Kummissjoni Ewropea > NGE > Ordni Legali > Estonja

L-aħħar aġġornament: 04-07-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Ordni Legali - Estonja

L-ordni legali fl-Estonja hija bbażata fuq id-dritt statutorju. L-awtorità ta’ l-istat għandha titħaddem biss bis-saħħa tal-Kostituzzjoni u l-liġijiet, li huma konformi magħha. Il-prinċipji rrikonoxxuti ġeneralment u r-regoli tal-liġi internazzjonali jagħmlu parti sħiħa mis-sistema legali ta’ l-Estonja. Il-poter leġiżlattiv jinstab fir-Riigikogu (il-Parlament).

Is-sorsi tal-liġi huma l-atti legali, id-digrieti u r-regolamenti ta’ l-Estonja, iżda wkoll it-trattati internazzjonali. Id-deċiżjonijiet tal-qorti ma joħolqux drittijiet, u d-deċiżjonijiet tal-qrati ta’ istanzi ogħla ġeneralment ma jorbtux lill-qrati inferjuri. Fl-istess ħin, il-Qorti Suprema (jiġifieri, l-ogħla qorti, li hija wkoll il-qorti tar-reviżjoni kostituzzjonali) hija intitolata li tiddikjara invalidi dawk l-att leġiżlattivi li ma jkunux konformi mal-kostituzzjoni jew mal-leġiżlazzjoni b’awtorità ogħla. Il-qrati kollha jistgħu jżommu lura milli japplikaw att bħal dan biex jirriżolvu kawża konkreta u jiddikjarawh mhux kostituzzjonali (iżda mhux invalidu).

Il-liġi hija att legali ta’ l-ogħla qawwa legali, mgħoddija mir-Riigikogu jew b’referendum. Il-liġijiet għandhom jgħaddu skond il-Kostituzzjoni. Il-liġijiet għandhom jiġu ppubblikati bil-mod preskritt fil-ġurnal uffiċjali „Riigi Teataja“. Il-liġijiet biss li jiġu ppubblikati għandhom is-setgħa li jidħlu fis-seħħ. Liġi tidħol fis-seħħ fl-għaxar jum wara li tiġi ppubblikata fir-Riigi Teataja, sakemm il-liġi nnifisha ma tipprovdix mod ieħor.

Dawn li ġejjin għandhom id-dritt li jagħtu bidu għall-proċess biex tgħaddi liġi:

  • membru tar-Riigikogu;
  • partit tar-Riigikogu;
  • kumitat tar-Riigikogu;
  • Il-Gvern tar-Repubblika;
  • il-President tar-Repubblika, fil-każ ta’ emenda għall-Kostituzzjoni.

Ir-Riigikogu għandu d-dritt, fuq il-bażi ta’ riżoluzzjoni mgħoddija mill-maġġoranza tal-membri, li jipproponi lill-Gvern tar-Repubblika biex jagħti bidu għal abbozz ta’ liġi mixtieqa mir-Riigikogu.

Il-leġiżlazzjoni tar-Riigikogu għandha tgħaddi b’maġġoranza ta’ voti favur, sakemm il-Kostituzzjoni ma tipprovdix mod ieħor. Madankollu, il-liġijiet li ġejjin jistgħu jgħaddu u jiġu emendati biss b’maġġoranza tal-membri tar-Riigikogu:

  • l-Att dwar iċ-Ċittadinanza;
  • l-Att dwar l-Elezzjoni għar-Riigikogu;
  • l-Att dwar l-Elezzjoni tal-President tar-Repubblika;
  • l-Att dwar l-Elezzjoni tal-Gvern Lokali;
  • l-Att dwar ir-Referendum;
  • l-Att dwar il-Poċedura tar-Riigikogu u l-Att dwar l-Amministrazzjoni ;
  • l-Att dwar ir-Remunerazzjoni tal-President tar-Repubblika u l-Membri tar-Riigikogu;
  • l-Att dwar il-Gvern tar-Repubblika;
  • L-Att dwar il-Bidu ta’ Proċedimenti bil-Qorti kontra l-President u l-Membri tal-Gvern;
  • l-Att dwar l-Awtonomija Kulturali tal-Minoritajiet Nazzjonali;
  • l-Att dwar il-Baġit ta’ l-Istat ;
  • l-Att dwar il-Bank ta’ l-Estonja;
  • l-Att dwar l-Uffiċċju ta’ l-Awditur ta’ l-Istat;
  • l-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Qrati u l-Atti dwar il-Poċeduri tal-Qorti;
  • l-Atti li għandhom x’jaqsmu mas-self barrani u domestiku, u ma’ l-obbligi ta’ proprjetà ta’ l-istat;
  • l-Att dwar l-Istat ta’ Emerġenza;
  • l-Att dwar id-Difiża Nazjonali fi Żmien ta’ Paċi u l-Att dwar id-Difiża Nazzjonali fi Żmien ta’ Gwerra.

Ir-Riigikogu għandu d-dritt li jippreżenta abbozz jew kwistjoni oħra nazzjonali għal referendum. Id-deċiżjoni tal-poplu għandha tittieħed skond kif tivvota l-maġġoranza tal-parteċipanti fil-votazzjoni. Liġi li tgħaddi b’referedum għandha tiġi pproklamata minnufih mill-President tar-Repubblika. Id-deċiżjoni meħuda f’referendum għandha torbot lill-istituzzjonijiet kollha ta’ l-istat. Jekk abbozz li jiġi ppreżentat għal referendum ma jġibx il-maġġoranza tal-voti favur, il-President tar-Repubblika għandu jiddikjara ż-żamma ta’ elezzjonijiet straordinarji lir-Riigikogu. Il-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-baġit, it-tassazzjoni, l-obbligi finanzjarji ta’ l-istat, ir-ratifika u r-rifjut tat-trattati internazzjonali, id-dikjarazzjoni jew it-tmiem ta’ stat ta’ emerġenza jew ta’ difiża nazzjonali ma għandhomx jiġu deċiżi b’referendum.

FuqFuq

Il-liġijiet għandhom jiġu pproklamati mill-President tar-Repubblika. Il-President tar-Repubblika jista’ jirrifjuta li jipproklama liġi mgħoddija mir-Riigikogu u, fi żmien erbatax-il ġurnata wara li jirċevieha, jibgħat lura l-liġi, flimkien mas-soluzzjoni rraġunata, lir-Riigikogu sabiex terġa’ tiġi diskussa u deċiża mill-ġdid. Jekk ir-Riigikogu jerġa’ jgħaddi l-liġi, li jkun bagħat lura l-President tar-Repubblika, mingħajr tibdil, il-President tar-Repubblika għandu jipproklama l-liġi jew inkella għandu jipproponi lill-Qorti Suprema biex tiddikjara l-liġi mhix kostituzzjonali. Jekk il-Qorti Suprema tiddikjara l-liġi kostituzzjonali, il-President tar-Repubblika għandu jipproklama l-liġi.

Digriet huwa att legali b’qawwa legali, ipproklamat mill-President tar-Repubblika. Taħt il-Kostituzzjoni il-President huwa intitolat li jipproklama :

  • digrieti speċjali fil-każijiet li r-Riigikogu ma jkunx jista’ jiltaqa’ u jidher biċ-ċar li jkun hemm ħtiġiet nazzjonali urġenti;
  • l-hekk imsejħa digrieti ta’ emerġenza, meta jidher biċ-ċar li jkun hemm ħtiġiet nazzjonali urġenti f’sitwazzjoni ta’ emerġenza ddikjarata mill-Gvern tar-Repubblika, meta r-Riigikogu ma jkunx jista’ jew ma jkollux iż-żmien biex jiltaqa’. 

Id-digrieti jiġu kontrofirmati mill-Ispiker tar-Riigikogu u l-Prim Minsitru. Id-digriet tal-President tar-Repubblika jidħol fis-seħħ fl-għaxar jum wara li jiġi ppubblikat fir-Riigi Teataja (Gazzetta ta’ l-Istat), jekk id-digriet innifsu ma jipprovdix mod ieħor. Meta jiltaqa’ r-Riigikogu, il-President tar-Repubblika għandu jippreżenta d-digrieti lir-Riigikogu, li għandu minnufih jgħaddi liġi għall-konferma jew ir-revoka tagħhom.

Il-Kostituzzjoni, il-liġijiet, li jistgħu jgħaddu jew jiġu emendati biss permezz tal-vot tal-maġġoranza tar-Riigikogu, il-liġijiet li jistabbilixxu t-taxxi statali u l-baġit statali, ma jiġux ippromulgati, emendati jew irrevokati b’digriet tal-President tar-Repubblika.

Ir-Regolamenti huma s-sorsi tal-liġi, adottati taħt il-liġijiet biex jiġu eżegwiti mill-Gvern u l-Minsitri. Il-Gvern u l-Ministri huma intitolati li jadottaw regolamenti intra legem. Ir-regolamenti tal-Gvern u tal-Ministru jidħlu fis-seħħ fit-tielet jum wara li jiġu ppubblikati fir-Riigi Teataja (Gazzetta ta’ l-Istat), jekk ir-regolament innifsu ma jipprovdix mod ieħor. Il-kunsilli tal-gvernijiet lokali wkoll huma intitolati li joħorġu regolamenti għall-organizzazzjoni ta’ kwistjonijiet lokali jew fil-każijiet stipulati bil-liġi. Ir-regolamenti ma humiex f’relazzjonijiet ġerarkiċi.

Taħt il-Kostituzzjoni, Trattat internazzjonali jitqies ogħla mil-liġijiet nazzjonali. Jekk ikun hemm kunflitt bejn il-liġijiet jew il-leġiżlazzjoni l-oħra ta’ l-Estonja u t-trattati internazzjonali rratifikati mir-Riigikogu, id-dispożizzjonijiet tat-trattat internazzjonali għandhom japplikaw.

Ir-Repubblika ta’ l-Estonja ma għandhiex tidħol fi trattati internazzjonali li jiġu f’kunflitt mal-Kostituzzjoni. Il-ftehim internazzjonali jidħol fis-seħħ bis-saħħa tal-proċedura pprovduta fil-ftehim.

L-applikazzjoni tal-liġi barranija hija rregolata bl-Att dwar il-Liġi Internazzjonali Privata English

Jekk skond xi Att, ftehim internazzjonali jew tranżazzjoni, liġi barranija tkun trid tiġi applikata, il-qorti għandha tapplika din il-liġi irrispettivament minn jekk ikunx intalab li tiġi applikata l-liġi. Liġi barranija għandha tapplika bis-saħħa ta’ l-interpretazzjoni u l-prattika ta’ l-applikazzjoni tal-liġi applikabbli fl-istat li jikkorrespondi. Liġi barranija ma għandhiex tapplika jekk dan jirriżulta f’kunflitt ċar mal-prinċipji bażiċi tal-liġi ta’ l-Estonja (il-politika pubblika). F’dan il-każ tapplika l-liġi ta’ l-estonja.

Links utli

  • Il-Kostituzzjoni (bl-Ingliż) English ta’ l-Estonja
  • ERIIK eesti keel - English

« Ordni Legali - Informazzjoni Ġenerali | Estonja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 04-07-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit