdi li l-użu għandu jitqies bħala s-sors tal-liġi. Biex l-użu jkun jorbot, m’għandux ikun inġust. Ir-regola ta’ l-użu tmur lura żmien twil u l-kunċett kurrenti tagħha huwa pjuttost nieqes mill-ispeċifiċità. “L-użu” illum jirreferi primarjament għal ċerti prattiki stabbiliti li jseħħu per eżempju f’attivitajiet kummerċjali. Billi r-regolamenti stabbiliti fil-liġi miktuba issa huma komprensivi mhux ħażin, l-użu llum huwa relattivament rari li jkun importanti bħala sors tal-liġi. F’ċerti oqsma, madankollu, bħal fil-każ tal-liġi tal-kuntratti, il-liġi skond l-użu hija b’saħħitha wkoll fil-preżent.

FuqFuq

Ix-xogħol leġiżlattivi preparatorju u d-deċiżjonijiet tal-qrati wkoll huma sorsi tal-liġi. Ix-xogħol leġiżlattivi preparatorju jipprovdi tagħrif dwar l-intenzjoni tal-leġiżlatur u għal dik ir-raġuni dokumenti bħal dawn jintużaw fl-interpretazzjoni tal-liġi. Mid-diversi deċiżjonijiet tal-qrati, l-aktar importanti bħala sorsi tal-liġi huma dawk ta’ l-ogħla qrati, jiġifieri l-Qorti Suprema u l-Qorti Amministrattiva Suprema. Id-deċiżjonijiet ta’ dawn iż-żewġ qrati jissejħu preċedenti. Minkejja li l-preċedenti ma jorbtux legalment, fil-prattika huma ta’ importanza kbira. Id-deċiżjonijiet ta’ qrati oħra jistgħu wkoll ikunu importanti bħala sorsi tal-liġi. Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi fejn id-deċiżjoni ta’ qorti inferjuri tkun finali, il-prassi tal-qrati inferjuri tista’ fil-fatt tkun ta’ importanza prattika kbira.

Il-ġurisprudenza, il-prinċipji legali ġenerali u l-argumenti fattwali huma wkoll sorsi tal-liġi. Ix-xogħol speċifiku tal-ġurisprudenza huwa r-riċerka tal-kontentut tas-sistema legali – l-interpretazzjoni u l-klassifikazzjoni tar-regoli legali – u għal dik ir-raġuni, dik ukoll hija sors importanti tal-liġi. Il-prinċipji legali ġenerali u l-argumenti prattiċi jistgħu wkoll ikunu ta’ importanza bħala sorsi tal-liġi. Kif sejjer jidher hawn taħt, il-post ta’ dawn is-sorsi fil-ġerarkija tas-sorsi tal-liġi huwa, madankollu, iktar dgħajjef minn ta’ dak ta’ sorsi oħra msemmija aktar ‘il fuq.

1.2. Is-sorsi internazzjonali tal-liġi u l-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea

Il-ftehim internazzjonali u l-obbligi l-oħra internazzjonali li l-Finlandja hija marbuta bihom huma sorsi li jorbtu tal-liġi fil-Finlandja. Il-prassi tal-korpi internazzjonali li japplikaw ftehim bħal dawn għandha wkoll l-importanza tagħha bħala sors tal-liġi. Eżempju ta’ sors tal-liġi li jaqa’ f’din il kategorija huwa l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-prattika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija rilevanti fl-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni.

FuqFuq

Bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea, hija ħaġa naturali li l-Finlandja wkoll tkun marbuta bil-liġi ta’ l-Unjoni. Ir-regolamenti u d-direttivi huma parti mil-leġiżlazzjoni l-aktar importanti tal-Komunitajiet Ewropej. Ir-regolamenti huma applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha waqt li d-direttivi jridu jiġu implimentati fl-Istati Membri. Ix-xogħol preliminari għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni jista’ għalhekk ikollu ċerta importanza fil-mod ta’ kif il-liġi Komunitarja tiġi interpretata, għalkemm din l-importanza hija ħafna inqas meta mqabbla max-xogħol preparatorju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Atti regolatorji oħra ta’ l-UE jorbtu wkoll lill-Finlandja bl-istess mod kif jorbtu lill-Istati Membri l-oħra. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej huma wkoll ta’ importanza bħala sors tal-liġi minħabba li jagħmlu parti mill-korp tal-liġi Ewropew.

2. Il-ġerarkija tas-sorsi tal-liġi

Is-sorsi Finlandiżi tal-liġi skond id-drawwa jitqassmu f’sorsi li jorbtu b’mod qawwi, li jorbtu b’mod dgħajjef jew sorsi ammissibbli. L-atti u l-użu huma sorsi li jorbtu b’mod qawwi. Għaldaqstant qiegħdin fl-ogħla pożizzjoni fil-ġerakija. Huwa d-dmir uffiċjali ta’ l-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi li japplikawhom; li jiġu injorati huwa meqjus bħala imġiba ħażina fil-qadi tad-dmirijiet uffiċjali. Il-ġerarkija tal-leġiżlazzjoni nazzjonali hija kif ġej:

  1. Il-Kostituzzjoni,
  2. l-Atti ordinarji (l-Atti tal-Parlament),
  3. id-digrieti maħruġa mill-President tar-Repubblika, il-Kunsill tal-Ministri u l-Ministeri u
  4. ir-regoli legali maħruġa minn awtoritajiet f’livell anqas.

Is-sorsi tal-liġi li jorbtu b’mod dgħajjef, jiġifieri dawk f’livell aktar ‘l isfel fil-ġerarkija, huma magħmula minn xogħol leġiżlattiv perparatorju u deċiżjonijiet tal-qrati. In-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ dawn is-sorsi ma jirriżultax f’sanzjoni għall-imġiba ħażina fil-qadi tad-dmirijiet uffiċjali kontra l-awtorità inkarigata mill-infurzar tal-liġi, iżda tiżdied il-probabbiltà li qorti ogħla tibdel id-deċiżjoni. Il-kategoriji tas-sorsi ammissibli tal-liġi huma magħmula mill-ġurisprudenza, il-prinċipji legali ġenerali u l-argumenti fattwali. Is-sorsi ammissibbli tal-liġi ma jorbtux iżda jistgħu jintużaw u jqawwu argument u b’hekk isaħħu l-bażi li fuqha tittieħed deċiżjoni.

FuqFuq

Il-ftehim internazzjonali għandhom l-istess livell ġerarkiku bħall-att li jimplimentahom fil-Finlandja. Għalhekk, jekk ftehim internazzjonali jiġi implimentat permezz ta’ att, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim għandu l-livell ġerarkiku fil-Finlandja tad-dispożizzjonijiet ta’ l-att. Jekk iżda, jiġi implimentat obbligu internazzjonali bis-saħħa ta’ digriet, id-dispożizzjonijiet tiegħu ikollhom l-istess livell fil-ġerarkija bħad-dispożizzjonijiet tad-digriet. Id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni huma għalhekk analogi għad-dispożizzjonijiet ta’ l-istess livell fil-ġerarkija.

Konformi mad-duttrina tas-supremazija tal-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea, il-liġi ta’ l-Unjoni għandha l-preċedenza fuq il-liġi nazzjonali. Għalhekk fejn dispożizzjoni nazzjonali u dispożizzjoni li torbot tal-liġi Ewropea jkunu inkompatibbli ma’ xulxin, tirbaħ id-dispożizzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni, anki tirbaħ fuq il-Kostituzzjoni nazzjonali tagħna.

3. L-implimentazzjoni fil-Finlandja ta’ l-obbligi internazzjonali

Il-Finlandja hija waħda mis-sistemi duwalisti fejn Ftehim internazzjonali ma jsirx jorbtu direttament fil-liġi domestika sakemm ma jkunx ġie implimentati fil-liġi domestika. Il-Kostituzzjoni tgħid li l-obbligi internazzjonali li jaqgħu taħt il-firxa tal-leġiżlazzjoni għandhom jiġu implimentati permezz ta’ att. Id-dispożizzjonijiet l-oħra għandhom jiġu implimentati permezz ta’ digriet. Obbligu internazzjonali jidħol fis-seħħ fil-pajjiż fiż-żmien stipulat fid-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni. Ftehim internazzjonali li jorbot lill-Finlandja u d-dispożizzjonijiet li jimplimentawh huwa ppubblikat fis-Sensiela tat-Trattati tal-Korp tal-Liġijiet tal-Finlandja.

FuqFuq

4. L-awtorità għall-adozzjoni tar-regoli legali

Skond il-Kostituzzjoni, il-poter leġiżlativ fil-Finlandja jinstab f’idejn il-Parlament. Il-Parlament jippromulga l-atti ordinarji kollha u jiddetermina wkoll l-emendi għall-Kostituzzjoni. L-atti jew il-liġijiet bażiċi ppromulgati mill-Parlament jistgħu jagħtu lil ċerti korpi oħra l-awtorità li joħorġu regoli legali fuq ċerti suġġetti partikulari. Bis-saħħa ta’ din it-tip ta’ awtorizzazzjoni il-President tar-Repubblika, il-Gvern u Ministeru jistgħu joħorġu d-digrieti. Fejn m’hemmx dispożizzjoni li tispeċifika min għandu joħroġ id-digriet, dan għandu jinħareġ mill-Gvern. Awtorità f’livell anqas tista’ f’ċerti ċirkustanzi tiġi awtorizzata permezz ta’ att biex tistabbilixxi r-regoli legali fuq ċerti suġġetti partikulari fejn ikun hemm raġunijiet speċifiċi marbuta mas-suġġett tar-regoli kkonċernati u fejn is-sinifikat materjali ta’ dawk ir-regoli ma jkunx jeħtieġ li jiġu stabbiliti permezz ta’ att jew ta’ digriet. Il-firxa ta’ awtorizzazzjoni bħal din għandha tiġi speċifikata b’mod ċar. Ebda korp, minbarra dawk imsemmija aktar ‘l fuq ma għandu l-awtorità li joħroġ regoli legali ġenerali li jorbtu.

5. Il-promulgazzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-regoli legali

Sabiex il-leġiżlazzjoni tkun tista’ tiġi promulgata fil-forma ta’ att, trid tiġi ppreżentata lill-Parlament biex jikkunsidraha bħala proposta tal-Gvern jew bħala inizjattiva ta’ Membru Parlamentari. Il-proposti tal-gvern jitħejjew fil-Ministeri li sussegwentement jiddiskutuhom fis-sessjoni plenarja tal-Gvern. Imbagħad tittieħed deċiżjoni waqt is-sessjoni Presidenzjali biex il-proposta tal-Gvern tinġab quddiem il-Parlament.

FuqFuq

Fil-Parlament l-ewwel isir dibattitu preliminari dwar il-proposta tal-Gvern u wara tgħaddi għand Kumitat Parlamentari fejn tiġi kkunsidrata. Il-Kumitat jisma’ x’għandhom xi jgħidu l-esperti u jħejji rapport dwar il-proposta tal-Gvern. Il-kwistjoni imbagħad tiġi rreferuta lis-sessjoni plenarja tal-Parlament fejn ir-rapport tal-Kumitat Parlamentari jservi ta’ bażi għad-diskussjoni tal-kwistjoni. Id-deċiżjoni biex jgħaddu l-abbozzi tal-liġijiet tittieħed waqt sessjoni plenarja tal-Parlament f’żewġ qari. Il-Parlament jista’ jgħaddi abbozz ta’ liġi mingħajr ma jagħmel emendi, jew billi jemendah jew jista’ jirrufjutah. Huwa l-Parlament għalhekk li għandu l-poter aħħari li jieħu deċiżjoni dwar x’għandu jsir mill-abbozz tal-liġi. L-abbozzi tal-liġi ordinarja jgħaddu fil-Parlament permezz ta’ maġġoranza sempliċi, waqt li emenda għal Kostituzzjoni teħtieġ maġġoranza stipulata. Ġaladarba abbozz jgħaddi mill-Parlament, jintbagħat lill-President tar-Repubblika għall-approvazzjoni tiegħu. Att jidħol fis-seħħ fiż-żmien speċifikat fid-dispożizzjoni tiegħu dwar id-dħul fis-seħħ, iżda f’ebda każ ma jidħol fis-seħħ qabel ma jkun ġie ppubblikat fil-Korp tal-Liġijiet tal-Finlandja.

Id-digrieti maħruga mill-President tar-Repubblika, il-Gvern jew Ministeru jitħejjew mill-Ministeru li jittratta l-kwistjoni kkonċernata. Fil-każ tad-digrieti presidenzjali, il-President tar-Repubblika jieħu deċiżjoni biex joħroġ digriet fuq il-proposti ppreżentati mill-Gvern. Il-ħruġ tad-digrieti tal-gvern huwa ddeterminat fis-sessjonijiet plenarji tal-gvern, u l-ħruġ tad-digrieti Ministerjali huwa ddeterminat mill-Ministeru kkonċernat. Id-digrieti kollha jiġu ppubblikati fil-Korp tal-Liġijiet tal-Finlandja. Digriet jidħol fis-seħħ fiż-żmien speċifikat fid-digriet innifsu, iżda f’ebda każ ma jidħol fis-seħħ qabel ma d-digriet ikun ġie ppubblikat fil-Korp tal-Liġijiet tal-Finlandja.

FuqFuq

Ir-regoli legali stabbiliti mill-awtoritajiet f’livell anqas, li fil-prattika normalment jissejħu deċiżjonijet jew regoli u regolamenti, jitħejjew mill-awtorità konċernata, li tiddeċiedi wkoll dwar l-adozzjoni tagħhom. Ir-regolament adottati minn awtorità f’livell anqas jidħlu fis-seħħ fiż-żmien stipulat għalihom u jiġu ppubblikati fil-Kompendju tar-Regoli u r-Regolamenti ta’ l-awtorità konċernata.

6. Ir-riżoluzzjoni tal-konflitti bejn ir-regoli legali fil-Finlandja

It-tliet regoli ġenerali li ġejjin huma dawk li prinċipalment jintużaw fir-riżoluzzjoni tal-konflitti fil-liġijiet minn korpi li japplikaw il-liġi:

  1. dispożizzjoni f’livell aktar ‘l isfel fil-ġerarkija tan-normi titwarrab minn dispożizzjoni f’livell aktar għoli,
  2. lex specialis derogat legi generali (ir-regoli speċifċi jirbħu fuq ir-regoli ġenerali) u
  3. lex posteriori derogat legi priori (ir-regoli aktar reċenti jirbħu fuq ir-regoli inqas reċenti).

Il-kostituzzjonalità tal-leġiżlazzjoni tiġi mmonitorjata fil-Finlandja permezz ta’ sistema avvanzata ta’ monitoraġġ. Għal dik ir-raġuni ma teżistix Qorti Kostituzzjonali separata fil-Finlandja. Ix-xogħol tal-Kumitat tal-Liġi Kostituzzjonali huwa li jagħti l-opinjonijiet tiegħu dwar il-kostituzzjonalità ta’ l-abbozzi tal-liġi u kwistjonijiet oħra mgħoddija lilu biex jiġu kkunsidrati, u dwar il-kompatibilità tagħhom mal-ftehim internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Il-prinċipju bażiku għalhekk huwa li l-leġiżlazzjoni mħejjija mill-Parlament trid tikkonforma mal-Kostituzzjoni u l-ftehim internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.

FuqFuq

Fejn ikun għad hemm konflitt bejn il-Kostituzzjoni u dispożizzjonijiet oħra, isir sforz biex tinstab soluzzjoni permezz ta’ l-interpretazzjoni. Għalhekk isiru sforzi biex tiġi interpretata l-leġiżlazzjoni u dispożizzjonijiet oħra sabiex jitneħħa l-konflitt mal-Kostituzzjoni. Fil-każ ta’ l-obbligi internazzjonali marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, il-Kumitat tal-Liġi Kostituzzjonali jimxi fuq il-prinċipju li jgħid li fejn jistgħu jiġu ġġustifikati l-interpretazzjonijiet alternattivi, l-alternattiva li għandha tiġi adottata għandha tkun dik li twassal għat-titjib fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, fi kliem ieħor l-alternattiva li tkun favorevoli fil-konfront tad-drittijiet tal-bniedem.

Fil-każ li l-interpretazzjoni ma twassalx għas-soluzzjoni tal-konflitt, il-Kostituzzjoni tipprovdi wkoll għal diversi mezzi biex il-kostituzzjonalità tiġi eżaminata wara l-fatt. L-Artikolu 106 tal-Kostituzzjoni jgħid li fil-każ li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni li tinstab fl-Att fi kwistjoni quddiem il-qorti tkun f’konflitt b’mod ċar ma dispożizzjoni fil-Kostituzzjoni, il-qorti trid tagħti l-preċedenza lid-dispożizzjoni fil-Kostituzzjoni. L-Artikolu 107 tal-Kostituzzjoni jipprovdi li fejn dispożizzjoni f’Digriet jew f’sors ieħor tal-liġi li tkun inferjuri għal att fil-ġerarkija tkun f’konflitt mal-Kostituzzjoni jew ma’ l-att, ma tistax tiġi applikata minn ebda qorti jew korp ieħor.

7. Aktar informazzjoni u links oħra

Aktar informazzjoni dwar il-proċess leġiżlattiv jinstab fuq il-websajt tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Law and society English - suomi - svenska (Il-Liġi u s-Soċjetà)– Ministeru tal-Ġustizzja). L-atti u d-digrieti kollha fis-seħħ fil-Finlandja jistgħu jiġu kkonsultati fl-Online Database tal-Leġiżlazzjoni Nazzjonali, kif jista’ jsir ukoll fil-każ tar-regoli legali stabbiliti minn korpi f’livell anqas; l-indirizz tad-Database huwa (FINLEX English - suomi - svenska). Id-Database jinkludi wkoll il-proposti kollha tal-Gvern sa mill-1992 u l-ġurisprudenza bbażata fuq is-sentenzi tal-qrati supremi. L-informazzjoni dwar il-proposti tal-Gvern u d-dokumenti tal-bidu fil-qari ta’ l-abbozzi tal-liġi fil-Parlament tinstab ukoll fil-websajt tal-Parlament (Finnish Parliament English - français - suomi - svenska (Parlament Finlandiż)).

« Ordni Legali - Informazzjoni Ġenerali | Finlandja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 09-11-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit